SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

22 ta’ Mejju 2019 (*)

“Is-Seba’ Programm Kwadru għall-attivitajiet ta’ riċerka, ta’ żvilupp teknoloġiku u ta’ dimostrazzjoni – Rakkomandazzjoni 2003/361/KE – Deċiżjoni tal-Bord ta’ Validazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-klassifikazzjoni ta’ impriżi mikro, żgħar u medji – Talba għal reviżjoni skont il-punti 1.2.6 u 1.2.7 tal-anness tad-Deċiżjoni 2012/838/UE, Euratom – Assenza ta’ azzjoni amministrattiva fis-sens tal-Artikolu 22 tar-Regolament (KE) Nru 58/2003 – Drittijiet tad-difiża – Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba – Ċertezza legali – Aspettattivi leġittimi – Awtorità ta’ res judicata – Kriterji ta’ definizzjoni tal-impriżi mikro, żgħar u medji fil-politiki tal-Unjoni – Kunċett ta’ “impriża” – Kunċett ta’ “attività ekonomika” – Kriterju ta’ indipendenza – Obbligu ta’ motivazzjoni”

Fil-Kawża T‑604/15,

European Road Transport Telematics Implementation Coordination Organisation – Intelligent Transport Systems & Services Europe (Ertico – ITS Europe), stabbilita fi Brussell (il-Belġju), irrappreżentata minn M. Wellinger u K. T’Syen, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn R. Lyal u M. Clausen, sussegwentement minn M. Lyal u A. Kyratsou, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-deċiżjoni tat‑18 ta’ Awwissu 2015 tal-Bord ta’ Validazzjoni previst mill-punt 1.2.7 tal-anness tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/838/UE, Euratom tat‑18 ta’ Diċembru 2012 dwar l-adozzjoni tar-Regoli biex tiġi żgurata verifika konsistenti tal-eżistenza u tal-istatus ġuridiku tal-parteċipanti, kif ukoll tal-kapaċitajiet operazzjonali u finanzjarji tagħhom, f’azzjonijiet indiretti appoġġjati permezz ta’ forma ta’ għotja skont is-Seba’ Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u attivitajiet ta’ dimostrazzjoni u taħt is-Seba’ Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika għar-riċerka nukleari u l-attivitajiet ta’ taħriġ (ĠU 2012, L 359, p. 45), sa fejn din id-deċiżjoni tikkonkludi li r-rikorrenti ma tistax tiġi kklassifikata bħala impriża mikro, żgħira jew medja fis-sens tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas‑6 ta’ Mejju 2003 dwar id-definizzjoni ta’ impriżi mikro, żgħar u medji (ĠU 2003, L 124, p. 36),

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

komposta minn H. Kanninen, President, L. Calvo-Sotelo Ibáñez-Martín u I. Reine (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: C. Heeren, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑4 ta’ Ottubru 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, European Road Transport Telematics Implementation Coordination Organizzazzjoni – Intelligent Transport Systems & Services Europe (Ertico – ITS Europe), stabbilita fl-1991, hija kumpannija kooperattiva b’responsabbiltà limitata rregolata mid-dritt Belġjan. Hija tipprovdi pjattaforma multisettorjali għall-atturi, kemm privati kif ukoll pubbliċi, tas-settur tas-sistemi u tas-servizzi ta’ trasport intelliġenti. Skont l-istatuti tagħha, hija għandha l-għan li tiffavorixxi, tippromwovi u tgħin fil-koordinazzjoni tal-implimentazzjoni ta’ sistemi telematiċi avvanzati ta’ trasport fl-infrastruttura ta’ trasport fl-Ewropa.

2        Mill-31 ta’ Diċembru 2006, ir-rikorrenti kienet ikkunsidrata li hija impriża mikro, żgħira jew medja (iktar ’il quddiem “IŻM”) fis-sens tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta’ Mejju 2003 dwar id-definizzjoni ta’ impriżi mikro, żgħar u medji (ĠU 2003, L 124, p. 36). Dan l-istatus ippermettielha tibbenefika, matul diversi snin, minn sussidji addizzjonali min-naħa tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari fil-kuntest tas-Seba’ Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u attivitajiet ta’ dimostrazzjoni (2007 - 2013) (iktar ’il quddiem il-“FP7”).

3        F’Diċembru 2013, fil-kuntest ta’ reviżjoni tal-istatus ta’ IŻM tal-parteċipanti fil-programmi ta’ riċerka eżistenti, l-Aġenzija Eżekuttiva għar-Riċerka (REA), bħala servizz ta’ validazzjoni tal-istatus ta’ IŻM tal-parteċipanti, talbet lir-rikorrenti informazzjoni li tippermetti li jiġi ġġustifikat li hija tkompli tibbenefika mill-istatus ta’ IŻM. Wara skambju ta’ messaġġi elettroniċi, ir-REA ddeċidiet, fis-27 ta’ Jannar 2014, li r-rikorrenti ma setgħetx tiġi kkunsidrata li hija IŻM.

4        Permezz ta’ messaġġ elettroniku tas-7 ta’ Frar 2014, ir-rikorrenti kkontestat il-pożizzjoni tar-REA billi inkludiet żewġ pariri legali mħejjija minn avukati indipendenti esterni.

5        Permezz ta’ messaġġ elettroniku tal-24 ta’ Frar 2014, ir-REA informat lir-rikorrenti li hija setgħet titlob ir-reviżjoni tad-deċiżjoni tas-27 ta’ Jannar 2014 quddiem il-Bord ta’ Validazzjoni skont il-punti 1.2.6 u 1.2.7 tal-anness tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/838/UE, Euratom tat-18 ta’ Diċembru 2012 dwar l-adozzjoni tar-Regoli biex tiġi żgurata verifika konsistenti tal-eżistenza u tal-istatus ġuridiku tal-parteċipanti, kif ukoll tal-kapaċitajiet operazzjonali u finanzjarji tagħhom, f’azzjonijiet indiretti appoġġjati permezz ta’ forma ta’ għotja skont is-Seba’ Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u attivitajiet ta’ dimostrazzjoni u taħt is-Seba’ Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika għar-riċerka nukleari u l-attivitajiet ta’ taħriġ (ĠU 2012, L 359, p. 45), (iktar ’il quddiem il-“Bord ta’ Validazzjoni”).

6        Permezz ta’ messaġġ elettroniku tal-25 ta’ Frar 2014, ir-rikorrenti talbet, lir-REA, ir-reviżjoni tal-każ quddiem il-Bord ta’ Validazzjoni.

7        Fil-15 ta’ April 2014, ir-REA informat lir-rikorrenti dwar id-deċiżjoni tal-Bord ta’ Validazzjoni li tikkonferma d-deċiżjoni tagħha tas-27 ta’ Jannar 2014 (iktar ’il quddiem l-“ewwel deċiżjoni negattiva”).

8        Fit-23 ta’ Ġunju 2014, ir-rikorrenti ppreżentat rikors kontra l-ewwel deciżjoni negattiva quddiem il-Qorti Ġenerali, irreġistrat bin-numru T‑499/14. Dan ir-rikors kien ippreżentat kemm kontra l-Kummissjoni Ewropea kif ukoll kontra l-Bord ta’ Validazzjoni.

9        Fit-18 ta’ Novembru 2014, ir-rikorrenti ġiet informata mir-REA dwar id-deċiżjoni tal-Bord ta’ Validazzjoni li jirtira l-ewwel deċiżjoni negattiva, fl-istennija tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġdida dwar l-istatus tagħha ta’ IŻM. Dan l-irtirar kien iġġustifikat mill-fatt li l-ewwel deċiżjoni negattiva ma kinitx wieġbet b’mod espliċitu għall-argumenti mressqa mir-rikorrenti fil-messaġġ elettroniku tagħha tas-7 ta’ Frar 2014. Wara dan l-irtirar, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li r-rikors fil-Kawża T‑499/14 kien spiċċa mingħajr skop u ddeċidiet, b’digriet tat-30 ta’ April 2015, Ertico – Its Europe vs Il-Kummissjoni (T‑499/14, mhux ippubblikat, EU:T:2015:285), li ma kienx hemm iktar lok li tingħata deċiżjoni fuq dan ir-rikors.

10      Fit-18 ta’ Awwissu 2015, il-Bord ta’ Validazzjoni adotta deċiżjoni ġdida (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), li fiha huwa kkonkluda, fuq il-bażi ta’ argumentazzjoni emendata meta mqabbla ma’ dik li tinsab fl-ewwel deċiżjoni negattiva, li r-rikorrenti ma setgħetx tibbenefika mill-istatus ta’ IŻM.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

11      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-27 ta’ Ottubru 2015, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

12      Il-Kummissjoni ppreżentat ir-risposta fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-5 ta’ Frar 2016.

13      Ir-rikorrenti ppreżentat ir-replika fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-18 ta’ April 2016.

14      Permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ Ġunju 2016 tal-President tal-Qorti Ġenerali, minħabba t-tiġdid parzjali tal-Qorti Ġenerali, din il-kawża ġiet attribwita lil Imħallef Relatur ġdid.

15      Il-Kummissjoni ppreżentat il-kontroreplika fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-15 ta’ Ġunju 2016.

16      Peress li l-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali nbidlet, b’applikazzjoni tal-Artikolu 27(5) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lir-Raba’ Awla, u din il-kawża ġiet, konsegwentement, assenjata lilha.

17      Fit-30 ta’ Novembru 2016 u fil-25 ta’ Lulju 2017, il-Qorti Ġenerali, b’applikazzjoni tal-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, għamlet mistoqsijiet bil-miktub lill-Kummissjoni, bħala miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura. Il-Kummissjoni weġbithom fit-termini imposti.

18      Fis-27 ta’ Jannar 2017, il-Qorti Ġenerali għamlet ukoll mistoqsija bil-miktub lir-rikorrenti bħala miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura. Ir-rikorrenti weġbitha fit-terminu impost.

19      Permezz ta’ deċiżjoni tal-25 ta’ Lulju 2017, il-President tar-Raba’ Awla tal-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura, minkejja l-assenza ta’ talba f’dan is-sens mill-partijiet.

20      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-4 ta’ Ottubru 2017.

21      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

22      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

23      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tmien motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq il-ksur tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 58/2003 tad-19 ta’ Diċembru 2002 li jfassal l-istatut għall-aġenziji eżekuttivi li jridu jiġu fdati b’ċerti kompiti fit-tmexxija tal-programmi tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 235), it-tieni wieħed, fuq il-ksur ta’ dan l-istess Artikolu 22 kif ukoll tad-drittijiet tad-difiża u tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, it-tielet wieħed, fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ amministrazzjoni tajba, ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u tal-awtorità ta’ res judicata, ir-raba’ wieħed, fuq il-ksur tar-Rakkomandazzjoni 2003/361, il-ħames wieħed, fuq il-ksur tar-Rakkomandazzjoni 2003/361 u tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ amministrazzjoni tajba, inkluż ir-rekwiżit ta’ imparzjalità, is-sitt wieħed, fuq l-applikazzjoni żbaljata tar-Rakkomandazzjoni 2003/361, is-seba’ wieħed, fuq il-ksur tal-prinċipju tat-trattament l-iktar favorevoli u, it-tmien wieħed, fuq il-motivazzjoni kontradittorja u insuffiċjenti tad-deċiżjoni kkontestata.

