KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SHARPSTON

ippreżentati fit-3 ta’ April 2014 (1)

Kawża C‑114/12

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Negozjar ta’ Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-protezzjoni tad-drittijiet ta’ organizzazzjonijiet tax-xandir — Kompetenza — Proċedura”





1.        Inqalgħet tilwima bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar il-kompetenza biex tkun innegozjata Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-protezzjoni tad-drittijiet ta’ organizzazzjonijiet tax-xandir (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoniˮ..

2.        Fid-19 ta’ Diċembru 2011, il-Kunsill u r-Rappreżentanti tal-Istati Membri (miġbura fil-Kunsill bħala rappreżentanti tal-gvernijiet rispettivi tagħhom) awtorizzaw lill-Kummissjoni biex tipparteċipa fin-negozjati għall-Konvenzjoni dwar affarijiet li jaqgħu fil-kompetenza tal-Unjoni Ewropea u taw istruzzjonijiet lill-Presidenza biex tinnegozja f’isem l-Istati Membri dwar affarijiet li jaqgħu fil-kompetenza ta’ dawn tal-aħħar (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni”) (2). Il-Kummissjoni titlob l-annullament tad-Deċiżjoni minħabba li tonqos milli tirrispetta l-kompetenza esterna esklużiva tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-protezzjoni tad-drittijiet ta’ organizzazzjonijiet tax-xandir. Barra dan, il-Kummissjoni tissottometti li d-Deċiżjoni għandha tkun annullata għax kienet adottata bi ksur tar-regoli proċedurali applikabbli u tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali (3).

 Il-Konvenzjoni

3.        Fl-2002, il-Kunsill tal-Ewropa adotta r-Rakkomandazzjoni Rec(2002)7 dwar it-tisħiħ tal-protezzjoni tad-drittijiet relatati ta’ organizzazzjonijiet tax-xandir (iktar ’il quddiem ir-“Rakkomandazzjoni tal-2002”) (4). Bid-deċiżjoni tal-20 ta’ Frar 2008, il-Kumitat tal-Ministri tiegħu ta istruzzjonijiet lill-Kumitat ta’ Tmexxija dwar il-Media u s-Servizzi ġodda ta’ Komunikazzjoni (iktar ’il quddiem is-“CDMC”) (5) biex jeżamina kemm kien fattibbli r-rinfurzar ta’ drittijiet bħal dawn. Ukoll fl-2008, il-Grupp ad-hoc tal-valutazzjoni tas-CDMC ipproduċa memorandum dwar il-possibbiltà li jkun hemm strument tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-protezzjoni ta’ organizzazzjonijiet tax-xandir u evalwazzjoni ta’ fattibbiltà (iktar ’il quddiem il-“Memorandum tal-2008”).

4.        Fl-2009, is-CDMC approva t-Termini ta’ Referenza (iktar ’il quddiem it-“Termini ta’ Referenza tal-2009”) (6) tal-Grupp ta’ konsulenza ad-hoc dwar il-protezzjoni tad-drittijiet relatati ta’ organizzazzjonijiet tax-xandir (iktar ’il quddiem l-“MC-S-NR”), li lilu ta istruzzjonijiet biex jaħdem dwar il-protezzjoni tad-drittijiet relatati ta’ organizzazzjonijiet tax-xandir u jekk jista’ jkun biex jabbozza konvenzjoni.

5.        L-MC-S-NR għadu ma twaqqafx. Iżda saru konsultazzjonijiet dwar ix-xogħol tiegħu għall-ġejjieni. Fil-Laqgħa ta’ Konsultazzjoni tal-2010, kienu diskussi kwistjonijiet dwar l-għan u l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ konvenzjoni ġdida li seta’ jkun hemm (7). Jidher, partikolarment mill-Memorandum tal-2008 u mir-rapport tal-Laqgħa ta’ Konsultazzjoni tal-2010 (iktar ’il quddiem ir-“Rapport tal-Laqgħa tal-2010”) li l-objettiv huwa li jkun hemm qbil dwar sett ta’ drittijiet esklużivi ta’ organizzazzjonijiet tax-xandir, bħad-dritt ta’ ffissar (8), id-dritt ta’ riproduzzjoni, id-dritt ta’ trażmissjoni mill-ġdid, id-dritt ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, id-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku u d-dritt ta’ distribuzzjoni, f’termini teknoloġikament newtrali (9). Oqsma oħra għal diskussjoni jinkludu l-protezzjoni ta’ sinjali li jġorru programmi qabel ix-xandir (10), il-perjodu ta’ protezzjoni, il-ħtieġa ta’ lista mhux eżawrjenti ta’ limitazzjonijiet u eċċezzjonijiet, l-infurzar ta’ drittijiet u obbligi dwar miżuri teknoloġiċi u informazzjoni dwar l-amministrazzjoni ta’ drittijiet (11).

6.        Il-Konvenzjoni għandha tikkomplementa normi eżistenti ta’ trattati internazzjonali u reġjonali dwar l-istess suġġett. Għadd kunsiderevoli ta’ dawk id-dispożizzjonijiet u trattati ma kinux irratifikati u/jew ma daħlux fis-seħħ (12). Hekk kif żviluppi teknoloġiċi jissoktaw b’pass intensiv, ħafna minn dawn in-normi jitilfu wkoll xi ftit mill-effikaċja tagħhom (u, b’mod korrispondenti, jkun inqas probabbli li t-trattati jkunu rratifikati u li jidħlu fis-seħħ).

7.        Flimkien mat-tħejjijiet għall-possibbiltà ta’ Konvenzjoni fil-Kunsill tal-Ewropa, qed jissoktaw in-negozjati għal trattat WIPO dwar drittijiet ta’ organizzazzjonijiet tax-xandir (13). L-objettiv ta’ dawn in-negozjati huwa, bħal dawk fil-Kunsill tal-Ewropa, li jkunu “aġġornati” id-drittijiet ta’ organizzazzjonijiet tax-xandir bi tweġiba għal bidliet u l-użu li dejjem jiżdied tat-teknoloġija. Fl-2001, il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha flimkien issottomettew proposta lid-WIPO dwar it-Trattat għall-Protezzjoni ta’ Organizzazzjonijiet tax-Xandir (14).

8.        Parzjalment minħabba nuqqas ta’ progress sinjifikanti fid-diskussjonijiet fid-WIPO, il-Kunsill tal-Ewropa ddeċieda li jibda negozjati għal konvenzjoni separata. Dokumenti ppreżentati matul dawn il-proċedimenti madankollu juru li dawk in-negozjati ser iqisu n-negozjati tad-WIPO, kif ukoll obbligi internazzjonali oħra, eżistenti u possibbli fil-ġejjieni, tal-partijiet kontraenti (15).

 Il-kuntest legali

 It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea

9.        L-Artikolu 5 TUE jistabbilixxi l-prinċipju tal-għoti tal-kompetenzi li jipprovdi li kompetenzi mhux mogħtija mit-Trattati lill-Unjoni Ewropea jibqgħu għand l-Istati Membri (16). L-Artikolu 5(2) jgħid li “[...] l-Unjoni għandha taġixxi biss fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lilha mill-Istati Membri fit-Trattati sabiex twettaq l-objettivi stabbiliti minn dawn it-Trattati. Il-kompetenzi kollha li ma jingħatawx lill-Unjoni fit-Trattati jibqgħu għand l-Istati Membri.”

10.      L-Artikolu 13(2) TUE jgħid: “Kull Istituzzjoni għandha taġixxi fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lilha mit-Trattati, u skond il-proċeduri, il-kondizzjonijiet u l-finijiet previsti minnhom. L-istituzzjonijiet għandhom jipprattikaw bejniethom il-koperazzjoni leali.”

11.      L-Artikolu 16(3) TUE jgħid: “Id-deċiżjonijiet tal-Kunsill għandhom jittieħdu b’maġġoranza kwalifikata ħlief fejn it-Trattati jipprovdu mod ieħor.”

 It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

12.      Skont l-Artikolu 2 TFUE,

“1. Meta t-Trattati jagħtu kompetenza esklużiva lill-Unjoni f’qasam speċifiku, l-Unjoni biss tista’ tilleġisla u tadotta atti legalment vinkolanti, u l-Istati Membri jkunu jistgħu jagħmlu dan biss jekk jingħataw is-setgħa mill-Unjoni jew sabiex jimplimentaw l-atti ta’ l-Unjoni.

2. Meta t-Trattati jagħtu lill-Unjoni kompetenza kondiviża ma’ l-Istati Membri f’qasam speċifiku, l-Unjoni u l-Istati Membri jistgħu jilleġislaw u jadottaw atti legalment vinkolanti f'dak il-qasam. L-Istati Membri għandhom jeżerċitaw il-kompetenza tagħhom sal-punt fejn l-Unjoni ma tkunx eżerċitat tagħha [(17)]. L-Istati Membri għandhom jeżerċitaw il-kompetenza tagħhom mill-ġdid sal-punt fejn l-Unjoni tkun iddeċidiet li tieqaf teżerċita tagħha..

[…]”

13.      L-uniku Artikolu tal-Protokoll Nru 25 (18) dwar l-eżerċizzju ta’ kompetenza kondiviżi jgħid: “B’referenza għall-Artikolu 2(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta l-Unjoni Ewropea dwar kompetenzi kondiviżi, meta l-Unjoni tkun ħadet azzjoni fċertu qasam, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-eżerċizzju ta’ kompetenza jkopri biss dawk l-elementi regolati mill-att ta’ l-Unjoni konċernat u għalhekk ma jkoprix il-qasam kollu.”

14.      L-Artikolu 3(1) TFUE jelenka l-oqsma li fir-rigward tagħhom l-Unjoni Ewropea għandha kompetenza esklużiva, inklużi:

“[…]

(b)      l-istabbiliment tar-regoli tal-kompetizzjoni meħtieġa għall-funzjonament tas-suq intern;

[…]

(e)      il-politika kummerċjali komuni.”

15.      Il-kompetenza esklużiva għall-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali hija mogħtija lill-Unjoni Ewropea bl-Artikolu 3(2) TFUE “[...] meta l-konklużjoni tiegħu tkun prevista f’att leġiżlattiv ta’ l-Unjoni, jew tkun meħtieġa sabiex l-Unjoni tkun tista’ teżerċita l-kompetenza interna tagħha, jew sal-punt fejn il-konklużjoni tiegħu tista’ tolqot xi regoli komuni jew tbiddel il-kamp ta’ l-applikazzjoni tagħhom.”

16.      L-Artikolu 4 TFUE huwa dwar kompetenzi kondiviżi u jgħid:

“1.       L-Unjoni għandha kompetenza kondiviża ma’ l-Istati Membri fejn it-Trattati jtuha kompetenza li ma tirrigwardax l-oqsma previsti fl-Artikoli 3 u 6.

2.       Il-kompetenza kondiviża bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tapplika għall-oqsma prinċipali li ġejjin:

(a)       is-suq intern;

[…]”

17.      Skont l-Artikolu 26(1) TFUE, l-Unjoni Ewropea “għandha tadotta miżuri bil-ħsieb li tistabbilixxi jew li tassigura l-funzjonament tas-suq intern, skond id-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattati”. L-Artikolu 114(1) TFUE jipprovdi għall-adozzjoni mill-Parlament u mill-Kunsill, skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, ta’ “[…] il-miżuri għall-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet stipulati bil-liġi, b’regolamenti jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri li għandhom bħala l-għan tagħhom l-istabbiliment u l-operazzjoni tas-suq intern”.

18.      L-ewwel sentenza tal-Artikolu 83(2) TFUE tgħid: “Jekk l-approssimazzjoni tal-liġijiet u r-regolamenti ta’ l-Istati Membri f’materji kriminali tkun indispensabbli sabiex tiġi assigurata l-implimentazzjoni effiċjenti ta’ politika ta’ l-Unjoni f’qasam li kien suġġett għall-miżuri ta’ armonizzazzjoni, jistgħu jsiru direttivi li jistabbilixxu r-regoli minimi fir-rigward tad-definizzjoni ta’ reati kriminali u sanzjonijiet fil-qasam ikkonċernat […]”

19.      It-Titolu I tal-Ħames Parti tat-TFUE fih id-dispożizzjonijiet ġenerali dwar ir-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni Ewropea. Skont l-Artikolu 207(1) TFUE, il-politika kummerċjali komuni (li, skont l-Artikolu 3(1)(e) TUE, hija kompetenza esklużiva) “[…] għandha tkun ibbażata fuq prinċipji uniformi, partikolarment fir-rigward ta’ […] l-aspetti kummerċjali tal-proprjetà intellettwali [...] Il-politika kummerċjali komuni għandha titwettaq fil-kuntest tal-prinċipji u l-objettivi ta’ l-azzjoni esterna ta’ l-Unjoni.” It-Titolu V tal-istess parti huwa speċifikatament dwar ftehimiet internazzjonali. L-Artikolu 216 TFUE jgħid:

“1.      L-Unjoni tista’ tikkonkludi ftehim ma’ pajjiż terz wieħed jew iktar jew ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali meta t-Trattati jipprovdu għal danjew meta l-konklużjoni ta’ ftehim tkun jew meħtieġa sabiex jinkiseb, fil-qafas tal-politika ta’ l-Unjoni, wieħed mill-objettivi stabbiliti mit-Trattati, jew inkella tkun prevista f’att ta’ l-Unjoni legalment vinkolanti jew inkella x’aktarx tolqot regoli komuni jew li tbiddel il-kamp ta’ l-applikazzjoni tagħhom.

2.      Ftehim konkluż mill-Unjoni jorbot lill-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni u lill-Istati Membri.”

20.      L-Artikolu 218 TFUE jistabbilixxi r-regoli proċedurali li jirregolaw, inter alia, in-negozjar, l-iffirmar u l-konklużjoni ta’ ftehimiet internazzjonali:

“1.      Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet speċifiċi stabbiliti fl-Artikolu 207, ftehim bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali għandhom jiġu negozjati u konklużi skond il-proċedura li ġejja.

2.      Il-Kunsill għandu jawtorizza l-ftuħ tan-negozjati, jadotta direttivi ta' negozjati, jawtorizza l-iffirmar ta' ftehim u jikkonkludihom.

3.      Meta l-ftehim in kwistjoni jikkonċerna esklużivament jew prinċipalment il-politika estera u ta’ sigurtà komuni, il-Kummissjoni […] għandhom jippreżentaw rakkomandazzjonijiet lill-Kunsill, li għandu jadotta deċiżjoni li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati u li tinnomina, skond is-suġġett tal-ftehim previst, in-negozjatur ta’ l-Unjoni jew il-kap tal-grupp ta’ negozjaturi ta’ l-Unjoni.

4.      Il-Kunsill jista’ jindirizza direttivi lin-negozjatur u jista’ jaħtar kumitat speċjali, in-negozjati għandhom isiru f’ konsultazzjoni ma’ dan il-kumitat.

5.      Il-Kunsill, fuq proposta min-negozjatur, għandu jadotta deċiżjoni li tawtorizza l-iffirmar tal-ftehim u, jekk meħtieġ, l-applikazzjoni provviżorja tiegħu qabel id-dħul fis-seħħ.

6.      Il-Kunsill, fuq proposta min-negozjatur, għandu jadotta deċiżjoni li tikkonkludi l-ftehim.

[…] il-Kunsill għandu jadotta d-deċiżjoni li tikkonkludi l-ftehim:

(a)      wara li jkun kiseb l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew fil-każijiet li ġejjin:

[…]

(v)       ftehim li jkopri l-oqsma li għalihom tapplika l-proċedura leġislattiva ordinarja jew il-proċedura leġislattiva speċjali meta jkun meħtieġ l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew.

F’każ ta’ urġenza, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jistgħu jiftiehmu fuq limitu ta’ żmien għall-approvazzjoni.

(b)      wara l-konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew fil-każijiet l-oħra. Il-Parlament Ewropew għandu jagħti l-opinjoni tiegħu f’limitu ta’ żmien li l-Kunsill jista’ jistabbilixxi skond l-urġenza tal-kwistjoni. Fin-nuqqas ta’ opinjoni f’dak il-limitu ta’ żmien, il-Kunsill jista’ jaġixxi.

7.      Meta jikkonkludi ftehim, il-Kunsill jista’, b’deroga mill-paragrafi 5, 6 u 9, jawtorizza lin-negozjatur sabiex japprova f’ isem l-Unjoni emendi għall-ftehim meta dan jipprovdi li dawn l-emendi għandhom jiġu adottati skond proċedura simplifikata jew minn korp stabbilit mill-ftehim. Il-Kunsill jista’ jorbot kondizzjonijiet speċifiċi ma’ din l-awtorizzazzjoni.

8.      Il-Kunsill għandu jaġixxi bil-maġgoranza kwalifikata tul il-proċedura kollha.

Mandankollu, għandu jaġixxi b’mod unanimu meta l-ftehim ikopri qasam li għalih hija meħtieġa l-unamità għall-adozzjoni ta’ att ta’ l-Unjoni kif ukoll għal ftehim ta’ assoċjazzjoni u l-ftehim previsti fl-Artikolu 212 ma’ l-Istati li huma kandidati għall-adeżjoni. Il-Kunsill għandu jaġixxi wkoll b’mod unanimu għall-ftehim ta’ adeżjoni ta’ l-Unjoni mal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali; id-deċiżjoni li tikkonkludi dan il-ftehim tidħol fis-seħħ wara l-approvazzjoni tagħha mill-Istati Membri skond il-ħtiġijiet kostituzzjonali rispettivi tagħhom.

9.      Il-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni [...] għandu jadotta deċiżjoni li tissospendi l-applikazzjoni ta’ ftehim u li tistabbilixxi l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’ sede stabbilita bi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.

10.      Il-Parlament Ewropew għandu jinżamm informat immedjatament u kompletament fl-istadji kollha tal-proċedura.

11.      Stat Membru, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill jew il-Kummissjoni jistgħu jiksbu l-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk ftehim maħsub ikunx kompatibbli mat-Trattati. Meta l-opinjoni tal-Qorti tkun kuntrarja, il-ftehim maħsub ma jistax jidħol fis-seħħ sakemm ma jiġix emendat jew it-Trattati ma jiġux riveduti.”

21.      Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE:

“Il-Qorti tal-Ġustizzja [...] għandha teżamina l-legalità ta’ atti leġiżlattivi, ta’ l-atti tal-Kunsill, tal-Kummissjoni u tal-Bank Ċentrali Ewropew, minbarra ir-rakkomandazzjonijiet u l-opinjonijiet, u ta’ atti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Ewropew maħsuba li joħolqu effetti legali fir-rgward ta’ terzi. Din għandha tikkontrolla wkoll il-legalità ta’ l-atti ta’ korpi jew organi tal-Unjoni maħsuba biex jipproduċu effetti legali fil-konfront ta’ partijiet terzi.”

22.      L-Artikolu 288 TFUE jipprovdi li:

“Biex jeżerċitaw il-kompetenzi ta’ l-Unjoni, l-istituzzjonijiet għandhom jadottaw regolamenti, direttivi, deċiżjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet.

[…]

Id-deċiżjoni għandha torbot fl-intier tagħha. Deċiżjoni li tispeċifika lil min hija indirizzata għandha torbot lil dawn biss.

[…]”

 Il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar drittijiet relatati ta’ organizzazzjonijiet tax-xandir

23.      Ir-rikors tal-Kummissjoni jiffoka fuq il-kompetenza biex ikun innegozjat ftehim dwar drittijiet relatati ta’ organizzazzjonijiet tax-xandir. Għalhekk nillimita dan is-sommarju għal-leġiżlazzjoni tal-UE li tirregola drittijiet bħal dawn.

24.      Dik il-leġiżlazzjoni hija xi ftit frammentata u tinsab f’għadd ta’ strumenti. Id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati kienu ttrattati l-ewwel darba fid-Direttiva 92/100, li tħassret u kienet issostitwita bid-Direttiva 2006/115 (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar dritt ta’ kiri u dritt ta’ self”) (19). Skont il-premessa 16 fil-preambolu ta’ din tal-aħħar, “L-Istati Membri għandhom ikunu kapaċi li jipprovdu għal protezzjoni aktar vasta għal sidien ta’ drittijiet relatati mad-drittijiet ta’ l-awtur minn dawk meħtieġa mid-dispożizzjonijiet stabbiliti b’din id-Direttiva rigward xandir u kommunikazzjoni lill-pubbliku” (20).

25.      Id-Direttiva 2006/115 tapplika flimkien mad-Direttiva 2006/116 (fir-rigward tal-perijodu ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur u ta’ ċerti drittijiet relatati) (21), mad-Direttiva 93/83 (li fiha regoli separati għal xandir bis-satellita u trażmissjoni mill-ġdid bil-cable) (22) u mad-Direttiva 2001/29 (l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni).

26.      Dawn id-direttivi jisħqu dwar il-karattru distint tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati billi jipprovdu li l-protezzjoni ta’ drittijiet relatati għandha tħalli bla mittiefsa u bl-ebda mod milquta l-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur (23).

27.      L-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2006/115 jistabbilixxi d-dritt tal-iffissar għal organizzazzjonijiet tax-xandir, jiġifieri d-dritt esklużiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu l-iffissar tax-xandiriet tagħhom li jkunu trażmessi bil-fili jew bl-ajru, inklużi bil-cable jew bis-satellita. L-Artikolu 7(3) jipprovdi li dak id-dritt ma huwiex disponibbli għal distributur bil-cable fir-rigward ta’ trażmissjoni mill-ġdid biss bil-cable tax-xandiriet ta’ organizzazzjonijiet tax-xandir. Skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 93/83, dik il-protezzjoni għandha tapplika wkoll f’każ ta’ komunikazzjoni mal-pubbliku permezz tas-satellita, li dik id-direttiva tiddefinixxi fl-Artikolu 1(2)(a) bħal “[…] l-att li jkunu introdotti, taħt il-kontroll u r-responsabbiltà ta’ l-organizzazzjoni tax-xandir, is-sinjali li jġorru l-programm maħsuba għal reception mill-pubbliku f’katina mhux interrotta ta’ komunikazzjoni li twassal sas-satellita u ’l isfel lejn id-dinja”.

28.      L-Artikolu 2(e) tad-Direttiva 2001/29 jistabbilixxi d-dritt ta’ riproduzzjoni (24) li skontu “L-Istati Membri għandhom jipprovdu għad-dritt esklussiv li jawtorizza jew jipprojbixxi riproduzzjoni diretta jew indiretta, temporanja jew permananti b’kull mezz u f’kull forma, kollha jew parti: […] għall-organizzazzjonijiet tax-xandir, ta’ l-iffissar tax-xandiriet tagħhom, sew jekk dawk ix-xandirijiet huma trasmessi bil-fili sew jekk bl-ajru, magħduda bil-cable jew bis-satellita”. Skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 93/83, dik il-protezzjoni għandha tapplika wkoll f’każ ta’ komunikazzjoni mal-pubbliku permezz tas-satellita.

29.      L-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2006/115 jeżiġi li l-Istati Membri jipprovdu għall-organizzazzjonijiet tax-xandir id-dritt esklużiv biex jawtorizzaw jew jipprojbixxu komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xandiriet tagħhom jekk din il-komunikazzjoni ssir f’postijiet aċċessibbli għall-pubbliku fuq ħlas ta’ miżata għad-dħul. Skont il-premessa 16, l-Istati Membri jibqgħu kompetenti li joffru protezzjoni usa’ għal dawn id-drittijiet. Skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 93/83, dik il-protezzjoni għandha tapplika wkoll f’każ ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku permezz tas-satellita, iżda l-Artikolu 6(1) ta’ dik id-direttiva jikkonferma li dan huwa wkoll standard minimu ta’ protezzjoni.

30.      L-Artikolu 3(2)(d) tad-Direttiva 2001/29 jistabbilixxi d-dritt ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, jiġifieri “[…] id-dritt esklussiv biex [l-Istati Membri] jawtorizzaw jew jipprojbixxu li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku, permezz tal-fili jew mingħajr fili, b’mod li l-membri tal-pubbliku jkunu jistgħu jkollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom […] għall-organizzazzjonijiet tax-xandir, ta’ l-iffissar tax-xandiriet tagħhom, sew jekk dawn ix-xandiriet ikunu trasmessi bil-fili jew bl-arja, magħduda bil-cable jew bis-satellita”. Il-premessa 24 tal-preambolu tad-Direttiva 2001/29 tgħid li dan id-dritt “[…] għandu jiftiehem li jirregola l-atti kollha li jagħmlu disponibbli dan is-suġġett lill-membri tal-pubbliku li ma jkunx preżenti fejn joriġina l-att li jagħmel disponibbli, u li ma jirregola ebda atti oħra”.

