Rikors ippreżentat fis-6 ta' April 2007 - Klug vs L-Aġenzija Ewropea tal-Mediċini

(Kawża F-35/07)

Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Bettina Klug (Londra, ir-Renju Unit) (rappreżentant: W.G. Grupp, Avukat)

Konvenuta: L-Aġenzija Ewropea tal-Mediċini

Talbiet tar-rikorrenti

tordna lill-konvenuta testendi l-kuntratt tar-rikorrenti tas-7 ta' Frar 2002,

tordna lill-konvenuta tħallas lir-rikorrenti kumpens għal danni morali li jammontaw għal EUR 200,000;

tordna lill-konvenuta tannulla l-evalwazzjoni dwar ir-rikorrenti mill-31 ta' Diċembru 2004 sal-31 ta' Diċembru 2006 u tadotta deċiżjoni ġdida fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikors huwa bbażat fuq l-Artikolu 12a tat-Titolu II tar-Regolamenti tal-Persunal (turment). Ir-rikorrenti tallega li d-diskrezzjoni fir-rigward ta' l-evalwazzjoni tagħha ġiet eżerċitata b'mod żbaljat, li fl-evalwazzjoni tagħha nkisru r-regoli proċedurali ta' l-Aġenzija, u li, konsegwentement, l-Aġenzija naqset illegalment milli testendi l-kuntratt ta' impjieg tagħha.

Permezz tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti ssostni li minħabba turment u nuqqas ta' oġġettività fl-evalwazzjoni tax-xogħol tagħha, ir-riżultat ta' l-evalwazzjoni tagħha kien negattiv u għalhekk il-kuntratt tagħha ta' ħames snin ma ġiex estiż.

____________