24      Għandu jiġi osservat li, permezz tal-ewwel kap tat-talbiet tagħha, il-Kummissjoni titlob l-inammissibbiltà tar-rikors. Jirriżulta madankollu mir-risposta li dan l-ewwel kap ta’ talbiet huwa marbut biss mal-evalwazzjoni tal-ewwel motiv ta’ annullament tar-rikorrenti. Għalhekk għandha tittieħed deċiżjoni dwar din il-kwistjoni fil-kuntest tal-analiżi tal-imsemmi motiv.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 58/2003

 L-argumenti tal-partijiet

25      Ir-rikorrenti ssostni li, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 58/2003, li huwa espressament iċċitat fil-punti 1.2.6 u 1.2.7 tal-anness tad-Deċiżjoni 2012/838, il-Kummissjoni kellha terminu ta’ xahrejn, mid-data tal-preżentata tat-talba għal reviżjoni tad-deċiżjoni tas-servizzi ta’ validazzjoni, sabiex tagħti d-deċiżjoni tagħha. Għaldaqstant, fid-dawl tal-fatt li r-rikorrenti kienet ippreżentat it-talba tagħha għal reviżjoni mill-Bord ta’ Validazzjoni fil-25 ta’ Frar 2014, il-Kummissjoni kellha, fl-opinjoni tagħha, tieħu d-deċiżjoni tagħha sa mhux iktar tard mill-25 ta’ April 2014. Issa, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata iktar minn sena wara din id-data, bi ksur tal-imsemmi terminu. Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ risposta tal-Kummissjoni fit-terminu impost ta’ xahrejn ma jimplikax deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda tat-talba tar-rikorrenti, sa fejn, fil-15 ta’ April 2014, il-Bord ta’ Validazzjoni adotta l-ewwel deciżjoni negattiva, li sussegewntement ġiet irtirata.

26      Ir-rikorrenti tindika li l-punti 1.2.6 u 1.2.7 tal-anness tad-Deciżjoni 2012/838 u l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 58/2003 jikkonċernaw l-istess proċedura unika ta’ stħarriġ. Barra minn hekk, fil-messaġġ elettroniku tagħha tal-24 ta’ Frar 2014, ir-REA semmiet biss ir-rikors previst mill-punti 1.2.6 u 1.2.7 tal-anness tad-Deciżjoni 2012/838, bl-esklużjoni ta’ dak indikat fl-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 58/2003, b’tali mod li ġie kkunsidrat li ma humiex rikorsi distinti.

27      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

28      Sabiex jiġi eżaminat il-ksur allegat tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 58/2003, għandu jiġi vverifikat, qabelxejn, jekk din id-dispożizzjoni hijiex applikabbli f’dan il-każ, li l-Kummissjoni tikkontesta. Dan jimplika li għandu jiġi eżaminat jekk il-punti 1.2.6 u 1.2.7 tal-anness tad-Deċiżjoni 2012/838 u l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 58/2003 jikkonċernawx l-istess proċedura unika ta’ stħarriġ, kif issostni r-rikorrenti. Jekk dan ma jkunx il-każ, għandu jiġi ddeterminat jekk it-talba għal reviżjoni tar-rikorrenti quddiem il-Bord ta’ Validazzjoni kinitx fil-fatt taqa’ taħt il-proċedura prevista fl-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 58/2003.

29      F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, huwa minnu li l-punt 1.2.6(2) tal-anness tad-Deċiżjoni 2012/838 jinkludi nota ta’ qiegħ il-paġna li tindika li, b’applikazzjoni tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 58/2003, l-atti ta’ aġenzija eżekuttiva jistgħu jiġu ppreżentati quddiem il-Kummissjoni għal stħarriġ tal-legalità tagħhom. Madankollu, dan is-sempliċi riferiment għall-imsemmi rikors ma jistax jiġi interpretat, fih innifsu u fin-nuqqas ta’ speċifikazzjoni f’dan is-sens, bħala indikazzjoni li r-rikorsi previsti, rispettivament, fil-punti 1.2.6 u 1.2.7 tal-anness tad-Deċiżjoni 2012/838 u fl-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 58/2003 jikkoinċidu u jikkostitwixxu rimedju ġudizzjarju uniku.

30      Għall-kuntrarju, mill-formulazzjoni kif ukoll mill-kuntest tal-punti 1.2.6 u 1.2.7 tal-anness tad-Deċiżjoni 2012/838, minn naħa, u mill-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 58/2003, min-naħa l-oħra, jirriżulta li dawn id-dispożizzjonijiet jirrigwardaw rikorsi distinti. Fil-fatt, dawn iż-żewġ rikorsi huma distinti kemm fir-rigward tal-proċeduri rispettivi tagħhom kif ukoll fir-rigward tan-natura tagħhom. Għalhekk, ir-rikors previst fl-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 58/2003 għandu jiġi ppreżentat quddiem il-Kummissjoni. Dan huwa rregolat permezz ta’ termini stretti u jinvolvi eżami limitat tal-legalità tal-att ippreżentat mingħajr ma l-Kummissjoni tista’ temendah hija stess. Għall-kuntrarju, it-talbiet għal reviżjoni quddiem il-Bord ta’ Validazzjoni għandhom jiġu ppreżentati, mingħajr ebda formalità, quddiem is-servizzi ta’ validazzjoni, f’dan il-każ ir-REA, li għandha personalità ġuridika distinta mill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 58/2003. Barra minn hekk, l-ebda terminu ma huwa previst fil-kuntest ta’ dan ir-rikors. Fl-aħħar nett, id-deċiżjoni tal-Bord ta’ Validazzjoni tirrigwarda reviżjoni sħiħa tad-deċiżjoni li titressaq quddiemu, kemm tad-dritt kif ukoll tal-fatti.

31      Minn dan jirriżulta li ż-żewġ rimedji ġudizzjarji huma distinti.

32      Għalhekk, fid-dawl tan-natura distinta tar-rikorsi previsti fil-punti 1.2.6 u 1.2.7 tal-anness tad-Deċiżjoni 2012/838, minn naħa, u fl-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 58/2003, min-naħa l-oħra, għandu jiġi eżaminat, fit-tieni lok, jekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi konkreti tal-każ, ir-rikorrenti effettivament ippreżentatx it-talba tagħha għal reviżjoni fil-kuntest tal-proċedura tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 58/2003 u jekk, konsegwentement, l-argumenti tagħha bbażati fuq id-dewmien fl-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata jistgħux jintlaqgħu.

33      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li, kif indikat fil-punt 6 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti talbet ir-reviżjoni tal-każ tagħha mill-Bord ta’ Validazzjoni permezz ta’ messaġġ elettroniku tal-25 ta’ Frar 2014. Din it-talba tressqet quddiem ir-REA, skont il-punt 1.2.6.(2) tal-anness tad-Deciżjoni 2012/838, u mhux quddiem il-Kummissjoni.

34      Issa, kif huwa indikat fil-punt 30 iktar ’il fuq, it-talbiet għal stħarriġ ta’ legalità msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 58/2003 għandhom jitressqu quddiem il-Kummissjoni, u mhux quddiem ir-REA. Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li t-talba għal reviżjoni tar-rikorrenti ma tressqitx skont din l-aħħar dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas-27 ta’ Marzu 2017, Frank vs Il-Kummissjoni, T‑603/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:228, punti 56 u 57), iżda skont il-punt 1.2.6(2) tal-anness tad-Deċiżjoni 2012/838.

35      It-tieni nett, skont il-proċedura prevista fil-punt 1.2.6(3) tal-anness tad-Deċiżjoni 2012/838, is-servizzi ta’ validazzjoni għandhom jikkonfermaw li rċevew t-talba għal reviżjoni mill-Bord ta’ Validazzjoni. F’dan il-każ, mill-proċess jirriżulta li, fit-8 ta’ Marzu 2014, ir-REA, li kienet is-servizz ta’ validazzjoni f’dan il-każ, irrikonoxxiet li rċiviet it-talba għal reviżjoni tar-rikorrenti u informatha dwar il-fatt li l-fajl tagħha kien intbagħat lill-Bord ta’ Validazzjoni konformement mad-Deċiżjoni 2012/838, filwaqt li għamlet riferiment għall-punt 1.2.7 tal-anness tagħha. Ma sar l-ebda riferiment għall-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 58/2003. Barra minn hekk, fl-istess messaġġ elettroniku, ir-REA indikat li l-proċedura quddiem il-Bord ta’ Validazzjoni ma kinitx tipprevedi l-intervent tar-rikorrenti, li kienet konformi mar-rekwiżiti tal-punti 1.2.6 u 1.2.7 tal-anness tad-Deċiżjoni 2012/838. Għall-kuntrarju, kif issostni, barra minn hekk, ir-rikorrenti, l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 58/2003 kien jeżiġi li l-parti kkonċernata tinstema’ qabel ma tittieħed kwalunkwe deċiżjoni. Issa, ir-rikorrenti ma għamlet l-ebda lment quddiem ir-REA sabiex tinvoka l-ksur ta’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar.

36      Għalkemm ir-rikorrenti kienet ġiet persważa li r-rikors tagħha kien ġie ppreżentat skont l-Artikolu 22(3) tar-Regolament Nru 58/2003, il-fatti tal-każ kellhom iwassluha tistaqsi, saħansitra tikseb informazzjoni, dwar ir-raġunijiet li wasslu għal tali klassifikazzjoni mill-ġdid, kif ukoll dwar il-ġestjoni tat-talba tagħha mir-REA u mhux mill-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas-27 ta’ Marzu 2017, Frank vs Il-Kummissjoni, T‑603/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:228, punti 58 u 59). Konsegwentement, ir-rikorrenti ma tistax issostni li l-kuntest fattwali kien jiġġustifika li hija setgħet, mingħajr traskuraġni jew negliġenza min-naħa tagħha, titfixkel mill-fatt li l-Kummissjoni ma kinitx iddeċidiet dwar it-talba tagħha skont l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 58/2003 (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas-27 ta’ Marzu 2017, Frank vs Il-Kummissjoni, T‑603/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:228, punt 60).

37      It-tielet nett, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord ta’ Validazzjoni wettaq reviżjoni sħiħa, fuq il-mertu, tad-deċiżjoni tar-REA tas-27 ta’ Jannar 2014. Dan l-approċċ huwa konformi mal-punt 1.2.7 tal-anness tad-Deċiżjoni 2012/838, li jipprevedi li l-Bord ta’ Validazzjoni għandu jeżamina u jiddeċiedi dwar il-każijiet ta’ validazzjoni li jiġu ppreżentati quddiemu. Għall-kuntrarju, kif indikat fil-punt 30 iktar ’il fuq, skont l-Artikolu 22(3) tar-Regolament Nru 58/2003, il-Kummissjoni tista’ biss “tikkonferma l-att ta’ l-aġenzija eżekuttiva jew tiddeċiedi li l-aġenzija trid timmodifikah kollu jew parti minnu” mingħajr ma tista’ tbiddlu hija stess.

38      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-talba għal reviżjoni tar-rikorrenti tressqet skont il-punti 1.2.6 u 1.2.7 tal-anness tad-Deċiżjoni 2012/838 u kienet irregolata minn dawn id-dispożizzjonijiet.

39      Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tistax tibbaża ruħha fuq il-fatt li, fil-messaġġ elettroniku tagħha tal-24 ta’ Frar 2014, ir-REA kienet naqset milli ssemmi l-possibbiltà li tippreżenta r-rikors previst mill-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 58/2003, filwaqt li hija kienet tkun obbligata ssemmiha li kieku dan ir-rikors tal-aħħar kien distint mill-proċedura ta’ reviżjoni quddiem il-Bord ta’ Validazzjoni.

40      F’dan ir-rigward, anki jekk jiġi preżunt li r-REA kienet obbligata tindika r-rimedji ġudizzjarji disponibbli, għandu jiġi kkonstatat li, fl-imsemmi messaġġ elettroniku tal-24 ta’ Frar 2014, ir-REA indikat lir-rikorrenti li l-punti 1.2.6 u 1.2.7 tal-anness tad-Deċiżjoni 2012/838 kienu applikabbli u li, konformement ma’ dawn id-dispożizzjonijiet, jekk ir-rikorrenti xtaqet ir-reviżjoni tal-pożizzjoni tar-REA, hija kellha tibgħat il-fajl lill-Bord ta’ Validazzjoni.

41      Issa, dan ir-rimedju ġudizzjarju jippermetti lir-rikorrenti tikseb reviżjoni sħiħa tad-deċiżjoni li ntbagħtet lill-Bord ta’ Validazzjoni, kemm fuq punti ta’ fatt u fuq punti ta’ liġi, u ma huwiex limitat għal stħarriġ tal-legalità.

