Rikors ippreżentat fit-18 ta' Mejju 2007 - Tzirani vs Il-Kummissjoni

(Kawża F-46/07)

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Marie Tzirani (Brussell, il-Belġju) (rappreżentant: E. Boigelot, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Awwissu 2006 li terġa taħtar lis-Sur. X għall-kariga ta' Direttur tad-Direttorat "Regolamenti tal-Persunal: politika, ġestjoni u konsulenza" tad-Direttorat Ġenerali "Persunal u Amministrazzjoni" u li b'hekk tiċħad il-kandidatura tar-rikorrenti għal din il-kariga;

tikkundanna lill-konvenuta tħallas, bħala kumpens għad-dannu morali u materjali, u għad-dannu lill-karriera tar-rikorrenti, is-somma ta' EUR 25,000, kif ukoll l-interessi bir-rata ta' 7% fis-sena sa mid-29 ta' Novembru 2006, data ta' meta tressaq l-ilment;

tikkundanna lill-konvenuta tbati l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti, wara li talbet u kisbet, fil-kuntest tal-kawża T-45/04,1 l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta' Jannar 2003 li taħtar lis-Sur X. għall-kariga msemmija iktar 'il fuq, issa qiegħda tikkontesta l-leġittimità tal-proċedura li permezz tagħha, wara dan l-annullament, il-Kummissjoni reġgħet ħatret lill-istess persuna għall-kariga in kwistjoni.

In sostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka, qabel kollox, il-ksur ta' l-Artikolu 233 KE, in kwantu l-Kummissjoni ma ħaditx il-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza. Fil-fatt, skond ir-rikorrenti, il-proċedura kellha terġa' tinfetaħ mhux biss fl-istadju finali ta' l-intervista mal-Kummissarju iżda saħansitra fl-istadju ta' l-eżami ta' l-eliġibbiltà tal-kandidati fir-rigward tal-kriterji stabbiliti permezz ta' l-avviż ta' post vakanti.

Ir-rikorrenti ssostni wkoll il-ksur ta' l-Artikoli 7, 14, 29 u 45 tar-Regolamenti tal-Persunal u ta' l-Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, in-nuqqas ta' osservanza ta' bosta prinċipji ġenerali tad-dritt kif ukoll l-eżistenza ta' abbuż ta' poter.

____________

1 - Sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-4 ta' Lulju 2006, Tzirani vs Il-Kummissjoni (li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra).