Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale Amministrativo Regionale per il Lazio (l-Italja) fil-15 ta’ Novembru 2018 – Vivendi SA vs Autorità per le Garanzie nelle Comunicazioni

(Kawża C-719/18)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Qorti tar-rinviju

Tribunale Amministrativo Regionale per il Lazio

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Vivendi SA

Konvenuta: Autorità per le Garanzie nelle Comunicazioni

Domandi preliminari

Għalkemm huma l-Istati Membri li għandhom jiddeterminaw jekk l-impriżi għandhomx pożizzjoni dominanti (u li, bħala konsegwenza, jimponu fuqhom obbligi speċifiċi), l-Artikolu 43(11) tad-decreto legislativo 31 luglio 2005, n. 177 – Testo unico dei Servizi di Media audiovisivi e radiofonici (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 177 tal-31 ta’ Lulju 2005, li jistabbilixxi Test Uniku dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva u tar-Radju, iktar ’il quddiem id-Digriet Leġiżlattiv Nru 177/2005), fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, li jipprovdi li: “L-impriżi li d-dħul tagħhom fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi ddefinit fl-Artikolu 18 tal-Codice delle comunicazioni elettroniche (il-Kodiċi tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi), inkluż permezz ta’ kumpanniji kkontrollati jew marbuta, jeċċedi 40 % tad-dħul globali ta’ dan is-settur ma jistgħux jirċievu, fis-sistema integrata ta’ komunikazzjonijiet, dħul li jkun jeċċedi 10 % ta’ dak iġġenerat mill-imsemmija sistema”, jikser id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ moviment liberu tal-kapital imsemmi fl-Artikolu 63 TFUE? Din id-domanda qiegħda ssir għal dak li jirrigwarda l-parti fejn, billi tirreferi għall-Artikolu 18 tal-Kodiċi tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi, l-imsemmija dispożizzjoni tillimita s-settur inkwistjoni għas-swieq li jistgħu jkunu suġġetti għal kontroll ex ante, minkejja l-fatt magħruf li l-informazzjoni (li l-pluraliżmu tagħha jikkostitwixxi l-għan tad-dispożizzjoni kkonċernata) qiegħda tinxtered iktar u iktar permezz tal-użu tal-internet, tal-kompjuters personali u tat-telefonija mobbli, b’mod li jista’ jkun irraġonevoli li jiġu esklużi minn dan is-settur, b’mod partikolari, servizzi bl-imnut tat-telefonija mobbli, għar-raġuni biss li joperaw f’sistema kompletament kompetittiva. Id-domanda qiegħda ssir ukoll fid-dawl tal-fatt li l-Autorità per le Garanzie nelle Comunicazioni (l-Awtorità għall-Garanzija fil-Komunikazzjonijiet, l-Italja) iddelimitat is-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 43(11) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 177/2005, preċiżament fil-kuntest tal-proċedura inkwistjoni, billi ħadet inkunsiderazzjoni biss is-swieq li kienu s-suġġett ta’ mill-inqas analiżi waħda minn meta daħal fis-seħħ il-Kodiċi tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi, jiġifieri mill-2003 sal-lum, u billi bbażat ruħha fuq l-informazzjoni dwar id-dħul li tirriżulta mill-aħħar evalwazzjoni utli, li twettqet fl-2015.

Il-prinċipji fil-qasam tal-protezzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment u tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, imsemmija fl-Artikoli 49 u 56 TFUE, l-Artikoli 15 u 16 tad-Direttiva 2002/21/KE 1 “servizzi tal-media awdjoviżiva u tar-radju”, li huma intiżi li jipproteġu l-pluraliżmu u l-libertà ta’ espressjoni, kif ukoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità stabbilit mid-dritt tal-Unjoni jipprekludu l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tas-servizzi pubbliċi tal-media awdjoviżiva u tar-radju, bħal dik Taljana li tinsab fl-Artikolu 43(11) u (14) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 177/2005, li tgħid li d-dħul rilevanti għad-determinazzjoni tat-tieni limitu ta’ 10 % għandu jinkludi dak tal-impriżi li ma humiex ikkontrollati jew suġġetti għal influwenza dominanti, iżda biss “marbuta” fis-sens tal-Artikolu 2359 tal-Codice Civile (il-Kodiċi Ċivili) (li għalih jirreferi l-Artikoli 43(14)), minkejja li l-ebda influwenza fuq l-informazzjoni li għandha tixxandar ma tista’ tiġi eżerċitata fuq dawn tal-aħħar?

Il-prinċipji fil-qasam tal-libertà ta’ stabbiliment u tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, imsemmija fl-Artikoli 49 u 56 TFUE, l-Artikoli 15 u 16 tad-Direttiva 2002/21/KE, il-prinċipji fil-qasam tal-protezzjoni tal-pluraliżmu tas-sorsi ta’ informazzjoni u tal-kompetizzjoni fis-settur tax-xandir televiżiv imsemmija fid-Direttiva 2010/13/UE 2 dwar is-servizzi tal-media awdjoviżiva u fid-Direttiva 2002/21/KE jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali bħad-Digriet Leġiżlattiv Nru 177/2005, li jissuġġetta, fl-Artikolu 43(9) u (11), għal limiti differenti ħafna (20 % u 10 % rispettivament), minn naħa, “l-operaturi obbligati jirreġistraw ruħhom fir-reġistru tal-operaturi tal-komunikazzjoni, stabbilit skont il-punt 5 tal-Artikolu 1(6)(a) tal-legge 31 luglio 1997, n. 249 [(il-Liġi Nru 249 tal-31 ta’ Lulju 1997)]” (jiġifieri, l-operaturi, imsemmija fl-Artikolu 9, li lilhom l-Awtorità għall-Garanzija fil-Komunikazzjonijiet jew awtoritajiet amministrattivi kompetenti oħra jagħtu konċessjonijiet jew awtorizzazzjonijiet abbażi tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ, kif ukoll l-impriżi konċessjonarji tar-reklamar imxandar, l-impriżi tal-pubblikazzjoni, eċċ.) u, min-naħa l-oħra, l-impriżi li joperaw fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, iddefinit preċedentement (fil-kuntest tal-paragrafu 11)?

____________

1     Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru) (GU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 349).

2     Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2010 dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media awdjoviżiva) (GU 2010, L 95, p. 1, rettifika fil-ĠU 2010, L 263, p. 15).