DIGRIET TAL-PRESIDENT TAL-QORTI ĠENERALI

3 ta’ Lulju 2017 (*)(i)

“Proċeduri għal miżuri provviżorji – Kuntratti pubbliċi – Proċedura nnegozjata – Talba għal miżuri provviżorji – Nuqqas ta’ urġenza”

Fil-Kawża T‑117/17 R,

Proximus SA/NV, stabbilita fi Brussell (il-Belġju), irrappreżentata minn B. Schutyser, avukat,

rikorrenti,

vs

IlKunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn A. Jaume u S. Cholakova, bħala aġenti, assistiti minn P. de Bandt, P. Teerlinck u M. Gherghinaru, avukati,

konvenut,

li għandu bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikoli 278 u 279 TFUE u intiża għall-għoti ta’ miżuri provviżorji li jirrigwardaw, minn naħa, is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tal-Kunsill li jagħti lil offerent ieħor il-kuntratt-qafas u, min-naħa l-oħra, is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt-qafas konkluż bejn il-Kunsill u l-offerent magħżul,

IL-PRESIDENT TAL-QORTI ĠENERALI

jagħti l-preżenti

Digriet

 Il-fatti li wasslu għall-kawża, il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

1        Permezz ta’ ittra tat-28 ta’ Lulju 2016, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea stieden lir-rikorrenti, Proximus SA/NV, kif ukoll lil [kunfidenzjali] (1) jipparteċipaw fi proċedura nnegozjata ta’ għoti ta’ kuntratt bil-għan tal-konklużjoni ta’ kuntratt-qafas.

2        Permezz ta’ ittra tal-24 ta’ Novembru 2016, l-offerenti li pparteċipaw fil-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt ġew mistiedna għal laqgħa ta’ negozjar fuq aspetti finanzjarji, inkluż, b’mod partikolari, ċertu talbiet għal kjarifika.

3        Il-laqgħa ta’ negozjar inżammet fl-1 ta’ Diċembru 2016.

4        Sussegwentement għal din il-laqgħa, il-Kunsill stieden lill-offerenti jwieġbu għall-punti mqajma fil-minuti tiegħu, filwaqt li jippreżentaw, sat-8 ta’ Diċembru 2016, offerta finanzjarja emendata li kellha tikkostitwixxi l-aħħar u l-aħjar offerta tagħhom.

5        Permezz ta’ ittra tat-23 ta’ Diċembru 2016, il-Kunsill informa lir-rikorrenti li l-offerta tagħha ma kinitx ġiet aċċettata u li l-kuntratt kien ingħata lil offerent ieħor (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). Fl-istess jum, l-evalwazzjoni tal-offerta tagħha ġiet ikkomunikata lir-rikorrenti.

6        Fid-29 ta’ Diċembru 2016, ir-rikorrenti bagħtet ittra lill-Kunsill. Hija talbet iktar informazzjoni dwar il-karatteristiċi u l-vantaġġ relatat tal-offerta magħżula. Barra minn hekk, hija indikat li l-applikazzjoni tal-kriterju tal-prezz kienet tidrilha żbaljata, sa fejn hija kienet kisbet marka iktar baxxa minn dik tal-offerent magħżul, filwaqt li l-offerta ta’ dan tal-aħħar kienet tirrappreżenta prezz totali għola. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti stiednet lill-Kunsill jerġa’ jikkunsidra d-deċiżjoni tiegħu.

7        Permezz ta’ ittra tas-6 ta’ Jannar 2017, ir-rikorrenti stiednet mill-ġdid lill-Kunsill jerġa’ jikkunsidra d-deċiżjoni tiegħu u ma jiffirmax il-kuntratt mal-offerent magħżul. F’dik l-ittra, ir-rikorrenti indikat, b’mod iddettaljat, ir-raġunijiet li għalihom, fl-opinjoni tagħha, il-metodu applikat għall-evalwazzjoni tal-offerta ekonomikament l-iktar vantaġġuża kien żbaljat u l-applikazzjoni tiegħu kien wassal għal riżultat “inaċċettabbli”. Barra minn hekk, ir-rikorrenti invokat il-fatt li l-prezzijiet offruti mill-offerent magħżul għas-“service packages” 1 u 2 kienu anormalment baxxi. Fl-10 ta’ Jannar 2017, ir-rikorrenti bagħtet lill-Kunsill ittra oħra, li kienet tinkludi, b’mod kemxejn emendat, it-test ta’ dik tas-6 ta’ Jannar 2017.

