DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(L-Ewwel Awla)

tas-27 ta’ Settembru 2011

Kawża F‑105/06

Johannes Lübking

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Promozzjoni — Proċedura ta’ promozzjoni 2006 — Struttura ġdida tal-karrieri — Karriera itwal minħabba l-introduzzjoni ta’ gradi ġodda li ma għandhomx ekwivalenti fir-Regolamenti tal-Persunal preċedenti — Applikazzjoni tal-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal, tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal u tad-DĠI li japplikaw mill-2005 — Prinċipju ta’ trattament ugwali — Effett retroattiv tad-deċiżjonijiet ta’ promozzjoni għal data qabel l-1 ta’ Mejju 2004 — Miżuri tranżitorji — Rikors li għandu manifestament jiġi miċħud”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat abbażi tal-Artikoli 236 KE u 152 KE li permezz tiegħu J. Lübking u erba’ uffiċjali oħra tal-Kummissjoni jitolbu, prinċipalment, l-annullament tad-deċiżjoni li permezz tagħha huma ġew promossi fil-grad A*9, u mhux fil-grad A*10, abbażi tal proċedura ta’ promozzjoni 2005.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud. Ir-rikorrenti u l-Kummissjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, intervenjent, għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Sommarju

1.      Proċedura — Deċiżjoni meħuda permezz ta’ digriet motivat — Kundizzjonijiet — Rikors manifestament inammissibbli jew manifestament infondat fid-dritt — Portata

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 76)

2.      Uffiċjali — Promozzjoni — Regoli applikabbli — Proċedura ta’ promozzjoni 2004

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 45; Anness XIII, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 6; premessa 37 tar-Regolament tal-Kunsill Nru723/2004)

3.      Uffiċjali — Promozzjoni — Adozzjoni ta’ sistema ġdida ta’ promozzjoni — Tranżizzjoni bejn is-sistema l-antika u dik ġdida

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 45)

4.      Uffiċjali — Promozzjoni — Regoli applikabbli — Prinċipju tal-unità tal-karriera — Prinċipju mhux stabbilit mid-dritt tal-Unjoni

5.      Uffiċjali — Regolamenti tal-persunal — Estensjoni b’analoġija tal-benefiċċju ta’ dispożizzjoni statutorja — Kundizzjonijiet

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 45; Anness XIII, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 6)

6.      Uffiċjali — Promozzjoni — Ilment minn kandidat li ma ġiex promoss — Deċiżjoni ta’ ċaħda — Obbligu ta’ motivazzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, paragrafu 2 tal-Artikolu 25, Artikolu 45 u 90(2))

7.      Uffiċjali — Rikorsi — Interess ġuridiku — Motiv ibbażat fuq ksur tal-forom proċedurali sostanzjali — Kompetenza marbuta tal-amministrazzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91)

1.      Skont l-Artikolu 76 tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, meta rikors ikun manifestament inammissibbli jew manifestament infondat fid-dritt, l-imsemmija Qorti Ġenerali tista’, tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat, mingħajr ma tkompli l-proċedura. L-ipoteżi prevista minn din id-dispożizzjoni tinkludi kull rikors iddestinat li jiġi miċħud minħabba raġunijiet li jirrigwardaw il‑mertu tal-kawża.

(ara l-punti 40 u 41)

2.      Meta ssir emenda leġiżlattiva fil-qasam statutorju, inkunsiderazzjoni tal-fatt li l-persunal eżistenti jkun jista’ jinvoka aspettattivi leġittimi u drittijiet kweżiti skont ir-regoli li jirriżultaw mir-Regolamenti tal-Persunal fis-seħħ qabel l-emenda, jista’ jkun meħtieġ li l-leġiżlatur jadotta miżuri tranżitorji.

