SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(It-Tieni Awla)

24 ta’ Settembru 2009

Kawża F-36/08

Arno Schell

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Promozzjoni – Attribuzzjoni ta’ punti ta’ prijorità mid-Diretturi Ġenerali – Proċedura ta’ promozzjoni 2007”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 EA, li permezz tiegħu A. Schell jitlob l-annullament tar-rapport tal-iżvilupp tal-karriera tiegħu għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru 2006 kif ukoll tal-intenzjonijiet formali ta’ attribuzzjoni ta’ punti ta’ prijorità adottati mid-Direttur-Ġenerali skont il-proċedura ta’ promozzjoni 2007.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Ir-rikorrent huwa kkundannat għall-ispejjeż kollha.

Sommarju

Uffiċjali – Evalwazzjoni – Rapport tal-iżvilupp tal-karriera

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 43 u 45)

Mill-Artikolu 8(7), mid-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni tal-Artikolu 43 tar-Regolamenti tal-Persunal adottati mill-Kummissjoni, ma jistax jiġi dedott obbligu tal-amministrazzjoni li twettaq eżami komparattiv tal-uffiċjali evalwati sabiex tistabbilixxi r-rapport tal-iżvilupp tal-karriera tagħhom. Fil-fatt, l‑imsemmija dispożizzjoni għandha tinqara fil-kuntest tagħha. Qabelxejn, għalkemm l-Artikolu 43 tar-Regolamenti tal-Persunal jeżiġi li jiġu evalwati, permezz ta’ rapport tal-iżvilupp tal-karriera, stabbilit minn tal-inqas kull sentejn, il‑kompetenza, l-effiċjenza u l-kondotta fis-servizz ta’ kull uffiċjal, l-imsemmija Regolamenti tal-Persunal ma jipprovdux li din l-evalwazzjoni tkun ta’ natura komparattiva bħal fil-każ tal-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal. Bil-kontra, skont l-Artikolu 8(5) tal-imsemmija dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni, l-evalwazzjoni għandha ssir, fir-rigward tat-taqsima “Effiċjenza”, fid-dawl tal-għanijiet li għandhom jintlaħqu minn kull uffiċjal. Barra minn hekk, il-verifika msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(7) tal-imsemmija dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni tikkostitwixxi premessa għall‑konsultazzjoni, prevista fit-tieni subparagrafu tal-imsemmi artikolu, li għandha bħala għan li tiżgura, fi ħdan kull Direttorat-Ġenerali, il-koerenza tal‑eżami tal-merti li jsir fil-kuntest tal-evalwazzjoni. Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li r-riferiment għall-paragun tal-merti pprevist fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(7) tal-imsemmija dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni għandu jinftiehem bħala wieħed mill-elementi li jippermetti li jsir kontroll tal-koerenza tal‑evalwazzjonijiet u mhux li jfisser li r-rapporti tal-iżvilupp tal-karriera jistgħu biss jiġu stabbiliti wara paragun tal-merti tal-uffiċjali kollha.

(ara l-punti 37 sa 39 u 41)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 13 ta’ Diċembru 2007, Sundholm vs Il‑Kummissjoni, F‑42 /06, ĠabraSP p. I‑A‑1‑0000 u II‑A‑1‑0000, punt 31