31.      L-Artikolu 9(1)(d) tad-Direttiva 2006/115 jeżiġi li l-Istati Membri jipprovdu lil organizzazzjonijiet tax-xandir id-dritt esklużiv ta’ distribuzzjoni biex jagħmlu disponibbli għall-pubbliku l-iffissar tax-xandiriet tagħhom, inklużi kopji tagħhom, b’bejgħ jew b’xi mod ieħor. L-Artikolu 9(2) huwa dwar l-eżawriment ta’ dak id-dritt u l-Artikolu 9(3) jgħid li d-dritt ta’ distribuzzjoni għandu jkun bla ħsara għad-dispożizzjonijiet dwar drittijiet ta’ kiri u self tal-Kapitolu I tal-istess direttiva. Skont l-Artikolu 9(4), “id-dritt ta’ distribuzzjoni jista’ jkun trasferit, assenjat jew suġġett għall-għotja ta’ liċenzji kuntrattwali.”

32.      L-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2006/115 jeżiġi li l-Istati Membri jipprovdu għall-organizzazzjonijiet tax-xandir id-dritt esklużiv biex jawtorizzaw jew jipprojbixxu x-xandir mill-ġdid (magħruf ukoll bħala trażmissjoni mill-ġdid) tax-xandiriet tagħhom b’mezzi mingħajr fili. Skont il-premessa 16 tal-preambolu, l-Istati Membri jibqgħu jkunu kapaċi li jipprovdu għal protezzjoni iktar vasta għal dawn id-drittijiet. L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 93/83 estenda d-dritt ta’ komunikazzjoni mal-pubbliku permezz tas-satellita, u l-Artikolu 6(1) ta’ dik id-direttiva kkonferma li dan huwa standard minimu ta’ protezzjoni.

33.      L-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2006/115 jistabbilixxi erba’ raġunijiet għaliex l-Istati Membri huma intitolati li jiffissaw limitazzjonijiet għal drittijiet relatati mogħtija skont il-Kapitolu II ta’ dik id-direttiva. Barra dan, skont l-Artikolu 10(2), l-Istati Membri jistgħu jipprovdu għall-istess tipi ta’ limitazzjonijiet bħal dawk li japplikaw b’rabta mal-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur f’xogħlijiet letterarji u artistiċi. L-istess dispożizzjoni tgħid ukoll li “[…] jistgħu jkunu previsti liċenzji obbligatorji, biss sal-punt fejn ikunu kompatibbli mal-Konvenzjoni ta’ Ruma”. Fi kwalunkwe każ, skont l-Artikolu 10(3) dawn il-limitazzjonijiet “[...] għandhom jiġu applikati biss f’ċerti każi speċjali li ma jmorrux kontra l-isfruttar normali tal-materja u ma jippreġudikawx mingħajr raġuni l-interessi leġittimi tad-detentur tad-drittijiet.”

34.      Fid-Direttiva 2001/29, il-premessa 31 tal-preambolu tgħid li “[…] l-eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet għandhom ikunu mfissra aktar armonjożament” u “l-grad ta’ armonizzazzjoni tagħhom għandu jkun ibbażat fuq l-impatt tagħhom fuq il-funzjonament faċli tas-suq intern”. Il-premessa 32 iżżid tgħid li d-Direttiva 2001/29 “tipprovdi għal elenku eżawrjenti ta’ eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet għad-dritt ta’ riproduzzjoni u d-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku”. L-eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet huma ddefiniti b’riferiment għad-dritt speċifiku inkwistjoni. Pereżempju, l-Artikolu 5(2) jistabbilixxi r-raġunijiet li għalihom jistgħu jkunu pprovduti eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet għad-dritt ta’ riproduzzjoni (fl-Artikolu 2). L-Artikolu 5(3) jidentifika eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet kemm għad-dritt ta’ riproduzzjoni kif ukoll għad-drittijiet fl-Artikolu 3 (b’hekk ikun inkluż id-dritt ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku). Skont l-Artikolu 5(5) dawn l-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet “[...] għandhom ikunu applikati biss f’ċerti każi speċjali li ma jmorrux kontra l-isfruttament normali tax-xogħol jew suġġett ieħor u ma jippreġudikawx b’mod bla raġuni l-interessi leġittimi tad-detentur tad-drittijiet”.

35.      L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2001/29 jistabbilixxi obbligi fir-rigward tal-protezzjoni kontra l-evitar ta’ miżuri teknoloġiċi effettivi, li jiddefinixxi fil-paragrafu 3 bħala “[…] kull teknoloġija, tagħmir jew komponent li, matul il-kors normali tat-tħaddim tiegħu, ikun iddisinjat li jipprevjeni jew jirrestrinġi atti, rigward xogħlijiet jew suġġett ieħor, li mhumiex awtorizzati mid-detentur tad-drittijiet ta’ kull dritt ta’ l-awtur jew kull dritt relatat mad-drittijiet ta’ l-awtur li hemm provdut dwarhom bil-liġi […]” Skont l-Artikolu 6(1), “L-Istati Membri għandhom jipprovdu protezzjoni legali adekwata kontra t-tidwir ma’ kull miżura teknoloġika effettiva, li persuna relatata twettaq konsapevolment, jew b’raġunijiet li tkun taf, li qiegħda tilħaq dak il-għan.” Il-premessa 47 tal-preambolu tad-Direttiva 2001/29 tgħid: “Sabiex jiġu evitati metodi legali frammentati li potenzalment jistgħu jostakolaw il-funzjonament tas-suq intern, hemm bżonn li tkun provduta protezzjoni legali armonizzata kontra l-ħarba minn miżuri teknoloġiċi effettivi u kontra l-provvista ta’ tagħmir u prodotti jew servizzi għal dan il-għan.”

36.      L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2001/29 jipprovdi għal obbligi fir-rigward ta’ informazzjoni dwar l-immaniġġjar ta’ drittijiet li huwa jiddefinixxi fil-paragrafu 2 bħala “[...] kull informazzjoni provduta mid-detenturi tad-drittijiet li tidentifika x-xogħol jew suġġett ieħor imsemmi f’din id-Direttiva jew regolata minn dritt sui generis li hemm provdut dwaru fil-Kapitolu III tad-Direttiva 96/9/KE, l-awtur jew kull detentur ieħor tad-drittijiet, jew informazzjoni dwar it-termini u kondizzjonijiet għal użu tax-xogħol jew suġġett, u kull numru jew kodiċi li jirrappreżenta din l-informazzjoni”. Skont l-Artikolu 7(1), l-Istati Membri għandhom “[…] protezzjoni legali adekwata kontra kull persuna li konsapevolment twettaq mingħajr awtorità […] (a) it-tneħħija jew tibdil f’kull informazzjoni elettronika dwar l-immaniġġjar ta’ drittijiet; (b) id-distribuzzjoni, importazzjoni għad-distribuzzjoni, xandir, komunikazzjoni jew li jagħmlu disponibbli għall-pubbliku xogħlijiet jew suġġett ieħor protett skond [id-Direttiva 2001/29] […] li minnha informazzjoni dwar l-immaniġġjar ta’ drittijiet tkun tneħħiet jew inbidlet mingħajr awtorità, jekk din il-persuna tkun taf, jew ikollha raġuni xierqa li tkun taf, li b’dan l-aġir tkun qiegħda tipperswadi, tagħti s-setgħa jew tiffaċilita jew taħbi ksur ta’ kull dritt ta’ l-awtur jew kull drittijiet relatati mad-drittijiet ta’ l-awtur kif provdut bil-liġi […]”. Il-premessa 56 tal-preambolu tad-Direttiva 2001/29 jgħid: “Sabiex jevitaw attitudni frammentata legali li tista’ timpedixxi l-funzjonament tas-suq intern, hemm il-bżonn li jipprovdu protezzjoni legali armonizzata kontra kull waħda minn dawn l-attivitajiet.”

37.      Fir-rigward tal-perjodu ta’ protezzjoni, il-premessa 3 tal-preambolu ta’ Direttiva 2006/116 tgħid li l-perijodi tal-protezzjoni għandhom ikunu identiċi mal-Unjoni Ewropea kollha. L-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2006/116 jipprovdi li d-drittijiet tal-organizzazzjonijiet tax-xandir għandhom jiskadu 50 sena wara l-ewwel trażmissjoni ta’ xandira, sew jekk din ix-xandira tkun trażmessa bil-fili jew bl-ajru, inklużi bil-cable jew satellita.

38.      Fl-aħħar nett, fir-rigward ta’ infurzar ta’ drittijiet relatati, l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2001/29 jeżiġi li l-Istati Membri għandhom jipprovdu sanzjonijiet u rimedji xierqa u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawk is-sanzjonijiet u rimedji jkunu applikati. Jispeċifika li s-sanzjonijiet għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi (25). l-Artikolu 8(2) u (3) huwa dwar azzjonijiet għad-danni, applikazzjonijiet għal restrizzjoni (inkluż kontra intermedjarji) u l-konfiska tal-materjal illegali.

39.      Id-Direttiva 2004/48 (26) kienet adottata fl-isfond li kien għad baqa’ jeżistu disparitajiet kbar fl-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fi Stati Membri fir-rigward ta’, inter alia, l-applikazzjoni ta’ miżuri provviżorji, il-kalkolazzjoni tad-danni u l-arranġamenti biex jiġu applikati mandati (27). Id-dispożizzjonijiet tagħha huma mingħajr ħsara għal dawk tad-Direttiva 2001/29 u l-premessa 23 tal-preambolu tad-Direttiva 2004/48 tirreferi għal “armoniżazzjoni ta’ livell komprensiv” fid-direttiva tal-ewwel sakemm għandu x’jaqsam ksur tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati (28). Skont il-premessa 28 tal-preambolu tad-Direttiva 2004/48, “[…] sanzjonijiet kriminali jikkostitwixxu wkoll, f’każijiet xierqa, il-mezzi biex jiġi assigurat l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali […]” L-Artikolu 2(3)(b) u (ċ) jipprovdi li d-Direttiva 2004/48 ma għandhiex taffettwa “l-obbligazzjonijiet internazzjonali ta’ l-Istati Membri u l-aktar il-Ftehim TRIPS, li jinkludu dawk relatati mal-proċeduri kriminali u l-penalitajiet” jew “id-dispożizzjonijiet kollha ta’ l-Istati Membri relatati ma’ proċeduri kriminali jew penalitajiet fir-rigward tal-kontravvenzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali”.

 Id-Deċiżjoni

40.      Fid-9 ta’ Frar 2011, il-Kummissjoni rrakkomandat li l-Kunsill jawtorizzaha biex tinnegozja l-Konvenzjoni. Il-Kummissjoni ħadet il-pożizzjoni, mingħajr ma rreferiet għal ebda bażi fit-Trattati, li hija kellha kompetenza esklużiva minħabba li s-suġġett tal-Konvenzjoni kien jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ direttivi eżistenti u li l-Konvenzjoni kellha tkun ibbażata fuq l-acquis tal-UE. Dokumenti ppreżentat mill-Kunsill bi tweġiba għal talba mill-Qorti tal-Ġustizzja (29) juru li l-proposta tal-Kummissjoni kienet diskussa f’diversi okkażjonijiet fil-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Proprjetà Intellettwali (Drittijiet tal-Awtur) u li l-Presidenza mbagħad ħejjiet proposta bħala kompromess li fformat il-bażi għad-Deċiżjoni. Matul dak il-proċess, iddaħħlet dikjarazzjoni formali mill-Kummissjoni fil-minuti tal-Kunsill fis-sens li l-Kummissjoni kienet tal-fehma li l-konklużjoni tal-Konvenzjoni kienet tikkonċerna kompetenza esklużiva u li d-Deċiżjoni, li hija kkaratterizzat bħal “att ibridu”, kienet tikser l-Artikolu 218(2) u (3) TFUE.

41.      Il-Kunsill u r-Rappreżentanti tal-Istati Membri miġbura fil-Kunsill adottaw id-Deċiżjoni fid-19 ta’ Diċembru 2011. Sa fejn naf jien, ma hemm disponibbli ebda dokument li jispjega l-proċess tal-votazzjoni. Fil-21 ta’ Diċembru 2011 id-Deċiżjoni kienet innotifikata lill-Kummissjoni.

42.      Il-preambolu tad-Deċiżjoni, li hija indirizzata lill-Kummissjoni (30), jaqra kif ġej:

“Wara li kkunsidraw it-[TFUE], u b’mod partikolari l-Artikolu 218(3) u (4) tiegħu,

Wara li kkunsidraw ir-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)      Il-Kummissjoni għandha tkun awtorizzata tieħu sehem, f’isem l-Unjoni, fin-negozjati [għall-Konvenzjoni] dwar materji li jaqgħu fil-kompetenza tal-Unjoni u li dwarhom l-Unjoni adottat regoli.

(2)      L-Istati Membri għandhom jieħdu sehem f’isimhom f’dawk in-negozjati biss sakemm materji li jinqalgħu matul in-negozjati jkunu jaqgħu fil-kompetenza tagħhom. Bil-għan li tkun żgurata l-għaqda tar- rappreżentanza esterna tal-Unjoni, l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jikkooperaw mill-qrib matul il-proċess tan-negozjati,

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

43.      L-Artikolu 1 tad-deċiżjoni jipprovdi:

“1.      Il-Kummissjoni b’dan hija awtorizzata tieħu sehem fin-negozjati [għall-Konvenzjoni] u tmexxi dawn in-negozjati f’isem l-Unjoni dwar materji li jaqgħu fil-kompetenza tal-Unjoni u li dwarhom l-Unjoni adottat regoli, f’konsultazzjoni mal-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Proprjetà Intellettwali (Drittijiet tal-Awtur) (iktar ’il quddiem il-“Kumitat Speċjali”).

2.      Il-Kummissjoni għandha tmexxi n-negozjati inkwistjoni skont id-direttivi dwar negozjar li jinsabu fl-Anness ma’ din id-Deċiżjoni u/jew skont pożizzjonijiet miftiehma tal-Unjoni stabbiliti speċifikament għall-finijiet ta’ dawn in-negozjati fil-Kumitat Speċjali.

3.      Fejn is-suġġett tan-negozjati jaqa’ fil-kompetenza tal-Istati Membri, il-Presidenza għandha tieħu sehem b’mod sħiħ fin-negozjati u għandha tmexxihom f’isem l-Istati Membri abbażi ta’ pożizzjoni komuni miftiehma minn qabel. Fejn ma tkunx tista’ tintlaħaq pożizzjoni komuni miftiehma, l-Istati Membri għandhom ikunu intitolati jitkellmu u jivvotaw dwar il-materja inkwistjoni b’mod indipendenti, mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 4.

4.      Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jikkooperaw mill-qrib matul il-proċess tan-negozjati, bil-għan li l-mira tkun għall-għaqda fir-rappreżentanza internazzjonali tal-Unjoni u tal-Istati Membri.

5.      Il-Kummissjoni u/jew il-Presidenza għandhom jiżguraw li dokumenti relatati man-negozjati jkunu ċċirkulati mal-Istati Membri fi żmien xieraq. Huma għandhom jirrapportaw lill-Kunsill u/jew lill-Kumitat Speċjali b’mod miftuħ u trasparenti dwar ir-riżultat tan-negozjati qabel u wara kull sessjoni ta’ negozjar u, fejn ikun jixraq, dwar kull problema li tista’ tinqala’ matul in-negozjati.ˮ [traduzzjoni mhux uffiċjali]

44.      Fl-Anness tad-Deċiżjoni jinsabu d-direttivi dwar negozjar, li skonthom:

“1.      Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-abbozz tal-konvenzjoni għall-protezzjoni tad-drittijiet ta’ organizzazzjonijiet tax-xandir propost mill-Kunsill tal-Ewropa jkun fih dispożizzjonijiet xierqa li bihom l-Unjoni Ewropea tkun tista’ ssir Parti Kontraenti ta’ din il-konvenzjoni.

2.      Il-Kummissjoni għandha tmexxi n-negozjati b’mod li tiżgura li d-dispożizzjonijiet ippjanati jkunu kompatibbli mad-Direttiva 2006/115/KE […], id-Direttiva 2006/116/KE […] id-Direttiva 93/83/KEE […] u d-Direttiva 2001/29/KE […] u mal-impenji meħudin mill-Unjoni Ewropea u mill-Istati Membri tagħha fil-qafas tal-Ftehim TRIPS […] konkluż taħt l-awspiċji tad-WTO.

3.      Dawn id-direttivi dwar negozjar jistgħu jkunu adottati skont il-progress li jsir matul in-negozjati.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 L-ilment u l-proċedura

45.      Il-Kummissjoni ressqet erba’ motivi fir-rikors tagħha intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni.

46.      L-ewwel motiv tal-Kummissjoni huwa marbut mal-kompetenza. Il-Kummissjoni tallega li l-Kunsill kiser l-Artikoli 2(2) u 3(2) TFUE meta qies li l-materja li għandha tkun koperta mill-Konvenzjoni taqa’ fil-kompetenza kondiviża u meta awtorizza lill-Istati Membri jew istituzzjoni li ma hijiex il-Kummissjoni biex jinnegozjaw f’qasam fejn l-Unjoni Ewropea għandha kompetenza esklużiva.

47.      It-tliet motivi l-oħra huma dwar il-proċeduri użati biex tkun adottata d-Deċiżjoni. B’mod partikolari l-Kummissjoni tallega ksur ta’:

–        il-proċedura u l-kundizzjonijiet biex ikunu awtorizzati negozjati ta’ ftehimiet internazzjonali mill-Unjoni Ewropea;

–        ir-regoli tal-votazzjoni fil-Kunsill (Artikolu 16(3) TUE u Artikolu 218(8) TFUE); u

–        l-objettivi stabbiliti fit-Trattati u l-prinċipju tal-kooperazzjoni leali (Artikolu 13 TUE).

48.      Kienu sottomessi osservazzjonijiet bil-miktub mill-Kunsill, mill-Parlament u mill-Kummissjoni u mill-Gvern Ċek, Ġermaniż, Olandiż, Pollakk u l-Gvern tar-Renju Unit. Bi tweġiba għal talba magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja skont Artikolu 62(1) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Kunsill issottometta, fil-25 ta’ Lulju 2013, dokumentazzjoni dwar il-proċedura li twassal għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni.

49.      Waqt is-smigħ tal-24 ta’ Settembru 2013, saru sottomissjonijiet orali mill-partijiet kollha, ħlief mill-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, li kien ippreżenta osservazzjonijiet bil-miktub.

 Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżami tad-Deċiżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja

50.      Filwaqt li l-Kunsill ma jressaq ebda motiv formali dwar inammissibbiltà, huwa jissottometti li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 263 TFUE sabiex tikkunsidra deċiżjonijiet adottati mill-Istati Membri dwar materji li għalihom ikunu kompetenti. Għalhekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax teżamina d-Deċiżjoni sa fejn hija deċiżjoni tar-Rappreżentanti tal-Istati Membri li jaġixxu mhux fil-kapaċità tagħhom bħala membri tal-Kunsill. Il-Gvernijiet tal-Ġermanja u tal-Pajjiżi l-Baxxi essenzjalment jaqblu mal-Kunsill.

51.      Il-Kummissjoni u l-Parlament jissottomettu li d-Deċiżjoni tawtorizza lill-Unjoni Ewropea biex tinnegozja ftehim internazzjonali. Għalhekk id-Deċiżjoni ttieħdet fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tal-Kunsill u tista’ tkun eżaminata mill-Qorti tal-Ġustizzja. Filwaqt li l-Kummissjoni taċċetta li d-direttivi dwar negozjar jew il-pożizzjoni meħuda mill-Kumitat Speċjali (li t-twaqqif tiegħu huwa previst mid-Deċiżjoni) ma humiex vinkolanti, hija targumenta li l-effett legali tad-Deċiżjoni huwa li hija tillimita l-awtorizzazzjoni għal negozjar għal kwistjonijiet “li dwarhom l-Unjoni tkun adottat regoli”.

52.      Ma nistax naċċetta l-argument tal-Kunsill.

53.      Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha kompetenza sabiex teżamina l-legalità ta’ atti tal-Kunsill li jkunu maħsubin li jipproduċu effetti legali vis-à-vis partijiet terzi. La n-natura u lanqas il-forma tal-att ma huma importanti f’dan ir-rigward (31). Eżami jista’ jkollu rabta kemm mas-sustanza tal-att, kif ukoll mar-regoli proċedurali li abbażi tagħhom tkun ġiet adottata.

54.      Id-Deċiżjoni hija att wieħed tal-Kunsill adottat abbażi tal-Artikolu 218(3) u (4) TFUE, li jawtorizza lill-Kummissjoni tinnegozja l-Konvenzjoni skont it-tqassim tal-kompetenza u direttivi dwar negozjar li jkun fih. Għalhekk huwa għandu effetti legali (32).

55.      Skont l-Artikolu 263 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha kompetenti teżamina d-Deċiżjoni, inkluż l-aspett relatat mal-azzjoni intergovernattiva tal-Istati Membri. Meta tagħmel hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tkunx fil-fatt qed tieħu pożizzjoni dwar l-azzjoni intergovernattiva — dak ikun barra mill-ġurisdizzjoni tagħha (33). Il-fokus tal-eżami tal-Qorti tal-Ġustizzja jkun biss fuq il-Kunsill: b’mod partikolari jekk kienx awtorizzat skont it-Trattati biex jinkludi azzjoni intergovernattiva f’deċiżjoni ta’ din ix-xorta.

56.      Fil-fatt, il-kwistjoni hawn ma hijiex jekk id-Deċiżjoni hijiex jew att tal-Kunsill jew deċiżjoni intergovernattiva (34). Minflok, il-kwistjoni hija jekk deċiżjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 218(3) u (4) TFUE u li hija suġġetta għal eżami mill-Qorti tal-Ġustizzja, tistax tkun it-tnejn. It-tweġiba tiddependi essenzjalment mill-fondatezza tat-tieni u t-tielet motivi tal-Kummissjoni li huma dwar il-legalità ta’ att ibridu. Iżda l-kontenut ta’ att intergovernattiv li jiġi amalgamat f’dak ta’ att tal-UE ma jistax jintuża bħala għodda biex ikunu evitati r-rekwiżiti tal-liġijiet tal-UE u jqiegħed dak l-att barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżami tal-Qorti tal-Ġustizzja (35).

 L-ordni tal-analiżi tal-motivi

57.      Il-Kummissjoni fformulat it-tieni sar-raba’ motiv dwar il-legalità ta’ att ibridu bħala raġunijiet alternattivi għal annullament iżda tissottometti li dawk il-motivi huma effettivi irrispettivament minn jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tirritenix li l-Unjoni Ewropea għandha kompetenza esklużiva biex tinnegozja l-Konvenzjoni.

58.      Jekk id-dispożizzjonijiet tat-Trattati ċċitati fit-tieni sar-raba’ motiv ma jippermettux l-adozzjoni min-naħa tal-Kunsill ta’ att ibridu bħalma hija d-Deċiżjoni, formalment ma jkunx hemm iktar ħtieġa li jitqies il-kontenut tiegħu. Meqjus dan, huwa ċar li l-kwistjoni tal-kompetenza hija ta’ importanza kbira kemm għal partijiet, kif ukoll għal intervenjenti: tabilħaqq, kollha kkonċentraw b’mod partikolari fuq l-ewwel motiv fl-osservazzjonijiet tagħhom. Għalhekk ser nindirizza l-motivi tal-Kummissjoni fl-ordni li huma ppreżentati.

 L-ewwel motiv: il-kompetenza

 L-argumenti

59.      L-ewwel motiv tal-Kummissjoni huwa bbażat fuq il-ksur min-naħa tal-Kunsill tal-Artikoli 2(2) u 3(2) TFUE billi ħaseb li dak li kellu jkun innegozjat fil-Kunsill tal-Ewropa kien jaqa’ fil-kamp tal-applikazzjoni ta’ kompetenza kondiviża u billi awtorizza lill-Istati Membri jew istituzzjoni oħra li ma tkunx il-Kummissjoni biex jinnegozjaw ftehim internazzjonali li fir-realtà jaqa’ fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea. Il-qofol tal-ewwel motiv huwa li l-Kunsill ma kienx awtorizzat jirrikonoxxi l-kompetenza ta’ ebda Stat Membru fin-negozjati.

60.      Il-Kummissjoni, bl-appoġġ tal-Parlament, tissottometti li l-Unjoni Ewropea għandha kompetenza esterna esklużiva biex tinnegozja u tilħaq ftehimiet internazzjonali f’qasam li jkun kważi kollu kopert b’regoli tal-UE li jkunu iktar minn rekwiżiti minimi. Dwar dak hija tibbaża ruħha fuq il-ġurisprudenza ERTA tal-Qorti tal-Ġustizzja (36).