8        Permezz ta’ ittra tat-13 ta’ Jannar 2017, il-Kunsill wieġeb għall-ittra tar-rikorrenti tad-29 ta’ Diċembru 2016 u indikalha li l-ittra tagħha tas-6 ta’ Jannar 2017 kienet ser tiġi mwieġba separatament.

9        Permezz ta’ ittra tas-16 ta’ Jannar 2017, ir-rikorrenti żviluppat l-argumenti tagħha dwar il-prezz anormalment baxx offrut mill-offerent magħżul għas-“service packages” 1 u 2 u tenniet it-talba tagħha li l-Kunsill jikkunsidra mill-ġdid id-deċiżjoni tiegħu u ma jikkonkludix il-kuntratt mal-offerent magħżul.

10      Permezz ta’ ittra tat-23 ta’ Jannar 2017, il-Kunsill ħa pożizzjoni fuq l-ittri tar-rikorrenti tas-6 u tas-16 ta’ Jannar 2017. Barra minn hekk, huwa indika li ma kienx jara raġuni għalfejn imur lura fuq id-deċiżjoni ta’ għoti tiegħu u ma jikkonkludix il-kuntratt.

11      Permezz ta’ ittra tas-7 ta’ Frar 2017, ir-rikorrenti informat lill-Kunsill li hija kienet tqis li t-tweġibiet li huwa kien taha ma kinux sodisfaċenti u li hija kienet iddeċidiet li tieħu azzjoni legali kemm permezz ta’ rikors fuq il-mertu kif ukoll permezz ta’ talba għal miżuri provviżorji li kienu ser jiġu ppreżentati ftit ġimgħat iktar tard. Barra minn hekk, hija talbet lill-Kunsill ma jiffirmax il-kuntratt sa dak iż-żmien.

12      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-23 ta’ Frar 2017, ir-rikorrenti ppreżentat rikors intiż, essenzjalment, għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

13      Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-23 ta’ Frar 2017, ir-rikorrenti ressqet din talba għal miżuri provviżorji, li fiha hija essenzjalment titlob lill-President tal-Qorti Ġenerali jogħġbu:

–        jissospendi l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata;

–        jissospendi l-eżekuzzjoni tal-kuntratt, jekk dan diġà ġie konkluż mal-offerent magħżul, sakemm tingħata sentenza definittiva;

–        jikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

14      Fl-osservazzjonijiet tiegħu dwar it-talba għal miżuri provviżorji, iddepożitati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-10 ta’ Marzu 2017, il-Kunsill essenzjalment jitlob li l-President tal-Qorti Ġenerali jogħġbu:

–        jiċħad it-talba għal miżuri provviżorji, u

–        jikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

15      Bi tweġiba għall-mistoqsija magħmula mill-President tal-Qorti Ġenerali, il-Kunsill indika, fit-28 ta’ Frar 2017, li l-kuntratt kien ġie ffirmat mal-offerent magħżul fil-15 ta’ Frar 2017 u li l-eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt kienet diġà bdiet.

 Id-dritt

16      Minn qari flimkien tal-Artikoli 278 TFUE u 279 TFUE, minn naħa, u tal-Artikolu 256(1) TFUE, min-naħa l-oħra, jirriżulta li l-Imħallef għal miżuri provviżorji jista’, jekk jikkunsidra li ċ-ċirkustanzi hekk jeħtieġu, jordna s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ att ikkontestat quddiem il-Qorti Ġenerali jew jippreskrivi l-miżuri provviżorji meħtieġa, u dan skont l-Artikolu 156 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Madankollu, l-Artikolu 278 TFUE jistabbilixxi l-prinċipju tal-karattru mhux sospensiv tar-rikorsi, peress li l-atti adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ legalità. Għalhekk, huwa biss f’każijiet eċċezzjonali li l-Imħallef għal miżuri provviżorji jista’ jordna s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ att ikkontestat quddiem il-Qorti Ġenerali jew jippreskrivi miżuri provviżorji (digriet tad-19 ta’ Lulju 2016, Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni, T‑131/16 R, EU:T:2016:427, punt 12).