42      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 58/2003 ma huwiex applikabbli f’dan il-każ. Għaldaqstant, l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq il-ksur, min-naħa tal-Kummissjoni, tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tal-imsemmi regolament għandhom jiġu miċħuda, mingħajr ma huwa neċessarju li tingħata deċiżjoni fuq l-inammissibbiltà tar-rikors, invokat mill-Kummissjoni fil-każ ta’ eventwali applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni. Għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 58/2003, tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti u tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba

 L-argumenti tal-partijiet

43      Ir-rikorrenti ssostni li hija ma nstemgħetx mill-Bord ta’ Validazzjoni qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, u lanqas, barra minn hekk, qabel l-adozzjoni tal-ewwel deċiżjoni negattiva, li ġiet irtirata, filwaqt li dan il-bord kien obbligat jismagħha skont l-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 58/2003. Fl-opinjoni tagħha, din l-irregolarità hija iktar u iktar inaċċettabbli peress li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq argumenti kompletament ġodda meta mqabbla ma’ dawk invokati fl-ewwel deċiżjoni negattiva, kif ukoll fid-deċiżjoni negattiva tar-REA tas-27 ta’ Jannar 2014. B’mod partikolari, il-kwistjoni dwar jekk ir-rikorrenti hijiex IŻM ġenwina u indipendenti ma ssemmietx fl-ewwel deċiżjoni negattiva tal-Bord ta’ Validazzjoni.

44      Konsegwentement, skont ir-rikorrenti, il-Bord ta’ Validazzjoni kiser id-drittijiet tad-difiża tiegħu kif ukoll il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba. Ir-rikorrenti żżid li l-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża huwa prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, li għandu jiġi żgurat f’kull proċedura miftuħa kontra persuna u li tista’ twassal għal att li jikkawżalha preġudizzju, anki fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni speċifika.

45      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

46      Għandu jitfakkar, qabelxejn, li, skont ġurisprudenza stabbilita, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża, f’kull proċedura miftuħa fir-rigward ta’ persuna u li tista’ twassal għal att li jikkawża preġudizzju lil din tal-aħħar, jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni u għandu jkun żgurat, anki fl-assenza ta’ kwalunkwe regoli dwar il-proċedura inkwistjoni. Dan il-prinċipju jeżiġi li d-destinatarji ta’ deċiżjonijiet li jaffettwaw b’mod sinjifikattiv l-interessi tagħhom għandhom jitqiegħdu f’pożizzjoni li jesponu l-opinjoni tagħhom b’mod effettiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Ġunju 2006, Dokter et, C‑28/05, EU:C:2006:408, punt 74 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tad-9 ta’ April 2003, Forum des migrants vs Il-Kummissjoni, T‑217/01, EU:T:2003:106, punt 56). Madankollu, tali obbligu ma huwiex impost fil-każ ta’ sempliċi formulazzjoni mill-ġdid, titjib jew żvilupp ta’ element diġà avvanzat li fuqu d-destinatarju tad-deċiżjoni inkwistjoni diġà seta’ jesprimi b’mod effettiv l-opinjoni tiegħu (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat-30 ta’ Settembru 2003, Atlantic Container Line et vs Il-Kummissjoni, T‑191/98 u T‑212/98 sa T‑214/98, EU:T:2003:245, punt 194).

47      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li d-dritt għal smigħ f’kull proċedura huwa stabbilit mhux biss permezz tal-Artikoli 47 u 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li jiggarantixxu r-rispett tad-drittijiet tad-difiża kif ukoll id-dritt għal smigħ xieraq fil-kuntest ta’ kull proċedura ġudizzjarja, iżda wkoll permezz tal-Artikolu 41 tagħha, li jiżgura d-dritt għal amministrazzjoni tajba. L-Artikolu 41(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jipprevedi li dan id-dritt għal amministrazzjoni tajba jinkludi, b’mod partikolari, id-dritt ta’ kull persuna għal smigħ qabel ma tittieħed kontriha miżura individwali li taffettwaha b’mod sfavorevoli (sentenzi tat-3 ta’ Lulju 2014, Kamino International Logistics u Datema Hellmann Worldwide Logistics, C‑129/13 u C‑130/13, EU:C:2014:2041, punt 29 u tal-15 ta’ Diċembru 2016, Spanja vs Il-Kummissjoni, T‑466/14, EU:T:2016:742, punt 40).

48      Fl-aħħar nett, sabiex ksur tad-drittijiet tad-difiża jista’ jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, hemm bżonn li, fl-assenza ta’ din l-irregolarità, il-proċedura setgħet twassal għal riżultat differenti. L-oneru tal-prova f’dan ir-rigward jaqa’ fuq ir-rikorrent, peress li kull ksur tad-drittijiet tad-difiża jikkostitwixxi difett formali li jeżiġi li jiġi invokat, mill-parti interessata, l-effett negattiv partikolari ta’ dan il-ksur fuq id-drittijiet suġġettivi tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Settembru 2009, Italja vs Il-Kummissjoni, T‑211/05, EU:T:2009:304, punti 45 u 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandu jiġi eżaminat it-tieni motiv invokat fil-kuntest ta’ dan ir-rikors.

50      Qabel kollox, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet relatati mal-ewwel motiv u tan-nuqqas ta’ applikabbiltà tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 58/2003, ikkonstatat fil-punt 42 iktar ’il fuq, għandhom jiġu miċħuda l-argumenti tar-rikorrenti dwar il-ksur ta’ din id-dispożizzjoni peress li ma nstemgħetx mill-Bord ta’ Validazzjoni qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

51      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-punti 1.2.6 u 1.2.7 tal-anness tad-Deċiżjoni 2012/838, applikabbli f’dan il-każ, ma jipprevedu l-ebda dritt għal persuni kkonċernati li jinstemgħu mill-Bord ta’ Validazzjoni.

52      Madankollu, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 46 u 47 iktar ’il fuq, l-obbligu li jiġu rrispettati d-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti kif ukoll il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba japplikaw anki fl-assenza ta’ dispożizzjoni speċifika f’dan is-sens. Minn dan isegwi li r-rikorrenti kellha titqiegħed f’pożizzjoni li tesprimi l-opinjoni tagħha qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, minkejja l-fatt li tali dritt ma kienx espressament irriżervat għaliha skont il-punti 1.2.6 u 1.2.7 tal-anness tad-Deċiżjoni 2012/838. Issa, ma huwiex ikkontestat bejn il-partijiet li r-rikorrenti ma nstemgħetx iktar mir-REA jew mill-Bord ta’ Validazzjoni, wara li l-fajl tagħha ntbagħat lil dan tal-aħħar.

53      Għandu għalhekk jiġi vverifikat jekk, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 46 iktar ’il fuq, id-deċiżjoni kkontestata hijiex ibbażata fuq elementi ġodda, li fuqhom ir-rikorrenti ma setgħetx tieħu pożizzjoni b’mod utli matul il-proċedura quddiem ir-REA.

54      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq żewġ motivi.

55      F’dak li jirrigwarda l-ewwel motiv, mill-punt 2.2 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, skont il-Bord ta’ Validazzjoni, ir-rikorrenti ma kinitx involuta f’attività ekonomika regolari għal remunerazzjoni f’suq partikolari. Konsegwentement, ġie konkluż li hija ma kinitx impriża fis-sens tal-Artikolu 1 tal-anness tar-Rakkomandazzjoni 2003/361.

56      Fir-rigward tat-tieni motiv, fil-punt 2.3 tad-deċiżjoni kkontestata, huwa indikat li, minkejja li l-ebda wieħed mill-membri tar-rikorrenti ma kellha 25 % jew iktar tal-kapital jew tad-drittijiet tal-vot tagħha, u li għalhekk hija kienet tissodisfa b’mod formali l-kriterju ta’ indipendenza previst mir-Rakkomandazzjoni 2003/361, minn perspettiva ekonomika, ir-rikorrenti ma kinitx tissodisfa dawn il-kriterji peress li hija kienet tappartjeni de facto għal grupp kbir ekonomiku. Konsegwentement, hija ma għandhiex l-iżvantaġġi li normalment jiffaċċjaw l-IŻM.

57      Issa, fir-rigward tal-ewwel motiv tad-deċiżjoni kkontestata, matul il-proċedura quddiem ir-REA, din tal-aħħar talbet lir-rikorrenti, fil-messaġġ elettroniku tagħha tat-13 ta’ Diċembru 2013, tispeċifika l-attivitajiet li kienu jiġġeneraw id-dħul mill-bejgħ tagħha u, b’mod partikolari, jekk dan id-dħul mill-bejgħ kienx jirriżulta mill-provvista ta’ servizzi jew mill-provvista ta’ oġġetti f’suq kompetittiv. Ir-REA staqsiet ukoll lir-rikorrenti dwar it-tqassim tad-dħul li kien ġej b’mod partikolari minn sussidji, minn kontribuzzjonijiet jew minn donazzjonijiet. Għandu jiġi rrilevat li dan il-messaġġ elettroniku jippreċedi kemm id-deciżjoni tar-REA tas-27 ta’ Jannar 2014 kif ukoll l-ewwel deċiżjoni negattiva tal-Bord ta’ Validazzjoni u d-deċiżjoni kkontestata.

58      Ir-rikorrenti wieġbet għal-mistoqsijiet tar-REA fil-messaġġ elettroniku tagħha tal‑31 ta’ Diċembru 2013. Huwa wara dawn it-tweġibiet li, fit-3 ta’ Jannar 2014, ir-REA esprimiet dubji dwar ir-rabta ta’ ċertu dħul, invokat mir-rikorrenti, ma’ attività ekonomika għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tar-rikorrenti bħala impriża fis-sens tal-Artikolu 1 tal-anness tar-Rakkomandazzjoni 2003/361. Barra minn hekk, bejn l-20 u l-24 ta’ Jannar 2014, ir-rikorrenti kellha telefonata mar-REA sabiex tiddiskuti dwar dan l-aspett.

59      Fir-rigward tat-tieni motiv tad-deċiżjoni kkontestata, mid-Deċiżjoni tar-REA tas‑27 ta’ Jannar 2014 li l-għan tal-kriterju ta’ indipendenza fir-Rakkomandazzjoni 2003/361 huwa li jiġi żgurat li l-miżuri intiżi għall-IŻM jibbenefikaw lill-impriżi li d-daqs tagħhom jirrappreżenta żvantaġġ għalihom. F’dan ir-rigward, ir-REA kkunsidrat li, peress li d-daqs tar-rikorrenti ma tirrappreżentax diżabbiltà għaliha, hija ma tistax tiġi kklassifikata bħala IŻM ġenwina.

60      Ir-rikorrenti esprimiet ruħha dwar din il-kwistjoni, qabel ma l-fajl tagħha ntbagħat lill-Bord ta’ Validazzjoni, permezz ta’ żewġ pariri legali mfassla minn avukati esterni indipendenti, mehmuża mal-messaġġ elettroniku tagħha tas-7 ta’ Frar 2014, li fihom ġie diskuss dan l-aspett. Jirriżulta wkoll mill-fajl li dawn il-pariri legali, wara li ntbagħtu mir-REA lill-Bord ta’ Validazzjoni, ġew analizzati minn dan tal-aħħar.

61      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-ewwel deċiżjoni negattiva ġiet irtirata minħabba li hija ma kinitx twieġeb b’mod espliċitu għall-argumenti mressqa mir-rikorrenti fil-messaġġ elettroniku tagħha tas-7 ta’ Frar 2014. Għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata kienet intiża preċiżament sabiex teżamina aħjar l-argumenti invokati mir-rikorrenti quddiem ir-REA, inklużi dawk ibbażati fuq il-klassifikazzjoni tar-rikorrenti bħala IŻM ġenwina u indipendenti.

62      Minn dan isegwi li d-deċiżjoni kkontestata tinkludi l-aspetti diskussi matul il-proċedura amministrattiva quddiem ir-REA li matula r-rikorrenti setgħet tieħu pożizzjoni, kif jirriżulta mill-punti 57 sa 60 iktar ’il fuq. L-iskambji rilevanti seħħew ferm qabel ma l-fajl tar-rikorrenti ntbagħat lill-Bord ta’ Validazzjoni. Għalhekk, id-deċiżjoni kkontestata fiha r-risposti għall-argumenti invokati mir-rikorrenti matul il-proċedura amministrattiva u li l-assenza tagħhom fl-ewwel deċiżjoni negattiva kienet immotivat l-irtirar tagħha. Konsegwentement, id-deċiżjoni kkontestata ma hijiex ibbażata fuq elementi ġodda li fir-rigward tagħhom ir-rikorrenti ma kinitx f’pożizzjoni li tesprimi b’mod effettiv il-perspettiva tagħha.