61.      Ukoll jekk il-Konvenzjoni meta tkun iffinalizzata tista’ tmur lil hinn mill-acquis eżistenti tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni targumenta li kull kwistjoni li jkollha tiġi nnegozjata tista’, madankollu, tolqot jew tibdel il-kamp ta’ applikazzjoni tal-acquis. L-Unjoni Ewropea eżerċitat il-kompetenza tagħha biex tarmonizza d-drittijiet ta’ organizzazzjonijiet tax-xandir u, għalhekk, hija issa għandha taġixxi waħedha. Il-fatt li, skont dawk ir-regoli ta’ armonizzazzjoni, l-Istati Membri jistgħu jżommu xi kompetenza biex joħolqu limitazzjonijiet jew biex jagħżlu livell ogħla ta’ protezzjoni ma jolqotx il-karattru esklużiv ta’ dik il-kompetenza minħabba li, b’mod partikolari, jeżistu regoli komuni dwar id-dritt ta’ ffissar, id-dritt ta’ riproduzzjoni, id-dritt ta’ trażmissjoni mill-ġdid, id-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku, id-dritt ta’ disponibbiltà u d-dritt ta’ distribuzzjoni.

62.      Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Parlament, ma taċċettax l-idea li t-Trattat ta’ Lisbona naqqas il-kamp ta’ applikazzjoni tal-kompetenza esterna tal-Unjoni Ewropea. L-Artikolu 2(2) TFUE u l-Protokoll Nru 25 ma ssostitwixxewx il-ġurisprudenza ERTA. Kieku dawk li fasslu t-Trattati kellhom f’moħħhom li jillimitaw il-kompetenza esterna tal-Unjoni Ewropea u jemendaw ġurisprudenza ta’ 40 sena, il-Kummissjoni tassumi li huma kienu jagħmlu dik l-intenzjoni ċara.

63.      Jekk il-kompetenza tkun esklużiva skont it-tifsira tal-Artikolu 3(2) TFUE, isegwi li minnu nnifsu l-Artikolu 2(2) ma jkunx japplika. Il-fatt li s-suq intern huwa ta’ kompetenza kondiviża ma jfissirx li l-kompetenza esterna biex jintlaħaq ftehim internazzjonali dwar il-proprjetà intellettwali huwa wkoll kondiviż. Ma huwiex ikkontestat li l-Artikolu 2(2) TFUE jista’ japplika għal ftehimiet internazzjonali: b’hekk, l-Unjoni Ewropea tkun tista’ tiddeċiedi li tadotta regoli komuni ġodda fil-forma ta’ ftehim internazzjonali li mbagħad ikun vinkolanti wkoll għall-Istati Membri. Ukoll jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tirritieni li l-kompetenza ma hijiex esklużiva, l-Unjoni Ewropea tkun għadha tista’ tinnegozja u tikkonkludi l-Konvenzjoni waħedha minħabba li l-eżerċizzju tal-kompetenza kondiviża ma huwiex ibbażat fuq l-adozzjoni minn qabel ta’ regoli komuni.

64.      Dwar metodoloġija, il-Kummissjoni targumenta kontra approċċ li bih kull dispożizzjoni ta’ liġi eżistenti tal-UE titqabbel ma’ dispożizzjoni li jista’ jkun hemm fi ftehim internazzjonali fil-ġejjieni. Minflok, l-approċċ għandu jkun li l-liġijiet tal-UE huma korp konsistenti u bbilanċjat ta’ leġiżlazzjoni. Il-Kummissjoni, għalhekk, tippreżenta analiżi “tema wara tema”, kif ukoll analiżi globali — ukoll jekk, hija tissottometti, ma huwiex meħtieġ li jintwera li kull kwistjoni li jkollha tkun diskussa fin-negozjati tolqot il-funzjonament xieraq tas-suq intern (il-bażi li fuqu d-direttivi rilevanti tal-UE kienu adottati). Bħala parti mill-imsemmija analiżi tal-aħħar, il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq id-dikjarazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sens li l-liġijiet tal-UE jkopru s-suġġett tal-Konvenzjoni ta’ Berne fil-parti l-kbira tagħha (37). L-Opinjoni 1/03 turi li l-fatt li jista’ jkun hemm xi ftit tal-libertà residwa għall-Istati Membri biex jaġixxu, fih innifsu, ma jirrendix kompetenza mhux esklużiva; il-Qorti tal-Ġustizzja għandha mbagħad teżamina jekk dik il-libertà tistax tolqot jew tibdel il-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġijiet tal-UE (38). Il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li kompetenza ma titlifx il-karattru esklużiv tagħha minħabba li l-armonizzazzjoni ma tkunx kompleta. Dwar dan, din il-kawża tissodisfa l-kundizzjonijiet li hemm fl-Opinjoni 2/91: il-qasam huwa kważi kollu kopert mil-liġijiet tal-UE, li mhux sempliċement jistabbilixxu rekwiżiti minimi biss (39).

65.      Il-Kummissjoni tqabbel din il-kawża mal-Kawża C‑45/07 Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, li kienet tinvolvi regolament li għamel is-sustanza ta’ żewġ strumenti internazzjonali parti mid-dritt tal-Unjoni Ewropea. Fid-dawl tal-ġurisprudenza ERTA, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li Stat Membru ma jistax jibda proċess li possibbilment jista’ jwassal biex dawk l-istrumenti jinbidlu (40).

66.      Dwar il-kontenut tal-Konvenzjoni, il-Kummissjoni tissottometti li d-definizzjoni ta’ xandira u d-deskrizzjoni tal-benefiċjarji ta’ protezzjoni (jistgħu jinkludu webcasters u simulcasters) ser ikollha impatt immedjat fuq l-acquis tal-Unjoni Ewropea. Bħalissa d-Direttiva 2006/115 u d-Direttiva 2001/29 jipproteġu organizzazzjonijiet tax-xandir li jittrażmettu s-sinjali tagħhom bil-fili jew bl-ajru (din il-kategorija tinkludi xandara terrestri u bis-satellita), filwaqt li d-Direttiva 93/83 ma tirrikonoxxix lid-distributuri bil-cable bħala kategorija separata ta’ detenturi ta’ drittijiet.

67.      Dwar id-drittijiet protetti bil-liġijiet tal-UE, il-Kummissjoni tissottometti li:

–        proposti biex ikunu prottetti wkoll trażmissjonijiet mill-ġdid ta’ xandiriet bil-fili (inkluż l-internet) u trażmissjonijiet mill-ġdid differiti jolqtu jew ibddlu l-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt ta’ trażmissjoni mill-ġdid skont il-liġijiet tal-UE

–        il-proposta li jitwessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku biex ikun japplika f’postijiet minbarra dawk aċċessibbli għall-pubbliku bi ħlas ta’ tariffa ta’ dħul tolqot id-dritt iktar limitat ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku skont il-liġijiet tal-UE, kif ukoll id-drittijiet ta’ detenturi oħra ta’ drittijiet fejn jintuża dak il-kunċett.

68.      Il-Kummissjoni taċċetta li l-liġijiet tal-UE ma jipproteġux sinjali li jġorru programmi qabel ix-xandir minħabba li ma jikkostitwixxux att ta’ xandir jew trażmissjoni bħala tali. Iżda tissottometti li proposti biex ikunu protetti sinjali bħal dawn, jew billi jingħataw dritt separat, definizzjoni wiesgħa ta’ “xandir” jew id-dritt ta’ protezzjoni legali adegwata, għandhom rabta inseparabbli ma’ liġijiet eżistenti tal-UE minħabba li jkunu japplikaw għall-istess materjal li huwa diġà protett iżda fi stadju iktar bikri ta’ trażmissjoni. Barra dan, protezzjoni bħal din ikollha titqies fid-dawl tad-Direttiva 93/83 li tistabbilixxi regoli għal sinjali li jġorru programmi trażmessi permezz tas-satellita.

69.      Il-Kummissjoni tissottometti ulterjorment li l-perijodu ta’ protezzjoni huwa armonizzat u li l-liġijiet tal-UE jirregolaw il-protezzjoni kontra l-evitar ta’ miżuri teknoloġiċi effettivi u l-protezzjoni kontra t-tneħħija mhux awtorizzata jew it-tibdil ta’ informazzjoni dwar l-immaniġġjar ta’ drittijiet.

70.      Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat kunċetti, bħal kelma “pubbliku” fi “komunikazzjoni lill-pubbliku”, b’mod uniformi u (kemm jista’ jkun possibbli) fid-dawl tad-dritt internazzjonali u fittxet li tapplika prinċipji jew kunċetti li hemm f’direttiva waħda li tirregola l-liġi tal-proprjetà intellettwali għal direttivi oħra minkejja n-nuqqas ta’ armonizzazzjoni speċifika. Isegwi li emenda għal direttiva waħda tista’ tolqot il-korp kollu tal-leġiżlazzjoni li għandha tkun interpretata u applikata fir-rigward ta’ kwalunkwe kategorija ta’ detentur ta’ dritt.

71.      Skont il-Kunsill, bl-appoġġ tal-Istati Membri intervenjenti, il-qari tal-Artikolu 3(2) TFUE flimkien mal-Artikolu 2(2) TFUE u mal-Protokoll Nru 25 juri li l-kompetenza esterna esklużiva tal-Unjoni Ewropea hija ristretta għal dawk l-elementi ta’ ftehim internazzjonali li huma rregolati mill-atti inkwistjoni tal-Unjoni Ewropea. Fi kliem ieħor, l-Artikolu 3(2) TFUE ma għandux jinqara bħala li jikkodifika t-test ta’ “qasam li fil-parti l-kbira tiegħu huwa ġa kopert bir-regoli [tal-UE]” fl-Opinjoni 1/03 (41). Alternattivament, ukoll jekk jinqara b’dak il-mod, il-Kunsill jissottometti li ġurisprudenza bħall-Opinjoni 2/91 (42), il-Kawża C‑467/98 Il‑Kummissjoni vs Id-Danimarka (43) u l-Opinjoni 1/03 (44) għandhom ikunu distinti minn din il-kawża.

72.      Minkejja l-fatt li ħafna kwistjonijiet li possibbilment jistgħu jkunu koperti mill-Konvenzjoni huma diġà suġġetti għal regoli tal-UE u, għalhekk, jaqgħu fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea, l-Unjoni Ewropea ma għandhiex kompetenza esklużiva li tinnegozja l-Konvenzjoni fl-intier tagħha.

73.      Il-Kunsill ma jaċċettax li l-protezzjoni tad-drittijiet ta’ organizzazzjonijiet tax-xandir tolqot il-bilanċ globali tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati u l-eżerċizzju tagħhom, minħabba li dawk tal-ewwel huma drittijiet indipendenti u distinti minn xulxin meta mqabblin ma’ tal-aħħar. Dan jidher, inter alia, mis-sentenza SCF (45), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja interpretat il-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku” b’mod differenti fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 u fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 92/100 (kif ikkodifikata mid-Direttiva 2006/115). Barra dan, il-Kunsill jissottometti li x’aktarx il-Konvenzjoni ser tinkludi l-prinċipju konswetudinarju li skontu l-protezzjoni li hija tagħti għandha tħalli intatta u bl-ebda mod ma tolqot il-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur f’xogħlijiet letterarji u artistiċi.

74.      Il-Kunsill jissokta biex jidentifika tliet aspetti tal-protezzjoni tad-drittijiet ta’ organizzazzjonijiet tax-xandir li ser ikunu koperti min-negozjati iżda li għadhom mhux armonizzati. B’riżultat ta’ dan, in-negozjar u l-konklużjoni ta’ impenji internazzjonali tal-Istati Membri dwar dawk l-aspetti ma jolqtux u ma jibdlux il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ regoli tal-UE.

75.      L-ewwel nett, l-Istati Membri jibqgħu ħielsa li jistabbilixxux jew le dritt esklużiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu komunikazzjoni lill-pubbliku fejn ma jkunx hemm tariffa ta’ dħul. L-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2006/115 jirregola biss komunikazzjoni lill-pubbliku fejn ikun hemm tariffa ta’ dħul.

76.      It-tieni nett, ebda dispożizzjoni ta’ liġi tal-UE (inkluż l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2001/29) ma għandha l-għan li tipproteġi t-trażmissjoni tas-sinjal ta’ qabel ix-xandir li jġorr programmi qabel ix-xandira tiegħu lill-pubbliku. Filwaqt li l-kontenut ta’ dak is-sinjal jista’ jitħares mid-drittijiet tal-awtur, l-għan u l-benefiċjarji ta’ dak id-dritt ma humiex l-istess bħal fil-każ ta’ xandir.

77.      It-tielet nett, filwaqt li l-Kunsill jaċċetta li jeżistu regoli tal-UE dwar infurzar, dawk ir-regoli ma jipprekludux lill-Istati Membri milli jipprovdu għal rimedji li jkunu iktar favorevoli għal detenturi ta’ drittijiet minn dawk ipprovduti fid-Direttiva 2004/48. Lanqas ma jittrattaw sanzjonijiet kriminali jew jinkludu regola minima msejsa fuq l-Artikolu 83(2) TFUE. Il-Kunsill jirrikonoxxi li, fiż-żmien tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni, il-kontenut tal-Konvenzjoni ma kienx preċiż b’mod suffiċjenti biex jagħmilha possibbli li jkunu ddeterminati l-kamp ta’ applikazzjoni, in-natura u l-kontenut eżatti tad-dispożizzjonijiet dwar l-infurzar.

78.      Il-Gvern Pollakk iżid jgħid li l-Konvenzjoni tista’ wkoll tistabbilixxi definizzjoni usa’ tal-kunċett ta’ xandir u, kif issottometta wkoll il-Gvern tar-Renju Unit, li l-liġijiet tal-UE ma jipprovdux għal dritt ta’ trażmissjoni mill-ġdid bil-fili.

79.      Il-Kunsill, bl-appoġġ tal-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, tal-Polonja u tar-Renju Unit, joġġezzjona ulterjorment għas-suġġeriment tal-Kummissjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħżel evalwazzjoni wiesgħa mingħajr ma tiffoka fuq dispożizzjonijiet individwali (bħad-dispożizzjonijiet relatati mat-tliet aspetti li l-Kunsill iqis li jaqgħu fil-kompetenza tal-Istati Membri). F’dak ir-rigward, huwa jissottometti li ma hemmx bażi li jintalab li d-detenturi kollha ta’ drittijiet għandu jkollhom drittijiet identiċi. Id-drittijiet u l-obbligi kollha għandhom ikunu interpretati fid-dawl tal-kuntest u l-finijiet tagħhom. Il-fatt li terminu f’direttiva waħda dwar il-proprjetà intellettwali jista’ jeħtieġlu jkun interpretat fid-dawl ta’ regoli u prinċipji stabbiliti minn direttivi oħra ta’ dik ix-xorta (46) ma jfissirx li waħda neċessarjament tolqot lill-oħra.

80.      Fl-aħħar nett, il-Kunsill jaċċetta li, jekk il-Konvenzjoni kif negozjata, ma jkun fiha xejn li jaqa’ fil-kompetenza tal-Istati Membri, l-Unjoni Ewropea biss tkun parti tal-Konvenzjoni.

 Evalwazzjoni

 It-tifsira tal-frażi “sal-punt fejn il-konklużjoni tiegħu tista’ tolqot xi regoli komuni jew tbiddel il-kamp ta’ l-applikazzjoni tagħhom” fl-Artikolu 3(2) TFUE

81.      Il-partijiet kollha jaqblu li l-Unjoni Ewropea għandha kompetenza esterna li tinnegozja ftehim internazzjonali dwar drittijiet ta’ organizzazzjonijiet tax-xandir. Il-kwistjoni hija jekk dik il-kompetenza hijiex esklużiva jew kondiviża mal-Istati Membri.

82.      Hemm qbil komuni wkoll li t-Trattati ma jipprovdux espressament għal kompetenza esklużiva fir-rigward tal-protezzjoni tad-drittijiet ta’ organizzazzjonijiet tax-xandir; li l-konklużjoni tal-Konvenzjoni ma titqisx meħtieġa biex ikun jista’ jsir l-eżerċizzju tal-kompetenza interna tal-Unjoni Ewropea fil-qasam li għandu jiġi kopert mill-Konvenzjoni proposta u li, fil-prinċipju, dik il-kompetenza interna hija kondiviża. Jekk il-kompetenza esterna hijiex esklużiva jiddependi minn jekk il-konklużjoni tal-Konvenzjoni tolqotx regoli komuni jew tibdel il-kamp tal-applikazzjoni tagħhom skont it-tifsira tal-Artikolu 3(2) TFUE.

83.      Minflok, il-partijiet ma jaqblux fl-interpretazzjoni tagħhom tal-Artikolu 3(2) TFUE u dwar it-tweġiba għall-mistoqsija: l-Unjoni Ewropea meta jkollha kompetenza esklużiva li tinnegozja ftehim internazzjonali fl-intier tiegħu f’ċirkustanzi fejn regoli tal-UE jkunu jkopru parti tal-qasam li jkun jaqa’ fil-ftehim internazzjonali propost? Il-Kummissjoni tissottometti li, fejn il-qasam ikun fil-parti kbira tiegħu kopert b’regoli tal-, ikun hemm kompetenza esklużiva. Il-Kunsill huwa favur approċċ iktar strett li skontu ma jistax ikun hemm kompetenza esklużiva fir-rigward ta’ oqsma fejn l-Unjoni Ewropea ma tkunx aġixxiet (47).

84.      Din il-kwistjoni kienet ikkaratterizzata fis-sottomissjonijiet tal-partijiet dwar jekk l-Artikolu 3(2) TFUE jikkodifikax il-ġurisprudenza ERTA. Dwar dan, din ma hijiex l-ewwel kawża li fiha l-pożizzjoni tal-Kunsill dwar ir-rabta bejn l-Artikolu 3(2) TFUE u l-ġurisprudenza ERTA kienet diskussa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-Kawża C‑137/12 Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, il-kompetenza inkwistjoni kienet taqa’ fil-kamp tal-applikazzjoni tal-politika kummerċjali komuni u, għalhekk, ma kienx hemm ħtieġa li jitqies l-Artikolu 3(2) TFUE (48). Iżda l-Avukat Ġenerali Kokott kienet fil-fatt indirizzat il-kwistjoni fil-konklużjonijiet tagħha f’dik il-kawża. Hija kkonkludiet li l-aħħar parti tal-Artikolu 3(2) TFUE tikkodifika l-ġurisprudenza ERTA u ma sabitx provi li jsostnu l-argument tal-Kunsill li dawk li abbozzaw it-Trattat ta’ Lisbona kellhom f’moħħhom xort’oħra. Lanqas ma kienet konvinta li l-Protokoll Nru 25 seta’ jkun interpretat bħala li kien jirrestrinġi l-kompetenza tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 3(2) TFUE (49).

85.      Ma ninsabx konvint li jkun ta’ għajnuna li din il-kwistjoni kkontestata tiġi limitata bħala li hija jekk l-Artikolu 3(2) TFUE jikkodifikax il-ġurisprudenza ERTA, b’mod partikolari għaliex hemm nuqqas ta’ qbil dwar x’tistabbilixxi (eżattament) dik il-ġurisprudenza. Dak li jimporta hija t-tifsira tal-frażi “sal-punt fejn il-konklużjoni tiegħu tista’ tolqot xi regoli komuni jew tbiddel il-kamp ta’ l-applikazzjoni tagħhom” fl-Artikolu 3(2) TFUE. Il-kliem użat hemmhekk għandu jinqara flimkien mal-kuntest li jinsab f’partijiet oħra tat-Trattati u fid-dawl tal-isfond storiku li minnu l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tagħmel parti.

86.      Nibda bil-kliem tat-TFUE.

87.      It-TFUE darbtejn juża l-frażi “tolqot xi regoli komuni jew tbiddel il-kamp ta’ l-applikazzjoni tagħhom”. Barra milli fl-Artikolu 3(2) TFUE, il-frażi tidher ukoll fl-Artikolu 216(1) TFUE, li jiddeskrivi r-raġunijiet għall-kompetenza tal-Unjoni Ewropea biex tikkonkludi ftehim internazzjonali, mingħajr ma jiddistingwi bejn kompetenza esklużiva u kondiviża.

88.      Filwaqt li hemm affarijiet jixxiebhu bejn iż-żewġ dispożizzjonijiet, hemm ukoll differenzi fil-kliem. F’ħafna iżda mhux fil-verżjonijiet kollha tal-lingwi dawk id-differenzi jidher li jissuġġerixxu li jista’ jkun eħfef li tkun stabbilita kompetenza esterna esklużiva skont l-Artikolu 3(2) TFUE milli kompetenza skont l-Artikolu 216(1) TFUE (50). Għalhekk, fil-verżjoni Ingliża, “may” fl-Artikolu tal-ewwel tirreferi għal possibbiltà sempliċi, filwaqt li “is likely to” fl-Artikolu tal-aħħar timplika grad ta’ probabbiltà. Iżda dik id-distinzjoni ma tistax tkun tajba. Jekk kompetenza esterna esklużiva tkun stabbilita skont l-Artikolu 3(2) TFUE, kompetenza esterna per se ma tistax possibbilment tkun eskluża skont l-Artikolu 216(1) TFUE. Fl-istess waqt, jekk huwa korrett li l-analiżi skont l-Artikolu 216(1) (“hemm kompetenza?”) għandha tiġi qabel l-eżami tal-karattru tal-kompetenza (“il-kompetenza hija esklużiva?”), isegwi li jekk jintwera li l-konklużjoni tal-ftehim internazzjonali aktarx tolqot jew toħloq distorsjoni tal-kamp tal-applikazzjoni ta’ regoli komuni, awtomatikament ikun ifisser li l-kompetenza tkun esklużiva u tkun teskludi l-possibbiltà li tkun stabbilita kompetenza kondiviża esterna.

89.      Ninterpreta l-aħħar frażi tal-Artikolu 3(2) TFUE bħala li timplika li diġà jeżistu regoli tal-UE fil-qasam kopert mill-ftehim internazzjonali. Jekk ma jeżistux regoli bħal dawn, ikun diffiċli li wieħed jimmaġina kif il-konklużjoni ta’ dan tal-aħħar jista’ jolqot jew jibdel il-kamp tal-applikazzjoni ta’ dak tal-ewwel. Dan jimplika li l-analiżi dejjem tinvolvi l-eżami (f’sekwenza): (i) tal-kamp tal-applikazzjoni u tal-kontenut tal-ftehim internazzjonali previst; (ii) jekk l-Unjoni Ewropea eżerċitatx diġà kompetenza interna u, jekk ikun hekk, tal-kamp tal-applikazzjoni u tal-kontenut tal-liġijiet tal-UE; u (iii) jekk il-konklużjoni ta’ dak il-ftehim tistax tolqot regoli tal-UE jew tibdel il-kamp tal-applikazzjoni tagħhom. Dik l-aħħar possibbiltà tista’ teżisti għal diversi raġunijiet u tista’ tkun iktar ovvja f’xi ċirkustanzi milli f’oħrajn.

90.      Aktarx li ma huwiex wisq rilevanti li l-Artikolu 3(2) TFUE ma jiddikjarax espressament jekk hijiex il-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali “mill-Unjoni Ewropea” jew “mill-Istati Membri” li minnu għandu jkun stabbilit li “tista’ tolqot regoli komuni jew tbiddel il-kamp ta’ l-applikazzjoni tagħhom”. Hija s-sustanza tal-ftehim internazzjonali iktar milli l-identità tal-parti(jiet) kontraenti li tolqot regoli komuni jew tibdel il-kamp tal-applikazzjoni tagħhom. Jekk il-punt ta’ tluq huwa li l-kompetenza hija kondiviża, loġikament il-fokus imbagħad ikun fuq x’jiġri jekk Stati Membri jikkonkludu ftehim internazzjonali f’qasam fejn ikunu jeżistu diġà regoli tal‑UE. L-użu tal-frażi “sal-punt” jagħmilha ċara li partijiet ta’ ftehim internazzjonali jistgħu jaqgħu fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea fuq din l-bażi, filwaqt li l-kompetenza tista’ tkun għadha kondiviża fir-rigward tal-partijiet l-oħra.

91.      Barra dan, l-użu tal-frażi “għandha wkoll kompetenza esklussiva” jagħmilha ċara li, barra mir-raġunijiet tal-Artikolu 3(1), il-lista ta’ raġunijiet (definiti b’mod wiesa’) fl-Artikolu 3(2) hija eżawrjenti.

92.      Issa ngħaddi għall-kuntest tal-Artikolu 3(2) TFUE u l-effett, b’mod partikolari, tal-Artikolu 2(2) TFUE u tal-Protokoll Nru 25.

