DIGRIET TAL-PRESIDENT

TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

3 ta’ Lulju 2008

Kawża F-52/08 R

Wolfgang Plasa

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Proċeduri għal miżuri provviżorji – Talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid – Urġenza – Assenza”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 242 KE, 243 KE, 157 KEEA u 158 KEEA, li permezz tiegħu W. Plasa jitlob is-sospensjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tat-8 ta’ Mejju 2008, li assenjatu mill-ġdid fi Brussell (il-Belġju), fl-interess tas-servizz, sa mill-1 ta’ Awwissu 2008.

Deċiżjoni: It-talba għal miżuri provviżorji hija miċħuda. L-ispejjeż huma rriżervati.

Sommarju

Proċeduri għal miżuri provviżorji – Sospensjoni tal-eżekuzzjoni – Kundizzjonijiet għall-għoti – Dannu gravi u irreparabbli

(Artikolu 242 KE; Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 102(2))

L-għan tal-proċedura għal miżuri provviżorji ma huwiex li tiggarantixxi l-kumpens għal dannu, iżda li tiggarantixxi l-effikaċja sħiħa tas-sentenza fuq il-mertu. Sabiex jintlaħaq dan l-għan, jeħtieġ li l-miżuri mitluba jkunu urġenti fis-sens li jkun neċessarju, sabiex jiġi evitat dannu gravi u irreparabbli fl-interessi tar-rikorrent, li jkunu ppronunċati u li jipproduċu l-effetti tagħhom qabel tinqata’ l-kawża prinċipali. Hija l-parti li titlob l-għoti ta’ miżuri provviżorji li hija responsabbli għat-tressiq tal-prova li hija ma setgħetx tistenna l-eżitu tal-kawża prinċipali mingħajr ma tkun subiet dannu ta’ dan it-tip.

F’dan ir-rigward, il-fatt, għal uffiċjal, li ma jkunx eventwalment ġie assenjat b’mod li jikkorrispondi għall-aspirazzjonijiet professjonali tiegħu ma jistax ikun ta’ dannu għalih. Fil-fatt, l-assenjazzjonijiet huma deċiżi mill-Awtorità tal-Ħatra fl-interess tas-servizz, u ma jeżistix dritt suġġettiv ta’ uffiċjal għal assenjazzjoni f’impjieg partikolari. L-uffiċjal għandu d-dritt biss għal impjieg li jikkorrispondi għall-grad tiegħu.

(ara l-punti 34 u 35)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 25 ta’ Marzu 1999, Willeme vs Il‑Kummissjoni, C‑65/99 P(R), Ġabra p. I‑1857, punt 62; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 10 ta’ Settembru 1999, Elkaïm u Mazuel vs Il‑Kummissjoni, T‑173/99 R, ĠabraSP p. I‑A‑155 u II‑811, punt 25; 19 ta’ Diċembru 2002, Esch-Leonhardt et vs BĊE, T‑320/02 R, ĠabraSP p. I‑A‑325 u II‑1555, punt 27