17      L-Artikolu 156(4) tar-Regoli tal-Proċedura jistipula li t-talbiet għal miżuri provviżorji għandhom jispeċifikaw “is-suġġett tal-kawża, iċ-ċirkustanzi li jistabbilixxu l-urġenza, kif ukoll il-motivi ta’ fatt u ta’ liġi li jiġġustifikaw prima facie l-adozzjoni tal-miżura provviżorja mitluba”.

18      Għalhekk, is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni u l-miżuri provviżorji l-oħra jistgħu jingħataw mill-Imħallef għal miżuri provviżorji jekk jiġi stabbilit li l-adozzjoni tagħhom tkun prima facie ġġustifikata fil-fatt u fil-liġi (fumus boni juris) u li jkunu urġenti, fis-sens li jkun neċessarju, sabiex jiġi evitat dannu gravi u irreparabbli għall-interessi tal-parti li tkun talbithom, li jiġu adottati u li jipproduċu l-effetti tagħhom sa minn qabel id-deċiżjoni fil-kawża prinċipali. Dawn il-kundizzjonijiet huma kumulattivi, b’tali mod li t-talbiet għal miżuri provviżorji għandhom jiġu miċħuda meta waħda minnhom ma tkunx issodisfatta. L-Imħallef għal miżuri provviżorji għandu jipproċedi wkoll, jekk ikun il-każ, għall-ibbilanċjar tal-interessi preżenti quddiemu (ara d-digriet tat-2 ta’ Marzu 2016, Evonik Degussa vs Il‑Kummissjoni, C‑162/15 P–R, EU:C:2016:142, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

19      Fil-kuntest ta’ dan l-eżami kumplessiv, l-Imħallef għal miżuri provviżorji għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa u huwa liberu li jiddetermina, fid-dawl tal-partikolaritajiet tal-każ, il-mod li bih dawn id-diversi kundizzjonijiet għandhom jiġu vverifikati, kif ukoll l-ordni ta’ dan l-eżami, peress li ma teżisti l-ebda dispożizzjoni legali li timponilu skema ta’ analiżi prestabbilita sabiex jevalwa n-neċessità li jagħti deċiżjoni provviżorja [ara d-digriet tad-19 ta’ Lulju 2012, Akhras vs Il‑Kunsill, C‑110/12 P(R), mhux ippubblikat, EU:C:2012:507, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata].

20      Fid-dawl tal-elementi tal-proċess, l-Imħallef għal miżuri provviżorji jqis li għandu l-elementi kollha neċessarji sabiex jiddeċiedi dwar din it-talba għal miżuri provviżorji, mingħajr ma hemm bżonn li jinstemgħu, minn qabel, l-ispjegazzjonijiet orali tal-partijiet.

21      Fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, qabel xejn għandu jiġi evalwat jekk il-kundizzjoni relatata mal-urġenza hijiex issodisfatta.

22      Sabiex jiġi vverifikat jekk il-miżuri provviżorji mitluba humiex urġenti, għandu jitfakkar li l-għan tal-proċeduri għal miżuri provviżorji huwa li tiġi żgurata l-effikaċja sħiħa tad-deċiżjoni definittiva futura, sabiex jiġi evitat li jkun hemm lakuna fil-protezzjoni ġuridika żgurata mill-qorti tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-14 ta’ Jannar 2016, AGC Glass Europe et vs Il‑Kummissjoni, C‑517/15 P‑R, EU:C:2016:21, punt 27).

23      Sabiex jintlaħaq dan il-għan, l-urġenza għandha, b’mod ġenerali, tiġi evalwata fid-dawl tan-neċessità li tingħata deċiżjoni provviżorja sabiex jiġi evitat li jkun hemm dannu gravi u irreparabbli kkawżat lill-parti li titlob il-protezzjoni provviżorja. Hija din il-parti li għandha tipproduċi l-prova li hija ma tistax tistenna t-tmiem tal-proċeduri dwar ir-rikors fuq il-mertu mingħajr ma ssofri dannu gravi u irreparabbli (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-14 ta’ Jannar 2016, AGC Glass Europe et vs Il‑Kummissjoni, C‑517/15 P‑R, EU:C:2016:21, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24      Fir-rigward, madankollu, tal-kontenzjuż tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-partikolaritajiet ta’ dan il-kontenzjuż sabiex tiġi evalwata l-urġenza.