93.      Fl-opinjoni tiegħi, la l-Protokoll Nru 25 u lanqas l-Artikolu 2(2) TFUE ma jillimitaw bħala tali l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3(2) TFUE. It-tnejn jikkonċernaw kompetenzi kondiviżi. L-ewwel sentenza tal-Artikolu 2(2) tistipula l-konsegwenza tad-definizzjoni ta’ kompetenza bħala kondiviża. It-tieni u t-tielet sentenza huma dwar is-sitwazzjoni fejn il-kompetenza tal-UE u l-kompetenza tal-Istati Membri jeżistu flimkien. Għalhekk isegwi minn qari flimkien tat-tieni sentenza u tal-Protokoll Nru 25 [li jirreferi biss għall-Artikolu 2(2)], li jekk l-Unjoni Ewropea tkun eżerċitat kompetenza bħal dik f’ċertu qasam, l-Istati Membri ma jkunux jistgħu jeżerċitaw iktar il-kompetenza tagħhom fir-rigward ta’ materji koperti mill-att tal-Unjoni Ewropea inkwistjoni. Iżda jista’ jkun li jkun għad baqgħalhom il-libertà li jaġixxu f’oqsma oħra. Jekk l-Unjoni Ewropea ma tkunx eżerċitat il-kompetenza tagħha, l-Istati Membri jkunu għadhom jistgħu jaġixxu sakemm l-Unjoni Ewropea ma tkunx aġixxiet. U l-Istati Membri jerġgħu jiksbu l-kompetenza (oriġinali tagħhom) li jaġixxu f’kull qasam jew oqsma li fihom l-Unjoni Ewropea tkun waqfet mill-azzjoni tagħha.

94.      Fl-aħħar nett, indur għall-isfond storiku tal-Artikolu 3(2) TFUE.

95.      Il-kliem tal-aħħar frażi tal-Artikolu 3(2) TFUE huwa evidentement meħud minn ERTA. Il-Qorti tal-Ġustizzja hemmhekk artikulat test biex ikunu stabbiliti l-eżistenza tal-kompetenza esterna (issa s-suġġett tal-Artikolu 216(1) TFUE) (51) u l-karattru esklużiv ta’ dik il-kompetenza (issa s-suġġett tal-Artikolu 3(2) TFUE). Dwar dan tal-aħħar, il-Qorti tal-Ġustizzja rriteniet li kif u kull meta l-Unjoni Ewropea tadotta regoli komuni, tkun liema tkun il-forma tagħhom, biex timplementa politika komuni prevista mit-Trattati, l-Unjoni Ewropea ssir kompetenti b’mod esklużiv (52) u l-Istati Membri ma jkunux jistgħu iktar jieħdu obbligi ma’ pajjiżi terzi li jkunu “jolqtu dawk ir-regoli [komuni]” (53). Ser nirreferi għal dan bħala “il-prinċipju ERTA”. Ir-ratio wara l-prinċipju ERTA kien il-ħtieġa li tkun protetta l-għaqda tas-suq komuni u l-applikazzjoni uniformi tad-dritt Komunitarju (54).

96.      Jekk l-istorja tan-negozjar tal-Artikolu 3(2) TFUE turi xi ħaġa, huwa li ma kien hemm ebda ħsieb li wieħed jitbiegħed mill-prinċipju ERTA (55). F’dak ir-rigward naqbel mal-Avukat Ġenerali Kokott fil-konklużjonijiet tagħha fil-Kawża C‑137/12 (56).

97.      Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, għalhekk, tkun iggwidata mill-ġurisprudenza tagħha tal-imgħoddi f’dan il-qasam, li tinkludi (ovvjament) ERTA u firxa ta’ sentenzi u konklużjonijiet oħra skont dak li issa huwa l-Artikolu 218(11) TFUE.

98.      F’dik il-ġurisprudenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat iktar ir-ratio wara l-prinċipju ERTA. Għalhekk il-prinċipju japplika fejn il-konklużjoni mill-Istati Membri tal-ftehim internazzjonali (jew partijiet minnu) tkun inkompatibbli mal-għaqda tas-suq komuni u mal-applikazzjoni uniformi u konsistenti tal-liġijiet tal-UE (57), jew timmina l-funzjonament xieraq tas-sistema li regoli komuni jistabbilixxu (58), jew fejn, fid-dawl tan-natura tal-liġijiet eżistenti tal-Unjoni Ewropea, kull ftehim internazzjonali neċessarjament jolqot il-liġijiet tal-Unjoni Ewropea (59). Barra dan, il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet tgħid li fl-oqsma kollha li jaqblu mal-objettivi tat-Trattat, l-Artikolu 10 KE (60) (li issa huwa espress fl-Artikolu 4(3) TUE bħala l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali) jitlob li l-Istati Membri jastjenu minn kwalunkwe miżura li tista’ tipperikola l-ksib tal-għanijiet tat-Trattat (61).

99.      Xi kjarifiki oħra għamlet il-Qorti tal-Ġustizzja dwar it-tifsira tal-prinċipju ERTA nnifsu?

100. L-applikazzjoni tal-prinċipju ERTA tissupponi li kien hemm xi azzjoni interna; is-sempliċi eżistenza ta’ kompetenza interna ma hijiex suffiċjenti (62). Tabilħaqq, sakemm il-kompetenza interna ma tkunx ġiet eżerċitata, ma jkunx hemm regoli tal-UE li jkunu jistgħu jintlaqtu jew li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom ikun jista’ jinbidel. Bl-istess mod, l-eżistenza ta’ inizjattivi u strumenti bil-għan li jkunu evitati kontradizzjonijiet bejn il-liġijiet tal-UE u l-ftehim internazzjonali previst ma jistgħux ineħħu l-ħtieġa li t-tnejn jitqabblu biex ikun iddeterminat l-effett ta’ dan tal-aħħar fuq dawk tal-ewwel (63). Huma irrilevanti wkoll il-bażi legali fiha nfisha tar-regoli inkwistjoni tal-UE (64) u (kif il-Kunsill b’mod korrett jinnota) il-fatt li n-negozjar ta’ ftehim imħallat jista’ jinvolvi żvantaġġi u inkonvenjenzi prattiċi (65). Lanqas is-sempliċi fatt li l-konklużjoni mill-Istati Membri ta’ ftehim internazzjonali tista’ tolqot il-funzjonament normali tas-suq intern ma huwa b’xi mod suffiċjenti biex ikun stabbilit li l-prinċipju ERTA ġie ssodisfatt (66).

101. Jekk kien hemm azzjoni interna, il-prinċipju ERTA jkun jista’ jiġi applikat għal ftehim internazzjonali fl-intier tiegħu jew għal partijiet minnu.

102. Jekk l-azzjoni interna tkun ħadet l-għamla ta’ armonizzazzjoni kompleta f’qasam partikolari, ikun hemm kompetenza esterna esklużiva fir-rigward ta’ dak il-qasam (67). F’dak il-każ, l-Istati Membri ma jkunux jistgħu jżommu jew jadottaw iktar miżuri li jkunu inkonsistenti ma’ dak l-att tal-Unjoni Ewropea jew inkella jimminaw l-għanijiet u l-effett tiegħu (ukoll jekk jistgħu jirriżultaw regoli iktar stretti f’livell ogħla ta’ protezzjoni) (68). Kull diskrezzjoni għal deroga mil-liġijiet tal-Unjoni Ewropea tkun ikkontrollata kompletament mill-miżuri stess ta’ armonizzazzjoni (69). B’hekk, jekk il-ftehim internazzjonali jkun jirregola qasam A u l-qasam A fl-intier tiegħu jkun armonizzat, konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali f’dak il-qasam tkun tissodisfa awtomatikament il-prinċipju ERTA u l-kompetenza tal-Unjoni Ewropea tkun esklużiva. L-involviment tal-Istati Membri jista’ jillimita l-mod li bih l-Unjoni Ewropea wara teżerċita l-kompetenzi interni tagħha. Jekk il-ftehim internazzjonali jkun ikopri qasam B, kif ukoll qasam A, iżda l-qasam B ma jkunx għadu armonizzat, l-Unjoni Ewropea jkollha kompetenza esklużiva għall-inqas għall-qasam A. Minbarra d-diffikultà biex ikun stabbilit jekk kienx hemm armonizzazzjoni kompleta u dwar xiex, dan huwa dak li jiena niddeskrivi bħala l-“każ faċli”.

103. Jekk ikunx hemm armonizzazzjoni kompleta jiddependi minn kemm ikun irregolat b’mod intensiv qasam partikolari. Dak ikun stabbilit l-iktar, b’mod partikolari, abbażi tal-kliem u l-objettiv(i) tal-atti rilevanti tal-Unjoni Ewropea: il-kontenut tagħhom, il-kamp ta’ applikazzjoni u n-natura tal-obbligi li jistabbilixxu. Il-qasam partikolari jista’ jkun, pereżempju, settur tal-ekonomija, tip ta’ prattika ta’ negozju, kategorija ta’ individwi jew tip ta’ proprjetà.

104. Tista’ l-Unjoni Ewropea jkollha wkoll kompetenza esklużiva li tinnegozja u tikkonkludi ftehim internazzjonali fl-intier tiegħu fejn ma jkunx għadu hemm armonizzazzjoni kompleta dwar il-qasam jew l-oqsma koperti mill-ftehim internazzjonali (jew partijiet minnu)?

105. Dak huwa possibbli.

106. Il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat din il-proposta fl-Opinjoni 2/91 fejn sabet li l-qasam kien kważi kollu kopert b’regoli tal-UE, meta qieset l-evoluzzjoni storika u l-objettivi tar-regolamentazzjoni tal-UE, kif ukoll il-fatt li l-ftehim internazzjonali offra protezzjoni usa’ b’riżultat ta’ definizzjonijiet usa’ tal-elementi li kienu jolqtu l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu (70). F’dawk iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja rriteniet li l-parti rilevanti tal-ftehim internazzjonali kienet tali li kienet tolqot il-liġijiet tal-UE u li l-Istati Membri, għalhekk, ma setgħux jidħlu għal impenji barra mill-qafas tal-istituzzjonijiet tal-UE (71). Fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha fuq dik il-konstatazzjoni, li hemmhekk dehret li ġabret fil-qosor bħala li kienet tfisser li regoli komuni jintlaqtu jew jiġu distorti minn impenji internazzjonali fejn l-impenji internazzjonali jkun jaqgħu f’qasam li jkun diġà kważi kollu kopert b’regoli bħal dawn (72). Imbagħad, fl-Opinjoni 1/03, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeskriviet dik is-sitwazzjoni bħala biss eżempju wieħed ta’ fejn il-kompetenza esklużiva kienet rikonoxxuta u saħqet dwar il-ħtieġa li jitqies il-kamp ta’ applikazzjoni, in-natura u l-kontenut ta’ regoli tal-UE u ta’ kull żvilupp prevedibbli għall-ġejjieni (73).

107. Jien u naqra dik il-ġurisprudenza, is-sempliċi fatt li ftehim internazzjonali [jew parti(jiet) minnu] jikkonċerna qasam li jkun “kważi kollu kopert” b’regoli tal-UE (jew xi qasam ddefinit b’riferiment għal xi limitu astratt ieħor f’termini ta’ grad ta’ regolamentazzjoni) minnu nnifsu ma jwassalx awtomatikament għall-konklużjoni li jkun hemm kompetenza esklużiva biex ikun innegozjat dak il-ftehim internazzjonali fl-intier tiegħu (jew il-parti rilevanti) mingħajr ebda eżami dwar jekk japplikax il-prinċipju ERTA. Ovvjament akbar ma jkun il-qasam diġà kopert mil-liġijiet tal-UE, iktar ikun probabbli li l-parti li tibqa’ tal-ftehim internazzjonali tħalli impatt fuq regoli eżistenti tal-UE. Iżda dak ma jkunx dejjem il-każ. Kollox jiddependi mill-kontenut tal-impenji li jkunu ttieħdu u mir-rabta li dawn jista’ jkollhom ma’ regoli tal-UE. Ir-relazzjoni bejn il-Konvenzjoni proposta u r-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tad-drittijiet ta’ organizzazzjonijiet tax-xandir, li ser ngħaddi biex niddiskuti, turi sewwa dan il-punt.

108. L-applikazzjoni tal-prinċipju ERTA jeħtiġilha li l-kontenut preċiż tal-obbligi meħudin ikun iddeterminat kemm skont il-ftehim internazzjonali, kif ukoll skont il-liġijiet tal-UE biex ikun identifikat jekk u, jekk ikun hekk, sa liema grad l-Istati Membri ma jistgħux jirregolaw iktar materja partikolari u, għaldaqstant, ma jkunux jistgħu iktar jidħlu għall-impenji internazzjonali tagħhom stess (ukoll jekk dawk jistgħu ma jkunux f’kunflitt mal-liġijiet tal-UE). Ma hijiex meħtieġa kontradizzjoni bejn il-ftehim internazzjonali u r-regoli tal-UE għall-applikazzjoni tal-prinċipju ERTA (74). F’dak ir-rigward, l-Avukat Ġenerali Tizzano fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawżi sema miftuħ spjega b’mod utli li, anki fejn regoli eżistenti tal-UE jkunu importati fi ftehim internazzjonali, ma jkunx hemm garanzija li “[…] ir-regoli mbagħad fil-fatt ikunu applikat b’mod uniformi u, speċjalment, li kull emenda li tista’ tkun adottata internament tkun ittrasportata sħiħa u minnufih fil-ftehimiet […]”; in-natura u s-sistema legali tar-regoli komuni jistgħu, għalhekk, jiġu distorti u jkun hemm “[…] riskju reali u serju li jitneħħew minn eżami mill-Qorti tal-Ġustizzja […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (75). Fl-Opinjoni 1/03, il-Qorti tal-Ġustizzja qalet f’termini ġenerali li l-applikazzjoni tal-prinċipju ERTA jeħtiġilha evalwazzjoni abbażi tal-kamp ta’ applikazzjoni, tan-natura jew tal-kontenut tar-regoli, billi jitqies l-istat kurrenti tal-liġijiet tal-UE, kif ukoll tal-iżvilupp tiegħu għall-ġejjieni sakemm ikun prevedibbli fiż-żmien tal-analiżi (76).

109. Għalhekk, jekk l-Unjoni Ewropea għandhiex kompetenza esterna esklużiva skont l-aħħar frażi tal-Artikolu 3(2) TFUE essenzjalment jiddependi minn paragun iddettaljat u komprensiv bejn l-oqsma koperti mill-ftehim internazzjonali previst u l-liġijiet tal-Unjoni Ewropea (77).

110. Fil-ġurisprudenza tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja ffokat b’mod partikolari fuq liema huma l-kunsiderazzjonijiet rilevanti biex ikun evalwat l-istat tal-liġijiet tal-UE fil-qasam li għandu jkun kopert mill-ftehim internazzjonali , bħal: jekk il-Komunità eżerċitatx il-kompetenzi interni tagħha; is-suġġett tad-dispożizzjonijiet li joffru l-bażi għal azzjoni interna; il-kamp ta’ applikazzjoni, in-natura u l-kontenut tal-liġijiet (kurrenti) tal-UE (78); l-objettiv tar-regoli tal-UE (79); l-istruttura ta’ kwalunkwe att rilevanti tal-UE (80); kemm ir-regoli tal-UE jistabbilixxu biss standards minimi (81); l-isfond storiku tal-iżvilupp tal-liġijiet tal-UE f’qasam partikolari (82); l-iżviluppi għall-ġejjieni tal-liġijiet tal-UE sakemm ikun prevedibbli fiż-żmien tal-analiżi (83); l-effikaċja sħiħa tal-liġijiet tal-UE (84); u l-funzjonament xieraq tas-sistema stabbilita b’regoli tal-UE (85). Xi wħud minn dawn il-kunsiderazzjonijiet ser ikunu wkoll, fil-fehma tiegħi, rilevanti biex ikun deskritt il-ftehim internazzjonali previst.

111. Dan it-tip ta’ analiżi għandu jkun applikat għal kull waħda mill-partijiet tal-ftehim internazzjonali li jkollu jkun innegozjat u milħuq.

112. Kunsiderazzjoni waħda partikolari tista’ tolqot b’mod sinjifikattiv ir-riżultat tal-applikazzjoni tal-prinċipju ERTA: fejn liġijiet tal-UE jistabbilixxu standards minimi ta’ protezzjoni f’qasam partikolari. F’dak il-każ l-Istati Membri jibqgħu kompetenti li jikkonkludu ftehim internazzjonali li jimponi wkoll standards minimi minħabba li ftehim bħal dan jista’ ma jolqotx il-liġijiet tal-UE li l-Istati Membri jistgħu u għandhom japplikaw b’mod sħiħ (86). Jekk fil-fatt huma jibqgħux kompetenti jkun jiddependi mill-grad ta’ libertà mogħtija lill-Istati Membri kemm skont il-ftehim internazzjonali, kif ukoll skont regoli tal-. Jekk il-ftehim internazzjonali jistabbilixxi standard minimu iktar baxx mil-liġijiet tal-, il-konklużjoni mill-Istati Membri ta’ dak il-ftehim ma timminax il-liġijiet tal-UE: is-supremazija tad-dritt tal-UE tfisser li l-Istati Membri ma jistgħux jimplementaw fit-territorju tagħhom standard iktar baxx mill-istandard stabbilit minn liġijiet tal-UE (anki jekk dak l-istandard iktar baxx ikun konsistenti mal-ftehim internazzjonali). Lanqas ma jkunu mminati l-liġijiet tal- jekk il-ftehim internazzjonali jistabbilixxi standard minimu ogħla, bil-kundizzjoni li l-liġijiet tal-Unjoni Ewropea jawtorizzaw lill-Istati Membri jadottaw standard ogħla bħal dak.

113. X’jiġri jekk il-liġijiet tal-UE jistabbilixxu standard minimu u l-ftehim internazzjonali jistabbilixxi livell massimu ta’ protezzjoni? Nissoponu li l-liġijiet tal-UE jgħidu li l-perijodu ta’ protezzjoni ta’ dritt relatat għandu jkun “mhux inqas minn 70 sena” u l-ftehim internazzjonali jiddefinixxi l-perjodu ta’ protezzjoni bħala “mhux iktar minn 50 sena”. F’dak il-każ l-Istati Membri ma jkunux jistgħu japplikaw liġijiet tal-UE mingħajr ma jiksru l-ftehim internazzjonali. Dak jolqot ir-responsabbiltà tal-Istati Membri skont id-dritt internazzjonali pubbliku iżda mhux ir-regola tal-UE ta’ “mhux inqas minn 70 sena”, li tkun għadha torbothom bħala Stati Membri.

114. F’dak l-isfond, ser ngħaddi biex neżamina jekk l-Unjoni Ewropea għandhiex kompetenza esklużiva li tinnegozja l-Konvenzjoni fl-intier tagħha.

 Il-kompetenza tal-Unjoni Ewropea li tinnegozja l-Konvenzjoni

–       Determinazzjoni tal-kompetenza esterna qabel il-bidu tan-negozjati għall-Konvenzjoni

115. F’din il-kawża, in-negozjati għall-Konvenzjoni għad jeħtiġilhom jibdew (87) u ma hemm disponibbli ebda test ta’ (abbozz ta’) Trattat (88).

116. Mingħajr dubju, li l-kwistjoni tal-kompetenza tiġi solvuta qabel ma jibdew in-negozjati tiżgura li l-partijiet kompetenti biss joqogħdu madwar il-mejda tan-negozjati. Dan joffri grad ta’ ċertezza legali u huwa fl-interess tal-Unjoni Ewropea, tal-Istati Membri u tal-partijiet terzi involuti f’dawk in-negozjati (89).

117. Madankollu, negozjati dwar trattati jistgħu jkunu imprevedibbli u l-kontenut tal-ftehim internazzjonali negozjat jista’ jdur ma’ kull riħ. Dik ir-realtà kif tolqot l-użu tal-proċeduri disponibbli quddiem din il-Qorti tal-Ġustizzja biex tiddetermina jekk, fi kwalunkwe każ partikolari, il-kompetenza tal-UE tkunx esklużiva jew kondiviża mal-Istati Membri?

118. L-ewwel nosserva li jista’ jkun hemm ċirkustanzi li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja jkollha tiddikjara li hija ma tistax tiddeċiedi minħabba nuqqas ta’ informazzjoni suffiċjenti. Dak jista’ jkun il-każ (pereżempju) jekk l-unika informazzjoni disponibbli hawn kienet dikjarazzjoni ta’ intenzjoni li jkun innegozjat ftehim internazzjonali dwar il-protezzjoni tad-drittijiet ta’ organizzazzjonijiet tax-xandir mingħajr ebda indikazzjoni ta’ xejn dwar dak li x’aktarx ikun il-kontenut ta’ ftehim bħal dan għall-ġejjieni.

119. It-tieni nett, tista’ tintalab opinjoni skont l-Artikolu 218(11) TFUE “[…] qabel ma jinbdew negozjati fil-livell internazzjonali, meta l-għan tal-ftehim previst ikun magħruf, anki jekk ikun għad hemm numru ta’ alternattivi li jkunu għadhom miftuħa u diverġenzi marbuta mar-redazzjoni tat-testi inkwistjoni, jekk id-dokumenti sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja jippermettulha tgħaddi ġudizzju li jkun suffiċjentement ċert fir-rigward tal-kwistjoni mqajma […]” (90). Minn dak li qed nara s’issa, l-istess kriterji għandhom japplikaw fejn (bħal hawnhekk) il-Qorti tal-Ġustizzja jkollha quddiema rikors għal annullament (91). Jekk ikun hemm informazzjoni suffiċjenti disponibbli dwar il-karatteristiċi essenzjali tal-ftehim internazzjonali propost, il-fatt li jkun għad hemm xi element ta’ inċertezza dwar il-kontenut aħħari tiegħu, dan ma jżommx il-Qorti tal-Ġustizzja milli twettaq il-funzjoni tagħha billi tapplika t-test legali biex tiddetermina jekk il-Kummissjoni tkunx stabbilixxiet il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea u tieħu deċiżjoni fil-kawża.

120. Determinazzjoni ex ante ta’ kompetenza msejsa fuq il-materjal disponibbli għall-Qorti tal-Ġustizzja f’dak l-istadju, madankollu, mhux neċessarjament tipprekludix li jsir eżami mill-ġdid jekk il-proċess tan-negozjati jirriżulta f’sitwazzjoni li fiha t-test finali (l-abbozz tat-trattat) ikun differenti b’mod sinjifikattiv minn dak li kien oriġinarjament previst. F’ċirkustanzi bħal dawn, jista’ jkun xieraq li l-Qorti tal-Ġustizzja tintalab tiddeċiedi dwar il-kompetenza u, jekk ikun meħtieġ, wieħed jerġa’ jmur madwar il-mejda tan-negozjati (92).

121. F’dak ir-rigward, istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri għandhom jikkooperaw mill-qrib. Dak ir-rekwiżit japplika fiż-żmien tan-negozjar, tal-konklużjoni u tal-implementazzjoni ta’ ftehim internazzjonali li s-sustanza tiegħu taqa’ parti fil-kompetenza tal-Unjoni Ewropea u parti f’dik tal-Istati Membri (93). Għalhekk, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tikkonkludi hawnhekk li l-Kummissjoni stabbilixxiet li l-Unjoni Ewropea biss hija kompetenti iżda n-negozjati sussegwentement imorru f’direzzjoni differenti u jinkludu materji ġodda, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea jkollhom imbagħad jivvalutaw il-kompetenza tagħhom fir-rigward ta’ dawk il-materji. Jekk ikun meħtieġ huma jkollhom jistiednu lill-Istati Membri biex jieħdu sehem. Għall-inqas huma jkollhom jgħarrfu lill-Istati Membri dwar dawn l-iżviluppi biex dawn ikunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom skont it-Trattati. Għall-kuntrarju, fejn l-Istati Membri jżommi xi kompetenza, huma jkollhom jieħdu sehem bil-bona fede fin-negozjati u joqogħdu lura milli jaġixxu b’mod li jimminaw il-kompetenza tal-Unjoni Ewropea. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tikkonkludi issa li hemm kompetenza kondiviża iżda t-test finali tal-Konvenzjoni kif negozjat ikun fih biss materji koperti diġà mil-liġijiet tal-Unjoni Ewropea, l-Unjoni Ewropea biss tkun kompetenti li tikkonkludi l-Konvenzjoni.

–       Il-Konvenzjoni

122. Bħalissa ma hemmx test ta’ abbozz tal-Konvenzjoni. Madankollu, il-Kummissjoni ssottomettiet sett ta’ dokumenti li fihom huma stabbiliti l-objettivi u l-kamp ta’ applikazzjoni tan-negozjati (u, għalhekk, tat-test finali possibbli), jiġifieri: (i) ir-Rakkomandazzjoni tal-2002, inklużi l-appendiċi u l-memorandum ta’ spjegazzjoni tagħha; (ii) il-Memorandum tal-2008; (iii) it-Termini ta’ Referenza tal-2009 u (iv) ir-Rapport tal-Laqgħa tal-2010. Ma tqajmet l-ebda oġġezzjoni mill-partijiet jew mill-intervenjenti l-oħra għal dawk id-dokumenti.