63      Fi kwalunkwe każ, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 48 iktar ’il fuq jirriżulta li, sabiex ksur tad-drittijiet tad-difiża jista’ jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, huwa meħtieġ li, fl-assenza ta’ din l-irregolarità, il-proċedura setgħet twassal għal riżultat differenti, li huwa r-rikorrent li għandu juri. Issa, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tressaq l-ebda argument f’dan is-sens.

64      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża u tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba għandhom jiġu miċħuda.

65      Għaldaqstant it-tielet motiv huwa miċħud.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, kif ukoll tal-prinċipju tal-awtorità ta’ res judicata

 Fuq l-ewwel parti tat-tielet motiv, ibbażata fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi

–       L-argumenti tal-partijiet

66      Ir-rikorrenti ssostni li, bis-sostituzzjoni ta’ motivazzjoni kompletament ġdida għall-motivazzjoni tal-ewwel deċiżjoni negattiva, minkejja li ma kienx hemm fatti ġodda u rilevanti li kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, il-Bord ta’ Validazzjoni kiser il-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. Skont ir-rikorrenti, wara l-irtirar tal-ewwel deċiżjoni negattiva, il-proċedura kellha titkompla mill-istadju preċedenti l-adozzjoni tad-deċiżjoni negattiva tar-REA tas-27 ta’ Jannar 2014.

67      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

68      Il-prinċipju ta’ ċertezza legali, li jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u li għandu bħala korollarju il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettativi leġittimi, jeżiġi li r-regoli tad-dritt ikunu ċari, preċiżi u prevedibbli fl-effetti tagħhom, sabiex il-persuni interessati jkunu jistgħu jidderieġu ruħhom f’sitwazzjonijiet u relazzjonijiet legali li jaqgħu taħt l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (ara s-sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2011, France Télécom vs Il-Kummissjoni, C‑81/10 P, EU:C:2011:811, punt 100 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenzi tat-13 ta’ Ottubru 2016, Prezes Urzędu Komunikacji Elektronicznej u Petrotel, C‑231/15, EU:C:2016:769, punt 29, u tal-15 ta’ Diċembru 2016, Spanja vs Il-Kummissjoni, T‑808/14, mhux ippubblikat, EU:T:2016:734, punt 193).

69      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi huwa wieħed mill-prinċipji fundamentali tal-Unjoni. Id-dritt li persuna tinvoka dan il-prinċipju jestendi għal kull parti f’kawża li fiha istituzzjoni tal-Unjoni tkun nisslet aspettattivi fondati. Tikkostitwixxi garanzija li tista’ toħloq tali aspettattivi, indipendentement mill-forma li fiha tiġi kkomunikata, informazzjoni preċiża, inkundizzjonata, koerenti u li toriġina minn sorsi awtorizzati u affidabbli, ipprovduta lill-persuna kkonċernata mill-awtoritajiet kompetenti tal-Unjoni (ara s-sentenzi tal-14 ta’ Ġunju 2016, Marchiani vs Il-Parlament, C‑566/14 P, EU:C:2016:437, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-12 ta’ Jannar 2017, Timab Industries u CFPR vs Il-Kummissjoni, C‑411/15 P, EU:C:2017:11, punt 134 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tas-26 ta’ Settembru 2014, B&S Europe vs Il-Kummissjoni, T‑222/13, mhux ippubblikata, EU:T:2014:837, punt 47).

70      Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li, fost il-garanziji mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni fil-proċeduri amministrattivi, jinsab b’mod partikolari l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, li miegħu huwa marbut l-obbligu li l-istituzzjoni kompetenti teżamina, bir-reqqa u b’imparzjalità, l-elementi rilevanti kollha tal-każ ikkonċernat (ara s-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2011, CMB u Christof vs Il-Kummissjoni, T‑407/07, mhux ippubblikata, EU:T:2011:477, punt 182 u l-ġurisprudenza ċċitata).

71      Huwa għalhekk fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandha tiġi eżaminata l-ewwel parti tat-tielet motiv.

72      F’dak li jikkonċerna, qabel kollox, il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettativi leġittimi fir-rigward tal-irtirar tal-ewwel deċiżjoni negattiva, għandu jiġi rrilevat li, skont prinċipju ġenerali tad-dritt stabbilit mill-ġurisprudenza, il-Bord ta’ Validazzjoni seta’ jirtira l-ewwel deċiżjoni negattiva u jissostitwixxiha permezz ta’ deċiżjoni ġdida, sakemm l-irtirar ikun seħħ f’terminu raġonevoli u li l-imsemmi bord ikun ħa inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti kemm ir-rikorrenti setgħet eventwalment tafda fil-legalità tal-att (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-3 ta’ Marzu 1982, Alpha Steel vs Il-Kummissjoni, 14/81, EU:C:1982:76, punt 10; tat-18 ta’ Ottubru 2011, Reisenthel vs UASI – Dynamic Promotion (Kaxxi li jistgħu jitqiegħdu fuq xulxin u basktijiet), T‑53/10, EU:T:2011:601, punt 40, u tal-11 ta’ Lulju 2013, BVGD vs Il-Kummissjoni, T‑104/07 u T‑339/08, mhux ippubblikata, EU:T:2013:366, punt 65).

73      Issa, f’dan il-każ, l-ewwel deċiżjoni negattiva ġiet irtirata madwar seba’ xhur wara l-adozzjoni tagħha u inqas minn ħames xhur wara l-preżentata tar-rikors tar-rikorrenti li għandha bħala suġġett l-annullament tagħha. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ġiet informata, fil-mument tal-irtirar tal-ewwel deċiżjoni negattiva tal-Bord ta’ Validazzjoni, li deċiżjoni ġdida kienet ser tiġi adottata sabiex twieġeb għall-argumenti li hija kienet ressqet fil-messaġġ elettroniku tagħha tas-7 ta’ Frar 2014. Barra minn hekk, meta ppreżentat ir-rikors tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tikkontesta l-ewwel deċiżjoni negattiva, ir-rikorrenti wriet li hija ma bbażatx ruħha fuq il-legalità tagħha. Għaldaqstant, bl-irtirar tiegħu tal-ewwel deċiżjoni negattiva, il-Bord ta’ Validazzjoni ma kisirx il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

74      Fir-rigward tas-sostituzzjoni tal-motivazzjoni tal-ewwel deċiżjoni negattiva, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti bl-ebda mod ma tispjega fiex jikkonsisti l-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali f’dan ir-rigward u lanqas ir-raġunijiet għalfejn is-sitwazzjoni legali tagħha ma kinitx ċara, preċiża u prevedibbli minħabba il-fatt biss tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, li kienet ibbażata fuq motivazzjoni kompletament ġdida fir-rigward ta’ dak li ġie deċiż fil-punt 62 iktar ’il fuq.

75      Ir-rikorrenti lanqas ma tispeċifika, fir-rigward tal-allegat ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, liema garanziji preċiżi, inkundizzjonati u konkordanti kienu ġew mogħtija lilha fl-ewwel deċiżjoni negattiva jew sa liema punt dawn il-garanziji ħolqu aspettattivi fondati fil-konfront tagħha. Barra minn hekk, kif ġie indikat fil-punt 73 iktar ’il fuq, il-preżentata ta’ rikors għal annullament quddiem il-Qorti Ġenerali kontra din id-deċiżjoni turi pjuttost li r-rikorrenti ma kinitx tqisha bħala legali u, għaldaqstant, kapaċi toħloq aspettattivi leġittimi fir-rigward tagħha.

76      Sussegwentement, fir-rigward tal-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, ir-rikorrenti la ma wriet, u lanqas ma allegat, li l-Bord ta’ Validazzjoni ma eżaminax b’reqqa u b’imparzjalità l-elementi kollha rilevanti tal-każ inkwistjoni.

77      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ma hijiex fondata li ssostni li, wara l-irtirar tal-ewwel deċiżjoni negattiva, il-proċedura kellha titkompla mill-istadju preċedenti għall-adozzjoni tad-deċiżjoni tar-REA tas-27 ta’ Jannar 2014, li kienet ġiet adottata qabel it-trasferiment tal-fajl tar-rikorrenti lill-Bord ta’ Validazzjoni. Fil-fatt, l-irtirar tal-ewwel deċiżjoni negattiva ma kellu, fih nnifisi, l-ebda effett fuq l-imsemmija deċiżjoni u ma kienx jimplika illegalità ġurdikament ikkonstatata ta’ din id-deċiżjoni. Konsegwentement, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, ir-REA ma kinitx obbligata li tkompli l-proċedura mill-istadju preċedenti għall-adozzjoni tad-deċiżjoni tagħha tas-27 ta’ Jannar 2014.

78      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel parti tat-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni parti tat-tielet motiv, ibbażata fuq il-ksur tal-prinċipju tal-awtorità ta’ res judicata

–       L-argumenti tal-partijiet

79      Ir-rikorrenti ssostni li fid-digriet tagħha tat-30 ta’ April 2015, Ertico – Its Europe vs Il-Kummissjoni (T‑499/14, mhux ippubblikat, EU:T:2015:285), il-Qorti Ġenerali ddikjarat li l-ewwel deċiżjoni negattiva kellha titqies li hija annullata. Għalhekk, l-istatus ta’ IŻM tar-rikorrenti kien ikkonfermat definittivament. Għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata, li tirrifjuta lir-rikorrenti l-istatus ta’ IŻM, tikser il-prinċipju tal-awtorità ta’ res judicata marbut ma’ dan id-digriet.

80      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

81      Għandu jiġi rrilevat, qabelxejn, li r-rikorrenti tiżbalja dwar il-portata tad-digriet tat-30 ta’ April 2015, Ertico – Its Europe vs Il-Kummissjoni (T‑499/14, mhux ippubblikat, EU:T:2015:285), li abbażi tagħha l-Qorti Ġenerali kkonstatat biss li r-rikors għal annullament ippreżentat kontra l-ewwel deċiżjoni negattiva kien sar bla skop minħabba l-irtirar tal-imsemmija deċiżjoni.

82      Ċertament, il-Qorti Ġenerali indikat li l-irtirar tal-ewwel deċiżjoni negattiva kien jipproduċi effetti legali ekwivalenti għal dawk ta’ sentenza għal annullament (digriet tat-30 ta’ April 2015, Ertico – Its Europe vs Il-Kummissjoni, T‑499/14, mhux ippubblikat, EU:T:2015:285, punt 10).

83      Madankollu, il-Qorti Ġenerali ma ddeċidiet bl-ebda mod dwar il-legalità tal-ewwel deċiżjoni negattiva u wisq inqas dwar l-istatus ta’ IŻM tar-rikorrenti.

84      Għaldaqstant, it-tieni parti tat-tielet motiv għandha tiġi miċħuda u, konsegwentement, it-tielet motiv fl-intier tiegħu.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tar-Rakkomandazzjoni 2003/361

 L-argumenti tal-partijiet

85      Ir-rikorrenti ssostni li, sabiex tikkonkludi dwar l-assenza ta’ eżerċizzju ta’ attività ekonomika fir-rigward tagħha, id-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq kriterji addizzjonali mhux previsti fir-Rakkomandazzjoni 2003/361, jiġifieri dawk indikati fil-punt 1.1.3.1(6)(c) tal-anness tad-Deċiżjoni 2012/838. Skont ir-rikorrenti, tali approċċ ma jistax jiġi aċċettat, sa fejn il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Rakkomandazzjoni 2003/361 huwa iktar wiesa’ minn dak tad-Deciżjoni 2012/838, peress li din tal-aħħar hija limitata għall-FP7. Għaldaqstant, ir-rikorrenti tqis li kienet ippenalizzata illegalment fl-oqsma li ma jaqgħux taħt il-FP7.