Fid-determinazzjoni tal-istruttura tal-karrieri li fiha għandhom ikunu inklużi l‑effetti ta’ deċiżjoni ta’ promozzjoni ta’ uffiċjal fir-rigward tal-proċedura ta’ promozzjoni wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda fl-1 ta’ Mejju 2004, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 6 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal jagħmel distinzjoni bejn id-data ta’ adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni u d-data effettiva tagħha, u żżomm id-data effettiva. Skont din id-dispożizzjoni, għall-promozzjonijiet li jieħdu effett qabel l-1 ta’ Mejju 2004, l-ogħla grad skont l-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda huwa ddeterminat, mhux skont l-istruttura tal-karrieri li tirriżulta mir-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda, iżda skont dik stabbilita mir-Regolamenti tal-Persunal preċedenti. Għalhekk din id-dispożizzjoni hija dispożizzjoni tranżitorja li tiżgura lill-uffiċjali kkonċernati li l-istruttura tal-karrieri preċedenti tapplika għall-promozzjonijiet bid-data effettiva qabel l-1 Mejju 2004.

F’dak li jirrigwarda l-kamp ta’ applikazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, din id-dispożizzjoni tista’ tapplika biss għad-deċiżjonijiet ta’ promozzjoni meħuda skont il-proċedura ta’ promozzjoni 2004 bid-data effettiva qabel l-1 ta’ Mejju 2004, u għaldaqstant ma hijiex applikabbli għall-uffiċjali li, fit-30 ta’ April 2004, ma bbenefikawx minn promozzjoni skont il-proċedura ta’ promozzjoni 2004 jew fi kwalunkwe każ ma bbenefikawx minn promozzjoni bid-data effettiva qabel l-1 ta’ Mejju 2004.

F’dan ir-rigward, meta proċedura ta’ promozzjoni tkun proċedura annwali li dejjem tipproduċi effetti retroattivi limitati għall-proċedura kkonċernata, jekk istituzzjoni tkun iddeċidiet li tagħti effett retroattiv lil ċerti deċiżjonijiet ta’ promozzjoni sabiex huma jieħdu effett f’data preċedenti għall-1 ta’ Mejju 2004, din l-għażla ma tistax tkun ivvizzjata b’illegalità sakemm hija jkollha l-bażi legali tagħha fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal.

(ara l-punti 60, 63, 64 u 117)

3.      L-uffiċjali li jistgħu jiġu promossi fi grad superjuri fit-30 ta’ April 2004, qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda, iżda effettivament promossi skont il-proċedura ta’ promozzjoni 2005, ma humiex fl-istess sitwazzjoni legali u fattwali bħal dik tal-uffiċjali kklassifikati fl-istess grad, li jistgħu jiġu promossi fi grad superjuri fit-30 ta’ April 2004 u effettivament promossi skont il-proċedura ta’ promozzjoni 2004.

Fil-fatt, skont ir-regoli legali li jirregolaw il-promozzjoni tal-uffiċjali, mill‑evalwazzjoni tal-merti jirriżulta li l-Awtorità tal-Ħatra għandha l-obbligu li twettaq kull proċedura ta’ promozzjoni annwali li, fi tmiem ta’ din l-evalwazzjoni, huma biss l-uffiċjali li jistgħu jiġu promossi l-iktar li jistħoqqilhom fit-tul taż‑żmien jiġu promossi. F’dan ir-rigward, is-sitwazzjoni fattwali u legali tal‑uffiċjali kkunsidrati mill-imsemmija awtorità bħala li jistħoqqilhom inqas, fit‑tul taż-żmien u dik tal-kollegi tagħhom li effettivament ikunu ġew promossi jippreżentaw differenzi essenzjali. Għaldaqstant, dawk tal-ewwel ma jappartjenux fl-istess grupp ta’ persuni tal-kollegi tagħhom promossi u ma jistgħux jinvokaw l‑ugwaljanza fit-trattament.

