SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(It-Tieni Awla)

4 ta’ Frar 2010

Kawża F-15/08

Valérie Wiame

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Kompetizzjoni ġenerali — Nuqqas ta’ inklużjoni fil-lista ta’ riżerva — Marka insuffiċjenti — Avviż ta’ kompetizzjoni ġenerali EPSO/AST/7/05 — Produzzjoni tal-prova — Interess ġuridiku”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu V. Wiame titlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla EPSO/AST/7/05 li tagħti lir-rikorrenti marka insuffiċjenti sabiex tiġi inkluża fil-lista ta’ riżerva tal-kompetizzjoni.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Ir-rikorrenti għandha tbati l-ispejjeż tagħha. Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Rikors — Att li jikkawża preġudizzju — Deċiżjoni meħuda wara eżami mill-ġdid ta’ deċiżjoni preċedenti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90(2), u 91(1))

2.      Atti tal-istituzzjonijiet — Preżunzjoni ta’ legalità — Indizji ta’ natura li jikkontestaw il-legalità ta’ att

1.      Meta kandidat, li l-applikazzjoni tiegħu għall-ammissjoni f’kompetizzjoni Komunitarja tkun ġiet miċħuda, jitlob l-eżami mill-ġdid ta’ din id-deċiżjoni, hija biss id-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla li tikkostitwixxi l-att li jikkawża preġudizzju. Għaldaqstant, huwa kontra din id-deċiżjoni li l-kandidat għandu jindirizza t-talbiet tiegħu.

(ara l-punt 20)

Referenza: Il-Qorti Ġenerali: 13 ta’ Diċembru 2006, Heus vs Il‑Kummissjoni, T‑173/05, ĠabraSP p. I‑A‑2‑329 u II‑A‑2‑1695, punt 19; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 13 ta’ Diċembru 2007, Van Neyghem vs Il‑Kummissjoni, F‑73/06, ĠabraSP p. I‑A‑1‑441 u II‑A‑1‑2515, punt 39

2.      Minn naħa, att amministrattiv igawdi preżunzjoni ta’ legalità u, min-naħa l-oħra, l-oneru tal-prova jistrieħ, bħala prinċipju, fuq min qiegħed jagħmel l-allegazzjonijiet, b’tali mod li huwa r-rikorrent li għandu jipprovdi għall-inqas, kull indizju suffiċjentement preċiż, oġġettiv u konsistenti, ta’ natura li jsostni l-veraċità jew il-plawżibbiltà tal-fatti insostenn tal-allegazzjoni tiegħu. Konsegwentement, rikorrent li la għandu provi u lanqas, għall-inqas, serje ta’ indizji għandu jaċċetta l-preżunzjoni ta’ legalità marbuta mad-deċiżjonijiet adottati fir-rigward tal-kompetizzjonijiet, u ma jistax jeżiġi li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jeżamina huwa stess l-applikazzjonijiet tal-kandidati magħżula sabiex jivverifika jekk ċerti kandidati magħżula ma ġewx aċċettati b’mod irregolari sabiex jipparteċipaw fil-kompetizzjoni.

(ara l-punt 21)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja: 6 ta’ Marzu 2001, Connolly vs Il‑Kummissjoni, C‑274/99 P, Ġabra. p. I‑1611, punti 113 u 114; Il-Qorti Ġenerali: 19 ta’ Novembru 1996, Brulant vs Il‑Parlament, T‑272/94, ĠabraSP p. I‑A‑513 u II‑1397, punt 35; 13 ta’ Lulju 2000, Griesel vs Il‑Kunsill, T‑157/99, ĠabraSP p. I‑A‑151 u II‑699, punt 25