Appell ippreżentat fil-21 ta’ Diċembru 2018 minn The Yokohama Rubber Co. Ltd mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla Estiża) fl-24 ta’ Ottubru 2018 fil-Kawża T-447/16 – Pirelli Tyre vs LEUIPO

(Kawża C-818/18)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: The Yokohama Rubber Co. Ltd (rappreżentanti: D. Martucci, F. Boscariol de Roberto, avukati)

Partijiet oħra fil-proċedura: L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea, Pirelli Tyre SpA

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

jekk ikun meħtieġ, tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali;

tikkundanna lil Pirelli Tyre S.p.A. għall-ispejjeż inkluż dawk sostnuti matul il-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali u l-Bord tal-Appell.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-ewwel parti tal-ewwel aggravju: jekk it-trade mark hijiex magħmula mill-forma tal-oġġett fis-sens tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94 1 ?

Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, minkejja li r-rappreżentazzjoni grafika li tikkostitwixxi s-sinjal inkwistjoni ma turi ebda kontorn u ma hijiex akkompanjata minn deskrizzjoni addizzjonali, Pirelli ma kkontestatx li uħud mill-mudelli ta’ tajers tagħha jinkludu, fuq il-wiċċ tat-tajer, skanalatura fil-forma rrappreżentata mis-sinjal ikkontestat. Barra minn hekk il-possibbiltà li għandha l-awtorità kompetenti li tieħu inkunsiderazzjoni elementi utli sabiex jiġu identifikati l-karatteristiċi essenzjali ta’ sinjal tridimensjonali kkontestat ġiet estiża għall-eżaminazzjoni ta’ sinjali bidimensjonali. Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet ir-raġunament tagħha billi sostniet li: “Issa, hemm lok jiġi kkonstatat li, analizzata oġġettivament u konkretament, it-trade mark ikkontestata ma tirrappreżentax id-disinn ta’ wiċċ it-tajer. Hija tirrappreżenta, l-iktar l-iktar, kanal iżolat ta’ wiċċ it-tajer.” Il-Qorti tal-Ġustizzja tenniet li l-ġurisprudenza, li ġiet żviluppata fir-rigward ta’ trade marks tridimensjonali li jikkonsistu fl-apparenza tal-prodott jew parti mill-prodott innifsu, tapplika wkoll fejn, bħal f’dan il-każ, it-trade mark li ssir applikazzjoni għaliha hija trade mark figurattiva li tikkonsisti f’rappreżentazzjoni bidimensjonali ta’ dak il-prodott jew parti minn dak il-prodott. F’każ bħal dan, b’mod analogu, it-trade mark ma hijiex magħmula minn sinjal li ma huwiex relatat mal-apparenza tal-prodotti li tkopri. Ir-rappreżentazzjoni grafika tat-trade mark ikkontestata tirriproduċi eżattament il-forma tal-prodott (jiġifieri disinn) li hija tirrappreżenta jew tal-prodott li hija relatata miegħu għal raġunijiet tekniċi. L-ispjegazzjoni pprovduta mill-Qorti Ġenerali, skont liema s-sinjal ma huwiex parti sinjifikattiva mill-prodott, hija arbitrarja u kuntrarja għall-ġurisprudenza deċiża mill-Qorti tal-Ġustizzja u mill-istess Qorti Ġenerali. Ma hijiex kwistjoni ta’ jekk is-sinjal jikkostitwixxix parti sinjifikattiva mill-prodott iżda ta’ jekk is-sinjal huwiex parti mill-prodott.

It-tieni parti tal-ewwel aggravju: jekk il-Bord tal-Appell żiedx elementi fil-forma li ma kienux jifformaw parti mis-sinjal u li għalhekk kienu esterni u mhux relatati ma’ dan

Il-Qorti Ġenerali ssostni li l-Bord tal-Appell telaq mill-forma rrappreżentata mis-sinjal ikkontestat u mmodifikah. Fi kliem ieħor, il-Bord tal-Appell immodifika n-natura tas-sinjal, sostna jew ippreżuma partikolaritajiet u karatteristiċi esterni u mhux relatati. Fil-verità, il-Bord tal-Appell ma żiedx elementi għas-sinjal iżda evalwa l-forma tal-prodott reali minflok forma astratta. Jekk is-sinjal, kif sostnut mill-Qorti Ġenerali, huwa rappreżentazzjoni realistika ta’ parti mill-oġġetti koperti mis-sinjal, huwa neċessarju li jiġu analizzati l-karatteristiċi tal-forma li jirriżultaw mir-rappreżentazzjoni grafika mill-perspettiva tal-funzjoni tal-oġġetti kkonċernati. Skont ir-rikorrenti, il-Qorti Ġenerali jidher li ssostni li l-EUIPO pprova jsib karatteristiċi moħbija li ma humiex viżibbli fil-forma rrappreżentata. Għalkemm dik l-evalwazzjoni mingħajr dubju għandha tkun limitata prima facie għal analiżi tal-forma suġġett tal-applikazzjoni, ir-relazzjoni bejn dik il-forma (skanalatura) u l-funzjoni tal-oġġetti (tajer) teħtieġ il-kunsiderazzjoni ta’ informazzjoni addizzjonali. Skont ir-rikorrenti, l-analiżi tas-sinjal suġġett tal-applikazzjoni hija pjuttost sempliċi minħabba l-fatt li fuq il-prodotti t-trade mark tidher bħala riproduzzjoni ripetuta tas-sinjal. Għalhekk, id-domanda hija jekk ir-raffigurazzjoni hijiex ekwivalenti inkontestabbilment għal rappreżentazzjoni ta’ element funzjonali ta’ parti mill-prodott u mhux, kuntrarjament għal dak li sostniet il-Qorti Ġenerali, jekk ir-raffigurazzjoni hijiex ekwivalenti inkontestabbilment għar-rappreżentazzjoni ta’ parti sinjifikattiva jew għal parti żgħira mill-prodott.

It-tieni aggravju: fuq l-iżnaturament tal-fatti

Il-Qorti Ġenerali żbaljat meta evalwat il-fatti kollha u d-dokumenti kollha ppreżentati minn Yokohama. Ir-rikorrenti indikat b’mod preċiż il-provi li allegatament ġew żnaturati mill-Qorti Ġenerali u wriet l-iżbalji ta’ analiżi li, fil-fehma tagħha, wasslu għal dak l-iżnaturament. Dan l-iżnaturament huwa evidenti mid-dokumenti fil-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, mingħajr ma huwa meħtieġ li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi.

____________

1 Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 ta’ l-20 ta’ Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146).