Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Înalta Curte de Casație și Justiție (ir-Rumanjia) fis-6 ta’ Mejju 2019 – Parchetul de pe lângă Înalta Curte de Casație și Justiție – Direcția Națională Anticorupție, PM, RO, SP, TQ vs QN, UR, VS, WT, Autoritatea Națională pentru Turism, Agenția Națională de Administrare Fiscală, SC Euro Box Promotion SRL

(Kawża C-357/19)

Lingwa tal-kawża: ir-Rumen

Qorti tar-rinviju

Înalta Curte de Casație și Justiție

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Parchetul de pe lângă Înalta Curte de Casație și Justiție – Direcția Națională Anticorupție, PM, RO, SP, TQ

Konvenuti: QN, UR, VS, WT, Autoritatea Națională pentru Turism, Agenția Națională de Administrare Fiscală, SC Euro Box Promotion SRL

Domandi preliminari

L-Artikolu 19(1) TUE, l-Artikolu 325(1) TFUE, l-Artikolu 1(1)(a) u (b), u l-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni mfassla abbażi tal-Artikolu K.3 TUE, dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej, kif ukoll il-prinċipju ta’ ċertezza legali, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu deċiżjoni adottata minn korp li ma għandux kompetenza ġudizzjarja, il-Curtea Constituțională a României (il-Qorti Kostituzzjonali, ir-Rumanija), li tiddeċiedi dwar il-legalità tal-kompożizzjoni tal-kulleġġi ġudikanti u toħloq il-kundizzjonijiet għal rimedji ġudizzjarji straordinarji kontra s-sentenzi definittivi adottati matul perijodu partikolari?

It-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-konstatazzjoni, vinkolanti taħt id-dritt nazzjonali, minn korp li ma għandux kompetenza ġudizzjarja, ta’ nuqqas ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità ta’ kulleġġ ġudikanti li jifforma parti minnu Imħallef li jokkupa pożizzjoni superviżorja li ma nħatarx b’mod każwali iżda abbażi ta’ regola trasparenti, magħrufa u mhux ikkontestata mill-partijiet, liema regola tapplika għall-kawżi kollha attribwiti lil dan il-kulleġġ ġudikanti?

Is-supremazija tad-dritt tal-Unjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li tippermetti lil qorti nazzjonali li ma tapplikax deċiżjoni tal-qorti kostituzzjonali, adottata f’kawża dwar kunflitt kostituzzjonali, li hija vinkolanti taħt id-dritt nazzjonali?

____________