25      Fil-fatt, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, fid-dawl tar-rekwiżiti imperattivi li jirriżultaw mill-protezzjoni effettiva li għandha tiġi ggarantita fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, meta l-offerent li ma ntgħażilx jasal sabiex juri l-eżistenza ta’ fumus boni juris partikolarment serju, ma jistax jiġi mitlub minnu li jistabbilixxi li ċ-ċaħda tat-talba tiegħu għall-miżuri provviżorji tista’ tikkawżalu dannu irreparabbli, taħt piena li l-protezzjoni ġudizzjarja effettiva li huwa jgawdi minnha taħt l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tiġi ppreġudikata b’mod eċċessiv u inġustifikat [ara, f’dan is-sens, id-digriet tat-23 ta’ April 2015, Il‑Kummissjoni vs Vanbreda Risk & Benefits, C‑35/15 P(R), EU:C:2015:275, punt 41].

26      Madankollu, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza, dan ir-rilassament tal-kundizzjonijiet applikabbli sabiex tiġi evalwata l-eżistenza tal-urġenza, iġġustifikat bid-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv, japplika biss matul il-fażi prekuntrattwali, sakemm il-perijodu ta’ pawża li jirriżulta mill-Artikolu 118(2) u (3) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal- 25 ta’ Ottubru 2012, dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU 2012, L 298, p. 1), u mill-Artikolu 171(1) tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 tad-29 ta’ Ottubru 2012, dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU 2012, L 362, p. 1), jiġi osservat. Ġaladarba li l-awtorità kontraenti tkun ikkonkludiet il-kuntratt mal-offerent magħżul wara li dan il-perijodu jkun għadda u qabel l-introduzzjoni ta’ talba għall-miżuri provviżorji, ir-rilassament hawn fuq imsemmi ma jkunx iktar iġġustifikat [ara, f’dan is-sens, id-digriet tat-23 ta’ April 2015, Il‑Kummissjoni vs Vanbreda Risk & Benefits, C‑35/15 P(R), EU:C:2015:275, punti 34 u 42].

27      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li mill-Artikolu 171(2)(d) tar-Regolament Nru 1268/2012 jirriżulta li l-perijodu ta’ pawża ma kienx japplika f’dan il-każ, peress li l-kuntratt kien ingħata fil-kuntest tal-proċedura nnegozjata.

28      Skont ir-rikorrenti, dan ir-rilassament tal-kundizzjonijiet applikabbli sabiex tiġi evalwata l-eżistenza tal-urġenza għandu jiġi applikat fil-każ inkwistjoni fid-dawl tal-kumplessità tal-kawża u tal-kura u l-attenzjoni li hija wriet sussegwentement għan-notifika tad-deċiżjoni kkontestata.

29      Dan l-argument ma jistax jiġi milqugħ.

30      Anki fuq il-preżunzjoni li l-ġurisprudenza li tipprevedi r-rilassament tal-kundizzjonijiet applikabbli sabiex tiġi evalwata l-eżistenza tal-urġenza tista’ tiġi trasposta għall-każ fejn, bħal f’dan il-każ, ir-Regolament Nru 1268/2012 jispeċifika li l-perijodu ta’ pawża ma japplikax, xorta jibqa’ l-fatt li r-rikorrenti ma ressqitx it-talba tagħha għal miżuri provviżorji fi żmien xieraq sabiex tibbenefika minn dan ir-rilassament.

31      Fil-fatt, qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma ressqitx it-talba tagħha għal miżuri provviżorji fil-fażi prekuntrattwali, iżda biss fit-23 ta’ Frar 2017, filwaqt li l-kuntratt kien ġie ffirmat fil-15 ta’ Frar 2017.

32      Issa, hekk kif turi l-ittra tar-rikorrenti tas-6 ta’ Jannar 2017, din tal-aħħar kellha l-iktar tard f’dik id-data provi suffiċjenti sabiex tiddetermina l-eżistenza ta’ illegalità eventwali tad-deċiżjoni ta’ għoti għall-finijiet tat-tressiq ta’ talba għal miżuri provviżorji qabel il-konklużjoni tal-kuntratt bejn il-Kunsill u l-offerent magħżul fil-15 ta’ Frar 2017.

