Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja) fis-26 ta’ Frar 2020 - StWL Städtische Werke Lauf a.d. Pegnitz GmbH vs eprimo GmbH

(Kawża C-102/20)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Bundesgerichtshof

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: StWL Städtische Werke Lauf a.d. Pegnitz GmbH

Konvenuta: eprimo GmbH

Parti oħra fil-proċedura: Interactive Media CCSP GMBH

Domandi preliminari

Il-kunċett ta’ trażmissjoni fis-sens tal-punt (h) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/58/KE 1 ikun issodisfatt meta messaġġ ma jiġix trażmess minn utent ta’ servizz tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, permezz ta’ fornitur ta’ servizz, fl-“indirizz” elettroniku tat-tieni utent, iżda jintwera b’mod awtomatizzat, minn servers pubbliċitarji, wara l-aċċess għall-paġna tal-internet, protetta b’password, ta’ kont ta’ posta elettronika, f’ċerti żoni previsti għal dan il-għan fl-inbox elettronika ta’ utent magħżul koinċidentalment (reklamar fl-inbox)?

L-irkupru ta’ messaġġ fis-sens tal-punt (h) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/58 jippreżupponi li d-destinatarju jiskatta, wara li kellu għarfien tal-eżistenza ta’ messaġġ, permezz ta’ talba ta’ rkupru intenzjonata, it-trażmissjoni ta’ data ta’ messaġġ skont programmazzjoni predeterminata jew huwa biżżejjed li l-apparizzjoni ta’ messaġġ fl-inbox ta’ kont ta’ posta elettronika tiġi skattata meta l-utent jaċċedi għall-paġna internet, protetta b’password, tal-kont tal-posta elettronika tiegħu?

Ikun hemm posta elettronika, fis-sens tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2002/58, meta messaġġ ma jiġix trażmess lil destinatarju individwali konkretament identifikat qabel it-trażmissjoni, iżda jintwera fl-inbox ta’ utent magħżul koinċidentalment?

L-użu ta’ posta elettronika għall-finijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta, fis-sens tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2002/58, iseħħ biss meta l-utent ikun suġġett għal oneru ikbar mill-inkonvenjent?

Ir-reklamar individwali li jissodisfa l-kriterji ta’ “solleċitazzjoni” fis-sens tal-ewwel sentenza tal-punt 26 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29/KE 2 iseħħ biss meta klijent jiġi kkuntattjat permezz ta’ mezz li abitwalment jintuża għall-komunikazzjoni individwali bejn speditur u destinatarju jew huwa biżżejjed li, bħar-reklamar fil-każ ineżami, tiġi stabbilita konnessjoni individwali inkwantu r-reklam jintwera fl-inbox ta’ kont ta’ posta elettronika privat u għalhekk f’post fejn il-klijent jippretendi li jirċievi messaġġi li huma indirizzati lilu personalment?

____________

1     Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 514).

2     Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali) (ĠU 2005, L 149, p. 22, rettifika fil-ĠU 2006, L 114, p. 86).