SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

8 ta’ Novembru 2018 (*)

“Direttiva 2010/30/UE – Indikazzjoni, permezz ta’ ttikkettjar u ta’ informazzjoni standard tal-prodott, dwar il-konsum tal-enerġija u riżorsi oħra minn prodotti marbutin mal-enerġija – Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni li jissupplimenta d-Direttiva – Ittikkettjar enerġetiku tal-vacuum cleaners – Element essenzjali ta’ att ta’ awtorizzazzjoni”

Fil-Kawża T‑544/13 RENV,

Dyson Ltd, stabbilita f’Malmesbury (ir-Renju Unit), irrappreżentata minn F. Carlin, barrister, E. Batchelor u M. Healy, solicitors, assistiti minn A. Patsa, avocat,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn L. Flynn, K. Herrmann u K. Talabér-Ritz, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 665/2013 tat‑3 ta’ Mejju 2013 li jissupplimenta d-Direttiva 2010/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tat-tikkettar enerġetiku tal-vacuum cleaners (ĠU 2013, L 192, p. 1),

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla),

komposta minn D. Gratsias, President, I. Labucka (Relatur) u I. Ulloa Rubio, Imħallfin,

Reġistratur: N. Schall, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tat‑13 ta’ Marzu 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Din il-kawża għandha bħala suġġett talba għall-annullament, mir-rikorrenti, Dyson Ltd, kumpannija rregolata mid-dritt Ingliż li timpjega 4 400 persuna madwar id-dinja u li toħloq, tipproduċi u tikkummerċjalizza, f’iktar minn sittin pajjiż, vacuum cleaners għall-użu domestiku li l-mekkaniżmu tagħhom li jiġbor it-trab jaħdem b’kontenituri mingħajr borża, tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 665/2013 tat‑3 ta’ Mejju 2013 li jissupplimenta d-Direttiva 2010/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tat-tikkettjar enerġetiku tal-vacuum cleaners (ĠU 2013, L 192, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“regolament ikkontestat”).

 Il-kuntest ġuridiku

2        Ir-regolament ikkontestat ġie adottat mill-Kummissjoni Ewropea sabiex jissupplimenta d-Direttiva 2010/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑19 ta’ Mejju 2010 dwar l-indikazzjoni permezz ta’ ttikkettjar u l-informazzjoni standard tal-prodott dwar il-konsum tal-enerġija u riżorsi oħra minn prodotti marbutin mal-enerġija (ĠU 2010, L 153, p. 1), sa fejn din tikkonċerna t-tikkettjar enerġetiku tal-vacuum cleaners.

 Id-Direttiva 2010/30

3        Skont l-Artikolu 1(1) u (2) tagħha, id-Direttiva 2010/30 “tistabbilixxi qafas għall-armonizzazzjoni ta’ miżuri nazzjonali dwar l-informazzjoni għall-utent aħħari, b’mod partikolari b’mezzi ta’ ttikkettjar u b’informazzjoni standard dwar il-prodott, dwar il-konsum ta’ enerġija u, fejn rilevanti, dwar riżorsi essenzjali oħra waqt l-użu, u b’informazzjoni supplimentari dwar prodotti marbutin mal-enerġija, u b’hekk tippermetti lill-utenti aħħarin jagħżlu prodotti aktar effiċjenti”, bid-Direttiva tkun applikabbli “għall-prodotti marbutin mal-enerġija li għandhom impatt sinifikanti dirett jew indirett fuq il-konsum tal-enerġija u, fejn applikabbli, fuq ir-riżorsi essenzjali l-oħra waqt l-użu”.

4        Skont l-Artikolu 5(a) tad-Direttiva 2010/30, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li “l-fornituri li jqiegħdu fis-suq jew għat-tħaddim prodotti koperti minn att delegat [għandhom] jipprovdu tikketta u skeda skont […] id-Direttiva u l-att delegat”.

5        L-Artikolu 10 tad-Direttiva 2010/30, intitolat “Atti delegati” jipprovdi:

“1.      Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi d-dettalji dwar it-tikketta u l-iskeda permezz ta’ atti delegati skont l-Artikoli 11, 12 u 13, dwar kull tip ta’ prodott skont dan l-Artikolu.

Fejn prodott jissodisfa l-kriterji msemmija fil-paragrafu 2, hu għandu jiġi kopert minn att delegat skont il-paragrafu 4.

Dispożizzjonijiet fl-atti delegati fir-rigward tal-informazzjoni pprovduta fuq it-tikketta u fuq l-iskeda dwar il-konsum tal-enerġija u riżorsi essenzjali oħra matul l-użu għandhom jippermettu lill-utenti aħħarin biex jaslu għal deċiżjoni aħjar dwar ix-xiri u għandhom jippermettu lill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq biex jivverifikaw jekk il-prodotti jikkonformawx mal-informazzjoni pprovduta.

Fejn att delegat jistabbilixxi dispożizzjonijiet fir-rigward kemm tal-effiċjenza enerġetika kif ukoll il-konsum tar-riżorsi essenzjali ta’ prodott, id-disinn u l-kontenut tat-tikketta għandhom jenfasizzaw l-effiċjenza enerġetika tal-prodott.

