Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tas-16 ta’ Lulju 2015 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Hoge Raad der Nederlanden – il-Pajjiżi l-Baxxi) – Diageo Brands BV vs Simiramida-04 EOOD

(Kawża C-681/13) 1

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Regolament (KE) Nru 44/2001– Rikonoxximent u eżekuzzjoni tas-sentenzi – Motivi tar-rifjut – Ksur tal-ordni pubbliku tal-Istat li fih ġie mfittex ir-rikonoxximent – Sentenza ta’ qorti ta’ Stat Membru ieħor, li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni fil-qasam tat-trade marks – Direttiva 2004/48/KE – Rispett tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali – Spejjeż legali)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Hoge Raad der Nederlanden

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Diageo Brands BV

Konvenuta: Simiramida-04 EOOD

Dispożittiv

L-Artikolu 34(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li sentenza mogħtija fi Stat Membru tmur kontra d-dritt tal-Unjoni ma jiġġustifikax il-fatt li din is-sentenza ma tiġix rikonoxxuta fi Stat Membru ieħor minħabba li hija tikser l-ordni pubbliku ta’ dan l-Istat fejn l-iżball ta’ liġi invokat ma jikkostitwixxix ksur manifest ta’ regola tad-dritt ikkunsidrata bħala essenzjali fis-sistema legali tal-Unjoni u għalhekk fis-sistema legali tal-Istat Membru li fih ġie mfittex ir-rikonoxximent ta’ sentenza jew ta’ dritt rikonoxxut bħala fundamentali f’dawn is-sistemi legali. Tali ma huwiex il-każ ta’ żball li jinfluwenza l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni bħal dik tal-Artikolu 5(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks, kif emendata bil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, tat-2 ta’ Mejju 1992. Meta qed tiġi stabbilita l-eżistenza eventwali ta’ ksur manifest tal-ordni pubbliku tal-Istat li fih ġie mfittex ir-rikonoxximent ta’ sentenza, il-qorti ta’ dan l-Istat għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li, ħlief għal każijiet partikolari li jrendu wisq diffiċli jew impossibbli l-użu tar-rimedji ġudizzjarji fl-Istat Membru ta’ oriġini, il-partijiet fil-kawża għandhom jużaw f’dan l-Istat Membru r-rimedji ġudizzjarji kollha disponibbli sabiex jevitaw ksur tal-ordni pubbliku qabel ma jseħħ.L-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa japplika għall-ispejjeż legali tal-partijiet fil-kuntest ta’ kawża għad-danni, imressqa fi Stat Membru, bħala kumpens għad-dannu kkawżat minħabba fis-sekwestru li twettaq fi Stat Membru ieħor, li kien intiż li jipprevjeni ksur ta’ dritt ta’ proprjetà

intellettwali, meta, fil-kuntest ta’ din il-kawża għad-danni, tqum il-kwistjoni tar-rikonoxximent ta’ sentenza mogħtija f’dan l-Istat Membru l-ieħor li tiddikjara li dan is-sekwestru huwa inġustifikat.

____________

1 ĠU C 71, 8.03.2014.