123. Dik id-dokumentazzjoni tindika x’jista’ jkun innegozjat. Il-valur probatorju ta’ kull dokument għandu jiddependi mill-awtur tiegħu, mill-kontenut u minn kemm ikun qrib il-proċess attwali tan-negozjar. Ir-Rapport tal-Laqgħa tal-2010 jidher li fih id-dikjarazzjoni l-iktar reċenti dwar l-objettiv(i) u l-kamp ta’ applikazzjoni tan-negozjati. Madankollu, filwaqt li l-kontenut tiegħu jirrifletti dibattiti fil-Laqgħa ta’ Konsultazzjoni tal-2010, huwa ma jelaborax b’mod sistematiku fuq ebda sustanza miftiehma tal-Konvenzjoni prevista. Ir-Rakkomandazzjoni tal-2002 u t-Termini ta’ Referenza tal-2009 huma dokumenti politiċi, fis-sens li kienu adottati mill-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa. It-Termini ta’ Referenza tal-2009 sempliċiment jagħtu istruzzjoni lill-MC-S-NR biex “[i]kompli x-xogħol dwar il-protezzjoni tad-drittijiet relatati ta’ organizzazzjonijiet tax-xandir u, jekk il-kundizzjonijiet rikjesti jitħarsu, jissottometti abbozz ta’ konvenzjoni dwar is-suġġett” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Il-verżjoni l-iktar dettaljata li jista’ jkun hemm ta’ mandat għal negozjar huwa l-Memorandum tal-2008, miktub mill-Grupp ad-hoc tal-valutazzjoni u maħsub biex ikun dokument ta’ ħidma għas-CDMC. Jivvaluta kemm hija fattibbli t-tħejjija ta’ konvenzjoni u jesplora l-ħtieġa u l-funzjoni ta’ konvenzjoni bħal din. Jibbaża ruħu fuq ir-Rakkomandazzjoni tal-2002, billi jiddeskriviha bħala l-punt ta’ tluq possibbli għal diskussjonijiet dwar il-kontenut tal-Konvenzjoni.

124. Sett separat ta’ dokumenti sottomess mill-Kummissjoni jirrigwarda negozjati pendenti dwar Trattat WIPO għall-protezzjoni ta’ organizzazzjonijiet tax-xandir li l-progress bil-mod tagħhom (94) jidher li ġiegħel lill-Kunsill tal-Ewropa jieħu l-inizjattiva biex titħejja Konvenzjoni. Il-valur probatorju ta’ dawn id-dokumenti tad-WIPO huwa limitat. Lanqas ma jistgħu jintużaw ftehimiet internazzjonali, bħall-Konvenzjoni ta’ Ruma (95), li tirregola (parzjalment) id-drittijiet ta’ organizzazzjonijiet tax-xandir, bħala bażi biex ikun identifikat il-kontenut tal-Konvenzjoni mingħajr ebda indikazzjoni ċara jekk l-intenzjoni hijiex li jintużaw ftehimiet internazzjonali eżistenti jew partijiet minnhom bħala mudell.

125. Meta niddeskrivi kif nifhimha dwar x’hemm previst li l-Konvenzjoni ser tkopri, nibbaża lili nnifsi essenzjalment fuq il-Memorandum tal-2008 u r-Rapport tal-Laqgħa tal-2010. Inqis ukoll elementi li jinsabu f’dokumenti oħra skont kif rilevanti.

126. L-objettiv tal-konvenzjoni proposta huwa li tiżdied il-protezzjoni tad-drittijiet ta’ organizzazzjonijiet tax-xandir u biex dawk id-drittijiet ikunu adattati, b’mod partikolari, għar-riskji ta’ serq ta’ sinjali (li sikwit jgħaddu minn fruntiera għal oħra). Dan għandu jsir billi jingħataw drittijiet esklużivi lil organizzazzjonijiet tax-xandir li jkunu infurzati u ddefiniti f’termini teknoloġiċi newtrali. Xejn fid-dokumentazzjoni disponibbli ma jissuġġerixxi li l-Konvenzjoni hija maħsuba wkoll biex tkopri d-drittijiet tal-awtur jew drittijiet relatati ta’, pereżempju, produtturi jew artisti.

127. Ma huwiex ċar kif il-Konvenzjoni ser tiddefinixxi “xandir”: b’mod partikolari jekk dak it-terminu jinkludix ukoll, pereżempju, trażmissjoni permezz tal-internet (jekk dak ikunx webcasting, simulcasting jew xi forma oħra). Kif il-Gvern Pollakk korrettement jinnota, il-Memorandum tal-2008 (b’riferiment għall-proposti tad-WIPO tal-Unjoni Ewropea (96)) jidher li jeskludi definizzjoni bħal din, filwaqt li r-Rapport tal-Laqgħa tal-2010 jiffoka fuq il-ħtieġa li tkun ippreservata n-newtralità teknoloġika, iżda jagħmel sejħa wkoll biex ikun hemm iktar stħarriġ dwar jekk il-Konvenzjoni għandhiex tipproteġi servizzi ġodda tal-media, inkluża l-protezzjoni ta’ servizzi on-demand u catch-up. Jidher ċar mill-Memorandum tal-2008 li, f’kull każ, kull attentat biex titwessa’ d-definizzjoni biex tkun inkluża forma waħda jew oħra ta’ xandir permezz tal-internet iwessa’ kunsiderevolment il-kamp ta’ applikazzjoni tal-protezzjoni (u b’hekk dak tad-drittijiet esklużivi ta’ organizzazzjonijiet tax-xandir) kif imqabbel mal-protezzjoni offruta llum skont il-Konvenzjoni ta’ Ruma li tirreferi, fl-Artikolu 3(f), biss għal trażmissjoni b’mezzi mingħajr fili.

128. Il-Memorandum tal-2008 jiddefinixxi sitt drittijiet esklużivi, jiddikjara li dawk id-drittijiet għandhom japplikaw ukoll għal sinjali li jġorru programmi qabel ix-xandir, jisħaq dwar il-ħtieġa tal-protezzjoni legali u ta’ rimedji legali effikaċi biex ma jkunux evitati miżuri teknoloġiċi u dwar obbligi li jirrigwardaw informazzjoni dwar l-immaniġġjar ta’ drittijiet, u jiddefinixxi l-perjodu ta’ protezzjoni.

129. Fir-rigward tal-qofol tal-protezzjoni, ir-Rakkomandazzjoni tal-2002 tissuġġerixxi li għandu jkun hemm dritt ta’ trażmissjoni mill-ġdid, li jkun maħsub li jħaddan il-forom kollha ta’ tixrid mill-ġdid b’kull mezz ikun xi jkun. Organizzazzjonijiet tax-xandir ikunu jistgħu jibbażaw ruħhom fuq dak id-dritt sabiex jawtorizzaw jew jipprojbixxu trażmissjoni mill-ġdid tax-xandiriet tagħhom permezz ta’ fili jew mingħajr fili, kemm jekk simultanji kif ukoll jekk differiti (abbażi ta’ ffissar) (97).

130. L-intenzjoni (kif jidher ukoll mir-Rakkomandazzjoni tal-2002) hija li l-Konvenzjoni għandha tistabbilixxi dritt ta’ ffissar li fuqu organizzazzjonijiet tax-xandir ikunu jistgħu joqogħdu biex jawtorizzaw jew jipprojbixxu ffissar tax-xandiriet tagħhom (98).

131. Ir-Rakkomandazzjoni tal-2002 tindika li l-Konvenzjoni tista’ tkopri wkoll dritt ta’ riproduzzjoni li organizzazzjonijiet tax-xandir ikunu jistgħu jibbażaw ruħhom fuqu biex jawtorizzaw jew jipprojbixxu riproduzzjoni diretta jew indiretta ta’ ffissar b’kull mod jew forma (99).

132. Ir-Rakkomandazzjoni tal-2002 tissuġġerixxi li d-dritt ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku għandu jkun deskritt bħala d-dritt ta’ organizzazzjonijiet tax-xandir li jawtorizzaw jew jipprojbixxu li jkunu disponibbli għall-pubbliku x-xandiriet tagħhom permezz ta’ fili jew mingħajr fili, b’mod li membri tal-pubbliku jista’ jkollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżulin minnhom individwalment (100). Il-Memorandum tal-2008 jindika li dak id-dritt seta’ jkopri wkoll li xandiriet isiru disponibbli meta jintalbu fuq l-internet.

133. Skont ir-Rakkomandazzjoni tal-2002, il-Konvenzjoni għandha tistabbilixxi dritt ta’ distribuzzjoni jew id-dritt li jkun awtorizzat jew ipprojbit li jkun disponibbli għall-pubbliku, b’bejgħ jew bi trasferiment ta’ proprjetà, ffissar u kopji ta’ ffissar ta’ xandiriet tiegħu, inklużi xandiriet ta’ programmi li ma jkunux protetti mid-drittijiet tal-awtur (101). Il-Memorandum tal-2008 jissuġġerixxi li l-Konvenzjoni tista’ twessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dak id-dritt fil-Konvenzjoni ta’ Ruma billi toffri protezzjoni wkoll għal distribuzzjoni bil-fili.

134. Ir-Rakkomandazzjoni tal-2002 tipprevedi li l-Konvenzjoni setgħet tistabbilixxi dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku, jiġifieri d-dritt ta’ organizzazzjonijiet tax-xandir li jawtorizzaw jew jipprojbixxu l-komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xandiriet tagħhom jekk komunikazzjoni bħal din issir f’postijiet aċċessibbli għall-pubbliku bi ħlas ta’ tariffa ta’ dħul, għalkemm l-Istati Membri jkollhom id-dritt li jiddefinixxu t-terminu “tariffa ta’ dħulˮ f’liġi nazzjonali u li jiddeċiedu jekk jipproteġux jew le dan id-dritt f’każ ta’ komunikazzjoni f’postijiet aċċessibbli għall-pubbliku bi ħlas ta’ tariffa ta’ dħul diretta jew indiretta (102).

135. Mid-dokumentazzjoni disponibbli huwa ċar li wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-Konvenzjoni huwa li jkunu protetti sinjali li jġorru programmi qabel ix-xandir, għalkemm jidher li ma hemmx ċertezza dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tal-protezzjoni (103). Il-Konvenzjoni ta’ Ruma ma tipproteġix sinjali bħal dawn. L-ebda wieħed mid-dokumenti disponibbli ma jiddefinixxi l-kontenut li jista’ jkun hemm ta’ dak id-dritt għalkemm il-Memorandum tal-2008 jinnota li l-protezzjoni tista’ tinkiseb sempliċiment billi titwessa’ d-definizzjoni ta’ xandiriet. Madankollu, ukoll skont il-Memorandum tal-2008, ir-riżultat previst jista’ jkun li l-Istati Membri jieħdu miżuri adegwati u effettivi kontra distribuzzjoni mhux awtorizzata u użu ieħor ta’ sinjali bħal dawn. Jekk dawk il-miżuri għandhomx ikunu rregolati mid-dritt privat jew pubbliku għadha kwistjoni miftuħa. Ir-Rapport tal-Laqgħa tal-2010 juri li wkoll għadu mhux solvut jekk dik il-protezzjoni għandhiex testendi għal sinjali li, b’differenza mis-sinjali trażmessi, jistgħu jġorru materja prima jew materjal li jista’ ma jkunx xandir.

136. Il-Konvenzjoni tista’ tindirizza, permezz ta’ protezzjoni u rimedji legali, il-problema tal-evitar ta’ miżuri teknoloġiċi effettivi użati minn organizzazzjonijiet tax-xandir b’rabta mal-eżerċizzju tad-drittijiet relatati tagħhom. Huwa ssuġġerit fil-Memorandum tal-2008 li d-dispożizzjonijiet fil-Konvenzjoni jistgħu jkunu “konformi” mat-Trattati WIPO tal-1996 u mad-Direttiva 2001/29.

137. Il-Konvenzjoni tista’ tittratta l-problema ta’ persuni li bi ħsiebhom ineħħu jew jibdlu informazzjoni elettronika dwar l-immaniġġjar ta’ drittijiet (jiġifieri informazzjoni li tidentifika l-kontenut protett, detenturi ta’ drittijiet, termini u kundizzjonijiet ta’ użu ta’ dak il-kontenut). Il-Memorandum tal-2008 juri li Trattati WIPO tal-1996 u d-Direttiva 2001/29 jistgħu jintużaw bħala bażi biex ikunu fformulati dawn id-dispożizzjonijiet.

138. Fir-rigward tal-perijodu ta’ protezzjoni, ir-Rakkomandazzjoni tal‑2002 u l-Memorandum tal-2008 juru li hemm appoġġ għall-idea li l-perijodu ta’ protezzjoni tad-drittijiet ta’ organizzazzjonijiet tax-xandir għandu jkun perijodu ta’ mill-inqas 50 sena kkalkolat minn tmiem is-sena li fiha jkun seħħ ix-xandir (104). Mir-Rapport tal-Laqgħa tal-2010 toħroġ idea differenti, jiġifieri li t-terminu ma għandux ikun iktar minn dak stabbilit mill-Artikolu 14 tal-Konvenzjoni ta’ Ruma li huwa terminu minimu ta’ 20 sena kkalkolat minn tmiem is-sena li fiha jkun seħħ ix-xandir.

139. Fl-aħħar nett, id-dokumenti disponibbli jissuġġerixxu li l-Konvenzjoni mhux ser ikun fiha (bla ebda sorpriża) klawżola dwar limitazzjonijiet u eċċezzjonijiet. Iżda l-ftehim rifless fir-Rapport tal-Laqgħa tal-2010 jissuġġerixxi li dawn ma għandhomx ikunu ddefiniti b’mod eżawrjenti.

–       Id-dritt tal-UE

140. L-Unjoni Ewropea eżerċitat il-kompetenza kondiviża fil-qasam tas-suq intern (105) billi adottat miżuri ta’ armonizzazzjoni fil-qasam tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali ta’ organizzazzjonijiet tax-xandir li għandu jkun kopert mill-Konvenzjoni. Partijiet oħra tad-dritt tal-UE japplikaw ukoll għal organizzazzjonijiet tax-xandir iżda għandhom x’jaqsmu ma’ oqsma oħra, bħall-provvista ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva (106), u għalhekk, ma humiex rilevanti għas-suġġett inkwistjoni.

141. Kif nifhimha jiena, il-Kummissjoni nfisha taċċetta li d-direttivi rilevanti ma jirregolawx il-qasam kollu tal-protezzjoni tad-drittijiet ta’ organizzazzjonijiet tax-xandir u, għalhekk, għadha ma nkisbitx armonizzazzjoni kompleta. Tabilħaqq, il-kamp ta’ applikazzjoni stess tal-konvenzjoni proposta juri li hemm elementi tal-protezzjoni tad-drittijiet ta’ organizzazzjonijiet tax-xandir li għadhom ma humiex koperti bil-leġiżlazzjoni kurrenti. Barra minn hekk, dan huwa qasam li dak li jeħtieġlu jkun irregolat sikwit ikollu rabta diretta ma’ innovazzjonijiet teknoloġiċi (107). Kull konklużjoni dwar l-istat ta’ armonizzazzjoni għandha tqis żviluppi bħal dawn.

142. Diġà tajt deskrizzjoni tal-liġijiet tal-UE f’dan il-qasam fil-punti 23 sa 39 iktar ’il fuq.

–       Effett(i) tal-konklużjoni mill-Istati Membri tal-Konvenzjoni dwar il-liġijiet tal-UE li jirregolaw id-drittijiet ta’ organizzazzjonijiet tax-xandir

143. Partijiet differenti tal-Konvenzjoni jista’ jkollhom implikazzjonijiet differenti għal liġijiet tal-UE li jirregolaw id-drittijiet ta’ organizzazzjonijiet tax-xandir. Il-fokus tal-istħarriġ f’dan l-istadju għandu jkun fuq jekk il-Kummissjoni stabbilitx jew le li l-Unjoni Ewropea għandha kompetenza esklużiva li tinnegozja l-Konvenzjoni fl-intier tagħha. Wara kollox, il-Kummissjoni tallega li l-Kunsill għamel żball meta kkunsidra li dan jista’ ma jkunx il-każ. Minħabba li qiegħdet il-każ tagħha b’dak il-mod, jekk l-analiżi tal-Konvenzjoni u tar-regoli tal-UE abbażi tal-informazzjoni disponibbli bħalissa turi li għall-inqas f’aspett wieħed l-Istati Membri jżommu l-kompetenza, it-talba tal-Kummissjoni għandha tiġi miċħuda. Ma huwiex meħtieġ, għall-finijiet ta’ dawn il-proċeduri, li tittieħed deċiżjoni dwar definizzjoni ċara ta’ min huwa kompetenti jinnegozja eżattament xiex. Dan lanqas ma jidher li huwa possibbli.

144. Fl-opinjoni tiegħi l-Kummissjoni ma stabbilixxietx għaliex, skont l-Artikolu 3(2) TFUE, l-Unjoni Ewropea għandha kompetenza esklużiva li tinnegozja l-Konvenzjoni fl-intier tagħha.

145. Mingħajr dubju huwa minnu li l-liġijiet tal-UE jkopru parti kunsiderevoli ta’ x’inhu li għandu jkun innegozjat fil-Konvenzjoni. Madankollu, dak il-fatt ma huwiex suffiċjenti waħdu biex wieħed jikkonkludi li l-kriterju tal-Artikolu 3(2) TFUE huwa ssodisfatt (108).

146. Nibda bid-drittijiet esklużivi ta’ organizzazzjonijiet tax-xandir.

147. Huwa minnu li d-drittijiet tal-Konvenzjoni dwar iffissar, riproduzzjoni, trażmissjoni mill-ġdid b’mezzi mingħajr fili, tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, komunikazzjoni f’postijiet aċċessibbli għall-pubbliku bi ħlas ta’ tariffa ta’ dħul u distribuzzjoni aktarx li għandhom ikunu bbażati fuq liġijiet tal-UE eżistenti li jarmonizzaw il-protezzjoni tad-drittijiet ta’ organizzazzjonijiet tax-xandir (109). Fil-prinċipju dak il-fatt qisu jissuġġerixxi li l-Unjoni Ewropea, għalhekk, għandha kompetenza esklużiva li tinnegozja dawk il-partijiet tal-Konvenzjoni minħabba li l-Istati Membri ma jistgħux jieħdu impenji internazzjonali li jistgħu jimminaw l-għaqda u l-applikazzjoni uniformi tal-liġijiet tal-UE. Madankollu, sakemm il-liġijiet tal-UE jistabbilixxu biss standards minimi ta’ protezzjoni u l-Konvenzjoni tirriproduċi dawk l-istandards, l-Istati Membri jistgħu jibqgħu kompetenti li jinnegozjaw il-Konvenzjoni.

148. Il-liġijiet tal-UE jistabbilixxu standards minimi?

149. Hekk jagħmlu b’mod ċar fir-rigward tad-dritt ta’ trażmissjoni mill-ġdid b’mezzi mingħajr fili u tad-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku stabbilit fl-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2006/115.

150. Għalhekk, il-liġijiet tal-UE għadhom ma jirregolawx “għall-inqas” id-dritt ta’ trażmissjoni mill-ġdid bil-fili jew bil-cable, filwaqt li l-Konvenzjoni tista’ tagħmel hekk u l-Istati Membri bħalissa huma awtorizzati jipprovdu għaliha fil-ġurisdizzjoni tagħhom stess. Jekk jagħmlux hekk b’inizjattiva tagħhom stess jew minħabba impenn internazzjonali ma tagħmilx differenza f’dak ir-rigward. Lanqas ma huwa rilevanti jekk dik il-protezzjoni usa’ hijiex ikkaratterizzata bħala dritt ġdid jew kamp usa’ għal applikazzjoni ta’ dritt eżistenti. Il-fatt hu li l-liġijiet tal-Unjoni Ewropea jgħidu espressament li l-Istati Membri għandhom kompetenza jwessgħu l-protezzjoni li għandha tingħata lil detenturi ta’ drittijiet fir-rigward ta’ trażmissjoni mill-ġdid bħala distinta mid-drittijiet l-oħra koperti mid-direttivi rilevanti tal-UE. L-istess raġunament għandu japplika għad-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku barra minn postijiet aċċessibbli għall-pubbliku bi ħlas ta’ tariffa ta’ dħul (pereżempju fi ħwienet jew restoranti), kieku l-Konvenzjoni kellha tkopri dak id-dritt. Madankollu, ma sibt xejn fid-dokumentazzjoni disponibbli li tindika li l-Konvenzjoni tista’ twessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt ta’ komunikazzjoni b’dan il-mod. Għalhekk ma għandhiex titqies għall-finijiet tal-ewwel motiv.

151. Xi ngħidu dwar id-drittijiet ta’ ffissar, riproduzzjoni, distribuzzjoni u tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku?

152. Fl-opinjoni tiegħi, il-liġijiet tal-UE jagħmlu iktar milli jistabbilixxu standards minimi ta’ protezzjoni għal dawk id-drittijiet, billi jqisu l-istat attwali tal-iżviluppi teknoloġiċi li jippermettu li jsiru xandiriet. F’dak ir-rigward, il-premessi 6 u 7 tal-preambolu tad-Direttiva 2001/29 (li tkopri, inter alia, id-drittijiet ta’ riproduzzjoni u t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku) jagħmluha ċara li dawk id-drittijiet jagħmlu parti minn qafas leġiżlattiv armonizzat li għandu l-għan li jkunu evitati differenzi leġiżlattivi bejn l-Istati Membri u inċertezzi legali li jistgħu jolqtu ħażin il-funzjonament tas-suq intern. Filwaqt li d-Direttiva 2006/115 ma fihiex premessi simili, l-għan ġenerali tagħha huwa l-istess u għandha l-istess bażi legali bħad-Direttiva 2001/29. Għalhekk, skont il-liġijiet tal-Unjoni Ewropea, organizzazzjonijiet tax-xandir jingħataw dritt esklużiv li jawtorizzaw jew li jipprojbixxu l-iffissar tax-xandiriet tagħhom (li huwa l-ewwel reġistrazzjoni ta’ sinjal) irrispettivament minn jekk ix-xandiriet ikunux trażmessi bil-fili jew bl-ajru, inkluż bil-cable jew bis-satellita. Dak jidher li jkopri kull forma ta’ trażmissjoni. Madankollu, l-Istati Membri ma jitħallewx jagħtu dak id-dritt ta’ ffissar lil distributuri bil-cable li jittrażmettu biss bil-cable ix-xandiriet ta’ organizzazzjonijiet tax-xandir. Huwa dak l-iffissar li huwa s-suġġett tad-dritt esklużiv ta’ awtorizzazzjoni jew projbizzjoni tar-riproduzzjoni diretta jew indiretta u tad-dritt esklużiv ta’ distribuzzjoni biex l-iffissar tax-xandiriet tagħhom ikun disponibbli, inklużi kopji tagħhom lill-pubbliku b’bejgħ jew xorta oħra. Għalhekk, għal dawk id-drittijiet, il-liġijiet tal-Unjoni Ewropea ma jħallu l-ebda possibbiltà lill-Istati Membri biex jistabbilixxu livell differenti ta’ protezzjoni. Il-prinċipju ERTA, għalhekk, japplika sħiħ għal dawk il-partijiet tan-negozjati. L-Unjoni Ewropea għandu jkollha kompetenza esklużiva — ukoll jekk il-Konvenzjoni sempliċiment ser tirriproduċu bl-eżatt dawk il-partijiet tal-liġijiet tal-UE, jiġifieri, ser tagħmel tagħha l-liġijiet tal-UE.

153. Madankollu, analiżi identika ma tistax tkun applikata għal dritt li jista’ jkun hemm mill-Konvenzjoni għall-protezzjoni ta’ sinjali li jġorru programmi qabel ix-xandir. Bħalissa l-liġijiet tal-UE joffru protezzjoni biss jekk ikun jista’ jintwera li s-serq ta’ sinjali bħal dawn kien jinvolvi evitar ta’ kull miżura teknoloġika effettiva skont it-tifsira tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2001/29. Iżda dik il-protezzjoni jidher li jeħtiġilha li l-miżuri inkwistjoni jkunu tfasslu biex ma jipprevjenux jew jirrestrinġux atti li fir-rigward tagħhom ikun hemm detentur ta’ dritt li jkollu dritt jawtorizza (110). Madankollu, il-liġijiet tal-UE ma jeżiġux li l-Istati Membri jagħtu lil organizzazzjonijiet tax-xandir id-dritt li ma jħallux li jkun hemm aċċess jew użu tas-sinjali tagħhom li jġorru programmi qabel ix-xandir.

