Appell ippreżentat fil-25 ta’ Jannar 2019 mill-Kummissjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla Estiża) fil-15 ta’ Novembru 2018 fil-Kawża T-793/14, Tempus Energy u Tempus Energy Technology vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-57/19 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: É. Gippini Fournier, P. Němečková, aġenti)

Partijiet oħra fil-proċedura: Tempus Energy Ltd, Tempus Energy Technology Ltd, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla Estiża) tal-15 ta’ Novembru 2018, innotifikata lill-Kummissjoni l-jum ta’ wara, fil-Kawża T-793/14, Tempus Energy Ltd u Tempus Energy Technology Ltd vs Il-Kummissjoni Ewropea;

u

tiċħad ir-rikors biex jannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni finali C(2014)5083 1 tat-23 ta’ Lulju 2014 biex ma tqajjimx oġġezzjonijiet għall-iskema ta’ għajnuna għas-suq tal-kapaċità fir-Renju Unit;

sussidjarjament,

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla Estiża) tal-15 ta’ Novembru 2018, innotifikata lill-Kummissjoni fil-jum ta’ wara, fil-Kawża T-793/14, Tempus Energy Ltd u Tempus Energy Technology Ltd vs Il-Kummissjoni Ewropea;

tirrinvija l-każ lura lill-Qorti Ġenerali għall-kunsiderazzjoni tat-tieni motiv fl-ewwel istanza;

u fi kwalunkwe każ, tikkundanna lir-rikorrenti fl-ewwel istanza għall-ispejjeż tal-proċedimenti fl-ewwel istanza u fl-appell.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appell huwa bbażat fuq aggravju wieħed: il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat l-Artikolu 108(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 4(2) u (3) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 2 tat-13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, billi kkonstatat li l-miżura ta’ għajnuna nnotifikata qajmet dubbji serji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern.

Peress li l-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq serje ta’ indizji dwar diffikultajiet serji, l-aggravju wieħed huwa diviż f’dawn iż-żewġ partijiet segwenti fuq iż-żewġ serje ta’ indizji eżaminati fis-sentenza kkontestata:

L-ewwel parti: Il-Qorti Ġenerali żbaljat meta qieset, bħala indikatur prinċipali tad-dubbji, it-tul u ċ-ċirkustanzi tal-kuntatti qabel in-notifika u l-kumplessità u n-novità tal-miżura.

It-tieni parti: Il-Qorti Ġenerali żbaljat meta tat it-tort lill-Kummissjoni għal nuqqas ta’ investigazzjoni xierqa dwar ċerti aspetti tas-suq tal-kapaċità fir-Renju Unit.

____________

1 Awtorizzazzjoni għall-għajnuna mill-Istat skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea – Każijiet fejn il-Kummissjoni ma tqajjem ebda oġġezzjoni (ĠU 2014, C 348, p. 5).

2 ĠU 2015, L 248, p. 9.