86      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

87      Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, għandu jiġi eżaminat jekk id-deċiżjoni kkontestata applikatx kriterji li ma humiex inklużi fir-Rakkomandazzjoni 2003/361 sabiex jiġi ddeterminat jekk ir-rikorrenti setgħetx tiġi kklassifikata bħala impriża fis-sens tal-Artikolu 1 tal-anness ta’ din ir-rakkomandazzjoni, u, b’mod partikolari, jekk hija kinitx teżerċita attività ekonomika.

88      Id-deċiżjoni kkontestata tirriproduċi parzjalment, għall-finijiet tal-analiżi relatata mal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ attività ekonomika, il-punt 1.1.3.1(6)(c) tal-anness tad-Deċiżjoni 2012/838, dwar id-definizzjoni tat-termini użati fl-anness ta’ din id-deċiżjoni u li tiddikjara li, fil-kuntest tagħha, ċertu numru ta’ definizzjonijiet, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna l-kunċett ta’ “attività ekonomika”, japplikaw għall-IŻM “b’żieda ma’ dawk stipulati fir-Rakkomandazzjoni 2003/361/KE”.

89      Barra minn hekk, mill-punt 1.2 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, sabiex jiġi evalwat l-istatus ta’ IŻM tar-rikorrenti, għandu jsir riferiment għar-Rakkomandazzjoni 2003/361 li, b’differenza għad-Deċiżjoni 2012/838 li hija limitata għall-FP7, hija strument mhux vinkolanti u trasversali.

90      Għandu jingħad ukoll li l-punt 2.2 tad-deċiżjoni kkontestata janalizza l-klassifikazzjoni tar-rikorrenti bħala impriża bl-applikazzjoni tal-kriterji, stabbiliti fil-punt 1.2 ta’ din id-deċiżjoni, li abbażi tagħhom din għandha tkun involuta fi kwalunkwe forma ta’ kummerċ jew ta’ attività, għal remunerazzjoni f’suq partikolari.

91      Issa, ma jistax jiġi kkritikat lill-Bord ta’ Validazzjoni li għamel riferiment għal dawn il-kriterji għall-analiżi tiegħu tal-klassifikazzjoni bħala impriża.

92      Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 1 tal-anness tar-Rakkomandazzjoni 2003/361, impriża hija ddefinita bħala kwalunkwe entità, indipendentement mill-forma ġuridika tagħha, li teżerċita attività ekonomika. L-espressjoni “attività ekonomika” ma hijiex iddefinita b’mod espliċitu.

93      Madankollu, il-premessa 3 tar-Rakkomandazzjoni 2003/361, li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-interpretazzjoni ta’ din ir-rakkomandazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-29 ta’ April 2004, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C‑91/01, EU:C:2004:244, punt 49, u tas-27 ta’ Frar 2014, HaTeFo, C‑110/13, EU:C:2014:114, punt 30), tindika li l-kunċett ta’ “impriża” għandu jiġi evalwat skont l-Artikoli 54, 101 u 102 TFUE, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja.

94      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni, diġà ġie deċiż li tikkostitwixxi attività ekonomika, b’mod partikolari, kull attività li tikkonsisti fl-offerta ta’ servizzi f’suq partikolari, jiġifieri prestazzjonijiet ipprovduti normalment għal remunerazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ Frar 2002, Wouters et, C‑309/99, EU:C:2002:98, punti 46 sa 48 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-11 ta’ Lulju 2006, FENIN vs Il-Kummissjoni, C‑205/03 P, EU:C:2006:453, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

95      Għaldaqstant, minkejja l-fatt li l-punt 1.1.3.1(6)(c) tal-anness tad-Deċiżjoni 2012/838 jipprevedi, f’dak li jirrigwarda d-definizzjoni tal-kunċett ta’ “attività ekonomika”, kriterji addizzjonali meta mqabbla mar-Rakkomandazzjoni 2003/361 u li l-kontenut ta’ dan il-punt ġie ċċitat mid-deċiżjoni kkontestata, xejn ma jippermetti li jiġi konkluż li dan wassal, f’dan il-każ, għall-applikazzjoni ta’ kriterji addizzjonali mill-Bord ta’ Validazzjoni meta mqabbla ma’ dawk applikati fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni u, konsegwentement, previsti fir-Rakkomandazzjoni 2003/361. Għaldaqstant, il-kriterji applikati mill-Bord ta’ Validazzjoni sabiex jiġi evalwat l-istatus ta’ impriża tar-rikorrenti jikkonformaw mal-imsemmija rakkomandazzjoni.

96      Għaldaqstant, ir-raba’ motiv huwa għalhekk infondat u għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq il-ksur tar-Rakkomandazzjoni 2003/361, kif ukoll tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ amministrazzjoni tajba, inkluż ir-rekwiżit ta’ imparzjalità

 L-argumenti tal-partijiet

97      Ir-rikorrenti tfakkar li d-deċiżjoni kkontestata ammettiet li hija kienet tissodisfa b’mod formali l-kriterju ta’ indipendenza previst mir-Rakkomandazzjoni 2003/361. Madankollu, bil-konklużjoni li, fid-dawl tal-ispirtu ta’ din ir-rakkomandazzjoni, ir-rikorrenti ma setgħetx tiġi kklassifikata bħala IŻM, id-deċiżjoni kkontestata hija żbaljata u tinjora l-formulazzjoni ċara tar-Rakkomandazzjoni 2003/361, li l-għan tagħha huwa li tipprovdi ċertezza ġuridika permezz ta’ definizzjoni uniformi tal-kunċett ta’ “IŻM”. Konsegwentement, billi titbiegħed mill-formulazzjoni tar-Rakkomandazzjoni 2003/361, id-deċiżjoni kkontestata kisret il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ amministrazzjoni tajba, inkluż ir-rekwiżit ta’ imparzjalità. L-approċċ segwit fid-deċiżjoni kkontestata ma huwiex, barra minn hekk, sostnut mill-ġurisprudenza.

98      Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-Bord ta’ Validazzjoni wettaq żball meta ddikjara li l-premessi 9 u 12 tar-Rakkomandazzjoni 2003/361 kienu jeżiġu analiżi każ b’każ, sabiex jiġi żgurat li, għalkemm il-kriterji formali kienu ssodisfatti, huma biss l-impriżi li kienu jiffaċċjaw l-iżvantaġġi li huma karatteristiċi tal-IŻM li jingħataw dan l-istatus. Din l-interpretazzjoni hija, barra minn hekk, inkompatibbli mal-gwida għall-utenti IŻM li tippromwovi applikazzjoni wiesgħa tad-definizzjoni ta’ IŻM.

99      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

100    Diġà ġie deċiż li l-vantaġġi mogħtija lill-IŻM kienu jikkostitwixxu, ġeneralment, eċċezzjonijiet għar-regoli ġenerali, bħal fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, b’tali mod li d-definizzjoni ta’ IŻM kellha tkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni stretta (sentenza tas-27 ta’ Frar 2014, HaTeFo, C-110/13, EU:C:2014:114, punt 32).

101    Għandu jitfakkar ukoll li, mill-premessi 9 u 12 tar-Rakkomandazzjoni 2003/361 jirriżulta li d-definizzjoni ta’ impriżi assoċjati hija intiża sabiex tinftiehem aħjar ir-realtà ekonomika ta’ IŻM u sabiex jiġu esklużi mill-klassifikazzjoni ta’ IŻM il-gruppi ta’ impriżi li s-setgħa ekonomika tagħhom tkun teċċedi dik ta’ IŻM, bil-għan li tirriżerva għall-impriżi li jkollhom verament bżonn tal-vantaġġi li jirriżultaw għall-kategorija ta’ IŻM mid-diversi leġiżlazzjonijiet jew miżuri favur tagħhom (sentenza tas-27 ta’ Frar 2014, HaTeFo, C‑110/13, EU:C:2014:114, punt 31).

102    L-għan tal-kriterju ta’ indipendenza huwa li jiġi żgurat li l-miżuri intiżi għall-IŻM jibbenefikaw minnhom verament l-impriżi li għalihom id-daqs huwa ta’ żvantaġġ u mhux dawk li jagħmlu parti minn grupp kbir, u li għalhekkt għandhom aċċess għall-mezzi u għall-għajnuna li ma għandhomx il-kompetituri tagħhom tal-istess daqs. F’dawn iċ-ċirkustanzi, bil-għan li jintgħażlu biss l-impriżi li effettivament jikkostitwixxu IŻM indipendenti, jeħtieġ li tiġi eżaminata l-istruttura ta’ IŻM li jifformaw grupp ekonomiku li s-setgħa tiegħu teċċedi dik ta’ tali impriża u li jiġi żgurat li d-definizzjoni tal-IŻM ma tiġix evitata għal raġunijiet purament formali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-29 ta’ April 2004, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C‑91/01, EU:C:2004:244, punt 50; tas-27 ta’ Frar 2014, HaTeFo, C‑110/13, EU:C:2014:114, punt 33, u tal-14 ta’ Ottubru 2004, Pollmeier Malchow vs Il-Kummissjoni, T-137/02, EU:T:2004:304, punt 61).

103    Għalhekk il-kriterju ta’ indipendenza għandu jiġi interpretat fid-dawl ta’ dan il-għan, b’tali mod li impriża li hija b’inqas minn 25 % proprjetà ta’ impriża kbira, li tissodisfa għalhekk b’mod formali l-imsemmi kriterju, iżda li, fil-fatt tagħmel parti minn grupp kbir ta’ impriżi, ma tkunx tista’ madankollu titqies bħala li hija tissodisfa dan il-kriterju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ April 2004, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C‑91/01, EU:C:2004:244, punt 51). L-Artikolu 3 tal-anness tar-Rakkomandazzjoni 2003/361 għandu wkoll jiġi interpretat fid-dawl ta’ dan il-għan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Frar 2014, HaTeFo, C‑110/13, EU:C:2014:114, punt 34).

104    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandu jiġi eżaminat il-ħames motiv invokat fil-kuntest ta’ dan ir-rikors.

105    Għandu jiġi kkonstatat li, insostenn tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord ta’ Validazzjoni bbaża ruħu fuq il-kriterji stabbiliti mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 102 iktar ’il fuq.

106    B’mod partikolari, f’dan il-każ, sabiex tiġi rrifjutata l-istatus ta’ IŻM lir-rikorrenti, fil-punt 2.3 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord ta’ Validazzjoni ħa inkunsiderazzjoni l-għan tar-Rakkomandazzjoni 2003/361, jiġifieri li l-miżuri intiżi għall-IŻM jibbenefikaw verament minnhom l-impriżi li għalihom id-daqs huwa ta’ żvantaġġ u mhux dawk li jagħmlu parti minn grupp kbir, u li għaldaqstant għandhom aċċess għall-mezzi u għall-għajnuna li ma għandhomx il-kompetituri tagħhom tal-istess daqs. B’mod partikolari, f’dan l-istess punt tad-deċiżjoni kkontestata, huwa indikat li, għalkemm ir-rikorrenti kienet tissodisfa b’mod formali l-kriterju ta’ indipendenza previst mir-Rakkomandazzjoni 2003/361, minn perspettiva ekonomika, hija tappartjeni de facto għal grupp kbir ekonomiku. Fl-istess punt tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord ta’ Validazzjoni rrileva li, bis-saħħa tar-rabtiet organizzattivi bejn ir-rikorrenti u l-imsieħba jew membri tagħha, ir-rikorrenti kellha aċċess għal fondi, krediti u għajnuna u li, konsegwentement, hija ma kinitx tiffaċċja l-iżvantaġġi li normalment għandhom l-IŻM.

107    Minn dan isegwi li l-kriterju ta’ indipendenza applikat mill-Bord ta’ Validazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata ma jiksirx ir-Rakkomandazzjoni 2003/361.

108    F’dan il-kuntest, l-allegat ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ amministrazzjoni tajba, inkluż ir-rekwiżit ta’ imparzjalità, ibbażat fuq l-eventwali ksur tar-Rakkomandazzjoni 2003/361 għandu jiġi miċħud.