154. Abbażi tad-dokumentazzjoni disponibbli, huwa diffiċli ssir valutazzjoni ta’ f’liema forma l-Konvenzjoni għandha tipproteġi sinjali bħal dawn. Possibbiltà waħda hija li jitwessgħu d-definizzjonijiet rilevanti (111). Għażliet oħra jinkludu li sinjali bħal dawn ikunu suġġetti għad-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni ta’ miżuri teknoloġiċi (biex b’hekk jitneħħew ftit mir-restrizzjonijiet li japplikaw fil-liġijiet tal-UE li jagħtu protezzjoni legali biss fir-rigward ta’ atti li jeħtieġu l-awtorizzazzjoni tad-detentur ta’ dritt) jew li jsiru arranġamenti għal organizzazzjonijiet tax-xandir biex dawn ikollhom ukoll protezzjoni kontra atti koperti minn, pereżempju, drittijiet ta’ ffissar, riproduzzjoni, trażmissjoni mill-ġdid, tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku jew komunikazzjoni lill-pubbliku b’rabta ma’ sinjali qabel ix-xandir (112). Kieku kellu jittieħed wieħed minn dawn l-approċċi, l-Unjoni Ewropea jkollha kompetenza esklużiva.

155. Madankollu, jekk in-negozjati jiffokaw minflok fuq li jkun stabbilit dritt separat dwar il-protezzjoni ta’ sinjali li jġorru programmi qabel ix-xandir u f’forma differenti minn dawk li għadni kif iddeskrivejt, imbagħad ma jkunx ovvju għalija għaliex, abbażi tal-informazzjoni disponibbli, l-Unjoni Ewropea għandu jkollha kompetenza esklużiva. Il-fatt li s-sinjal jista’ jkun fih materjal kopert mid-drittijiet tal-awtur li l-protezzjoni tiegħu tkun diġà suġġetta għal-liġijiet tal-UE, ma jfissirx li dritt separat ta’ organizzazzjonijiet tax-xandir għandu b’xi mod jolqot dawk id-drittijiet tal-awtur ħlief biex itejjeb l-effikaċja tiegħu. Lanqas ma huwa suffiċjenti li dritt bħal dan jista’ jtejjeb l-effikaċja ta’ drittijiet eżistenti tal-Unjoni Ewropea ta’ organizzazzjonijiet tax-xandir li, bħalissa, fil-prinċipju, “jibdew iseħħu” biss fil-mument tal-iffissar ta’ sinjal u possibbilment irrispettivament minn jekk ix-xandir ikollux materjal protett mid-drittijiet tal-awtur jew materja prima. Dak huwa l-każ għal drittijiet skont id-Direttiva 2001/29 u d-Direttiva 2006/115. Dwar id-Direttiva 93/83, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dik id-direttiva huwa ddeterminat mid-definizzjonijiet fl-Artikolu 1 li l-ewwel paragrafu tagħha jispjega li s-satelliti għandhom jaħdmu fuq faxxi ta’ frekwenza li jkunu riservati għax-xandir ta’ sinjali għal riċezzjoni mill-pubbliku jew li jkunu riservati għal komunikazzjoni individwali privata. Dwar it-tieni tip ta’ sinjal, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li madankollu huwa meħtieġ li jkun hemm riċezzjoni individwali f’ċirkustanzi komparabbli ma’ dawk li japplikaw għall-ewwel tip (113). Iżda, kif nifhimha jiena, il-karatteristika essenzjali ta’ sinjali li jġorru programmi qabel ix-xandir hija li dawn (is-soltu mhux bħal programmi li huma jġorru) ma humiex maħsubin għall-pubbliku.

156. Il-liġijiet tal-UE ma jiddefinixxux it-terminu “organizzazzjonijiet tax-xandir”, għalkemm huwa ovvju li dawn jistgħu jkunu deskritti bħala d-detenturi tad-dritt fir-rigward ta’ xandiriet protetti skont id-Direttiva 93/83, id-Direttiva 2001/29 u d-Direttiva 2006/115. Iżda l-liġijiet tal-UE ma jiħdux pożizzjoni dwar jekk organizzazzjonijiet ta’ webcasting, simulcasting jew li jittrażmettu sinjali f’xi format ieħor ġdid (bħala riżultat ta’ żviluppi teknoloġiċi) għandhomx ikunu kkaratterizzati bħala detenturi ta’ drittijiet skont dawk id-direttivi. Skont kif ikunu fformulati, definizzjonijiet ta’ termini bħal dawn jistgħu jolqtu l-qasam kollu tal-liġijiet tal-UE li jirregolaw id-drittijiet ta’ organizzazzjonijiet tax-xandir, inklużi dawk id-drittijiet li fir-rigward tagħhom il-liġijiet tal-UE jgħidu espressament li l-Istati Membri jistgħu joffru protezzjoni usa’ lil detenturi ta’ drittijiet (mingħajr ma jissuġġerixxu li l-Istati Membri jistgħu wkoll huma nfushom iwessgħu l-kategorija ta’ detenturi ta’ drittijiet). Jekk id-definizzjoni fil-Konvenzjoni toħloq kategorija assoluta li tkun usa’ minn organizzazzjonijiet tax-xandir, li jkunu detenturi ta’ drittijiet skont id-direttivi msemmija, il-ħolqien ta’ dik il-kategorija tista’ possibbilment tillimita l-libertà tal-Unjoni Ewropea li tiddeċiedi dwar id-definizzjoni tagħha stess. Dak jista’ ma jkunx il-każ jekk id-definizzjoni fil-Konvenzjoni ma tkunx eżawrjenti u ma tkunx toffri protezzjoni lil entitajiet ħlief lil detenturi eżistenti ta’ drittijiet skont il-liġijiet tal-UE.

157. Limitazzjonijiet u eċċezzjonijiet huma ċirkoskritti b’attenzjoni u jidher li huma elenkati b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/29 u fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2006/115. Jien u naqra dawk id-dispożizzjonijiet, nara li jipprovdu sett fiss ta’ eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet, u kull libertà tal-Istati Membri li jaġixxu hija ristretta skont dik il-lista. Għalhekk l-Istati Membri ma jistgħux jimminaw dawk ir-regoli tal-UE billi jieħdu impenji awtonomi internazzjonali.

158. Dwar l-infurzar ta’ drittijiet, naqbel mal-Kummissjoni li ma hemm xejn fid-dokumentazzjoni disponibbli li jissuġġerixxi li l-Konvenzjoni ser ikollha dispożizzjonijiet dwar sanzjonijiet kriminali. Dwar dan, ma hiniex imħejji nittratta karta informali tal-President tal-Kumitat as-hoc għan-negozjati tad-WIPO paralleli pendenti bħala prova tal-kamp ta’ applikazzjoni potenzjali ta’ negozjati dwar il-Konvenzjoni. Filwaqt li l-Istati Membri għandhom diskrezzjoni kunsiderevoli li jistabbilixxu rimedji (mhux sanzjonijiet kriminali biss, ukoll meta jkunu ttieħdu miżuri abbażi tal-Artikolu 83(2) TFUE) f’każ ta’ ksur ta’ drittijiet relatati ta’ organizzazzjonijiet tax-xandir, l-eżerċizzju ta’ dik id-diskrezzjoni jkun suġġett għal-liġijiet tal-UE.

159. Dwar il-perjodu ta’ protezzjoni, il-liġijiet tal-UE jistabbilixxu kemm iddum il-protezzjoni u l-Istati Membri ma humiex liberi li ma jżommux ma’ dak ir-rekwiżit.

160. Iż-żewġ oqsma li baqa’ huma dwar il-protezzjoni ta’ miżuri teknoloġiċi u informazzjoni dwar l-immaniġġjar ta’ drittijiet. Għadu mhux magħruf jekk il-Konvenzjoni tistax tmur lil hinn mill-acquis tal-Unjoni Ewropea jew tistabbilixxi standard minimu u kif tista’ tiddefinixxi “miżuri teknoloġiċi” u “informazzjoni dwar l-immaniġġjar ta’ drittijiet”. Filwaqt li l-Istati Membri jidhru li jżommu xi kompetenza skont liġijiet tal-UE biex jiddeċiedu dwar l-għamla ta’ protezzjoni legali “adegwata”, l-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva 2001/29 huma, madankollu, maħsubin biex jipprovdu protezzjoni legali armonizzata. Isegwi li wkoll kieku l-Konvenzjoni kellha tirripproduċi bl-eżatt il-kontenut ta’ dawk id-dispożizzjonijiet tal-liġijiet tal-Unjoni Ewropea, l-Unjoni Ewropea jkollha kompetenza esklużiva.

161. Dawn il-kunsiderazzjonijiet iwassluni biex nikkonkludi li l-Kummissjoni ma stabbilietx li, fiċ-ċirkustanzi kif inhuma fil-preżent, l-Unjoni Ewropea għandha kompetenza esklużiva għal-Konvenzjoni fl-intier tagħha.

162. Dik il-konklużjoni tinbidel minħabba l-impatt li jista’ jkun hemm mill-Konvenzjoni fuq partijiet oħra tal-liġi tal-Unjoni Ewropea dwar il-proprjetà intellettwali?

163. Il-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l-liġi tal-Unjoni Ewropea dwar il-proprjetà intellettwali fis-sens li kunċetti hemmhekk għandhom tifsira awtonoma għall-Unjoni Ewropea (114), sikwit jintużaw f’kuntesti differenti u għandhom jinqraw fl-isfond ta’ regoli rilevanti tad-dritt internazzjonali (115), kemm jekk ikunu ġejjin minn ftehimiet internazzjonali li tagħhom l-Unjoni Ewropea tkun parti (u huma, għalhekk, parti integrali mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni Ewropea) kif ukoll jekk jolqtu l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni Ewropea b’mod indirett (bħal fil-każ tal-Konvenzjoni ta’ Ruma). Għalhekk il-Kummissjoni hija korretta meta targumenta li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-missjoni li tiżgura l-koerenza fl-interpretazzjoni tal-liġi dwar il-proprjetà intellettwali, u b’mod partikolari l-liġi dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati (116). F’dak il-kuntest u sakemm ma jkunx ipprovdut mod ieħor, termini li ma jkunux iddefiniti f’direttiva waħda jista’ jkun jeħtiġilhom li jkunu interpretati fid-dawl ta’ direttiva oħra, partikolarment meta żewġ direttivi jkunu dwar aspetti separati tal-istess suġġett bħal, pereżempju, id-Direttiva 93/83 u d-Direttiva 2001/29.

164. Madankollu, dak ma jfissirx li l-Qorti tal-Ġustizzja tittrasponi b’għajnejha magħluqa t-tifsira ta’ kunċett minn kuntest wieħed għal ieħor (117). Għalhekk, jekk il-Konvenzjoni kellha testendi l-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku biex b’hekk ikun japplika wkoll għal komunikazzjoni f’postijiet minbarra dawk aċċessibbli b’tariffa ta’ dħul, dak ma jibdilx awtomatikament il-kamp ta’ applikazzjoni tal-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku” f’partijiet oħra tal-liġi tal-UE dwar il-proprjetà intellettwali meta l-kunċett, f’kull każ, ikun jista’ jiġi ċirkoskritt b’kundizzjonijiet separati.

165. Huwa rilevanti wkoll li, skont il-Konvenzjoni ta’ Ruma, kif ukoll il-liġijiet tal-UE li jirregolaw drittijiet ta’ organizzazzjonijiet tax-xandir, il-protezzjoni ta’ organizzazzjonijiet tax-xandir ma tistax tkun ta’ ħsara jew b’mod ieħor tolqot id-drittijiet tal-awtur. Il-Kummissjoni ma stabbilixxietx kif it-twessigħ tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-protezzjoni jew kif drittijiet ġodda għal organizzazzjonijiet tax-xandir kienu ser jolqtu d-drittijiet tal-awtur, filwaqt li drittijiet eżistenti (li jidhru li huma maħsubin li jkunu “riprodotti bl-eżatt” fil-Konvenzjoni) ma jistgħux.

166. Għalhekk jiena nibqa’ tal-fehma li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx, fiċ-ċirkustanzi kif inhuma fil-preżent, li l-Unjoni Ewropea għandha kompetenza esklużiva tinnegozja kull parti tal-Konvenzjoni. Nixtieq nagħmilha ċara li din il-konklużjoni jista’ jkun jeħtiġilha titqies mill-ġdid hekk kif iktar elementi tal-kontenut tal-Konvenzjoni jsiru magħrufin, jekk ikun ċar li l-konklużjoni tal-Konvenzjoni fl-intier tagħha “tista’ tolqot regoli komuni jew tibdel il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom” skont it-tifsira tal-Artikolu 3(2) TFUE.

 It-tieni motiv: L-Artikolu 218(2) TFUE flimkien mal-Artikolu 13(2) TUE

 L-Argumenti

167. Il-Kummissjoni tissottometti li d-Deċiżjoni tikser kemm l-Artikolu 218(2) TFUE, li skontu huwa l-obbligu tal-Kunsill waħdu li jawtorizza l-ftuħ tan-negozjati dwar ftehim internazzjonali u li jadotta direttivi ta’ negozjati, kif ukoll l-Artikolu 13(2) TUE, li kien interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C‑27/04 li jfisser li l-Kunsill ma jistax juża proċeduri alternattivi (118). Il-Kunsill ma jistax jidderoga unilateralment mill-proċedura tal-Artikolu 218(2) TFUE billi jinkludi lill-Istati Membri, li jaġixxu kollettivament fil-Kunsill, fil-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet minnu. Il-Parlament jagħti l-appoġġ tiegħu lill-motiv tal-Kummissjoni.

168. Il-Kunsill, bl-appoġġ tal-intervenjenti Stati Membri, jargumenta li ma tagħmel ebda differenza jekk il-ftuħ tan-negozjati jkunx awtorizzat minn deċiżjoni “ibrida” waħda jew minn żewġ deċiżjonijiet separati adottati mill-Kunsill u mill-Istati Membri rispettivament. Iżid jgħid li f’dan il-kuntest deċiżjoni tal-Istati Membri li jidħlu għal negozjati ta’ trattat hija msejsa fuq id-dritt internazzjonali pubbliku, b’mod partikolari l-prinċipju ta’ kunsens, u mhux fuq l-Artikolu 218 TFUE jew xi dispożizzjoni oħra tat-Trattati. Tabilħaqq, l-użu ta’ deċiżjoni ibrida f’dawn iċ-ċirkustanzi huwa konsistenti mar-rekwiżit tal-uniformità fir-rappreżentanza internazzjonali tal-Unjoni Ewropea u mal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali.

169. Ir-Renju Unit jargumenta ulterjorment li l-Kummissjoni ma tagħtix kas il-fatt li, meta l-Istati Membri jeżerċitaw kompetenza kondiviża, huma għandhom jaqblu wkoll li jieħdu sehem fin-negozjati biex jilħqu ftehim imħallat. Il-Kummissjoni, għalhekk, għandha żball li d-Deċiżjoni kellha tittieħed biss mill-Kunsill. Iżżid tgħid li, kieku kien hemm żewġ deċiżjonijiet separati, tal-Kunsill u tal-Istati Membri rispettivament, ma kienx ikun hemm ċarezza ikbar dwar liema kienu l-oqsma ta’ kompetenza tal-Istati Membri. Barra dan, l-Artikolu 218(2) TFUE ma jżommx lill-Istati Membri milli jikkooperaw mal-Unjoni Ewropea fin-negozjati ta’ ftehim internazzjonali dwar materji fejn huma jeżerċitaw kompetenzi kondiviżi.

 Evalwazzjoni

170. Fl-opinjoni tiegħi, it-Trattati ma kinux jawtorizzaw l-adozzjoni tad-Deċiżjoni bil-metodu użat (119).

171. Isegwi mit-tqassim tal-kompetenzi esterni li l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri għandhom jikkooperaw fin-negozjar, fil-konklużjoni u fl-implementazzjoni tal-ftehim internazzjonali. Dak l-obbligu joħroġ mir-rekwiżit ta’ għaqda fir-rappreżentanza internazzjonali tal-Unjoni Ewropea (120). Madankollu, kull wieħed minnhom għandhom japplikaw il-proċeduri kostituzzjonali proprji tagħhom għan-negozjar, għall-iffirmar, għall-konklużjoni u għar-ratifika ta’ ftehimiet internazzjonali. L-obbligu ta’ kooperazzjoni ma jbiddilx dak il-fatt. Jekk ftehim internazzjonali jaqa’ fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea, il-proċeduri kostituzzjonali tal-Unjoni Ewropea biss jistgħu japplikaw. Jekk l-Istati Membri jżommu wkoll il-kompetenza, japplika d-dritt nazzjonali tagħhom għall-parteċipazzjoni tagħhom fil-ftehim internazzjonali (u fin-negozjati tiegħu) u l-liġijiet tal-Unjoni Ewropea japplikaw għall-involviment tal-Unjoni Ewropea. Il-fatt li ftehim internazzjonali ikun imħallat ma jbiddilx il-fatt li l-liġijiet tal-UE biss jistgħu jirregolaw il-parteċipazzjoni tal-UE f’dak il-ftehim (u fin-negozjati tiegħu).

172. Kif naraha jiena, l-Artikolu 218(2) TFUE jagħmilha ċara li l-Kunsill biss huwa kompetenti jawtorizza lill-Unjoni Ewropea biex tinnegozja, tadotta direttivi dwar negozjar u biex tawtorizza l-iffirmar u l-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali bejn l-Unjoni Ewropea u pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali. L-Artikolu 218 japplika għall-ftehimiet internazzjonali kollha, irrispettivament minn jekk il-kontenut tagħhom ikunx jaqa’ fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea jew fil-kompetenza li tinqasam mal-Istati Membri. Huwa jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li bihom it-Trattati jawtorizzaw lill-Unjoni Ewropea tidħol għal ftehimiet internazzjonali.

173. L-istrument speċifiku li permezz tiegħu tingħata awtorizzazzjoni bħal din huwa deċiżjoni skont it-tifsira tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE: tkun, għalhekk, torbot fl-intier tagħha u, sakemm tkun indirizzata lill-Kummissjoni, torbot biss lill-Kummissjoni. L-adozzjoni ta’ deċiżjoni bħal din fil-kuntest tal-Artikolu 218 TFUE hija l-prerogattiva tal-Kunsill. L-Istati Membri ma jistgħu jiddeterminaw ebda parti tal-kontenut tagħha jew ikollhom x’jaqsmu mal-adozzjoni tagħha. Lanqas ma jista’ l-Kunsill jiddeċiedi kif l-Istati Membri jorganizzaw l-involviment tagħhom fin-negozjar ta’ ftehim imħallat.

174. Dik l-interpretazzjoni hija kkonfermata minn partijiet oħra tal-Artikolu 218 TFUE, li japplika kemm għal ftehimiet imħallta kif ukoll għal dawk esklużivi. Pereżempju, il-paragrafu 3 jitlob li l-Kummissjoni tippreżenta rakkomandazzjonijiet fir-rigward tal-awtorizzazzjoni lill-Kunsill (u mhux lill-Istati Membri). Ħlief għall-Artikolu 218(11) TFUE (li jitlob Opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja), il-paragrafi l-oħra tal-Artikolu 218 ma jsemmu xejn dwar (rwol għal) l-Istati Membri.

175. Il-Qorti tal-Ġustizzja rriteniet li r-regoli fit-Trattati dwar teħid ta’ deċiżjonijiet minn istituzzjonijiet tal-UE ma humiex “għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri jew tal-istituzzjonijiet infushom” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (121). Għalhekk, skont il-prinċipju ta’ attribuzzjoni fl-Artikolu 13(2) TUE (122), il-Kunsill għandu jaġixxi fil-limiti tal-kompetenza mogħtija lilu u ma jistax minnu nnifsu jinvolvi lill-Istati Membri fi proċedura ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet fejn it-Trattati jipprovdu xorta oħra. Lanqas ma jista’ jibbaża ruħu fuq il-prinċipju ta’ awtonomija organizzattiva biex jikseb dak ir-riżultat. Dak il-prinċipju (bħal prinċipju tal-kooperazzjoni leali) tista’ tibbaża ruħha fuqu biss istituzzjoni li taġixxi fil-limiti tal-kompetenzi tagħha. Id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(2) TFUE tista’ toħroġ biss mill-Kunsill.

176. Ma hinix konvint bl-argument li d-Deċiżjoni ma hija xejn iktar mill-għadd ta’ deċiżjoni mill-Kunsill u ta’ att intergovernattiv tal-Istati Membri. Dak l-argument jissupponi li r-regoli proċedurali tal-Artikolu 218 TFUE jitħarsu b’kull strument formali li l-Kunsill isejjaħ “deċiżjoni” sakemm ikun fih element ta’ deċiżjoni li tkun ġiet adottata skont dak l-Artikolu. Iżda t-Trattati jassumu li l-istituzzjoni li tieħu deċiżjoni tkun responsabbli għall-kontenut kollu.

177. Dwar il-kontenut tad-Deċiżjoni, l-Artikolu 218(2) TFUE ma jipprekludix lill-Kunsill milli jawtorizza lill-Kummissjoni tinnegozja ftehim internazzjonali skont it-tqassim tal-kompetenza fir-rigward ta’ qasam partikolari u milli jipprevedi li dak il-ftehim jista’ jkun imħallat. Iżda lanqas ma jawtorizza lill-Kunsill jiddeċiedi kif l-Istati Membri għandhom jinnegozjaw il-ftehim internazzjonali jekk ikun imħallat (123). Madankollu, dak huwa eżattament li l-punt 3 tad-Deċiżjoni għandu l-għan li jagħmel.

178. Nikkonkludi, għalhekk, li t-tieni motiv għandu jintlaqa’.

 It-tielet motiv: l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 218(8) TFUE u l-Artikolu 16(3) TUE

 L-argumenti

179. Il-Kummissjoni, bl-appoġġ tal-Parlament, tissottometti li, meta adotta d-Deċiżjoni bi qbil komuni, il-Kunsill kiser l-Artikolu 218(8) TFUE, minħabba li d-Deċiżjoni kellha tkun adottata b’maġġoranza kkwalifikata. Dik hija wkoll ir-regola ġenerali ddikjarata fl-Artikolu 16(3) TUE. Meta deċiżjoni tal-UE u deċiżjoni intergovernattiva daħħalhom waħda f’oħra bħala att ibridu, il-Kunsill fil-fatt ċaħħad il-proċedura fl-Artikolu 218(8) TFUE mis-sustanza tagħha, immina l-effikaċja tal-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet, seta’ x’aktarx affettwa l-kontenut tad-Deċiżjoni u ssuġġetta l-adozzjoni tad-Deċiżjoni għall-maġġoranza iktar stretta meħtieġa għall-adozzjoni ta’ att intergovernattiv. Miżuri ta’ armonizzazzjoni fil-liġi tal-proprjetà intellettwali li jtejbu l-protezzjoni tad-drittijiet ta’ organizzazzjonijiet tax-xandir għandhom ikunu adottati skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (votazzjoni b’maġġoranza kkwalifikata). Huwa paradossali li wieħed jieħu l-pożizzjoni, kif għamel il-Kunsill, li l-istess riżultat jista’ jinkiseb permezz ta’ negozjar ta’ ftehim internazzjonali li fih l-Istati Membri kollha jieħu sehem u li għalih tapplika, għalhekk, l-unanimità.

180. Il-Parlament iżid jgħid li att ibridu ma huwiex biss taħlita ta’ żewġ deċiżjonijiet. L-Istati Membri jistgħu jadottaw pożizzjonijiet differenti meta jaġixxu bħala membri tal-Kunsill fir-rigward tal-kompetenza tal-Unjoni Ewropea u meta jaġixxu bħala Stati individwali fir-rigward tal-kompetenzi tagħhom stess. Prattika bħal din għandha r-riskju li timmina l-bilanċ istituzzjonali rifless fl-Artikolu 218 TFUE (b’mod partikolari l-paragrafi 6 u 10) u l-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea (124), li skontu l-Parlament għandu jkun mgħarraf minnufih u b’mod sħiħ fl-istadji kollha tan-negozjati u tal-konklużjoni ta’ ftehimiet internazzjonali fi żmien biżżejjed biex huwa jkun jista’ jesprimi fehma u biex dik il-fehma titqies mill-Kummissjoni.