33      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-erba’ motivi invokati mir-rikorrenti insostenn tat-talba tagħha għal miżuri provviżorji jirrigwardaw il-metodu ta’ evalwazzjoni tal-offerta ekonomikament l-iktar vantaġġuża u l-applikazzjoni tiegħu f’dan il-każ. Issa, ir-rikorrenti kienet diġà għamlet din il-kritika fl-ittra tagħha tas-6 ta’ Jannar 2017.

34      Din il-kritika, ippreżentata bħala motiv ta’ annullament u insostenn tat-talba għal miżuri provviżorji, kienet tippermettilha tippreżenta b’mod utli rikors għal annullament flimkien ma’ talba għal miżuri provviżorji intiża sabiex timpedixxi l-konklużjoni tal-kuntratt bejn il-Kunsill u l-offerent magħżul. Tali talba, imressqa fi żmien xieraq, setgħet tippermetti lir-rikorrenti tikseb l-adozzjoni ta’ digriet, skont l-Artikolu 157(2) tar-Regoli tal-Proċedura, li jissospendi l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ għoti tal-kuntratt, anki qabel ma l-parti l-oħra tkun ippreżentat l-osservazzjonijet tagħha, għat-tul tal-proċeduri għal miżuri provviżorji (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat-30 ta’ Mejju 2017, Enrico Colombo u Corinti Giacomo vs Il‑Kummissjoni, T‑690/16 R, mhux ippubblikat, EU:T:2017:370, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35      Sussegwentement, ir-rikorrenti lanqas ma tista’ tislet argument mill-fatt li hija, ripetutament, talbet lill-Kunsill ma jiffirmax il-kuntratt. Fil-fatt, f’ebda mument il-Kunsill ma ta x’jiġi mifhum li huwa kien lest jissospendi l-iffirmar tal-kuntratt. Għall-kuntrarju, fl-ittra tiegħu tat-23 ta’ Jannar 2017, il-Kunsill indika li huwa ma kienx jara raġuni sabiex jerġa’ jmur lura fuq id-deċiżjoni ta’ għoti tiegħu jew sabiex ma jikkonkludix il-kuntratt.

36      Fl-aħħar nett, l-argument tar-rikorrenti li hija kien imissha “kellha terminu raġonevoli sabiex tanalizza t-tweiġiba” tal-Kunsill tat-23 ta’ Jannar 2017 lanqas ma jista’ jiġi aċċettat. Fil-fatt, f’kull każ, mill-ittra tar-rikorrenti tas-7 ta’ Frar 2017 jirriżulta li hija kienet qieset li t-tweġibiet tal-Kunsill ma kinux sodisfaċenti u hija kienet indikat lill-Kunsill l-intenzjoni tagħha li tieħu azzjoni legali. Madankollu, hija ppreżentat ir-rikors għal annullament tagħha flimkien ma’ talba għal miżuri provviżorji biss fit-23 ta’ Frar 2017.

37      Fid-dawl ta’ dan li ntqal, hemm lok li jiġi konkluż li r-rilassament tal-kundizzjoni dwar l-urġenza fil-qasam ta’ kuntratti pubbliċi ma jistax jiġi applikat f’dan il-każ.

38      Huwa neċessarju li jiġi analizzat ukoll jekk ir-rikorrenti stabbilixxietx hekk kif meħtieġ mil-liġi li l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata tikkawżalha dannu li jista’ jiġi kklassifikat mhux biss bħala gravi, iżda wkoll bħala irreparabbli fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 23 iktar ’il fuq.

39      F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, hemm lok li tiġi mfakkra l-ġurisprudenza stabbilita li abbażi tagħha dannu ta’ natura pekunjarja ma jistax, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, jitqies li huwa irreparabbli, peress li kumpens pekunjarju huwa, bħala regola ġenerali, ta’ natura li jreġġa’ lura lill-parti leża għas-sitwazzjoni qabel ma seħħ id-dannu. Tali dannu jista’ jiġi rreparat, b’mod partikolari, fil-kuntest ta’ rikors għad-danni ppreżentat taħt l-Artikoli 268 TFUE u 340 TFUE [ara d-digriet tat-23 ta’ April 2015, Il‑Kummissjoni vs Vanbreda Risk & Benefits, C‑35/15 P(R), EU:C:2015:275, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata].