2.      Il-kriterji msemmija fil-paragrafu 1 huma li ġejjin:

a)      skont iċ-ċifri disponibbli l-aktar riċenti u meta jitqiesu l-kwantitajiet imqegħda fis-suq tal-Unjoni, il-prodotti għandu jkollhom potenzjal sinifikanti għall-iffrankar tal-enerġija u, fejn applikabbli, ta’ riżorsi essenzjali oħra;

b)      prodotti b’funzjoni ekwivalenti disponibbli fis-suq għandu jkollhom id-differenzi estensivi fil-livelli rilevanti ta’ prestazzjoni;

c)      il-Kummissjoni għandha tqis il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u awtoregolamentazzjoni rilevanti, bħal ftehimiet volontarji, li jkunu mistennija jilħqu l-għanijiet ta’ politika iktar malajr jew bi spiża iżgħar mir-rekwiżiti mandatorji.

3.      Fl-abbozzar ta’ att delegat, il-Kummissjoni għandha:

a)      tqis dawk il-parametri ambjentali stipulati fl-Anness I, il-Parti 1, għad-Direttiva 2009/125/KE li huma identifikati bħala sinifikanti fil-miżuri implimentattivi rilevanti adottati skont id-Direttiva 2009/125/KE u li huma rilevanti għall-utent aħħari matul l-użu;

b)      tivvaluta l-impatt tal-att fuq l-ambjent, l-utenti aħħarin u l-produtturi, inkluż l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), f’termini ta’ kompetittività, inkluż fuq is-swieq barra mill-Unjoni, l-innovazzjoni, l-aċċess għas-suq, l-ispejjeż u l- benefiċċji;

c)      twettaq konsultazzjoni xierqa mal-partijiet interessati;

d)      tiffissa data(i) ta’ implimentazzjoni, kull miżura jew perjodu f’diversi stadji, waqt li tikkunsidra b’mod partikolari l-impatti possibbli fuq l-SMEs jew fuq gruppi ta’ prodotti speċifiċi primarjament manifatturati mill-SMEs.

4.      L-atti delegati għandhom jispeċifikaw b’mod partikolari:

a)      id-definizzjoni eżatta tat-tip ta’ prodotti li għandhom jiġu inklużi;

b)      l-istandards u l-metodi ta’ qisien [kejl] li għandhom jintużaw biex tinkiseb l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 1(1);

c)      id-dettalji tad-dokumentazzjoni teknika meħtieġa skont l-Artikolu 5;

d)      id-disinn u l-kontenut tat-tikketta msemmija fl-Artikolu 4, li kemm jista’ jkun għandu jkollha karatteristiċi ta’ disinn uniformi għall-gruppi kollha tal-prodotti; u fil-każijiet kollha għandha tkun viżibbli u leġġibbli b’mod ċar. Bħala bażi, il-format tat-tikketta għandu jibqa’ skont il-klassifikazzjoni bl-użu tal-ittri minn A sa G; l-istadji tal-klassifikazzjoni għandhom jikkorrespondu ma’ ffrankar sinifikanti tal-enerġija u l-ispejjeż mill-perspettiva tal-utenti aħħarin.

Jistgħu jiġu miżjuda tliet klassijiet addizzjonali mal-klassifikazzjoni jekk ikun meħtieġ mill-progress teknoloġiku. Dawk il-klassijiet addizzjonali ser ikunu A+, A++, u A+++ għall-aktar klassi effiċjenti. Fil-prinċipju n-numru totali ta’ klassijiet ser ikun limitat għal sebgħa, ħlief jekk ikunu għadhom mimlijin aktar klassijiet.

L-iskala tal-kuluri m’għandhiex tikkonsisti f’aktar minn seba’ kuluri differenti minn aħdar skur sa aħmar. Il-kodiċi ta’ kulur tal-ogħla klassi biss għandu dejjem ikun aħdar skur. Jekk ikun hemm aktar minn seba’ klassijiet, jista’ jiġi dduplikat il-kulur aħmar biss.

Il-klassifikazzjoni għandha tiġi riveduta b’mod partikolari meta proporzjon sinifikanti ta’ prodotti fis-suq intern jilħaq l-ogħla żewġ klassijiet ta’ effiċjenza tal-enerġija u meta jkun jista’ jinkiseb iffrankar addizzjonali b’aktar differenzjar ta’ prodotti.

Il-kriterji dettaljati għal riklassifikazzjoni possibbli għandhom, fejn xieraq, jiġu ddeterminati fuq bażi ta’ każ b’każ fl-att delegat rilevanti;

e)      […]

f)      il-kontenut u, fejn xieraq, il-format u dettalji oħra dwar l-iskeda jew informazzjoni oħra speċifikata fl-Artikoli 4 u 5(c). L-informazzjoni fuq it-tikketta għandha tiġi inkluża wkoll fuq l-iskeda;

g)      il-kontenut speċifiku għat-tikketta għar-reklmar, inkluż, kif xieraq, il-klassi enerġetika u l-livell(i) rilevanti ta’ prestazzjoni ta’ prodott partikolari f’forma leġġibbli u viżibbli;

h)      it-tul taż-żmien tal-klassifikazzjoni(jiet) tat-tikketti, fejn xieraq, f’konformità mal-punt (d);

i)      il-livell ta’ preċiżjoni fl-istqarrijiet fuq it-tikketta u l-iskedi;

j)      id-data għall-evalwazzjoni u r-reviżjoni possibbli tal-att delegat, filwaqt li titqies il-ħeffa tal-progress teknoloġiku.”

