Appell ippreżentat fit-18 ta’ Settembru 2019 minn VodafoneZiggo Group BV mid-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) fid-9 ta’ Lulju 2019 fil-Kawża T-660/18, VodafoneZiggo Group BV vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-689/19 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: VodafoneZiggo Group BV (rappreżentanti: W. Knibbeler, A.A.J. Pliego Selie, B.A. Verheijen, advocaten)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellanti titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla d-digriet tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Lulju 2019 fil-Kawża T-660/18 (id-digriet appellat);

tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali;

tirriżerva l-ispejjeż ta’ din il-proċedura.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq żbalji ta’ liġi fil-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea C(2018) 5848 final (id-deċiżjoni kkontestata) ma tipproduċix effetti legali vinkolanti.

L-ewwel parti tal-ewwel aggravju: il-ħtieġa li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali “jagħtu l-akbar kunsiderazzjoni lill-ˮ kummenti tal-Kummissjoni Ewropea magħmula skont l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2002/21/KE 1 timponi fuq dawn l-awtoritajiet obbligu legalment vinkolanti.

It-tieni parti tal-ewwel aggravju: il-kummenti magħmula skont l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2002/21/KE jammontaw għal awtorizzazzjoni, peress li b’dan il-mod il-Kummissjoni Ewropea tagħżel li tikkonkludi l-investigazzjoni tagħha mingħajr ma tagħmel użu mid-dritt tagħha ta’ veto.

It-tielet parti tal-ewwel aggravju: id-deċiżjoni kkontestata ma tistax tiġi kklassifikata bħala att preparatorju, peress li l-proċedura segwita mill-Kummissjoni Ewropea hija separata u distinta mill-proċedura nazzjonali.

Ir-raba’ parti tal-ewwel aggravju: il-Qorti Ġeenrali, billi ddeċidiet li l-użu tal-kelma “deċiżjoni ˮ mill-Kummissjoni “ma huwiex xieraqˮ, tmur lil hinn mill-kompetenza tagħha fil-qasam tal-istħarriġ ġudizzjarju.

Il-ħames parti tal-ewwel aggravju: id-digriet appellat huwa vvizzjat minn nuqqas ta’ motivazzjoni fid-dikjarazzjoni tiegħu li l-għan tad-deċiżjoni kkontestata huwa “irrilevantiˮ.

It-tieni aggravju huwa bbażat fuq żbalji proċedurali li jirriżultaw min-nuqqas li jiġu indirizzati argumenti li, fuq il-mertu, kapaċi jinfluwenzaw l-eżitu tal-kawża.

L-ewwel parti tat-tieni aggravju: tirrigwarda l-argument li jgħid li ġiet eskluża opportunità għall-BEREC li jippreżenta osservazzjonijiet.

It-tieni parti tat-tieni aggravju: tirrigwarda l-argument li jgħid li l-esklużjoni tal-possibbiltà għal smigħ ma tistax tiġi rrimedjata minn possibbiltajiet oħra għal smigħ li ma humiex relatati.

It-tielet aggravju bbażat fuq żbalji ta’ liġi fil-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li tgħid li ma nkisrux id-drittijiet fundamentali tal-appellanti. L-appellanti tgawdi mid-drittijiet fundametali stabbiliti fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u l-argumenti tagħha u l-ammissibbiltà għandhom jiġu interpretati fid-dawl tagħhom. Barra minn hekk, il-proċedura għal deċiżjoni preliminari ma tistax tipprevjeni l-ksur.

____________

1 Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi [networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi] (Direttiva Kwadru) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 349).