109    Għaldaqstant, il-ħames motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq l-applikazzjoni żbaljata tar-Rakkomandazzjoni 2003/361

110    Fil-kuntest tas-sitt motiv tagħha, ir-rikorrenti tikkontesta l-applikazzjoni konkreta f’dan il-każ tal-kriterji adottati mill-Bord ta’ Validazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata.

111    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni, l-ewwel nett, li hija kellha tiġi kklassifikata bħala impriża fis-sens tal-Artikolu 1 tal-anness tar-Rakkomandazzjoni 2003/361. Hija żżid, it-tieni nett, li hija impriża awtonoma u, it-tielet nett, li hija tissodisfa l-kriterji kollha ta’ għadd tal-persunal u ta’ limiti finanzjarji previsti fl-Artikolu 2 tal-anness tar-Rakkomandazzjoni 2003/361.

112    Dawn it-tliet ilmenti għandhom jiġu eżaminati suċċessivament.

 Fuq il-klassifikazzjoni tar-rikorrenti bħala impriża

–       L-argumenti tal-partijiet

113    Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata kkonkludiet, b’mod żbaljat, li hija ma setgħetx tiġi kklassifikata bħala impriża fis-sens tal-Artikolu 1 tal-anness tar-Rakkomandazzjoni 2003/361, għar-raġuni li hija ma kinitx teżerċita b’mod regolari attivitajiet ekonomiċi għal remunerazzjoni f’suq partikolari.

114    Skont ir-rikorrenti, il-kunċett ta’ “impriża” fis-sens tal-Artikolu 1 tal-anness tar-Rakkomandazzjoni 2003/361 huwa ċar u awtonomu u għandu jinftiehem fl-istess sens bħal dak applikat fid-dritt tal-kompetizzjoni. Barra minn hekk, skont din id-dispożizzjoni tal-imsemmija rakkomandazzjoni u l-ġurisprudenza, il-forma ġuridika tar-rikorrenti, kuntrarjament għall-approċċ tal-Bord ta’ Validazzjoni, ma hijiex rilevanti għal din l-analiżi. Hija n-natura tal-attività mwettqa li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni.

115    Ir-rikorrenti tqis li, f’dan il-każ, hija teżerċita attività ekonomika u huwa biżżejjed, fis-sens tar-Rakkomandazzjoni 2003/361, li din tkun okkażjonali jew marġinali. Barra minn hekk, mill-inqas wieħed minn kull ħamsa tal-valur tad-dħul mill-bejgħ tar-rikorrenti ġej minn servizzi pprovduti lil terzi. Barra minn hekk, il-kontribuzzjonijiet imħallsa lir-rikorrenti mill-membri tagħha bħala korrispettiv ta’ servizzi pprovduti lilhom ma jistgħux jiġu esklużi mill-analiżi biss minħabba l-forma ta’ din ir-remunerazzjoni. Hija żżid li d-deċiżjoni kkontestata stess tirrikonoxxi li r-rikorrenti teżerċita attività ekonomika u li hija tipprovdi servizzi lil terzi għal remunerazzjoni. Fil-fatt, id-deċiżjoni kkontestata rrikonoxxiet fil-punt 2.3 li r-rikorrenti kellha kompetituri. Konsegwentement, ma jistax jiġi sostnut li hija ma kinitx attiva f’suq.

116    Barra minn hekk, l-ewwel deċiżjoni negattiva tal-Bord ta’ Validazzjoni rrikonoxxiet l-istatus tagħha bħala impriża.

117    Il-Kummissjoni ssostni li sussidji, kontribuzzjonijiet u donazzjonijiet ma jikkostitwixxux remunerazzjoni jew kumpens għall-provvista ta’ oġġetti jew ta’ servizzi f’suq partikolari u li, konsegwentement, huma ma jikkostitwixxux dħul iġġenerat minn attività ekonomika.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

118    Kif ġie indikat fil-punt 93 iktar ’il fuq, il-kunċett ta’ “impriża” fis-sens tal-Artikolu 1 tal-anness tar-Rakkomandazzjoni 2003/361 għandu jiġi evalwat skont l-Artikoli 54, 101 u 102 TFUE, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja. Il-kunċett ta’ “impriża” jinkludi għalhekk kull entità li teżerċita attività ekonomika, indipendentement mill-istatus ġuridiku ta’ din l-entità u mill-mod li bih tiġi ffinanzjata. Tikkostitwixxi attività ekonomika, b’mod partikolari, kull attività li tikkonsisti fl-offerta ta’ servizzi f’suq partikolari, jiġifieri prestazzjonijiet ipprovduti normalment għal remunerazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ Frar 2002, Wouters et, C‑309/99, EU:C:2002:98, punti 46 sa 48 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-11 ta’ Lulju 2006, FENIN vs Il-Kummissjoni, C‑205/03 P, EU:C:2006:453, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan ir-rigward, il-karatteristika essenzjali tar-remunerazzjoni tinsab fil-fatt li din tikkostitwixxi l-korrispettiv ekonomiku tas-servizz inkwistjoni.

119    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-Artikolu 101(1) TFUE japplika għall-assoċjazzjonijiet sa fejn l-attività proprja tagħhom jew dik tal-impriżi membri tagħhom għandha tendenza li tipproduċi l-effetti li din id-dispożizzjoni tfittex li twaqqaf. Il-klassifikazzjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi ma hijiex ikkontestata mill-fatt biss li hija tista’ tgħaqqad ukoll persuni jew entitajiet li ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala impriżi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2006, FNCBV et vs Il-Kummissjoni, T‑217/03 u T‑245/03, EU:T:2006:391, punti 49 u 55).

120    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandu jiġi eżaminat is-sitt motiv invokat fil-kuntest ta’ dan ir-rikors.

121    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord ta’ Validazzjoni kkunsidra li r-rikorrenti kienet assoċjazzjoni ta’ impriżi, li ma kinitx tipprovdi servizzi għal remunerazzjoni u li kienet qed taġixxi f’isem u fl-interessi tal-membri tagħha. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tikseb sehem sinjifikattiv mid-dħul tagħha minn sussidji, kontribuzzjonijiet u donazzjonijiet, li ma jikkostitwixxux dħul iġġenerat minn attività ekonomika. Minbarra dan, ir-rikorrenti tipprovdi servizzi lil terzi biss b’mod marġinali. Konsegwentement, ir-rikorrenti ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li hija impriża minħabba l-fatt li hija ma kinitx involuta f’attività ekonomika regolari għal remunerazzjoni f’suq partikolari.

122    Din il-konklużjoni misluta fid-deċiżjoni kkontestata ma tistax tiġi aċċettata.

123    Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat, qabel kollox, li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 118 u 119 iktar ’il fuq, l-istatus ġuridiku tar-rikorrenti jew il-klassifikazzjoni tagħha bħala assoċjazzjoni ta’ impriżi ma tistax tipprekludiha, fiha nnifisha, milli tiġi kkunsidrata bħala impriża (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-26 ta’ Jannar 2005, Piau vs Il-Kummissjoni, T‑193/02, EU:T:2005:22, punt 72).

124    Sussegwentement, mill-Artikolu 8.2 tal-istatuti tar-rikorrenti jirriżulta li l-membri tagħha għandhom iħallsu kontribuzzjonijiet bħala remunerazzjoni tas-servizzi pprovduti minnha. Dan huwa wkoll ikkonfermat fil-punt 2.1 tad-deċiżjoni kkontestata.

125    Issa, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 118 iktar ’il fuq, l-eżistenza ta’ attività ekonomika ma tiddependix mill-mod ta’ finanzjament tagħha. F’dan ir-rigward, ir-remunerazzjoni li ġejja minn attività ekonomika hija bbażata fuq il-fatt li din tikkostitwixxi l-korrispettiv ekonomiku għas-servizzi pprovduti.

126    Barra minn hekk, il-ġurisprudenza diġà ammettiet, għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni għal entità, li kontribuzzjonijiet irċevuti minn din tal-aħħar jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni bħala dħul sabiex tiġi kkalkolata multa imposta skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 101 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2006, FNCBV et vs Il-Kummissjoni, T‑217/03 u T‑245/03, EU:T:2006:391, punt 220).

127    Minn dan jirriżulta li s-servizzi li r-rikorrenti tipprovdi lill-membri tagħha, b’kumpens għall-kontribuzzjonijiet li dawn għandhom iħallsuha, jikkostitwixxu attività ekonomika għal remunerazzjoni. Barra minn hekk, fid-dawl tal-fatt li l-imsemmija kontribuzzjonijiet jitħallsu f’forma ta’ remunerazzjoni annwali, dawn jikkostitwixxu dħul regolari għall-benefiċċju tagħha.

128    Għaldaqstant, minħabba dawn l-attivitàjiet ekonomiċi li hija teżerċita, ir-rikorrenti tikkostitwixxi, kuntrarjament għal dak konkluż fil-punt 2.2 tad-deciżjoni kkontestata, impriża li l-attività tagħha ma hijiex eskluża mill-isfera ta’ attività ekonomika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Frar 2013, Ordem dos Técnicos Oficiais de Contas, C‑1/12, EU:C:2013:127, punt 40).

129    Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata tirrikonoxxi hija stess li r-rikorrenti kienet teżerċita ċerti attivitajiet ekonomiċi u, b’mod partikolari, li hija kienet tirċievi dħul waqt l-organizzazzjoni ta’ kungressi. Ir-rikorrenti tindika li, għas-sena 2012, l-imsemmi dħul kien jirrappreżenta madwar 15 % tad-dħul mill-bejgħ totali tagħha. Filwaqt li rrikonoxxiet, matul is-seduta, li l-imsemmija kungressi ġew organizzati għal udjenza esterna għall-membri tar-rikorrenti, il-Kummissjoni ma kkontestatx ir-realtà ta’ dan id-dħul.

130    Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda l-għan tar-rikorrenti, skont l-Artikolu 3 tal-istatuti tagħha, l-għan tagħha huwa li tiffavorixxi, tippromwovi u tgħin fil-koordinazzjoni tal-implimentazzjoni ta’ sistemi telematiċi avvanzati ta’ trasport fl-infrastruttura ta’ trasport fl-Ewropa, prinċipalment f’isem il-membri tagħha. Ir-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni diġà ġew applikati għal entitajiet li għandhom għanijiet simili (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Jannar 2005, Piau vs Il-Kummissjoni, T‑193/02, EU:T:2005:22, punt 2).

131    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, isegwi li l-Bord ta’ Validazzjoni ma kienx fondat meta kkunsidra li r-rikorrenti ma kinitx impriża u li hija ma kinitx teżerċita attività ekonomika regolari għal remunerazzjoni f’suq partikolari.

132    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żball ta’ evalwazzjoni sa fejn ġie konkluż fil-punt 2.2 tagħha li r-rikorrenti ma kinitx impriża fis-sens tal-Artikolu 1 tal-anness tar-Rakkomandazzjoni 2003/361.

133    Madankollu, l-iżball ta’ evalwazzjoni kkonstatat fil-punt 132 iktar ’il fuq ma huwiex suffiċjenti għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, mill-punt 1.2 tal-imsemmija deċiżjoni jirriżulta li, għalkemm entità hija kkunsidrata bħala impriża, għandu wkoll jiġi vverifikat jekk hija tissodisfax il-kriterju ta’ indipendenza. Konsegwentement, minkejja li r-rikorrenti tikkostitwixxi impriża, hija trid tissodisfa wkoll il-kriterju ta’ indipendenza previst mir-Rakkomandazzjoni 2003/361 sabiex jiġi rrikonoxxut lilha l-istatus ta’ IŻM.

134    Għaldaqstant, għad hemm lok li jiġi eżaminat jekk, fid-dawl tal-elementi tal-każ, il-Bord ta’ Validazzjoni setax jikkonkludi dwar in-nuqqas ta’ indipendenza tar-rikorrenti.