6        L-Artikolu 11 tad-Direttiva 2010/30, intitolat “L-eżerċizzju tad-delega’, jippreċiża dan li ġej:

“1.      Is-setgħat sabiex jiġu adottati l-atti delegati msemmija fl-Artikolu 10 għandhom jiġu konferiti fuq il-Kummissjoni għal perijodu ta’ ħames snin li jibda fid‑19 ta’ Ġunju 2010. Il-Kummissjoni għandha tagħmel rapport rigward is-setgħat delegati mhux aktar tard minn 6 xhur qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ 5 snin. Id-delega tas-setgħa għandha tiġi awtomatikament estiża għal perijodi tal-istess dewmien, sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma jirrevokawhiex skont l-Artikolu 12.

2.      Malli tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifika simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

[…]”

 Ir-regolament ikkontestat

7        Sabiex tissupplimenta d-Direttiva 2010/30 f’dak li jikkonċerna l-ittikkettjar tal-vacuum cleaners, il-Kummissjoni adottat ir-regolament ikkontestat fit‑3 ta’ Mejju 2013.

8        Skont l-Artikolu 1(1) tiegħu, ir-regolament ikkontestat “jistabbilixxi rekwiżiti għat-tikkettar u l-għoti ta’ informazzjoni supplimentari dwar il-prodott għal vacuum cleaners li jitqabbdu mal-mejn tal-elettriku, inklużi vacuum cleaners ibridi”.

9        L-Artikolu 3 tar-regolament ikkontestat, intitolat “Responsabbiltajiet tal-fornituri u skeda taż-żmien”, jipprovdi:

“1.      Il-fornituri għandhom jiżguraw li mill‑1 ta’ Settembru 2014:

a)      kull vacuum cleaner ikun fornut b’tikketta stampata fil-format u bil-kontenut kif stipulat fl-Anness II;

b)      tkun disponibbli skeda tal-prodott, kif stabbilit fl-Anness III;

c)      id-dokumentazzjoni teknika, kif stipulata fl-Anness IV, tkun disponibbli għall-awtoritajiet tal-Istati Membri u l-Kummissjoni fuq talba tagħhom;

d)      jekk tkun qed tingħata informazzjoni relatata mal-enerġija jew mal-prezz, kull reklamar għal mudell speċifiku ta’ vacuum cleaner għandu jindika l-klassi tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija;

e)      kwalunkwe materjal tekniku ta’ promozzjoni dwar mudell speċifiku ta’ vacuum cleaner li tiddeskrivi l-parametri tekniċi speċifiċi tindika l-klassi tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija ta’ dak il-mudell.

2.      Il-format tat-tikketta stipulata fl-Anness II se japplika skont l-iskeda li ġejja:

a)      għal vacuum cleaners li tqiegħdu fis-suq mill‑1 ta’ Settembru 2014 it-tikketti għandhom ikunu skont it-tikketta 1 tal-Anness II;

b)      għal vacuum cleaners li tqiegħdu fis-suq mill‑1 ta’ Settembru 2017 it-tikketti għandhom ikunu skont it-tikketta 2 tal-Anness II.”

10      L-Artikolu 5 tar-regolament ikkontestat, intitolat “Metodi ta’ kejl”, jippreċiża li l-“informazzjoni li għandha tingħata skont l-Artikoli 3 u 4 għandha tinkiseb permezz ta’ metodi tal-kejl u tal-kalkolu li jkunu affidabbli, preċiżi u riproduċibbli, li jqisu l-metodi tal-kejl u tal-kalkolu l-aktar avvanzati rrikonoxxuti, kif stipulat fl-Anness VI”.

11      L-Artikolu 7 tar-regolament ikkontestat, intitolat “Reviżjoni”, jipprovdi:

“Il-Kummissjoni għandha tirrevedi dan ir-Regolament fid-dawl tal-progress teknoloġiku sa mhux aktar tard minn ħames snin wara li jkun daħal fis-seħħ. Ir-reviżjoni għandha b’mod partikolari tivvaluta t-tolleranzi tal-verifika stabbiliti fl-Anness VII, jekk il-vacuum cleaners ta’ daqs sħiħ li jaħdmu bil-batteriji għandhomx ikunu inklużi fil-kamp tal-applikazzjoni u jekk hux vijabbli li jintużaw metodi ta’ kejl għall-konsum annwali tal-enerġija, għat-trab miġbur u għall-emissjoni mill-ġdid tat-trab li huma bbażati fuq kejl b’kontenitur parzjalment mimli pjuttost milli b’kontenitur vojt.”

