Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Commissione tributaria provinciale di Modena (l-Italja) fil-15 ta’ Jannar 2019 – Azienda USL di Modena vs Comune di Sassuolo

(Kawża C-26/19)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Qorti tar-rinviju

Commissione tributaria provinciale di Modena

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Azienda USL di Modena

Konvenut: Comune di Sassuolo

Domandi preliminari

L-Artikolu 9(8) tad-Digriet Leġiżlattiv [14 ta’ Marzu 2011] Nru 23, li jipprevedi l-eżenzjoni mill-imposta muniċipali unika (iktar ’il quddiem l-“IMU”) għall-korpi tas-servizzi nazzjonali tas-saħħa Taljani fir-rigward tal-proprjetajiet immobbli li jippossjedu u li huma użati esklużivament għat-twettiq ta’ kompiti istituzzjonali, jekk jiġi interpretat bħala li jirrikonoxxi l-għoti tal-benefiċċju wkoll lil azjenda ta’ unità tas-saħħa lokali (iktar ’il quddiem l-“AUSL”) li tkun kriet proprjetà immobbli lil kumpannija kummerċjali b’kapital imħallat pubbliku u privat, li 51 % minnu huwa miżmum minn din l-istess AUSL li tipprovdi, f’din l-istess proprjetà immobbli, servizzi fil-qasam tas-saħħa f’kompetizzjoni ma’ ċentri oħra ta’ kura b’kapital esklużivament privat, u konsegwentement jagħti benefiċċju fiskali li għandu jiġi kklassifikat bħala għajnuna mill-Istat li tikser ir-regoli tas-suq ħieles, huwa konformi mal-Artikolu 107 TFUE, li jipprojbixxi għajnuna mill-Istat “ta’ kwalunkwe forma”?

Id-deċiżjoni Taljana prevista fl-Artikolu 11 tal-Liġi Nru 212, li jipprekludi l-interpretazzjoni tal-Artikolu 9(8) tad-Digriet Leġiżlattiv [27 ta’ Lulju 2000] Nru 23 b’analoġija mal-ġurisprudenza tal-Corte Suprema [di Cassazione] (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja) fuq kwistjonijiet marbuta mal-imposta muniċipali fuq proprjetà immobbli, fis-sens li AUSL ma tibbenefikax mill-eżenzjoni mill-IMU meta l-proprjetà immobbli tintuża minn kumpannija b’resposabbiltà limitata li tagħha dan il-korp pubbliku jżomm parti mill-kapital u li toffri servizzi fil-qasam tas-saħħa f’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ma’ kumpanniji kummerċjali oħra b’kapital esklużivament privat li jipprovdu wkoll servizzi fil-qasam tas-saħħa, u konsegwentement jikseb benefiċċju fiskali li għandu jiġi kklassifikat bħala għajnuna mill-Istat li tikser ir-regoli tas-suq ħieles, hija konformi mat-Trattat, jiġifieri mal-Artikolu 107 TFUE li jipprojbixxi għajnuna mill-Istat “ta’ kwalunkwe forma”?

____________