 Fuq il-kriterju ta’ indipendenza

–       L-argumenti tal-partijiet

135    Ir-rikorrenti tfakkar li, fil-punt 2.3 tad-deċiżjoni kkontestata, ġie rrikonoxxut li hija kienet tissodisfa b’mod formali l-kriterju ta’ indipendenza previst fir-Rakkomandazzjoni 2003/361, iżda li ġie kkunsidrat li hija ma kellhiex l-iżvantaġġi li jiffaċċjaw normalment l-IŻM u li, konsegwentement, hija ma tistax tiġi kklassifikata bħala IŻM fid-dawl tal-għan u tal-ispirtu ta’ din ir-rakkomandazzjoni.

136    Ir-rikorrenti ssostni li hija impriża awtonoma. Hija żżid li la ma hija “impriża msieħba” u lanqas ma hija “impriża assoċjata” fis-sens tal-Artikolu 3 tal-anness tar-Rakkomandazzjoni 2003/361, peress li l-ebda wieħed mill-membri tagħha ma għandu tal-inqas 25 % tal-kapital jew tad-drittijiet ta’ vot.

137    Għaldaqstant, hija tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha tar-Rakkomandazzjoni 2003/361 mingħajr ma huwa possibbli li tiġi kkritikata għal evitar tal-imsemmija rakkomandazzjoni. Ir-rikorrenti ssostni li r-rifjut li jingħatalha l-istatus ta’ IŻM ma għandux ikun ibbażat fuq il-preżenza ta’ waħda jew diversi kumpanniji, fost l-azzjonisti tagħha, li ma humiex IŻM, fin-nuqqas tal-eżistenza ta’ tali rekwiżit fir-Rakkomandazzjoni 2003/361. Barra minn hekk, ikun qarrieqi u parzjali li jiġi ssuġġerit li l-preżenza ta’ xi azzjonist li jkollu sehem wieħed f’kumpannija tippermetti lil din tal-aħħar li jkollha aċċess għal faċilitajiet ta’ finanzjament fl-assenza ta’ pożizzjoni ta’ kontroll fi ħdan din il-kumpannija.

138    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

139    Fil-punt 2.3 tad-deċiżjoni kkontestata, ġie kkunsidrat li, għalkemm ir-rikorrenti kienet tissodisfa b’mod formali l-kriterju ta’ indipendenza previst fir-Rakkomandazzjoni 2003/361, minn perspettiva ekonomika, hija kienet tappartjeni de facto għal grupp kbir ekonomiku. Minħabba r-rabtiet organizzattivi bejn ir-rikorrenti u l-imsieħba jew membri tagħha, ir-rikorrenti kellha aċċess għal fondi, krediti u għajnuna u, konsegwentement, hija ma għandhiex l-iżvantaġġi li jiffaċjaw normalment l-IŻM. Il-punt 1.2 tad-deċiżjoni kkontestata jindika, barra minn hekk, li analiżi każ b’każ kienet meħtieġa, sabiex tiġi stabbilita s-sitwazzjoni ekonomika tal-impriża inkwistjoni u sabiex jiġi żgurat li huma biss l-impriżi li jaqgħu taħt l-għan u l-ispirtu tar-Rakkomandazzjoni 2003/361 li jiġu kklassifikati bħala IŻM.

140    F’dan il-każ, għandu jitfakkar, kif jirriżulta mill-punti 106 sa 107 iktar ’il fuq, li l-Bord ta’ Validazzjoni seta’, ġustament, jibbaża l-analiżi tiegħu fuq l-għan u fuq l-ispirtu tar-Rakkomandazzjoni 2003/361, sabiex jikkunsidra li, għalkemm ir-rikorrenti kienet tissodisfa b’mod formali l-kriterju ta’ indipendenza previst mill-imsemmija rakkomandazzjoni, kien jeħtieġ li jiġi eżamint jekk din kellhiex l-iżvantaġġi li normalment jiffaċċjaw l-IŻM.

141    Għandu jiġi kkonstatat ukoll li l-membri tar-rikorrenti huma b’mod partikolari impriżi kbar, kif ukoll organi pubbliċi.

142    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, qabelxejn, li, skont l-Artikolu 3 tal-istatuti tar-rikorrenti, invokat fil-punt 2.1 tad-deċiżjoni kkontestata, hija taġixxi prinċipalment f’isem is-soċji tagħha.

143    Sussegwentement, skont l-Artikolu 5 tal-istatuti tar-rikorrenti, il-kapital tagħha huwa illimitat. Issa, għandu jiġi rrilevat li l-kapital azzjonarju jindika l-ammont totali tal-kontribuzzjonijiet għall-benefiċċju tar-rikorrenti. Barra minn hekk, dan jikkostitwixxi garanzija għall-imsieħba tar-rikorrenti u għas-selliefa eventwali. Għaldaqstant, kapital azzjonarju sinjifikattiv jirrappreżenta faċilità għar-rikorrenti fir-relazzjonijiet tagħha ma’ terzi.

144    Fl-aħħar nett, kif indikat fil-punt 124 iktar ’il fuq, mill-Artikolu 8.2 tal-istatuti tar-rikorrenti jirriżulta li, bħala remunerazzjoni għas-servizzi pprovduti minnha lill-membri tagħha, dawn tal-aħħar ser iħallsuha kontribuzzjoni annwali stabbilita mill-Bord Superviżorju. Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li sostniet ir-rikorrenti matul is-seduta, mill-Artikolu 8.3 tal-istatuti tagħha jirriżulta li l-Bord Superviżorju jistabbilixxi l-ammonti tal-imsemmija kontribuzzjonijiet annwali skont l-ispejjeż tar-rikorrenti. Barra minn hekk, il-Bord Superviżorju jista’, matul is-sena finanzjarja jew sussegwentement għaliha, inaqqas il-kontribuzzjonijiet skont l-ispejjeż effettivi tar-rikorrenti.

145    Mill-punt 144 iktar ’il fuq jirriżulta li l-kontribuzzjonijiet imħallsa mill-membri tar-rikorrenti huma stabbiliti u aġġustati skont l-ispejjeż konkreti. Għaldaqstant, l-ispejjeż tar-rikorrenti huma żgurati mill-membri tagħha li, mingħajr ma dan huwa kkontestat minn din tal-aħħar, ma humiex IŻM. Dan l-element jindika li, għalkemm, kif sostniet ir-rikorrenti matul is-seduta, il-livell tal-kontribuzzjoni ma nbidilx għal dawn l-aħħar 20 sena, din tista’ tistrieħ, skont l-istatuti tagħha, fuq ir-riżorsi, suffiċjenti biżżejjed u ogħla minn dawk ta’ IŻM, adattati għall-ispejjeż tagħha, li ġejjin mill-membri tagħha.

146    Minn dan isegwi li, fil-punt 2.3 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord ta’ Validazzjoni ma applikax b’mod żbaljat ir-Rakkommandazzjoni 2003/361 sa fejn ikkunsidra li r-rikorrenti ma kellhiex l-iżvantaġġi li l-IŻM kienu normalment jiffaċċjaw, b’tali mod li r-rikorrenti ma setgħetx tiġi kklassifikata bħala IŻM fis-sens tal-imsemmija rakkomandazzjoni, minkejja l-fatt li hija impriża.

 Fuq il-kriterji ta’ għadd tal-persunal u ta’ limiti finanzjarji previsti fl-Artikolu 2 tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni 2003/361

147    Ir-rikorrenti ssostni, mingħajr ma l-Kummissjoni tressaq argumenti speċifiċi f’dan ir-rigward, li hija tissodisfa l-kriterji ta’ għadd tal-persunal u ta’ limiti finanzjarji previsti fl-Artikolu 2 tal-anness tar-Rakkomandazzjoni 2003/361, jiġifieri li hija timpjega inqas minn 250 persuna, li d-dħul mill-bejgħ annwali tagħha ma jaqbiżx l-EUR 50 miljun u li t-total tal-bilanċ annwali tagħha ma jaqbiżx l-EUR 43 miljun.

148    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif ġie indikat fil-punt 140 iktar ’il fuq, l-impriżi li jissodisfaw b’mod formali l-kriterju ta’ indipendenza, iżda li s-setgħa ekonomika tagħhom teċċedi dik ta’ IŻM, jistgħu ma jiġux ikklassifikati bħala IŻM.

149    Għalhekk, kif tfakkar fil-punt 102 iktar ’il fuq, l-għan tal-kriterju ta’ indipendenza huwa li jiġi żgurat li l-miżuri intiżi għall-IŻM jibbenefikaw minnhom verament l-impriżi li għalihom id-daqs huwa ta’ żvantaġġ u mhux dawk li jagħmlu parti minn grupp kbir, u li għaldaqstant għandhom aċċess għall-mezzi u għall-għajnuna li ma għandhomx il-kompetituri tagħhom tal-istess daqs.

150    Għaldaqstant, b’analoġija, ir-rikorrenti ma tistax tiddeduċi l-istatus tagħha ta’ IŻM mill-fatt li hija tissodisfa b’mod formali l-kriterji previsti fl-Artikolu 2 tal-anness tar-Rakkomandazzjoni 2003/361 jekk fil-fatt hija ma għandhiex l-iżvantaġġi li normalment jiffaċċjaw l-IŻM. Issa, kif ġie kkonstatat fil-punt 146 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ma kellhiex dawn l-iżvantaġġi.

151    Għaldaqstant, jekk impriża fil-fatt ma għandhiex żvantaġġi tipiċi ta’ IŻM, il-Bord ta’ Validazzjoni jista’ jirrifjuta li jirrikonoxxi lilha dan l-istatus (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ April 2004, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C‑91/01, EU:C:2004:244, punt 54).

152    Fil-fatt, peress li r-rikorrenti ma hijiex ikkunsidrata li hija tissodisfa l-kriterju ta’ indipendenza, hija ma tistax tallega li tissodisfa l-kriterji ta’ għadd tal-persunal u ta’ limiti finanzjarji previsti fl-Artikolu 2 tal-anness tar-Rakkomandazzjoni 2003/361. Għalhekk, skont l-Artikolu 6 tal-anness tar-Rakkomandazzjoni 2003/361, l-imsemmija kriterji ta’ għadd tal-persunal u ta’ limiti finanzjarji ma jistgħux jiġu stabbiliti fuq il-bażi tad-data individwali tar-rikorrenti peress li din ma hijiex impriża indipendenti u li l-membri tagħha huma impriżi li ma humiex IŻM.

153    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, is-sitt motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq is-seba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju tat-trattament l-iktar favorevoli, previst mid-Deċiżjoni 2012/838 u mill-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni “Orizzont 2020”

 L-argumenti tal-partijiet

154    Ir-rikorrenti tallega li, peress li, fil-punt 2.2 tad-deċiżjoni kkontestata, ġie rrikonoxxut, minn naħa, li hija kienet teżerċita tal-inqas xi attivitajiet ekonomiċi u li hija kienet tipprovdi xi servizzi lil terzi għal remunerazzjoni u, min-naħa l-oħra, li hija kienet tissodisfa b’mod formali l-kriterju ta’ indipendenza previst fir-Rakkomandazzjoni 2003/361, hija kellha tiġi kklassifikata bħala IŻM f’dak li jirrigwarda l-FP7 u l-programm “Orizzont 2020”.

155    Fil-fatt, ir-rikorrenti tqis li, f’dak li jikkonċerna l-FP7, skont il-ħames inċiż tal-punt 1.1.3 tal-anness tad-Deċiżjoni 2012/838, jekk entità ġuridika taqa’ taħt diversi kategoriji ta’ entitajiet ġuridiċi, is-servizzi ta’ validazzjoni għandhom jagħżlu l-kategorija l-iktar favorevoli għal din l-entità. Ir-rikorrenti tikkunsidra li l-istess konklużjoni tapplika fil-kuntest tal-programm “Orizzont 2020”, skont il-paġna 5 tal-gwida tal-Kummissjoni tal-11 ta’ April 2014 dwar il-proċedura ta’ reġistrazzjoni, ta’ validazzjoni u verifika tal-vijabbiltà finanzjarja tal-benefiċjarji.

156    Għaldaqstant, peress li d-deċiżjoni kkontestata tirrikonoxxi li r-rikorrenti tista’, tal-inqas parzjalment, tiġi kklassifikata bħala IŻM, din kellha tagħtiha dan l-istatus b’mod sħiħ.