12      Il-punt 1 tal-Anness VI tar-regolament ikkontestat jippreċiża:

“Għall-fini tal-konformità mar-rekwiżiti u tal-verifika tal-konformità mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament, il-kejl u l-kalkoli għandhom jitwettqu permezz ta’ proċedura ta’ kejl affidabbli, preċiża u riproduċibbli, li tqis il-metodi ta’ kejl u kalkolu l-aktar reċenti u avvanzati ġeneralment rikonoxxibbli, inkluż il-metodi armonizzati stipulati f’dokumenti li n-numri ta’ referenza tagħhom ġew ippubblikati għal dak il-għan f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Dawn għandhom jissodisfaw id-definizzjonijiet tekniċi, il-kundizzjonijiet, l-ekwazzjonijiet u l-parametri stabbilit b’dan l-Anness.”

13      Ir-regolament ikkontestat ġie ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fit‑13 ta’ Lulju 2013.

 Il-Proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja

14      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑7 ta’ Ottubru 2013, ir-rikorrenti talbet lill-Qorti Ġenerali tannulla r-regolament ikkontestat.

15      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti qajmet tliet motivi bbażati, fir-rigward tal-ewwel motiv, fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni, fir-rigward tat-tieni motiv, fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tar-regolament ikkontestat u, fir-rigward tat-tielet motiv, fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

16      Il-Kummissjoni ppreżentat risposta fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑18 ta’ Novembru 2013 li permezz tagħha hija talbet lill-Qorti Ġenerali tiċħad ir-rikors u tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

17      Permezz ta’ sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2015, Dyson vs Il‑Kummissjoni (T‑544/13, iktar ’il quddiem is-“sentenza inizjali”, EU:T:2015:836), il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors filwaqt li kkundannat lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

18      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil‑25 ta’ Jannar 2016, ir-rikorrenti appellat mis-sentenza inizjali.

19      Permezz ta’ sentenza tal‑11 ta’ Mejju 2017, Dyson vs Il‑Kummissjoni (C‑44/16 P, iktar ’il quddiem is-“sentenza tal-appell”, EU:C:2017:357), il-Qorti tal-Ġustizzja annullat is-sentenza inizjali sa fejn din kienet ċaħdet l-ewwel parti tal-ewwel motiv u t-tielet motiv invokati fl-ewwel istanza u bagħtet il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tagħti deċiżjoni dwar l-ewwel parti tal-ewwel motiv u dwar it-tielet motiv invokati fl-ewwel istanza filwaqt li rriżervat l-ispejjeż.

 Il-Proċedura u t-talbiet tal-partijiet wara r-rinviju

20      Wara s-sentenza tal-appell u konformement mal-Artikolu 215 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, din il-kawża ġiet assenjata lill-Ħames Awla tal-Qorti Ġenerali.

21      Konformement mal-Artikolu 217(1) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rikorrenti u l-Kummissjoni ppreżentaw fit-termini mogħtija l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom fuq il-konklużjonijiet li għandhom jittieħdu mis-sentenza tal-appell għas-soluzzjoni tat-tilwima.

22      Konformement mal-Artikolu 217(3) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rikorrenti ppreżentat talba sabiex tingħata permess tippreżenta nota komplementari għall-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni.

23      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Ħames Awla tal-Qorti Ġenerali tad‑9 ta’ Awwissu 2017, il-Qorti Ġenerali ċaħdet it-talba tar-rikorrenti.

24      Konformement mal-Artikolu 67(2) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rikorrenti talbet lill-Qorti Ġenerali tiddeċiedi din il-kawża bi prijorità.

25      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Ħames Awla tal-Qorti Ġenerali tad‑9 ta’ Awwissu 2017, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li titratta din il-kawża bi prijorità.

26      Konformement mal-Artikolu 106(2) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rikorrenti u l-Kummissjoni ppreżentaw, fid‑29 u fit‑30 ta’ Awwissu 2017, rispettivament, talba sabiex jinstemgħu f’seduta għas-sottomissjonijiet orali.

27      Permezz ta’ ittra tal‑21 ta’ Frar 2018, ir-rikorrenti talbet li tuża mezzi tekniċi matul is-seduta sabiex flimkien mas-sottomissjonijiet tagħha tagħmel preżentazzjoni PowerPoint.

28      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Ħames Awla tal-Qorti Ġenerali tas‑26 ta’ Frar 2018, il-Qorti Ġenerali awtorizzat lir-rikorrenti sabiex tuża l-mezzi tekniċi mitluba.

29      Mingħajr ma opponiet formalment għall-użu ta’ mezzi tekniċi matul is-seduta għas-sottomissjonijiet orali, il-Kummissjoni talbet lill-Qorti Ġenerali tordna lir-rikorrenti tidentifika b’mod ċar fil-preżentazzjoni PowerPoint tagħha l-punti tal-proċess li hija kienet għamlet riferiment għalihom, taħt piena ta’ inammissibbiltà.

30      Barra minn hekk, il-Kummissjoni talbet lill-Qorti Ġenerali tordna lir-rikorrenti tipprovdi kopja tal-preżentazzjoni PowerPoint jumejn tax-xogħol qabel is-seduta għas-sottomissjonijiet orali.

31      Bħala miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, fis‑7 ta’ Marzu 2018 il-Qorti Ġenerali (il-Ħames Awla) talbet lir-rikorrenti tipproduċi qabel tinżamm is-seduta għas-sottomissjonijiet orali verżjoni stampata tal-preżentazzjoni PowerPoint.