181. Il-Kunsill, bl-appoġġ tal-Istati Membri intervenjenti, iwieġeb li d-Deċiżjoni kienet adottata b’maġġoranza kwalifikata fir-rigward tal-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea u bi ftehim komuni bejn ir-rappreżentanti tal-Istati Membri fir-rigward tal-kompetenzi tagħhom. Ma jsegwix li l-unanimità kienet ħadet post il-maġġoranza kkwalifikata biex b’hekk tgħawġet ir-regola tal-votazzjoni applikabbli skont l-Artikolu 218 TFEU. Barra dan, il-fatt li ebda delegazzjoni fil-Kunsill ma opponiet id-Deċiżjoni ma jimplikax li r-regoli tal-votazzjoni ma tħarsux. Anki jekk id-Deċiżjoni kienet adottata biss mill-Kunsill, ma setgħux tmexxew negozjati dwar il-Konvenzjoni mingħajr deċiżjoni separata jew awtorizzazzjoni mill-Istati Membri.

 Evalwazzjoni

182. Deċiżjonijiet li jawtorizzaw il-ftuħ ta’ negozjati ta’ ftehim internazzjonali bejn l-Unjoni Ewropea u partijiet terzi għandhom ikunu adottati mill-Kunsill b’maġġoranza kkwalifikata. Dik ir-regola tal-votazzjoni hija ddefinita b’riferiment għall-kontenut tad-deċiżjoni. Ma tagħmel ebda distinzjoni abbażi ta’ jekk il-kompetenza tal-Unjoni Ewropea tkunx kondiviża jew esklużiva. Ir-regola tal-votazzjoni ma tistax, iżda, tapplika għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni li l-kontenut tagħha ma jkunx jaqa’ fil-kompetenza tal-Unjoni Ewropea.

183. Ma hemm xejn fil-proċess li jissuġġerixxi li l-vot fil-Kunsill ma kienx jikkonċerna lill-kontenut kollu tad-Deċiżjoni. Fi kliem ieħor, il-Kunsill applika r-regola tal-votazzjoni għal sett ta’ dispożizzjonijiet indissoċjabbli. F’dak is-sens, dan it-tip ta’ att ibridu ma jitqabbilx ma’ att li, minħabba l-kontenut tiegħu, ikollu żewġ bażijiet legali li waħda minnhom ikun jeħtiġilha l-unanimità u l-oħra maġġoranza kkwalifikata. It-Trattati jipprovdu regola waħda tal-votazzjoni li għandha tkun applikata għad-deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati.

184. Fil-prinċipju hemm tliet għażliet dwar kif id-Deċiżjoni kienet adottata. Il-Kunsill u l-Istati Membri vvutaw dwar id-Deċiżjoni separatament skont regoli tal-votazzjoni separati? Kienet applikata biss l-unanimità, kif tallega l-Kummissjoni? Jew id-Deċiżjoni kollha kienet adottata biss b’maġġoranza kkwalifikata?

185. Fl-opinjoni tiegħi, tkun xi tkun it-tweġiba, id-Deċiżjoni ma setgħetx kienet adottata skont ir-regola tal-votazzjoni tal-Artikolu 218(8) TFUE.

186. It-tielet għażla tista’ tkun eskluża: id-Deċiżjoni ma jistax ikun fiha att intergovernattiv u fl-istess waqt tkun adottata b’maġġoranza kkwalifikata.

187. Il-Kunsill ma għandux kompetenza jawtorizza lill-Istati Membri jinnegozjaw ftehim imħallat u jistabbilixxi d-dettalji tal-metodu li għandu jintuża għal dawk in-negozjati. Għalhekk it-Trattati ma jawtorizzawx l-applikazzjoni tar-regola tal-votazzjoni tal-Artikolu 218(8) TFUE għal deċiżjoni bħal din, u votazzjoni separata (l-ewwel għażla) tista’, għalhekk, ukoll tkun eskluża.

188. Minħabba li d-Deċiżjoni tabilħaqq fiha kemm att intergovernattiv kif ukoll att tal-UE u, madankollu, kienet adottata b’vot wieħed, ma setgħetx kienet adottat b’maġġoranza kkwalifikata. Bilfors kienet approvata unanimanent (it-tieni għażla).

189. Ċertament, huwa minnu li l-unanimità tinkludi maġġoranza kkwalifikata. Iżda dak ma jfissirx li l-unanimità ma tagħmilx differenza lill-kontenut ta’ deċiżjoni. Deċiżjoni li dwarha kulħadd jista’ jaqbel jew li ħadd ma jopponiha ma hijiex neċessarjament l-istess bħal deċiżjoni li maġġoranza kkwalifikata tista’ taqbel dwarha. Pereżempju, il-kontenut ta’ deċiżjoni li tikseb maġġoranza kkwalifikata jista’ jeħtieġlu jkun immitigat biex ikun approvat unanimament jew mingħajr ebda oppożizzjoni.

190. Għalhekk nikkonkludi li t-tielet motiv għandu jintlaqa’ wkoll.

 Ir-raba’ motiv: L-objettivi tat-Trattat u l-obbligu ta’ kooperazzjoni leali tal-Artikolu 13(2) TUE flimkien mal-Artikolu 218(2) TFUE

 L-argumenti

191. Il-Kummissjoni, bl-appoġġ tal-Parlament, tissottometti li, meta adotta d-Deċiżjoni, il-Kunsill kiser l-Artikolu 13(2) TUE, flimkien mal-Artikolu 218(2) TFUE, minħabba li l-Kunsill ma aġixxiex b’konformità mal-objettivi stabbiliti fit-Trattati u ħa deċiżjoni bi ksur tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali. Dawk l-objettivi jinkludu l-ħtieġa li jkun speċifikat kif u minn min għandhom il-kompetenzi tal-UE jkunu eżerċitati f’relazzjonijiet esterni u l-ħtieġa li jkun hemm provvediment għar-rappreżentanza magħquda tal-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni tallega li s-sempliċi adozzjoni ta’ deċiżjoni ibrida timplika per se ksur tal-objettivi tat-Trattati. Bil-mod kif aġixxa, il-Kunsill ċajpar il-personalità tal-Unjoni Ewropea u l-preżenza u l-istatus tagħha fir-relazzjonijiet internazzjonali. Barra dan, skont l-obbligu ta’ kooperazzjoni bejn istituzzjonijiet, il-Kunsill kellu jeżerċita s-setgħat tiegħu biex ma jkunux evitati l-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 218 TFUE u ma kellux jagħti rwol lill-Istati Membri li mhux previst mit-Trattati.

192. Il-Kunsill, bl-appoġġ tal-Istati Membri intervenjenti, jiċħad li d-Deċiżjoni tista’ tħawwad lill-komunità internazzjonali u jissottometti li t-taħwid jinqala’ aktarx mill-fatt li l-Kummissjoni tkun il-parti negozjatriċi unika anki għal affarijiet li jaqgħu fil-kompetenzi tal-Istati Membri. Il-Kunsill jargumenta wkoll li l-Artikolu 218(2) TFUE ma jistax ikun applikat għal ftehimiet internazzjonali li jaqgħu fil-kompetenza tal-Istati Membri u jiċħad li huwa aġixxa kontra l-prinċipju tal-kooperazzjoni leali. Għall-kuntrarju, l-obbligu ta’ kooperazzjoni kien jitlob azzjoni konġunta mill-Kunsill u mill-Istati Membri. Il-Kunsill iġib ukoll l-argument iktar ġenerali li r-raba’ motiv tal-Kummissjoni huwa msejjes l-iktar fuq spekulazzjoni jew preżunzjonijiet.

 Evalwazzjoni

193. Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet ir-rabta bejn, min-naħa l-waħda, il-ħtieġa għall-għaqda u l-konsistenza fir-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni Ewropea u, min-naħa l-oħra, il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali. Il-prinċipju li skontu l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE għandhom jiżguraw kooperazzjoni mill-qrib fin-negozjar, fil-konklużjoni u fl-implementazzjoni ta’ ftehimiet internazzjonali “jirriżulta mir-rekwiżit ta’ unità ta’ rappreżentanza internazzjonali tal-Komunità” (125). Il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali japplika kemm għal azzjoni interna u esterna kif ukoll għal relazzjonijiet interistituzzjonali (126). Japplika irrispettivament minn jekk il-kompetenza esterna tal-Unjoni Ewropea tkunx kondiviża jew esklużiva (127), għalkemm huwa ċar li l-ħtieġa tal-kooperazzjoni hija iktar eżiġenti meta ftehim imħallat ikun jeħtieġlu jiġi nnegozjat u konkluż (128). Għalhekk, fl-istadju bikri tan-negozjati, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri jeħtiġilhom ikunu viġilanti dwar it-tqassim applikabbli tal-kompetenzi. Il-ħtieġa li jkunu ggarantiti l-għaqda u l-konsistenza fir-relazzjonijiet esterni tal-UE hija l-bażi tal-qasam kollu tar-relazzjonijiet esterni (u, tabilħaqq, kienet il-ħsieb wara l-prinċipju ERTA). B’mod partikolari hija tikkonċerna relazzjoni esterna iżda madankollu jista’ jkollha konsegwenzi għall-azzjonijiet interni tal-Unjoni Ewropea.

194. Jekk l-Unjoni Ewropea għandha kompetenza esklużiva li tinnegozja l-Konvenzjoni skont l-Artikolu 3(2) TFUE, kull deċiżjoni li tipprovdi biex l-Istati Membri wkoll jinnegozjaw (parti) minn dak il-ftehim neċessarjament tippreġudika l-Artikolu 218 TFUE u timmina l-kompetenzi u l-azzjonijiet tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea. Tkun, għalhekk, ukoll kontra l-objettivi tat-Trattati. Id-dmir li jitħares it-tqassim tal-kompetenzi (inkluża dik li tinsab fl-Artikolu 2(1) TFUE) u l-prinċipju ta’ attribuzzjoni huma espressjonijiet tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali u, għalhekk, skont l-Artikolu 13(2) TUE ma hijiex meħtieġ konstatazzjoni separata (129).

195. Jekk l-Unjoni Ewropea ma għandhiex kompetenza esklużiva li tinnegozja l-Konvenzjoni kollha, il-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri hija bla dubju kundizzjoni essenzjali biex il-konklużjoni ta’ ftehim imħallat tkun possibbli. Waqt li naċċetta li deċiżjoni konġunta hija espressjoni ta’ aktarx l-eqreb forma ta’ kooperazzjoni, regoli proċedurali ma jistgħux jitwarrbu f’isem il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali. F’dak ir-rigward diġà spjegajt għaliex, fil-fehma tiegħi, it-Trattati ma jawtorizzawx l-adozzjoni ta’ att ibridu. Għalhekk inqis li ma jeħtieġx li ssir konstatazzjoni separata dwar ir-raba’ motiv.

 Spejjeż

196. Il-Kummissjoni rebħet il-kawża. Hija talbet li l-Kunsill ikun ikkundannat iħallas l-ispejjeż tagħha. Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. L-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura jipprovdi li l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li jkunu intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

 Konklużjoni

197. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija hawn fuq, nikkonkludi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha:

–        tannulla d-Deċiżjoni tad-19 ta’ Diċembru 2011 tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri miġbura fil-Kunsill dwar il-parteċipazzjoni tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri tagħha f’negozjati għal Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-protezzjoni tad-drittijiet ta’ organizzazzjonijiet tax-xandir;

–        tordna lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jħallas l-ispejjeż tiegħu stess u dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea; u

–        tordna lill-Gvern Ċek, Ġermaniż, Olandiż, Pollakk u l-Gvern tar-Renju Unit kif ukoll lill-Parlament Ewropew iħallsu l-ispejjeż tagħhom stess.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 – Deċiżjoni tad-19 ta’ Diċembru 2011 tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri miġbura fil-Kunsill dwar il-parteċipazzjoni tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri tagħha f’negozjati għal Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-protezzjoni tad-drittijiet ta’ organizzazzjonijiet tax-xandir. Id-Deċiżjoni ma kinitx ippubblikata; kienet sottomessa f’dawn il-proċeduri bħala Anness mar-rikors tal-Kummissjoni. Ara l-punti 39 sa 43 iktar ’l isfel .


3 – Xi drabi jsir riferiment għalih bħala l-prinċipju ta’ kooperazzjoni ġenwina jew l-obbligu ta’ kooperazzjoni b’bona fide: ara, pereżempju, is-sentenza tal-20 ta’ April 2010, Il‑Kummissjoni vs L-Isvezja (C‑246/07 Ġabra p. I‑3317, punti 70 u 71).


4 – Il-kontenut rilevanti ta’ dan id-dokument, kif ukoll dak tad-dokumentazzjoni l-oħra dwar in-negozjati għall-Konvenzjoni huma deskritti fil-kuntest tal-analiżi tal-ewwel motiv fil-punti 122 sa 139 iktar ’l isfel.


5 – L-akronimi CDMC u MN-S-NR (użati fil-punt 3 iktar ’l isfel ) huma dawk użati mill-Kunsill tal-Ewropa stess.


6 – It-Termini ta’ Referenza tal-2009 kienu ppreżentati f’dawn il-proċeduri bħala anness għall-“Laqgħa ta’ konsultazzjoni dwar il-protezzjoni tad-drittijiet ta’ organizzazzjonijiet tax-xandir” tal-Kunsill tal-Ewropa (Strasbourg, 28 u 29 ta’ Jannar 2010) (iktar ’il quddiem il-“Laqgħa ta’ Konsultazzjoni tal-2010”), Rapport tal-Laqgħa, MC‑S-NR (2010)Misc1rev. Huma disponibbli wkoll fuq is-sit tal-internet tal-Kunsill tal-Ewropa.


7 – Ara r-Rapport tal-Laqgħa tal-2010, iċċitat iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punti 1 u 2.


8 – Ix-xandir huwa essenzjalment l-attività li biha jintbagħat sinjal li jkun fih data ta’ immaġni u/jew ta’ ħoss minn punt wieħed għal ieħor. Is-sinjal ikun vibrazzjoni elettromanjetika u jkun jeżisti biss hekk kif ikun trażmess u, għalhekk, sakemm ikun ġie rċevut. Jista’ jkun irreġistrat (jew “iffissat”) f’għamla partikolari u mbagħad ikun trażmess f’għamla waħda jew f’iktar għamliet differenti (pereżempju, mingħajr fili jew bil-cable) biex jasal għand ir-riċevitur li jista’ jkun, pereżempju, sett tat-televixin, radjo, kompjuter jew smartphone. Dawk ir-riċevituri mbagħad jipproduċu l-output viżiv jew awdjo li jkun fis-sinjal.


9 – Ara r-Rapport tal-Laqgħa tal-2010, iċċitat iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 13.


10 – Is-sinjal li jġorr programm li jintbagħat, pereżempju, mill-post minn fejn iseħħ għal transmiter jew jintbagħat minn organizzazzjoni waħda tax-xandir lil oħra jissejjaħ sinjal li jġorr programm qabel ix-xandir. Sikwit is-sinjal ikun diġitali u jkun maħsub biex jintuża minn organizzazzjonijiet tax-xandir milli biex jasal direttament lill-pubbliku.


11 – Dwar il-kunċett ta’ informazzjoni dwar l-amministrazzjoni ta’ drittijiet, ara l-punt 137 iktar ’l isfel.


12 – Ara, pereżempju, il-Konvenzjoni ta’ Berne għall-Protezzjoni ta’ Xogħlijiet Letterarji u Artistiċi (l-Att ta’ Pariġi tal-1971) (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Berna”) (l-Unjoni Ewropea ma hijiex parti kontraenti iżda, bis-saħħa tal-Artikolu 9(1) tal-Ftehim dwar l-aspetti tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali li jirrigwardaw il-kummerċ (iktar ’il quddiem il-“Ftehim TRIPS”), hija għandha tkun konformi mal-Artikolu 1 sa l-Artikolu 21 (ħlief għall-Artikolu 6a) tal-Konvenzjoni ta’ Berne u l-Appendiċi tagħha); il-Konvenzjoni ta’ Ruma għall-Protezzjoni ta’ Artisti, Produtturi ta’ Fonogrammi u Organizzazzjonijiet tax-Xandir tas-26 ta’ Ottubru 1961 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Ruma”) (l-Unjoni Ewropea ma hijiex parti kontraenti); il-Ftehim Ewropew għall-Protezzjoni ta’ Xandiriet Televiżivi tat-22 ta’ Ġunju 1960 (l-Unjoni Ewropea ma hijiex parti kontraenti); il-Konvenzjoni Ewropea dwar kwistjonijiet dwar il-Liġi dwar id-Drittijiet tal-Awtur u Drittijiet relatati fil-Qafas ta’ Xandir Transkonfinali bis-Satellita tal-11 ta’ Mejju 1994 (l-Unjoni Ewropea hija parti kontraenti); il-Konvenzjoni ta’ Brussell tal-1974 dwar id-Distribuzzjoni ta’ Sinjali li jġorru l-Programmi li huma trażmessi permezz ta’ Satellita (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Brussell tal-1974 dwar is-satelliti”) (l-Unjoni Ewropea ma hijiex parti kontraenti); il-Ftehim TRIPS [li huwa l-Anness 1C tal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (iktar ’il quddiem id-“WTO”)] (l-Unjoni Ewropea hija Membru tad-WTO); dawk il-ftehimiet internazzjonali kienu approvati f’isem il-Komunità Ewropea fir-rigward tal-parti tat-trattati multilaterali tad-WTO li jaqgħu fil-kompetenza tal-Komunitajiet Ewropej bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE (tat-22 ta’ Diċembru 1994) dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986-1994) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 80); it-Trattat tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (iktar ’il quddiem id-“WIPO”) dwar id-Dritt tal-Awtur u t-Trattat tad-WIPO tal-1996 dwar il-Preżentazzjoni u l-Fonogrammi [l-Unjoni Ewropea hija parti kontraenti; it-tnejn kienu approvati f’isem l-Komunità Ewropea bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/278/KE, tas-16 ta’ Marzu 2000, dwar l-approvazzjoni, f’isem il-Komunità Ewropea, tat-Trattat WIPO dwar id-Dritt tal-Awtur u t-Trattat WIPO dwar il-Preżentazzjoni u l-Fonogrammi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 33, p. 208)].


13 – Ara, pereżempju, id-WIPO, il-Kumitat Permanenti dwar id-Drittijiet tal-Awtur u Drittijiet Relatati, id-Dokument ta’ Ħidma għal Trattat dwar il-Protezzjoni ta’ Organizzazzjonijiet tax-Xandir, SCCR/24/10 Corr.


14 – Id-WIPO, il-Protezzjoni tad-Drittijiet ta’ Organizzazzjonijiet tax-Xandir — Sottomessi mill-Komunità Ewropea u mill-Istati Membri tagħha, SCCR/6/2 (3 ta’ Ottubru 2001) (iktar ’il quddiem il-“Proposta tad-WIPO tal-2001”). Proposta addizzjonali dwar id-definizzjoni ta’ “xandir” kienet ippreżentata fl-2003 [ara d-WIPO, l-Artikolu 1a — Proposta sottomessa mill-Komunità Ewropea u mill-Istati Membri tagħha, SCCR/9/12 (24 ta’ Ġunju 2003)]. Dawn id-dokumenti kienu ppreżentati mar-rikors tal-Kummissjoni. Ma saret ebda domanda lill-Qorti tal-Ġustizzja b’rabta mal-kompetenza biex ikun innegozjat u eventwalment konkluż dak it-trattat tad-WIPO.


15 – Iċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 6.


16 – Ara wkoll l-Artikolu 4(1) TUE.


17 –      Ara wkoll id-Dikjarazzjoni Nru 18 b’rabta mad-delimitazzjoni tal-kompetenzi fid-dikjarazzjonijiet mehmużin mal-Att Finali tal-Konferenza Intergovernattiva li adottat it-Trattat ta’ Lisbona.


18 – ĠU 2012, C 326, p. 307.


19 – Direttiva tal-Kunsill 92/100/KEE, tad-19 ta’ Novembru 1992, dwar dritt ta’ kiri u dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 120), kif emendata bid-Direttiva 93/98/KEE, tad-29 ta’ Ottubru 1993, li tarmonizza d-dewmien ta’ protezzjoni ta’ dritijiet tal-awtur u ċerti drittijiet relatati (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 141) u wara bid-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230; id-“Direttiva InfoSoc”) u fl-aħħar nett ikkodifikata u mħassra bid-Direttiva 2006/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 (ĠU L 376, p. 28).


20 – Ara l-punti 28 u 31 iktar ’l isfel.


21 – Direttiva 2006/116/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar il-perjodu ta’ protezzjoni ta’ drittijiet tal-awtur u ta’ ċerti drittijiet relatati (ĠU L 372, p. 12), magħrufa wkoll bħala d-Direttiva dwar il-perjodu ta’ protezzjoni.


22 – Direttiva tal-Kunsill 93/83/KEE, tas-27 ta’ Settembru 1993, dwar il-kordinazzjoni ta’ ċerti regoli dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati ma’ drittijiet tal-awtur applikabbli għal xandir bis-satellita u ritrasmissjoni bil-cable (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 134). Din id-direttiva terġa’ tirreferi għad-Direttiva 92/100 iżda, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2006/115, “[…] [r]eferenzi magħmula għad-Direttiva mħassra [92/100] għandhom jinftiehmu bħala magħmula għal din id-Direttiva [...]”.


23 – Artikolu 5 tad-Direttiva 93/83; Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2001/29 u Artikolu 12 tad-Direttiva 2006/115. Id-Direttiva 2006/116 tistabbilixxi perijodi differenti ta’ protezzjoni għad-drittijiet tal-awtur u għal drittijiet relatati u, għalhekk, ma fihiex dispożizzjoni simili.


24 – Dak id-dritt kien inizjalment stabbilit fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 92/100; iżda d-Direttiva 2001/29 ħassret dik id-dispożizzjoni.


25 – Ara wkoll il‑premessa 58 tal-preambolu tad-Direttiva 2001/29.


26 – Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 2, p. 32).


27 – Ara l‑premessa 7 tal-preambolu tad-Direttiva 2004/48.


28 – Ara l-Artikolu 2(2) u l-premessa 16 tal-preambolu tad-Direttiva 2004/48. Ara wkoll il-premessa 23 fir-rigward tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/29.


29 – Ara l-punt 47 iktar ’l isfel.


30 – Artikolu 2 tad-Deċiżjoni.


31 – Ara, pereżempju, is-sentenzi tat-30 ta’ Ġunju 1993, Il-Parlament vs Il‑Kunsill u Il-Kummissjoni (C‑181/91 u C‑248/91, Ġabra p. I‑3685, punt 13 u l-ġurisprudenza ċċitata) u tat-13 ta’ Lulju 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C‑27/04, Ġabra I‑6649, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata.


32 – F’dak ir-rigward, għandha ssir distinzjoni bejn l-effett legali tad-direttivi dwar negozjar u l-istrument formali li jkun fih att tal-Kunsill li jkun legalment vinkolanti li jkun is-suġġett tar-rikors għal annullament u li fuqu huma msejsa l-erba’ motivi tal-Kummissjoni. Għalhekk, kieku d-Deċiżjoni kellha tkun annullata abbażi ta’ kwalunkwe motiv jew il-motivi kollha, dak jolqot ukoll id-direttivi dwar negozjar minħabba li huma ma jistgħu jipproduċu ebda effett b’rabta ma’ negozjati li s-suġġett tagħhom ma jkunx jaqa’ fil-kompetenza tal-Unjoni Ewropea u/jew li ma kinux awtorizzati kif xieraq. Fi kliem ieħor, huma ma jistgħux jipproduċu effetti (irrispettivament minn jekk ikunux, u jekk ikunu, jorbtu, għaliex eżattament ikunu jorbtu fil-prinċipju) sakemm il-Kummissjoni ma tkunx awtorizzata kif xieraq biex tieħu sehem f’negozjati.


33 – Il-Parlament vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 31, punt 12.


34 – Dik kienet il-kwistjoni fis-sentenza Il-Parlament vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 31. Hemmhekk il-Qorti tal-Ġustizzja rriteniet, fil-punt 14 tas-sentenza tagħha, li d-deskrizzjoni tal-att ma kinitx rilevanti u li l-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni kellha tiġi solvuta billi jkun determinat “[…] jekk, fid-dawl tal-kontenut tiegħu u ċ-ċirkustanzi kollha li fihom kien adottat, l-att inkwistjoni ma huwiex fir-realtà deċiżjoni tal-Kunsill” [traduzzjoni mhux uffiċjali].