157    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

158    Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata, fl-ebda mument, ma rrikonoxxiet li r-rikorrenti setgħet tiġi kklassifikata, anki parzjalment, bħala IŻM fis-sens tar-Rakkomandazzjoni 2003/361. Konsegwentement, f’dak li jirrigwarda l-FP7, il-ħames inċiż tal-punt 1.1.3 tal-anness tad-Deċiżjoni 2012/838, invokat mir-rikorrenti, ma huwiex applikabbli f’dan il-każ. L-istess konklużjoni tapplika fil-kuntest tal-programm “Orizzont 2020” f’dak li jikkonċerna l-pagna 5 tal-gwida tal-Kummissjoni, iċċitat fil-punt 155 iktar ’il fuq.

159    Minn dan isegwi li s-seba’ motiv għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.

 Fuq it-tmien motiv, ibbażat fuq il-motivazzjoni kontradittorja u insuffiċjenti tad-deċiżjoni kkontestata

 L-argumenti tal-partijiet

160    Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn motivazzjoni insuffiċjenti u kontradittorja.

161    L-ewwel nett, fil-fehma tagħha, il-Bord ta’ Validazzjoni ma jistax jikkontesta l-istatus ta’ impriża tar-rikorrenti sabiex sussegwentement jikkonkludi, minn naħa, li hija tissodisfa l-kriterju ta’ indipendenza previst mir-Rakkomandazzjoni 2003/361, li jimplika li hija impriża u, min-naħa l-oħra, li hija għandha kompetituri.

162    It-tieni nett, id-deċiżjoni kkontestata ma spjegatx liema kienu l-fatti materjali ġodda li jinvalidaw il-konklużjoni tal-ewwel deċiżjoni negattiva, li ddikjarat li r-rikorrenti hija impriża fis-sens tal-Artikolu 1 tal-anness tar-Rakkomandazzjoni 2003/361.

163    It-tielet nett, skont ir-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata ma setgħetx tibbaża ruħha fuq il-kriterji addizzjonali previsti mill-punt 1.1.3.1(6)(c) tal-anness tad-Deċiżjoni 2012/838, sabiex tirrifjuta li tikklassifikaha bħala impriża skont ir-Rakkomandazzjoni 2003/361.

164    Konsegwentement, id-deċiżjoni kkontestata kisret it-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, kif ukoll l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, u l-Artikoli 47 u 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, kif ukoll id-dritt għal smigħ xieraq li jikkostitwixxi prinċipju ġenerali ta’ dritt skont l-Artikolu 6 TUE.

165    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

166    Skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni ta’ att għandha tiġi adattata għan-natura tiegħu u għandha turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament tal-istituzzjoni, awtur tal-att, b’mod li jippermetti lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u li jippermetti li l-qorti tal-Unjoni teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari l-kontenut tal-att, in-natura tal-motivi invokati u l-interess li d-destinatarji jew persuni oħra direttament jew individwalment ikkonċernati bl-att jista’ jkollhom li jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti kollha, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti ma għandhiex tiġi evalwata biss fid-dawl tal-formulazzjoni tiegħu iżda wkoll fid-dawl tal-kuntest tiegħu u tar-regoli legali kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (sentenzi tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, EU:C:1998:154, punt 63; tas-26 ta’ Ottubru 2011, Dufour vs BĊE, T‑436/09, EU:T:2011:634, punt 47, u tas-26 ta’ April 2018, European Dynamics Luxembourg u Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, T‑752/15, mhux ippubblikata, EU:T:2018:233, punti 22 u 23).

167    Barra minn hekk, il-motivazzjoni għandha tkun loġika u, b’mod partikolari, ma għandha turi l-ebda kontradizzjoni interna li taffettwa l-fehim tar-raġunijiet li fuqhom huwa bbażat dan l-att (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, C‑413/06 P, EU:C:2008:392, punt 169, u tad-29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, C‑521/09 P, EU:C:2011:620, punt 151).

168    Għandu jitfakkar ukoll li s-sempliċi eżistenza ta’ kontradizzjoni f’deċiżjoni ma hijiex biżżejjed sabiex jiġi kkunsidrat li din hija vvizzjata b’difett ta’ motivazzjoni, sakemm, minn naħa, fil-globalità tagħha d-deċiżjoni tippermetti li rikorrent jidentifika u jinvoka din l-inkoerenza u, min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni hija suffiċjentement ċara u preċiża li tippermetti lilu jifhem il-portata eżatta tad-deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-11 ta’ Diċembru 2003, Adriatica di Navigazione vs Il-Kummissjoni, T‑61/99, EU:T:2003:335, punt 49, u tas-16 ta’ Diċembru 2015, Air Canada vs Il-Kummissjoni, T‑9/11, mhux ippubblikata, EU:T:2015:994, punt 76).

169    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandu jiġi eżaminat it-tmien motiv invokat fil-kuntest ta’ dan ir-rikors.

170    Fir-rigward tal-ewwel ilment ta’ dan il-motiv, miġbur fil-qosor fil-punt 161 iktar ’il fuq, huwa minnu li d-deċiżjoni kkontestata kkonkludiet li r-rikorrenti ma setgħetx tiġi kklassifikata bħala impriża, filwaqt li, minn naħa, hija wettqet l-analiżi tal-kriterju ta’ indipendenza fis-sens tar-Rakkomandazzjoni 2003/361, li tippreżumi li jiġi rrikonoxxut lilha l-istatus ta’ impriża u li, min-naħa l-oħra, hija rrikonoxxiet b’mod espliċitu l-eżistenza ta’ kompetituri tar-rikorrenti.

171    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fil-punt 1.2 tad-deċiżjoni kkontestata, huwa indikat b’mod ċar li, fil-każ fejn ir-rikorrenti hija kklassifikata bħala impriża, għandu jiġi vverifikat jekk din l-entità għandhiex l-iżvantaġġi li normalment jiffaċċjaw l-IŻM. Issa, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord ta’ Validazzjoni qies, qabelxejn, li r-rikorrenti ma tistax tiġi kklassifikata bħala impriża, b’tali mod li ma kienx iktar meħtieġ li jiġi eżaminat il-kriterju ta’ indipendenza. Għalhekk, il-Bord ta’ Validazzjoni wettaq din l-analiżi biss sussidjarjament.

172    Konsegwentement, id-deċiżjoni kkontestata turi b’mod ċar u inekwivoku l-artikulazzjoni bejn iż-żewġ motivi eżaminati mill-Bord ta’ Validazzjoni, mingħajr ebda kontradizzjoni fir-raġunament tiegħu f’dan ir-rigward.

173    Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 168 iktar ’il fuq, id-deċiżjoni kkontestata hija suffiċjentement ċara u preċiża peress li hija ppermettiet lir-rikorrenti li tidentifika u li tinvoka l-inkoerenza allegata, kif ukoll li tifhem il-portata eżatta tad-deċiżjoni kkontestata, li jirriżulta mill-preċiżjoni tal-argumenti tagħha invokati f’dan ir-rikors fid-dawl taż-żewġ motivi tal-imsemmija deċiżjoni.

174    Għalhekk, l-ewwel ilment invokat ta’ dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

175    F’dak li jikkonċerna t-tieni lment ta’ dan il-motiv, espost fil-punt 162 iktar ’il fuq, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-ewwel deċiżjoni negattiva ġiet irtirata mill-Bord ta’ Validazzjoni. L-irtirar ta’ din id-deċiżjoni kellha effetti legali ekwivalenti għal dawk ta’ sentenza għal annullament (digriet tat-30 ta’ April 2015, Ertico – Its Europe vs Il-Kummissjoni, T‑499/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:285, punt 10).

176    Issa, annullament deċiż mill-qorti tal-Unjoni għandu neċessarjament effett retroattiv, peress li l-konstatazzjoni ta’ illegalità tmur lura għad-data tad-dħul fis-seħħ tal-att annullat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Frar 2008, CELF u ministre de la Culture et de la Communication, C‑199/06, EU:C:2008:79, punt 61).

177    Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma tistax tinvoka l-ewwel deċiżjoni negattiva, li l-effetti tagħha ġew distrutti b’mod retroattiv wara l-irtirar tagħha, insostenn ta’ dan il-motiv.

178    Konsegwentement, it-tieni lment ta’ dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

179    Fir-rigward tat-tielet ilment ta’ dan il-motiv, espost fil-punt 163 iktar ’il fuq, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet żviluppati fil-punt 95 iktar ’il fuq fil-kuntest tar-raba’ motiv, dan għandu jiġi miċħud, peress li l-Bord ta’ Validazzjoni ma bbażax ruħu, fid-deċiżjoni kkontestata, fuq kriterji addizzjonali li ma kinux previsti mir-Rakkomandazzjoni 2003/361.

180    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tmien motiv għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

181    Konsegwentement, peress li l-motivi kollha invokati mir-rikorrenti ġew miċħuda, dan ir-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu bħala infondat.

 Fuq l-ispejjeż

182    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Madankollu, skont l-Artikolu 135(1) tar-Regoli tal-Proċedura, eċċezzjonalment, meta huwa rikjest mill-ekwità, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li parti li titlef tħallas, flimkien mal-ispejjeż tagħha stess, parti biss mill-ispejjeż tal-parti l-oħra. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 135(2) ta’ dawn l-istess regoli, parti fil-kawża, anki jekk rebbieħa, tista’ tiġi kkundannata mill-Qorti Ġenerali sabiex tbati parzjalment jew kompletament l-ispejjeż, jekk dan jidher li jkun iġġustifikat minħabba l-aġir tagħha, inkluż qabel ma tkun tressqet il-kawża. Huwa b’mod partikolari permess li l-Qorti Ġenerali tikkundanna għall-ispejjeż istituzzjoni li d-deċiżjoni tagħha ma tkunx ġiet annullata, minħabba l-insuffiċjenza ta’ din tal-aħħar, li tkun wasslet lil rikorrent sabiex jippreżenta rikors (sentenza tat-22 ta’ April 2016, L-Italja u Eurallumina vs Il-Kummissjoni, T‑60/06 RENV II u T‑62/06 RENV II, EU:T:2016:233, punt 245 u l-ġurisprudenza ċċitata).

183    Ir-rikorrenti tilfet it-talbiet tagħha. Madankollu, kif jirriżulta mill-punt 29 iktar ’il fuq, l-interazzjoni bejn il-proċeduri għat-tressiq ta’ kawża rregolati, minn naħa, mill-punti 1.2.6 u 1.2.7 tal-anness tad-Deċiżjoni 2012/838 u, min-naħa l-oħra, mill-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 58/2003, ma kinitx tirriżulta b’mod ċar mid-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni 2012/838, kif ġie kkonfermat mill-Kummissjoni waqt is-seduta.

184    Barra minn hekk, id-deskrizzjoni tal-proċedura applikabbli quddiem il-Bord ta’ Validazzjoni, li tinsab fil-punti 1.2.6 u 1.2.7 tal-anness tad-Deċiżjoni 2012/838, għandha lakuni sinjifikattivi, b’mod partikolari, kif indikat fil-punt 30 iktar ’il fuq, l-assenza ta’ indikazzjoni tat-termini proċedurali, li kien jikkumplika iktar il-fehim ċar tar-regoli applikabbli.

185    Konsegwentement, dawn iċ-ċirkustanzi setgħu jikkontribwixxu għall-kumplessità ta’ din il-kawża u setgħu żiedu l-ispejjeż tar-rikorrenti. F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali tqis li huwa ġust u ekwu li jiġi deċiż li r-rikorrenti għandha tbati biss nofs l-ispejjeż tagħha. Il-Kummissjoni, min-naħa tagħha, għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha kif ukoll nofs l-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      European Road Transport Telematics Implementation Coordination Organisation – Intelligent Transport Systems & Services Europe (Ertico – ITS Europe) għandha tbati nofs l-ispejjeż rispettivi tagħha.

3)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha, nofs l-ispejjeż sostnuti minn Ertico – ITS Europe.

Kanninen

Calvo-Sotelo Ibáñez-Martín

Reine

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-22 ta’ Mejju 2019.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.