32      Fit‑12 ta’ Marzu 2018, ir-rikorrenti ttrażmettiet lir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali verżjoni stampata tal-preżentazzjoni PowerPoint tagħha.

33      Il-partijiet instemgħu fis-sottomissjonijiet orali tagħhom fit‑13 ta’ Marzu 2018.

34      Matul is-seduta għas-sottomissjonijiet orali, il-Kummissjoni argumentat li d-dijagrammi dwar it-tielet motiv tar-rikors, li jinsabu fil-preżentazzjoni PowerPoint, ma kinux jikkorrispondu mal-proċessi fil-Kawża T‑544/13 u f’din il-kawża u talbet li l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi li huma inammissibbli.

35      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla r-regolament ikkontestat;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kollha.

36      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq il-portata tar-rikors wara r-rinviju

37      Insostenn tar-rikors tagħha fl-ewwel istanza, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi. L-ewwel wieħed huwa bbażat fuq nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni, it-tieni wieħed fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tar-regolament ikkontestat u t-tielet wieħed fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

38      Issa, permezz tas-sentenza tal-appell, il-Qorti tal-Ġustizzja, minn naħa, annullat is-sentenza inizjali sa fejn il-Qorti Ġenerali kienet ċaħdet l-ewwel parti tal-ewwel motiv u t-tielet motiv invokati fl-ewwel istanza u, min-naħa l-oħra, bagħtet il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tagħti deċiżjoni mill-ġdid fuq l-ewwel parti tal-ewwel motiv u fuq it-tielet motiv invokati fl-ewwel istanza (sentenza tal-appell, punti 1 u 2 tad-dispożittiv).

39      Fir-rigward tal-ewwel motiv tar-rikors, il-portata tal-annullament tas-sentenza inizjali hija limitata għall-ewwel parti tagħha.

40      Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, l-appell ippreżentat mir-rikorrenti ma kienx intiż li jikkontesta r-raġunament tal-Qorti Ġenerali li wassal għaċ-ċaħda tat-tieni parti ta’ dan il-motiv (sentenza tal-appell, punt 48).

41      Għalhekk, f’din il-kawża għandha tiġi eżaminata biss il-legalità tar-regolament ikkontestat fid-dawl tal-ewwel parti tal-ewwel motiv u tat-tielet motiv.

 Fuq l-ewwel motiv tar-rikors, ibbażat fuq nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni

 Fuq il-klassifikazzjoni tal-ewwel motiv tar-rikors

42      Permezz tas-sentenza tal-appell, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Qorti Ġenerali kienet wettqet żball ta’ liġi meta naqset milli tagħti deċiżjoni fuq wieħed mill-motivi tar-rikors (sentenza tal-appell, punt 54).

43      Dan l-iżball ta’ liġi jirriżulta, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, mill-klassifikazzjoni mill-ġdid mill-Qorti Ġenerali tal-ewwel motiv tar-rikors, sa fejn ir-rikorrenti, skont il-Qorti Ġenerali, ma invokatx bħala tali n-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni, fir-rigward tal-adozzjoni tar-regolament ikkontestat, iżda kkontestat pjuttost l-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza. Il-Qorti Ġenerali kienet għalhekk qieset li l-ewwel motiv tar-rikors kien essenzjalment ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni (sentenza tal-appell, punt 51).

44      Madankollu, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, mir-rikors jirriżulta mingħajr dubju li l-ewwel motiv ta’ annullament huwa bbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma għandhiex kompetenza sabiex tadotta r-regolament ikkontestat (sentenza tal-appell, punt 50).

45      B’mod iktar partikolari, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rikorrenti tikkritika, essenzjalment, lill-Kummissjoni li kisret, billi adottat ir-regolament ikkontestat, element essenzjali tal-att ta’ awtorizzazzjoni billi ħadet bħala metodu ta’ kalkolu tar-rendiment tal-vacuum cleaners fl-użu tal-enerġija, metodu bbażat fuq testijiet imwettqa b’kontenitur vojt, filwaqt li l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2010/30 jeżiġi li dan il-metodu jirrifletti kundizzjonijiet normali ta’ użu (sentenza tal-appell, punt 50).

46      Il-Qorti tal-Ġustizzja żżid li l-portata tas-setgħa diskrezzjonali mħollija mill-att ta’ awtorizzazzjoni hija kwistjoni ta’ liġi distinta minn dik dwar l-osservanza tal-limiti tal-mandat mogħti mill-att ta’ awtorizzazzjoni (sentenza tal-appell, punt 52.

47      Għaldaqstant, konformement mas-sentenza tal-appell, hemm lok jitqies li l-ewwel motiv tar-rikors huwa bbażat fuq ksur, mill-Kummissjoni, ta’ element essenzjali tal-att ta’ awtorizzazzjoni li jirrigwarda d-Direttiva 2010/30 u mhux fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni fl-adozzjoni tar-regolament ikkontestat.

