SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(L-Ewwel Awla)

25 ta’ Novembru 2008

Kawża F-145/07

Pierre Bosman

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Servizz pubbliku – Ex membru tal-persunal bil-kuntratt – Pensjoni ta’ rtirar – Allowance tad-dar – Artikolu 109(3) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu P. Bosman jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kunsill, tat-28 ta’ Frar 2007, li tirrifjuta, fuq il-bażi tal-Artikolu 109(3) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra tal-Komunitajiet Ewropej, li jiġi rikonoxxut fir-rigward tiegħu d-dritt għall-allowance tad-dar għall-finijiet tal-kalkolu tad-drittijiet tiegħu għall-pensjoni ta’ irtirar.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Ir-rikorrent ibati l-ispejjeż kollha, jiġifieri l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk tal-Kunsill.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra tal-Komunitajiet Ewropej – Membri tal-persunal lokali – Kategorija ekwivalenti għal dik tal-membri tal-persunal bil-kuntratt – Esklużjoni

2.      Uffiċjali – Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra tal-Komunitajiet Ewropej – Trattament ugwali – Differenza fil-kalkolu bejn id-drittijiet għall-pensjoni ta’ rtirar tal-membri tal-persunal bil-kuntratt u dawk tal-membri tal-persunal lokali

(Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra tal-Komunitajiet Ewropej, Artikolu 109(3))

3.      Uffiċjali – Pensjonijiet – Pensjoni ta’ rtirar – Kalkolu

(Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra tal-Komunitajiet Ewropej, Artikolu 109(3))

1.      Il-premessa li l-istatus ta’ membru tal-persunal lokali kien biss is-suġġett ta’ sempliċi “traspożizzjoni” fil-kuntest tal-kategorija ġdida tal-membri tal-persunal bil-kuntratt ikkreata fil-kondizzjonijiet ġodda tal-impjieg ta’ impjegati oħra huwa infondat; fil-fatt, anki fis-sitwazzjoni fejn kategorija tal-membri tal-persunal bil-kuntratt tkun effettivament destinata li tissostitwixxi fiż-żmien dik tal-membri tal-persunal lokali, kif hija madankollu destinata li tissostitwixxi l-kategorija tal-membri tal-persunal awżiljarju, xorta jibqa’ l-fatt li l-leġiżlatur Komunitarju, billi kkrea kategorija ġdida ta’ membri tal-persunal, xorta waħda ssuġġetthom għal sistema legali u pekunjarja differenti minn dik tal-membri tal-persunal lokali u li, konsegwentement, ex membru tal-persunal bil-kuntratt ma jistax jikkunsidra li jappartjeni għal kategorija ta’ membri tal-persunal ekwivalenti għal dik tal-membri tal-persunal bil-kuntratt.

(ara l-punt 36)

Referenza: It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 24 ta’ April 2008, Dalmasso vs Il‑Kummissjoni, F‑61/05, Ġabrs p. I‑0000, punt 78

2.      Il-leġiżlatur Komunitarju jista’ f’kull mument jemenda d-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal jekk fil-fehma tiegħu dawn ikunu konformi mal-interess tas-servizz u jadotta, fil-futur, dispożizzjonijiet statutorji inqas favorevoli għall-uffiċjali jew għall-membri tal-persunal ikkonċernati, bil-kundizzjoni madankollu li l-persuni speċifikament ikkonċernati mil-leġiżlazzjoni l-ġdida jiġu ttrattati b’mod identiku.

L-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ċari u preċiżi tal-Artikolu 109(3) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra tal-Komunitajiet Ewropej jagħti lok għal trattament identiku tal-membri kollha tal-persunal bil-kuntratt, sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet huma bbażati fuq il-kundizzjoni essenzjali u sine qua non, sabiex jibbenefikaw minn allowance tad-dar fil-kalkolu tad-drittijiet għall-pensjoni ta’ rtirar, li kienet impjegata għal iktar minn tliet snin bħala membru tal-persunal bil-kuntratt. Anki jekk, f’numru żgħir ta’ każijiet, ikun hemm inkonvenjenti każwali minħabba l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni ġenerali u astratta, il-leġiżlatur ma jistax jiġi akkużat li rrikorra għal klassifikazzjoni skont il-kategorija, peress li fiha nnfisha hija mhux diskriminatorja fir-rigward tal-għan tagħha.

(ara l-punti 41, 44, 46 u 47)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 16 ta’ Ottubru 1980, Hochstrass vs Il‑Qorti tal‑Ġustizzja, 147/79, Ġabra p. 3005, punt 14; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku Dalmasso vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 78

3.      Ir-rikonoxximent tad-dritt għall-allowance tad-dar għall-kalkolu tar-remunerazzjoni ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt ma jkunx ikkunsidrat bħala garanzija preċiża, mingħajr kundizzjonijiet u kkorroborata fir-rigward tal-benefiċċju ta’ dan l-allowance għall-kalkolu tad-drittijiet tiegħu għall-pensjoni u bl-ebda mod ma jagħti lill-membru tal-persunal bil-kuntratt dritt akwiżit għall-imsemmi allowance, peress li r-remunerazzjoni u l-pensjoni jirrelataw ma’ sitwazzjonijiet amministrattivi differenti, suġġetti għal regoli differenti.

(ara l-punti 54 u 55)