Appell ippreżentat fit-22 ta’ Frar 2019 minn Fruits de Ponent, S.C.C.L. mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) fit-13 ta’ Diċembru 2018 fil-Kawża T-290/16, Fruits de Ponent vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-183/19 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Appellanti: Fruits de Ponent, S.C.C.L. (rappreżentanti: M. Roca Junyent, R. Vallina Hoset u A. Sellés Marco, avukati)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza tat-Tielet Awla tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Diċembru 2018, fil-Kawża T-290/16, Fruits de Ponent vs Il-Kummissjoni 1 ;

prinċipalment, konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u, fil-każ li tqis li l-istat tat-tilwima jippermetti dan: (i) tiddeċiedi dwar ir-rikors fl-ewwel istanza u tilqa’ t-talbiet ta’ din il-parti, u (ii) tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż fiż-żewġ istanzi; jew

sussidjarjament, fil-każ li tqis li l-istat tat-tilwima ma jippermettix dan, li l-istess qorti tiddeċiedi li: (i) tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din teżamina l-kawża mill-ġdid; u (ii) tirriżerva d-deċiżjoni fuq l-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

Fl-ewwel lok, din il-parti ssostni li s-sentenza appellata tikser l-Artikolu 39 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) 2 , sa fejn: (i) meta ġiet biex tevalwa l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju, tapplika kritejri li ma jirriżultawx li huma rilevanti; (ii) tikkontesta li, meta l-Kummissjoni tintervieni f’każijiet serji ta’ perturbazzjonijiet tas-suq fil-kuntest tal-PAC, hija għandu jkollha fost l-għanijiet tagħha ż-żamma tal-livell ta’ ħajja tal-ħaddiema fl-agrikoltura (Artikolu 39(1)(b) TFUE); (iii) tikkontesta li l-Kummissjoni għandha tikseb tagħrif distint minn dak previst fil-liġi; u (iv) issostni li l-Kummissjoni ma għandhiex tikseb informazzjoni dwar il-prezzijiet mitluba mill-ħaddiema fl-agrikoltura.

Fit-tieni lok, din il-parti tqis li s-sentenza appellata: (i) tiżnatura l-fatti inkwantu tevalwa b’mod manifestament żbaljat il-provi prodotti; (ii) tikser il-prinċipji li jirregolaw l-oneru tal-prova inkwantu tqis ċerti fatti kkonstatati minkejja li dawn kienu jirriżultaw kuntrarji għall-provi prodotti, u (iii) tikser il-prinċipju venire contra factum propium non valet, billi qieset bħala validi allegazzjonijiet tal-Kummissjoni li jmorru contra t-tweġibiet mogħtija mill-imsemmija istituzzjoni liċ-ċittadini fil-kuntest tal-prinċipju ta’ trasparenza.

Fit-tielet lok, din il-parti ssostni li s-sentenza appellata tikser l-Artikolu 296 TFUE u l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, ġaladarba: (i) jiġu injorati l-argumenti ta’ din il-parti dwar il-fatt li l-Kummissjoni jmissha ġabret informazzjoni intiża li tilħaq l-għan taż-żamma tal-livell ta’ ħajja tal-produtturi; u (ii) jiġu injorati u distorti l-allegazzjonijiet ta’ din il-parti dwar l-għan li għandha jkollha l-Kummissjoni li tiggarantixxi l-livell ta’ ħajja tal-ħaddiema fl-agrikoltura, fejn b’dan il-mod ċaħditha milli tikseb soluzzjoni ġudizzjarja għall-argumenti tagħha.

Fir-raba’ lok, din il-parti tqis li, f’dan il-każ, ġew miksura l-Artikoli 39 TFUE u l-Artikolu 219 tar-Regolament Nru 1308/2013 3 , sa fejn, fil-każ ta’ kriżi, ir-responsabbiltà li jiġi attivat il-mekkaniżmu straordinarju ta’ kriżi taqa’ esklużivament fuq il-Kummissjoni u mhux fuq l-appellanti jew fuq l-assoċjazzjonijiet ta’ produtturi.

____________

1 ECLI:EU:T:2018:934

2 ĠU 2012,C 326, p. 1

3     Regolament(UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU 2013, L 347, p. 671).