 Fuq l-ewwel parti tal-ewwel motiv tar-rikors, ibbażata fuq ksur mill-Kummissjoni ta’ element essenzjali tal-att ta’ awtorizzazzjoni li jirrigwarda d-Direttiva 2010/30

48      Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel motiv tar-rikors, ir-rikorrenti targumenta li r-regolament ikkontestat se jinduċi lill-konsumaturi fi żball fir-rigward tal-effiċjenza enerġetika tal-vacuum cleaners, għaliex il-prestazzjoni ta’ tindif tagħhom tiġi mkejla b’testijiet imwettqa b’kontenitur vojt u għalhekk ma jitwettqux “matul l-użu”, b’mod illi r-regolament ikkontestat jikser il-kontenut, l-għanijiet u l-istruttura tad-Direttiva 2010/30 fir-rigward tal-effiċjenza enerġetika tal-vacuum cleaners.

49      Sabiex tikkonkludi dwar in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni, ir-rikorrenti qabelxejn tosserva li l-għan tad-Direttiva 2010/30 huwa l-promozzjoni tal-effiċjenza enerġetika sabiex l-utenti finali jiġu pprovduti b’informazzjoni eżatta dwar il-konsum tal-enerġija u b’ riżorsi essenzjali oħrajn “matul l-użu”.

50      L-għan tad-Direttiva 2010/30 huwa għalhekk, minn naħa, li tippermetti lill-utenti finali jagħżlu prodotti iktar effiċjenti u, min-naħa l-oħra, li l-produtturi ta’ vacuum cleaners jiġu mħajra jieħdu miżuri sabiex inaqqsu l-konsum tal-enerġija.

51      Sussegwentement, ir-rikorrenti targumenta li r-regolament ikkontestat la jissodisfa l-kontenut, la l-għanijiet u lanqas l-istruttura tad-Direttiva 2010/30.

52      Skont ir-rikorrenti, ir-regolament ikkontestat ma jippermettix li tiġi pprovduta informazzjoni eżatta lill-konsumaturi dwar l-effiċjenza enerġetika peress li, minn naħa, it-testijiet sabiex titkejjel il-prestazzjoni enerġetika tal-vacuum cleaners previsti mir-regolament ikkontestat iwasslu għal riżultati żbaljati, fis-sens li dawn it-testijiet huma mwettqa b’kontenitur vojt u mhux b’kontenitur mimli u, min-naħa l-oħra, li t-testijiet imwettqa b’kontenitur vojt ma jistgħux ikejlu b’mod korrett il-prestazzjoni enerġetika tal-vacuum cleaners, peress li dawn it-testijiet ma humiex imwettqa f’kundizzjonijiet reali ta’ użu.

53      Barra minn hekk, ir-regolament ikkontestat ma jħeġġiġx lill-produtturi sabiex jagħmlu l-aħjar għażla ta’ disinn, peress li ma humiex imħeġġa jinvestu sabiex ineħħu t-telf ta’ ġbid u, bl-istess mod, inaqqsu ż-żieda fil-konsum tal-enerġija li tirriżulta minn kontenitur mimli.

54      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti targumenta li r-regolament ikkontestat jista’ jwassal għal żieda fil-konsum tal-enerġija, minkejja li l-għan tad-Direttiva 2010/30 huwa t-tnaqqis tal-konsum tal-enerġija.

55      Fl-osservazzjonijiet tagħha fuq is-sentenza tal-appell, ir-rikorrenti tinterpreta din tal-aħħar fis-sens li l-Qorti Ġenerali għandha tivverifika jekk il-Kummissjoni tistax turi li, fl-adozzjoni tar-regolament ikkontestat, ma seta’ jintuża ebda metodu xjentifikament validu sabiex tiġi ddeterminata l-prestazzjoni enerġetika ta’ vacuum cleaner b’kontenitur mimli, jekk il-Kummissjoni ma tistax, hija aġixxiet “ultra vires”.

56      Ir-rikorrenti żżid li l-Kummissjoni tagħraf li test imwettaq b’kontenitur mimli huwa suffiċjentement affidabbli, preċiż u riproduċibbli, li dan il-metodu huwa suġġett għal testijiet “interlaboratorji”, li juru n-natura riproduċibbli tiegħu, li awtoritajiet nazzjonali u qrati nazzjonali għarfu li t-testijiet imwettqa b’kontenitur mimli kienu xjentifikament validi u li l-Kummissjoni kellha tippersisti fit-tfassil ta’ metodu ta’ kalkolu bbażat fuq testijiet imwettqa b’kontenitur mimli.

57      Fl-osservazzjonijiet tagħha fuq is-sentenza tal-appell, il-Kummissjoni tinterpreta din tal-aħħar fis-sens li l-Qorti Ġenerali għandha tevalwa jekk il-metodu wżat fir-regolament ikkontestat kienx kemm jista’ jkun viċin tal-kundizzjonijiet reali ta’ użu, u dan, fid-data tal-adozzjoni tar-regolament ikkontestat.

58      Il-Kummissjoni targumenta li aġixxiet fil-limiti tal-kompetenza tagħha f’dak li jirrigwarda element essenzjali tad-Direttiva 2010/30, jiġifieri l-adozzjoni ta’ metodu ta’ prova li jkun kemm jista’ jkun viċin tal-kundizzjonijiet reali ta’ użu.