Barra minn hekk, fl-assenza ta’ delegazzjoni fir-Regolamenti tal-Persunal favur l‑istituzzjonijiet li għalihom jadottaw miżuri tranżitorji li jidderogaw, meta l‑proċedura ta’ promozzjoni 2005, għall-applikazzjoni immedjata tal-istruttura tal‑karrieri ġdida, in-nuqqas minn istituzzjoni li tadotta tali miżuri ma tiksirx la l-prinċipji tal-ugwaljanza ta’ trattament u tal-vokazzjoni għall-karriera u lanqas tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

(ara l-punti 76 sa 78, 97 u 98)

4.      Id-dritt tal-Unjoni ma jistabbilixxix espressament la l-prinċipju ta’ unità tal-karriera u lanqas tal-prinċipju tal-karriera. Madankollu, il-ġurisprudenza stabbilixxiet il-prinċipju tal-vokazzjoni għall-karriera bħala forma speċjali tal-prinċipju ta’ trattament ugwali għall-uffiċjali.

(ara l-punti 81, 82 u 121)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 5 ta’ Marzu 2008, Toronjo Benitez vs Il‑Kummissjoni, F‑33/07, punti 87 u 88

5.      Waħda mill-kundizzjonijiet sabiex dispożizzjoni tapplika b’analoġija s-sistema legali li tirrigwarda lill-persuni kkonċernati għandha lakuna li ma hijiex kompatibbli mal-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-UE u li tista’ tiġi rrimedjata permezz tal-imsemmija applikazzjoni b’analoġija.

Għalhekk, peress li ma huwiex stabbilit li l-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal u l-Anness XIII ta’ dan tal-aħħar jinkludu lakuna inkompatibbli ma’ prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, l-applikazzjoni permezz ta’ analoġija tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal għad-deċiżjonijiet ta’ promozzjoni adottati skont il-proċeduri ta’ promozzjoni sussegwenti għall-proċedura ta’ promozzjoni 2004 għandha tiġi eskluża.

Barra minn hekk, għandu jiġi kkunsidrat li r-rabta legali bejn l-uffiċjali u l-amministrazzjoni hija statutorja, u mhux kuntrattwali, u li d-drittijiet u l-obbligi tal-uffiċjali jistgħu, sakemm ikun hemm osservanza tar-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni, jiġu emendati fi kwalunkwe mument mil-leġiżlatur

(ara l-punti 99 sa 101)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 4 ta’ Marzu 2010, Angé Serrrano, C‑496/08 P, punt 82

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 15 ta’ Frar 2011, Marcuccio vs Il‑Kummissjoni, F‑81/09, punt 55, li hija s-suġġett ta’ appell pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, Kawża T‑238/11 P

6.      L-Awtorità tal-Ħatra ma hijiex obbligata li timmotiva d-deċiżjonijiet tal-promozzjoni fir-rigward ta’ uffiċjali li ma jkunux ġew promossi, iżda hija għandha l-obbligu li timmotiva d-deċiżjoni tagħha fir-rigward ta’ ċaħda tal-ilment ta’ uffiċjali li ma jkunx ġie promoss. F’dan ir-rigward, l-amministrazzjoni tkun issodisfat ir-rekwiżiti ta’ motivazzjoni tad-deċiżjonijiet amministrattivi meta l-uffiċjal jista’ japprezza l-fondatezza tal-att li jikkawża preġudizzju u l-possibbiltà li jressaq rikors quddiem il-Qorti Ġenerali u li din tal-aħħar tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha fuq il-legalità tal-att.

(ara l-punti 146 u 147)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 2 ta’ Ġunju 2005, Strohm vs Il‑Kummissjoni, T‑177/03, punt 53

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 10 ta’ Setembru 2009, Behmer vs Il‑Parlament, F‑124/07, punt 58, u l-ġurisprudenza ċċitata

7.      Uffiċjal ma għandu l-ebda interess leġittimu sabiex jitlob l-annullament minħabba difett formali, u b’mod partikolari għal ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, ta’ deċiżjoni fil-każ fejn l-amministrazzjoni ma jkollha l-ebda marġni ta’ evalwazzjoni u għandha obbligu li taġixxi kif għamlet, meta l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata tista’ twassal biss għall-intervent ta’ deċiżjoni identika, fir-rigward tal-mertu, tad-deċiżjoni kkontestata.

(ara l-punt 154)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 23 ta’ April 2002, Campolargo vs Il‑Kummissjoni, T‑372/00, punt 62