35 – Il-Qorti tal-Ġustizzja qalet eżattament hekk fis-sentenza Il-Parlament vs Il-Kunsill u Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 31, fir-rigward ta’ deċiżjoni meħuda mill-Istati Membri iżda adottata mill-Kunsill (ara l-punt 12). Is-sempliċi fatt li deċiżjoni għandha t-tikketta ta’ att tal-Istati Membri miġbura fil-Kunsill (jew tkun att ikkaratterizzat f’termini simili) ma huwiex bażi suffiċjenti biex tkun irrifjutata l-ġurisdizzjoni (punt 14). Ara wkoll, f’kuntest ftit differenti, is-sentenza tat-12 ta’ Mejju 1998, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, (C‑170/96, Ġabra p. I‑2763, punti 12 sa 18).


36 – Sentenza tal-31 ta’ Marzu 1971, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (22/70, Ġabra p. 263) (Ftehim Ewropew dwar it-Trasport Stradali jew “ERTA”).


37 – Ara s-sentenza tad-19 ta’ Marzu 2002, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C‑13/00, Ġabra p. I‑2943, punt 17).


38 – Ġabra 2006, p. I‑1145, punti 148 sa 151.


39 – Ġabra 1993, p. I‑1061, punti 22 sa 26.


40 – Ġabra 2009, p. I‑701, punti 21 u 22.


41 – Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 38.


42 – Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 39.


43 – Ġabra 2002 p. I‑9519 (din hija waħda mis-sentenzi hekk imsejħa “sema miftuħ”).


44 – Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 38.


45 – Sentenza tal-15 ta’ Marzu 2012, SCF Consorzio Fonografici vs Marco Del Corso (C‑135/10, punti 75 u 76).


46 – Sentenza tat-13 ta’ Ottubru 2011, Airfield u Canal Digitaal (Kawżi magħquda C‑431/09 u C‑432/09, Ġabra p. I‑9363, punt 44).


47 – Nixtieq ninnota li ebda parti ma argumentat li l-Konvenzjoni (jew parti(jiet) minnha) taqa’ fil-kompetenza esklużiva esterna tal-Unjoni Ewropea abbażi li, fid-dawl tal-fatt li standards sostantivi ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali jistgħu jkunu l-istess irrispettivament mill-karattru tal-ftehim li fih ikunu jinsabu, drittijiet esklużivi ta’ organizzazzjonijiet tax-xandir u kundizzjonijiet, eċċezzjonijiet, limitazzjonijiet u riżervi dwar dawk id-drittijiet huma koperti mill-Ftehim TRIPS (partikolarment bl-Artikolu 14) u li, wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, l-Unjoni Ewropea issa għandha kompetenza esklużiva fir-rigward tal-politika kummerċjali komuni li, skont l-Artikolu 207(1) TFUE “[…] għandha tkun ibbażata fuq prinċipji uniformi, partikolarment fir-rigward ta’ [...] l-aspetti kummerċjali tal-proprjetà intellettwali […]”. Fir-rigward tat-tifsira ta’ “l-aspetti kummerċjali tal-proprjetà intellettwali”, ara s-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013 Daiichi Sankyo u Sanofi-Aventis Deutschland (C‑414/11, punti 49 sa 61).


48 – Ġabra 2013, punt 77.


49 – Punti 111 sa 117 tal-konklużjoni tal-Avukat Ġenerali Kokott fl-Kawża C‑137/12, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 48.


50 – Eċċezzjoni waħda notevoli hija l-verżjoni Franċiża tal-Artikoli 3(2) u 216(1) TFUE li tuża kliem identiku fiż-żewġ dispożizzjonijiet: “est susceptible d’affecter des règles communes ou d’en altérer la portée”.


51 – Għaldaqstant l-Unjoni Ewropea jkollha kompetenza esterna meta, minkejja li ma tkunx ingħatat espressament, l-adozzjoni ta’ regoli komuni neċessarjament tkun vestita fil-kompetenza tal-Unjoni Ewropea biex hija tikkonkludi ftehimiet internazzjonali relatati mas-suġġett irregolat b’dawk ir-regoli komuni. Fis-sentenza ERTA dawk ir-regoli komuni kienu japplikaw ukoll għat-trasport internazzjonali minn u għal pajjiżi terzi fir-rigward tal-parti tal-vjaġġ li tkun qed issir fuq territorju Komunitarju (ara s-sentenza ERTA, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 36, punt 28). Fis-sentenza Kramer et, kienet ikkonfermata pożizzjoni analoga fil-kuntest tal-kompetenza għall-konservazzjoni ta’ riżorsi bijoloġiċi tal-baħar (3/76, 4/76 u 6/76 Ġabra 1976 p. 1279, punti 30 u 33). Ara wkoll l-Opinjoni 1/76 Ġabra 1977, p. 741, punt 3; l-Opinjoni 2/91, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 39 iktar ’il fuq, punt 7; l-Opinjoni 2/94 tat-8 ta’ Marzu 1996 (Ġabra p. I‑1759, punt 26); u l-Opinjoni 1/03, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 38, punti 114 u 115.


52 – Sentenza ERTA, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 36, punti 17 u 18; ara wkoll, pereżempju, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 43, punt 77.


53 – Sentenza ERTA, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 36, punt 17.


54 – Sentenza ERTA, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 36, punt 31.


55 – Artikolu I‑12(2) tal-Abbozz tat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa, li fuqu l-Artikolu 3(2) TFUE jidher li huwa mmudellat, jgħid li: “L-Unjoni għandu jkollha kompetenza esklużiva sabiex tikkonkludi ftehim internazzjonali meta l-konklużjoni tiegħu […] tolqot att intern tal-Unjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (disponibbli f’http://european-convention.eu.int). Il-Grupp ta’ Ħidma VII tal-Konvenzjoni dwar Azzjoni Esterna, fir-rapport finali tiegħu, irrefera wkoll għar-rikonoxximent tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ “[…] kompetenzi impliċiti esterni Komunitarji meta l-konklużjoni ta’ ftehimiet internazzjonali [kienet] meħtieġa għall-implementazzjoni ta’ politiki interni jew bħala riflessjoni tal-kompetenzi interni tagħha f’oqsma fejn kienet eżerċitat din il-kompetenza bl-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni sekondarja […]” u “[…] rat mertu li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ssir espliċita biex titħaffef l-azzjoni tal-Unjoni f’dinja globalizzata, partikolarment meta tkun ittrattata d-dimensjoni esterna ta’ politiki u azzjoni interni” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (Rapport Finali tal-Grupp ta’ Ħidma VII dwar Azzjoni Esterna CONV 459/02 (16 ta’ Diċembru 2002), punt 18). Ara wkoll IGC 2007 Mandate POLGEN 74 (26 ta’ Ġunju 2007), il-paragrafu 18 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 10.


56 – Ara l-punt 82 u n-noti ta’ qiegħ il-paġna 48 u 49 iktar ’il fuq.


57 – Ara s-sentenza ERTA, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 36, punt 31, u l-Opinjoni 1/03, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 38, punti 122 u 133.


58 – Opinjoni 1/03, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 38, punti 128 u 133.


59 – Ara l-Opinjoni 1/03, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 38, punt 122.


60 – Dik id-dispożizzjoni kienet tgħid: “L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa, ġenerali jew speċjali, biex jassiguraw jassiguraw it-twettiq ta’ l-obbligi li jirrizultaw minn dan it-Trattat jew mid-deċiżjonijiet ta’ l-istituzzjonijiet tal-Komunità, u għandhom jiffaċilitaw l-adempiment tal-missjoni tal-Komunità. Huma m’għandhom jieħdu ebda miżura li tkun tista’ tipperikola r-realizzazzjoni ta’ l-għanjiet ta’ dan it-Trattat.”


61 – Ara wkoll, pereżempju, l-Opinjoni 2/91, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 39, punt 10, u l-Opinjoni 1/03, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 38, punt 119.


62 – Ara, pereżempju, l-Opinjoni 1/94 Ġabra 1994 p. I‑5267, punt 77 (anki l-punt 88), u l-Opinjoni 2/92 Ġabra 1995 p. I‑521, punti 31 u 36. Iżda l-azzjoni ma jeħtiġilhiex tkun fil-qafas ta’ politiki komuni: ara l-Opinjoni 2/91, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 39, punti 10 u 11, u l-Opinjoni 1/03, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 38, punt 118.


63 – Opinjoni 2/91, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 39, punt 25; Il‑Kummissjoni vs Id-Danimarka, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 43, punti 101 u 105; u Opinjoni 1/03, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 38, punti 129 u 130. Fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, strument bħal dan kien jikkonsisti fi klawżola li kienet tgħid li l-ftehim internazzjonali inkwistjoni ma kienx jolqot l-applikazzjoni mill-Istati Membri ta’ liġijiet Komunitarji rilevanti.


64 – Opinjoni 1/03, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 38, punt 131.


65 – F’dak il-każ, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri għandhom, skont ir-rekwiżit tal-għaqda fir-rappreżentanza internazzjonali tal-Unjoni Ewropea, jikkooperaw mill-qrib fin-negozjati, fil-konklużjoni u fl-implementazzjoni tal-impenji meħudin skont il-ftehim internazzjonali: ara, pereżempju, l-Opinjoni 2/00 Ġabra 2001 p. I‑9713, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata.


66 – Ara, pereżempju, l-Opinjoni 1/94, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 62, punti 78 u 79, u Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 43, punt 95.


67 – Ara, pereżempju, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 43, punt 84, l-Opinjoni 1/94, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 62, punt 96, u l-Opinjoni 2/92, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 62, punt 33. Fl-istess waqt, jekk il-liġijiet tal-Unjoni Ewropea jeskludu l-armonizzazzjoni f’qasam, l-Unjoni Ewropea ma tkunx tista’ tikkonkludi ftehim internazzjonali li jipprevedi li madankollu jkun hemm armonizzazzjoni ta’ miżuri leġiżlattivi jew regolatorji tal-Istati Membri f’dak il-qasam: ara l-Opinjoni 1/03, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 38, punt 132.


68 – Ara, pereżempju, is-sentenza tat-23 ta’ April 2009 VTB-VAB u Galatea (Kawżi magħquda C‑261/07 u C‑299/07, Ġabra p. I‑2949, punt 52).


69 – Ara, pereżempju, is-sentenza tal-25 ta’ April 2002, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑52/00 Ġabra p. I‑3827, punt 19) (“[…] il-fatt li [a] Direttiva tipprovdi għal ċerti derogi jew tirreferi f’ċerti każi għad-dritt nazzjonali ma jfissirx li dwar il-materji li hija tirregola l-armonizzazzjoni ma tkunx kompleta” [traduzzjoni mhux uffiċjali]).


70 – Ara, b’mod partikolari, l-Opinjoni 2/91, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 39, punt 25.


71 – Ara, b’mod partikolari, l-Opinjoni 2/91, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 39, punt 26.


72 – Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 43, punti 81 u 82.


73 – Opinjoni 1/03, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 38, punti 121 u 126.


74 – Ara l-Opinjoni 2/91, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 39, punt 25.


75 – Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tizzano fil-Kawża C‑466/98 Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit Ġabra 2002, p. I‑9427, punt 72.


76 – Ara l-Opinjoni 1/03, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 38, punt 126; ara wkoll l-Opinjoni 2/91, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 39, punt 25.


77 – Ara, pereżempju, l-Opinjoni 1/03, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 38, punti 124 u 133. Eżempji ta’ każijiet fejn analiżi bħal din irriżultat fil-konklużjoni li ma kienx hemm kompetenza esklużiva huma miġburin fil-qosor fil-punt 123 tal-Opinjoni 1/03.


78 – Opinjoni 2/91, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 39, punti 25 u 26, u Opinjoni 1/03, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 38, punt 126. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddiskutiet dawn il-fatturi dwar it-test ta’ “qasam li fil-parti l-kbira tiegħu ġa jkun kopert b’regoli Komunitarji”; iżda jkun stramb jekk l-istess fatturi ma kinux japplikaw ukoll f’kuntesti oħra. F’kull każ, il-punt 133 tal-Opinjoni 1/03 jissuġġerixxi applikazzjoni iktar ġenerali.


79 – Ara, pereżempju, l-Opinjoni 1/03, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 38, punt 135.


80 – Ara, pereżempju, l-Opinjoni 1/03, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 38, punt 138.


81 – Ara l-Opinjoni 1/03, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 38, punti 123 u 127, u l-Opinjoni 2/91, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 39.


82 – Ara l-Opinjoni 2/91, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 39, punti 25 u 26, u l-Opinjoni 1/03, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 38, punt 120.


83 – Opinjoni 2/91, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 39, punt 25, u l-Opinjoni 1/03, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 38, punt 126.


84 – Opinjoni 1/03, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 38, punt 128.


85 – Opinjoni 1/03, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 38, punt 133.


86 – Ara, b’mod partikolari, l-Opinjoni 2/91, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 39, punt 18, moqrija fl-isfond tal-Opinjoni 1/03, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 38, punti 123 u 127.


87 – Din il-kawża ma hijiex, iżda, l-uniku preċedent għal sitwazzjoni bħal din. Ara, pereżempju, l-Opinjoni 1/78 Ġabra 1979 p. 2871 (dwar il-kompetenza ta’ dik li qabel kienet il-Komunità biex tinnegozja l-Ftehim Internazzjonali dwar Gomma Naturali li kien is-suġġett ta’ negozjati kontinwi fil-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp) u l-Opinjoni 2/94, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 51 (dwar il-possibbiltà ta’ adeżjoni tal-Komunità għall-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem).


88 – Pereżempju, fl-Opinjoni 1/03, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 38, punt 137, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat il-kompetenza esklużiva tal-Komunità biex tikkonkludi Konvenzjoni ta’ Lugano ġdida billi tibbaża ruħha fuq test li kien ħareġ mir-reviżjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Lugano u mill-Konvenzjoni ta’ Brussell, kif ukoll mid-direttivi dwar negozjar.


89 – Ara wkoll l-Opinjoni 2/94, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 51, punti 10 u 17; l-Opinjoni 1/78, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 87, punt 35; u l-Opinjoni 1/09 Ġabra 2011 p. I‑1137, punt 48.


90 – Opinjoni 1/09, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 89, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata.


91 – Ara wkoll, pereżempju, l-Opinjoni 1/78, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 87, punt 35.


92 – Bl-istess mod li l-użu tal-bażi legali ħażina jista’ jwassal, pereżempju, għal negozjar mill-ġdid ta’ ftehim internazzjonali: ara s-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2006, Il‑Parlament vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni (kawżi magħquda C‑317/04 u C‑318/04, Ġabra I‑4721. Dak ir-riskju ma huwiex uniku, iżda, għall-azzjoni esterna tal-Unjoni Ewropea.


93 – Ara l-Opinjoni 2/91, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 39, punt 36; ara wkoll l-Opinjoni 1/78, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 87, punti 34 sa 36 u l-Opinjoni 1/94, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 62, punt 108.


94 – Dwar ir-raġunijiet għal dak il-progress bil-mod, ara l-Kumitat Permanenti tad-WIPO dwar id-Drittijiet tal-Awtur u Drittijiet Relatati, karta informali mħejjija mill-President tal-Kumitat Permanenti dwar id-Drittijiet tal-Awtur u Drittijiet Relatati (SCCR). Skont id-Deċiżjoni tal-SCCR fis-16 is-Sessjoni (Marzu 2008), SCCR/17/INF/1 (3 ta’ Novembru 2008) (ara l-punti 13 sa 22), dik il-karta kienet sottomessa mar-rikors tal-Kummissjoni.


95 – Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12


96 – Iċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14. Id-definizzjoni ta’ xandir fl-Artikolu 1a tal-Proposta 2003 inkludiet “[…] it-trażmissjoni bil-fili jew bl-ajru, inkluż bil-cable jew bis-satellita, għal riċeviment mill-pubbliku ta’ ħsejjes jew immaġnijiet u ħsejjes jew rappreżentazzjonijiet tagħhom […]” u, b’analoġija, “[…] it-trażmissjoni mill-ġdid simultanja u mhux mibdula fuq netwerks tal-kompjuter tax-xandir tagħha minn organizzazzjoni tax-xandir […]” iżda esklużi “[…] is-sempliċi trażmissjoni mill-ġdid bil-cable ta’ xandiriet ta’ organizzazzjoni tax-xandir, trażmissjonijiet fuq netwerks tal-kompjuter, jew li jkun hemm iffissar ta’ xandiriet […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. L-awturi tal-proposta ddikjaraw espliċitament li huma kienu lesti jiddiskutu dwar jekk kellhomx jiżdiedu definizzjonijiet oħra.


97 – Il-protezzjoni mogħtija tkun, għalhekk, usa’ minn dik offruta fl-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, li ma jagħti ebda protezzjoni minn trażmissjoni bil-cable jew trażmissjoni mill-ġdid differita, u fl-Artikolu 1 tal-Ftehim Ewropew dwar il-Protezzjoni ta’ Xandiriet Televiżivi, li ma jkoprix xandiriet bir-radju u li ma joffri ebda protezzjoni minn trażmissjonijiet mill-ġdid mingħajr fili.


98 – Dak id-dritt mhux maħsub li jkun differenti minn dak li hemm fl-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni ta’ Ruma u fl-Artikolu 1 tal-Ftehim Ewropew dwar il-Protezzjoni ta’ Xandiriet Televiżivi (li huwa, iżda, iktar speċifiku u limitat minħabba li jirreferi għal iffissar ta’ “immaġnijiet statiċi tagħhom”).


99 – Dak id-dritt mhux maħsub li jkun suġġett għal-limitazzjonijiet tad-dritt ta’ riproduzzjoni tal-Artikolu 13(c) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma. L-Artikolu 1 tal-Ftehim Ewropew dwar il-Protezzjoni ta’ Xandiriet Televiżivi fih ukoll dritt ta’ riproduzzjoni.


100 –      L-intenzjoni hija li l-kliem tad-dispożizzjoni jkunu jixbhu dak tad-“Dritt ta’ Komunikazzjoni lill-Pubbliku” fit-Trattati WIPO tal-1996. L-Artikolu 8 tad-Trattat WIPO tal-1996 dwar id-Drittijiet tal-Awtur jgħid: “Mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikoli 11(1)(ii), 11bis(1)(i) u (ii), 11ter(1)(ii), 14(1)(ii) u 14bis(1) tal-Konvenzjoni ta’ Berni, awturi ta’ xogħlijiet letterarji u artistiċi għandhom igawdu d-dritt esklużiv għall-awtorizzazzjoni ta’ kull komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħlijiet tagħhom, b’mezzi bil-fil jew mingħajr fili, inklużi t-tqegħid għad-disposizzjoni tal-pubbliku tax-xogħlijiet tagħhom b’tali mod li l-membri tal-pubbliku jistgħu ikollhom aċċess għalihom minn post u ħin li huma jagħżlu individwalment.” Skont id-dikjarazzjoni miftiehma dwar l-Artikolu 8: “Huwa mifhum illi s-sempliċi provvista ta’ faċilitajiet fiżiċi sabiex tkun tista’ ssir jew issir komunikazzjoni ma tammontax, fiha nnifisha għal komunikazzjoni fis-sens ta’ dan it-Trattat jew tal-Konvenzjoni ta’ Berne. Huwa mifhum ukoll illi xejn fl-Artikolu 8 ma jżomm Parti Kontraenti milli tapplika l-Artikolu 11bis(2).”


101 –      La l-Konvenzjoni ta’ Ruma u lanqas il-Ftehim Ewropew dwar il-Protezzjoni ta’ Xandiriet Televiżivi ma fihom dritt bħal dan. B’kuntrast, it-Trattati WIPO tal-1996 fil-fatt fihom, iżda biss għal kategoriji oħra ta’ detenturi ta’ drittijiet relatati.


102 –      Kemm il-Konvenzjoni ta’ Ruma kif ukoll il-Ftehim Ewropew dwar il-Protezzjoni ta’ Xandiriet Televiżivi għandhom dan id-dritt u l-intenzjoni hija li d-dritt propost fil-Konvenzjoni jkun ibbażat fuq tal-ewwel. Madankollu, il-Konvenzjoni ta’ Ruma ma tipproteġix il-komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xandiriet awdjo.


103 –      Il-Konvenzjoni ta’ Brussell tal-1974 dwar is-satelliti tipproteġi sinjali li jġorru programmi trażmessi bis-satellita iżda ma tkoprix sinjali maħsubin biex ikunu rċevuti direttament mill-pubbliku.


104 –      Dan huwa l-istess perijodu bħal dak mogħti lil detenturi oħra ta’ drittijiet relatati skont it-Trattat WIPO tal-1996 dwar il-Preżentazzjoni u l-Fonogrammi u l-Artikolu 14(5) tal-Ftehim TRIPS.


105 –      Ara l-Artikolu 4(2)(a) TFUE.


106 –      Ara, pereżempju, id-Direttiva 2010/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-10 ta’ Marzu 2010, dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva (Direttiva dwar Servizzi tal-Media Awdjoviżiva) (ĠU L 95, p. 1) jew l-Artikolu 167 TFUE.


107 – Ara, pereżempju, il-premessi 5, 6 u 20 tal-preambolu tad-Direttiva 2001/29 u l-premessi 2 u 4 tal-preambolu tad-Direttiva 2006/115.


108 – Ara l-punt 106 iktar ’il fuq.


109 – Ara l-punti 26 sa 31 iktar ’il fuq.


110 –      Ara, f’dak ir-rigward, is-sentenza tat-23 ta’ Jannar 2014, Nintendo et (C-355/12, punt 25).


111 –      Ara l-punt 156 iktar ’l isfel.


112 –      Ara, pereżempju, l-Artikolu 10 tal-Proposta tad-WIPO tal-2001, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14.


113 –      Sentenza tal-14 ta’ Lulju 2005, LagardèreActive Broadcast (C‑192/04, Ġabra p. I‑7199, punti 24 u 34 sa 36).


114 –      Ara, pereżempju, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, Infopaq International (C‑5/08, Ġabra 2009 p. I‑6569 punti 27 sa 29, iktar ’il qudiem is-“sentenza Infopaq”).


115 –      Ara, pereżempju, is-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2011, Football Association Premier League et il-(Kawżi magħquda C‑403/08 u C‑429/08 Ġabra p. I‑9083, punt 189), u Infopaq, iċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 114, punt 32.


116 –      Ara l-konklużjoni tiegħi fil-kawża li wasslet għas-sentenza tas-27 ta’ Frar 2014, OSA (C‑351/12, punt 25). Ara wkoll, f’dak ir-rigward, is-sentenza SCF, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 45, punti 75 sa 77.


117      Ara, pereżempju, is-sentenza OSA, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 116, punti 35 sa 41.


118 –      Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, iktar ’il fuq iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 31, punt 81.


119 – Id-Deċiżjoni ma hijiex l-uniku eżempju ta’ att ibridu bħal dan. Ara, pereżempju, d-deċiżjoni inkwistjoni fil-proċeduri pendenti fil-Kawża C‑28/12 Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (f’dik il-kawża l-ftehim internazzjonali huwa mħallat).


120 – Ara, pereżempju, is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Isvezja, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 73 u l-ġurisprudenza ċċitata.


121 – Sentenzi tat-23 ta’ Frar 1988, Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill (68/86 Ġabra 1988, p. 855, punt 38, u tas-6 ta’ Mejju 2008, Il-Parlament vs Il-Kunsill (C‑133/06 Ġabra 2008, p. I‑3189, punt 54. Ara wkoll il-Kawża C‑27/04, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 31, punt 81.


122 – Dwar il-prinċipju ta’ attribuzzjoni, ara, pereżempju, Il-Parlament vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 121, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata.


123 – Nixtieq nagħmilha ċara, f’dan il-kuntest, li dawn il-proċeduri ma humiex dwar is-sitwazzjoni fejn Stati Membri jkunu taw kompiti lill-istituzzjonijiet barra mill-qafas tal-Unjoni (ara, dwar dan, is-sentenza tas-27 ta’ Novembru 2012, Pringle (C‑370/12, punti 158 sa 169).


124 – (ĠU 2010, L 304, p. 47).


125 – Il-Kummissjoni vs L-Isvezja, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 73 u l-ġurisprudenza ċċitata.


126 – Ara, pereżempju, is-sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C‑29/99, Ġabra 2002, p. I‑11221, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata).


127 – Il-Kummissjoni vs L-Isvezja, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata.


128 – Il-Kummissjoni vs L-Isvezja, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 73 u l-ġurisprudenza ċċitata, u l-Opinjoni 1/94, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 62, punt 108 u l-ġurisprudenza ċċitata.


129 – Ara wkoll, pereżempju, is-sentenzi tat-30 ta’ Mejju 2006, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C‑459/03, Ġabra 2006, p. I‑4635 (“MOX Plant”), punti 169 sa 171); tad-19 ta’ Mejju 1992, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑195/90, Ġabra 1992, p. I‑3141, punti 36 sa 38); u tal-1 ta’ Marzu 1992, Compagnie Commerciale de l’Ouest et (Kawżi magħquda C‑78/90 sa C‑83/90, Ġabra 1992, p. I‑1847, punt 19.