Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Arbeitsgericht Hamburg (il-Ġermanja) fl-20 ta’ Diċembru 2018 – IX vs WABE e.V.
(Kawża C-804/18)
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Qorti tar-rinviju
Arbeitsgericht Hamburg
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: IX
Konvenuta: WABE e.V.
Domandi preliminari
Direttiva unilaterali tal-persuna li timpjega, li tipprojbixxi l-ilbies ta’ kwalunkwe simbolu viżibbli ta’ natura politika, filosofika jew reliġjuża, tikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta bbażata fuq ir-reliġjon fis-sens tal-Artikolu 2(1) u (2)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol 1 , tal-ħaddiema li josservaw ċerti regoli fl-ilbies minħabba preċetti reliġjużi li jeżiġu li jkopru lilhom infushom?
Direttiva unilaterali tal-persuna li timpjega, li tipprojbixxi l-ilbies ta’ kwalunkwe simbolu viżibbli ta’ natura politika, filosofika jew reliġjuża, tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq ir-reliġjon u/jew il-ġeneru, fis-sens tal-Artikolu 2(1) u (2)(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, ta’ ħaddiema li tilbes velu minħabba l-fidi Musulmana tagħha?
B’mod partikolari:
Diskriminazzjoni [indiretta] bbażata fuq ir-reliġjon u/jew il-ġeneru tista’ wkoll tkun iġġustifikata taħt id-Direttiva 2000/78 bix-xewqa suġġettiva tal-persuna li timpjega li tfittex li ssegwi politika ta’ newtralità politika, filosofika u reliġjuża, meta l-persuna li timpjega trid tikkunsidra wkoll ix-xewqat suġġettivi tal-klijenti tagħha?
Id-Direttiva 2000/78 u/jew id-dritt fundamentali għal-libertà ta’ intrapriża previst fl-Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jipprekludu, fid-dawl tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2000/78, leġiżlazzjoni nazzjonali li tgħid li, għall-finijiet tal-protezzjoni tad-dritt fundamentali għal-libertà ta’ reliġjon, sempliċi abbiltà astratta intiża li ddgħajjef in-newtralità tal-persuna li timpjega ma hijiex biżżejjed sabiex tiġġustifika projbizzjoni ta’ lbies reliġjużi, u li tipprevedi li din il-projbizzjoni tista’ biss tkun iġġustifikata b’riskju konkret biżżejjed, partikolarment it-theddida konkreta ta’ żvantaġġ ekonomiku għall-persuna li timpjega jew terz ikkonċernat?
____________
1 Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79).