Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landesgericht für Zivilrechtssachen Graz (l-Awstrija) fl-4 ta’ Marzu 2019 – NK vs MS u AS

(Kawża C-208/19)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Landesgericht für Zivilrechtssachen Graz

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: NK

Konvenuti: MS, AS

Domandi preliminari

Kuntratt bejn perit u konsumatur, li jgħid li l-perit għandu jwettaq (biss) l-ippjanar ta’ dar individwali (detached) ġdida li għandha tinbena, b’mod partikolari billi jfassal il-pjanti, huwa kuntratt “għall-kostruzzjoni ta’ bini ġdid” fis-sens tal-Artikolu 3(3)(f) tad-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 1 ?

F’każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda:

Kuntratt bejn perit u konsumatur, li jgħid li l-perit jintrabat li jwettaq, skont ir-rekwiżiti u x-xewqat tal-mandanti tiegħu, l-ippjanar ta’ dar individwali (detached) ġdida li għandha tinbena u, f’dan il-kuntest, għandu jfassal il-pjanti, huwa kuntratt għall-provvista ta’ “oġġetti li saru għall-ispeċifikazzjonijiet tal-konsumatur jew personalizzati b’mod ċar” fis-sens tal-Artikolu 16(c) u tal-Artikolu 2(3) u (4) tad-Direttiva 2011/83/UE?

____________

1     ĠU 2011, L 304, p. 64.