59      Dan jirriżulta mill-mandat mogħti lill-Kumitat Ewropew għall-istandardizzazzjoni Elettroteknika (CENELEC), mill-ftehim ta’ għotja konkluż ma’ dan tal-aħħar u minn studji ulterjuri, sa fejn, mingħajr ma imponew ebda metodu partikolari fil-bidu, l-istudji mwettqa miċ-CENELEC iwasslu kollha għall-konklużjoni li tipprovdi li huwa biss test b’kontenitur vojt li jista’ jippreżenta riżultati xjentifikament paragunabbli bejn diversi laboratorji.

60      Din il-konklużjoni ma tistax tiġi mminata, skont il-Kummissjoni, mill-fatt li hija taċċetta test b’ kontenitur mimli għall-istudju tad-durabbiltà tal-mutur li jeżiġi r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 666/2013 tat‑8 ta’ Lulju 2013 li jimplimenta d-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti tal-ekodisinn għall-vacuum cleaners (ĠU 2013, L 192, p. 24).

61      Għalhekk, fil-kuntest tal-ewwel motiv sa fejn huwa bbażat fuq nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni, ir-rikorrenti targumenta, fl-ewwel parti, li l-Kummissjoni kisret il-kompetenza ddelegata tagħha li hija kienet tikseb mill-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2010/30.

62      Għandu wkoll, fl-ewwel lok, jiġi vverifikat jekk ir-regolament ikkontestat kisirx elementi essenzjali tad-Direttiva 2010/30, fid-dawl tal-kontenut tagħha, u, fl-affermattiv, li tiġi vverifikata l-inċidenza tiegħu.

63      Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li, fis-sentenza tal-appell, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet preċiżament li l-informazzjoni tal-konsumatur dwar l-effiċjenza enerġetika tal-apparat matul l-użu tiegħu, bħalma kien jirriżulta mill-Artikolu 1 u mit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2010/30, kienet tikkostitwixxi għan essenzjali ta’ din id-direttiva u kienet tirrifletti għażla politika li taqa’ taħt ir-responsabbiltajiet proprji tal-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea (sentenza tal-appell, punt 64).

64      Fil-fatt, minn naħa, mill-premessi 5 u 8 tad-Direttiva 2010/30 jirriżulta li “l-forniment ta’ informazzjoni preċiża, rilevanti u komparabbli dwar il-konsum speċifiku ta’ enerġija” tal-prodotti “tilgħab rwol importanti fil-ħidma tal-forzi tas-suq” u, għaldaqstant, fil-kapaċità li l-konsum jiġi dirett lejn apparat b’konsum “inqas tal-enerġija […] matul l-użu” (sentenza tal-appell, punt 64).

65      Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2010/30 jipprevedi li din hija intiża li tarmonizza l-miżuri nazzjonali dwar l-informazzjoni tal-utenti finali dwar il-konsum tal-enerġija “matul l-użu”, sabiex huma jkunu jistgħu jagħżlu prodotti “aktar effiċjenti” (sentenza tal-appell, punt 64).

66      Barra minn hekk, bħalma jirriżulta mis-sentenza tal-appell, l-interpretazzjoni tal-espressjoni “matul l-użu”, li tinsab fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2010/30, fis-sens li tirrigwarda l-kundizzjonijiet reali ta’ użu, ma tikkostitwixxix interpretazzjoni “eċċessivament estensiva” tal-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva, iżda s-sens innifsu ta’ din il-preċiżjoni (sentenza tal-appell, punt 66).

67      Din l-affermazzjoni ma tistax tiġi mminata, skont is-sentenza tal-appell, mill-fatt li r-regolament ikkontestat huwa intiż biss li jissupplimenta d-direttiva, u mhux li jemendaha (sentenza tal-appell, punt 65).

68      Għaldaqstant, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, minn dan preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni kellha l-obbligu, sabiex ma tiksirx element essenzjali tad-Direttiva 2010/30, li tuża, fil-kuntest tar-regolament ikkontestat, metodu ta’ kalkolu li jippermetti li titkejjel il-prestazzjoni enerġetika tal-vacuum cleaners f’kundizzjonijiet kemm jista’ jkun viċin tal-kundizzjonijiet reali ta’ użu, billi teżiġi li l-kontenitur tal-vacuum cleaner ikun mimli sa ċertu livell, kont meħud madankollu tar-rekwiżiti marbuta mal-validità xjentifika tar-riżultati miksuba u mal-eżattezza tal-informazzjoni pprovduta lill-konsumaturi bħalma kienu b’mod partikolari msemmija fil-premessa 5 u fl-Artikolu 5(b) ta’ din id-direttiva (sentenza tal-appell, punt 68).

69      F’dan ir-rigward, mill-punt 68 tas-sentenza tal-appell jirriżulta li, sabiex il-metodu wżat mill-Kummissjoni jkun konformi mal-elementi essenzjali tad-Direttiva 2010/30, żewġ kundizzjonijiet kumulattivi għandhom jiġu ssodisfatti.

70      Minn naħa, sabiex titkejjel il-prestazzjoni enerġetika tal-vacuum cleaners, f’kundizzjonijiet kemm jista’ jkun viċin tal-kundizzjonijiet reali tal-użu, il-kontenitur tal-vacuum cleaner irid ikun mimli sa ċertu livell.