40      Fit-tieni lok, għandu jiġi enfasizzat li l-konsegwenzi finanzjarji negattivi, għall-offerent li ma ntgħażilx, li jirriżultaw miċ-ċaħda tal-offerta tiegħu, bħala prinċipju, jifformaw parti mir-riskju kummerċjali normali li kull impriża attiva fis-suq għandha taffronta. Għaldaqstant, is-sempliċi fatt li ċ-ċaħda ta’ offerta tista’ jkollha konsegwenzi finanzjarji negattivi, anki gravi, għall-offerent li ma ntgħażilx ma jistax għaldaqstant jiġġustifika, fih innifsu, il-miżuri provviżorji mitluba minn dan tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-11 ta’ Marzu 2013, Communicaid Group vs Il‑Kummissjoni, T‑4/13 R, EU:T:2013:121, punti 28 sa 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41      Fl-aħħar nett, hemm lok li jitfakkar li l-elementi essenzjali u prinċipali tal-kuntratt konkluż wara proċedura ta’ sejħa għal offerti għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku huma, minn naħa, l-eżekuzzjoni tal-kuntratt mill-impriża magħżula u, min-naħa l-oħra, il-ħlas tas-somma prevista kuntrattwalment mill-awtorità kontraenti. Għall-kuntrarju, kunsiderazzjonijiet relattivi għar-reputazzjoni tal-offerent magħżul u għall-possibbiltà li huwa juża l-għoti ta’ kuntratt pubbliku prestiġjuż bħala riferimenti fil-kuntest ta’ sejħa għal offerti futura jew f’kuntesti oħra ta’ kompetizzjoni jirrigwardaw biss elementi aċċidentali u aċċessorji ta’ dak il-kuntratt. Issa, jekk il-fatt li offerent li ma ntgħażilx isofri telf ta’ qligħ serju billi ma jiksibx is-somma prevista kuntrattwalment, elementi essenzjali u prinċipali tal-kuntratt pubbliku inkwistjoni, ma jistax jiġġustifika l-għoti ta’ miżura provviżorja, l-istess għandu iktar u iktar japplika fir-rigward tat-telf ta’ dawk l-elementi aċċidentali u aċċessorji (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat-30 ta’ Mejju 2017, Enrico Colombo u Corinti Giacomo vs Il‑Kummissjoni, T‑690/16 R, mhux ippubblikat, EU:T:2017:370, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42      L-argumenti tar-rikorrenti intiżi sabiex juru dannu gravi u irreparabbli, ibbażati fuq in-natura tal-kuntratt inkwistjoni bħala “kuntratt ta’ riferiment”, fuq in-natura “prestiġjuża” tal-kuntratt, fuq l-impossibbiltà li tkun tista’ tiżviluppa l-kompetenzi tagħha permezz tat-twettiq tal-kuntratt u li tistabbilixxi kollaborazzjoni effettiva ma’ kumpanniji oħra jew ukoll fuq it-telf tal-possibbiltà, fid-dawl tad-daqs tal-kuntratt, li tikseb tnaqqis u benefiċċji mingħand il-fornituri tagħha li hija tkun sussegwentement tista’ tgħaddi lill-klijenti tagħha, jirrigwardaw l-elementi aċċidentali u aċċessorji tal-kuntratt ikkontestat fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt preċedenti. Għaldaqstant, b’mod konformi ma’ dik il-ġurisprudenza, dawn l-argumenti ma jistgħux jiġu aċċettati.

43      Minn dan kollu li ntqal jirriżulta li t-talba għal miżuri provviżorji għandha tiġi miċħuda, fin-nuqqas, minn naħa tar-rikorrenti, li tistabbilixxi l-urġenza, mingħajr ma huwa neċċessarju li tittieħed deċiżjoni fuq il-fumus boni juris jew li jiġu bbilanċjati l-interessi.

44      Skont l-Artikolu 158(5) tar-Regoli tal-Proċedura, hemm lok li l-ispejjeż jiġu rriżervati.

Għal dawn il-motivi,

IL-PRESIDENT TAL-QORTI ĠENERALI

jordna:

1)      It-talba għal miżuri provviżorji hija miċħuda.

2)      L-ispejjeż huma rriżervati.

Magħmul fil-Lussemburgu, fit-3 ta’ Lulju 2017.

E. Coulon

 

      M. Jaeger

Reġistratur

 

      President


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.


i Fit-tielet linja ta’ dan it-test saret modifika ta’ natura lingwistika, wara li kien tqiegħed online għall-ewwel darba.


1 Informazzjoni kunfidenzjali ommessa.