71      Min-naħa l-oħra, il-metodu wżat għandu jissodisfa ċerti rekwiżiti marbuta mal-validità xjentifika tar-riżultati miksuba u mal-eżattezza tal-informazzjoni pprovduta lill-konsumaturi.

72      Issa, f’dan il-każ, kemm mill-Artikolu 7 tar-regolament ikkontestat kif ukoll mill-proċess kollu ta’ din il-kawża jirriżulta li l-Kummissjoni wżat metodu ta’ kalkolu tal-prestazzjoni enerġetika tal-vacuum cleaners ibbażat fuq kontenitur vojt.

73      Għaldaqstant, hemm lok jiġi kkonstatat li l-ewwel kundizzjoni prevista mill-att ta’ awtorizzazzjoni, kif interpretat mis-sentenza tal-appell, ma hijiex issodisfatta.

74      Din il-konstatazzjoni hija biżżejjed sabiex jiġi konkluż li l-Kummissjoni kisret element essenzjali tal-att ta’ awtorizzazzjoni.

75      Fil-fatt, sa fejn il-metodu wżat mill-Kummissjoni ma jissodisfax l-ewwel kundizzjoni, ma huwiex neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar jekk dan il-metodu jissodisfax it-tieni kundizzjoni prevista mill-att ta’ awtorizzazzjoni li jirrigwarda d-Direttiva 2010/30.

76      Barra minn hekk, jekk ebda metodu ta’ kalkolu wżat bil-kontenitur mimli sa ċertu livell ma jissodisfa r-rekwiżiti marbuta mal-validità xjentifika tar-riżultati miksuba u mal-eżattezza tal-informazzjoni pprovduta lill-Kummissjoni, il-Kummissjoni tibqa’ f’pożizzjoni li teżerċita d-dritt ta’ inizjattiva leġiżlattiva, konformement mal-Artikolu 289(1) TFUE, sabiex tipproponi lil-leġiżlatur tal-Unjoni modifika għall-att ta’ awtorizzazzjoni.

77      Konsegwentement, hemm lok li l-ewwel parti tal-ewwel motiv tintlaqa’.

78      Fit-tieni lok, skont il-ġurisprudenza, is-sempliċi fatt li hija tikkunsidra motiv invokat mir-rikorrenti insostenn tar-rikors għal annullament tagħha bħala fondat, ma jippermettix lill-Qorti Ġenerali tannulla awtomatikament l-att ikkontestat fit-totalità tiegħu. Fil-fatt, annullament totali ma jistax jiġi aċċettat meta jidher kjarament li dan il-motiv, li jirrigwarda biss punt speċifiku tal-att ikkontestat, jista’ jwassal biss għal annullament parzjali (sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2008, Il‑Kummissjoni vs Département du Loiret, C‑295/07 P, EU:C:2008:707, punt 104).

79      Issa, hija ġurisprudenza stabbilita li l-annullament parzjali ta’ att tal-Unjoni huwa possibbli biss sa fejn l-elementi li l-annullament tagħhom qiegħed jiġi mitlub jistgħu jiġu sseparati mill-bqija tal-att. Dan ir-rekwiżit ta’ separabbiltà ma huwiex issodisfatt meta l-annullament parzjali ta’ att ikollu l-effett li jibdel is-sustanza tiegħu (ara s-sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2008, Il‑Kummissjoni vs Département du Loiret, C‑295/07 P, EU:C:2008:707, punti 105 u 106 u l-ġurisprudenza ċċitata).

80      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li annullament parzjali tar-regolament ikkontestat, jiġifieri biss sa fejn, permezz tiegħu, il-Kummissjoni wżat metodu ta’ kalkolu bbażat fuq kontenitur vojt, ma jistax jiġi aċċettat.

81      Fil-fatt, dan l-element tal-aħħar ma huwiex separabbli mill-kumplament tal-att, peress li l-informazzjoni kollha li l-ittikkettjar enerġetiku tal-vacuum cleaners irid jirrigwarda għandha tinġabar abbażi ta’ tali metodu ta’ kalkolu.

82      Għaldaqstant, ir-regolament ikkontestat għandu jiġi annullat fit-totalità tiegħu, mingħajr il-ħtieġa li tingħata deċiżjoni la fuq it-tielet motiv tar-rikors u lanqas fuq it-talbiet għal inammissibbiltà tad-dijagrammi ppreżentati matul is-seduta għas-sottomissjonijiet orali, li rrigwardaw it-tielet motiv tar-rikors.

 Fuq l-ispejjeż

83      Skont l-Artikolu 219 tar-Regoli tal-Proċedura, fid-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali mogħtija wara annullament u rinviju, din għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż dwar, minn naħa, il-proċeduri mibdija quddiemha u, min-naħa l-oħra, il-proċedura tal-appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

84      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk tar-rikorrenti, konformement mat-talbiet tagħha, inklużi l-ispejjeż relatati mal-proċedura ta’ appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 665/2013 tat3 ta’ Mejju 2013 li jissupplimenta d-Direttiva 2010/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tat-tikkettar enerġetiku tal-vacuum cleaners, huwa annullat.

2)      Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż, inklużi l-ispejjeż relatati mal-proċedura ta’ appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

Gratsias

Labucka

Ulloa Rubio

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-8 ta’ Novembru 2018.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.