Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-High Court of Ireland (l-Irlanda) fil-11 ta' Ġunju 2012 - Digital Rights Ireland Ltd vs Minister for Communications, Marine and Natural Resources, Minister for Justice, Equality and Law Reform, The Commissioner of the Garda Síochána, Ireland u l-Attorney General

(Kawża C-293/12)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Qorti tar-rinviju

High Court of Ireland

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Digital Rights Ireland Ltd

Konvenuti: Minister for Communications, Marine and Natural Resources, Minister for Justice, Equality and Law Reform, The Commissioner of the Garda Síochána, Ireland u l-Attorney General

Domandi preliminari

Ir-restrizzjoni fuq id-drittijiet tar-rikorrenti fil-qasam tal-użu tagħha tat-telefonija mobbli li tirriżulta mir-rekwiżiti tal-Artikoli 3, 4 u 6 tad-Direttiva 2006/24/KE  hija inkompatibbli mal-Artikolu 5(4) tat-TUE inkwantu hija sproporzjonata u ma hijiex neċessarja jew inkwantu ma hijiex xierqa sabiex jintlaħqu l-għanijiet leġittimi li:

jiġi żgurat li ċerti data jkunu disponibbli għall-finijiet ta' investigazzjoni fuq reati serji u għall-finijiet ta' identifikazzjoni u prosekuzzjoni ta' dawn tal-aħħar

u/jew

b)    jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern tal-Unjoni Ewropea?

B'mod partikolari,

Id-Direttiva 2006/24/KE hija kompatibbli mad-dritt taċ-ċittadini li jmorru minn post għal ieħor u li joqogħdu liberament fit-territorju tal-Istati Membri, kif stabbilit mill-Artikolu 21 TFUE?

Id-Direttiva 2006/24/KE hija kompatibbli mad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata stabbilit mill-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar 'il quddiem il-"Karta") u mill-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (iktar 'il quddiem il-"KEDB")?

Id-Direttiva 2006/24/KE hija kompatibbli mad-dritt għall-protezzjoni tad-data personali stabbilit mill-Artikolu 8 tal-Karta?

Id-Direttiva 2006/24/KE hija kompatibbli mad-dritt għal-libertà tal-espressjoni stabbilit mill-Artikolu 11 tal-Karta u mill-Artikolu 10 tal-KEDB?

Id-Direttiva 2006/24/KE hija kompatibbli mad-dritt għal amministrazzjoni tajba stabbilit mill-Artikolu 41 tal-Karta?

It-Trattati, u b'mod partikolari l-prinċipju ta' kooperazzjoni leali stabbilit mill-Artikolu 4(3) TUE, sa liema miżura jeżiġu li qorti nazzjonali teżamina u tevalwa l-kompatibbiltà tal-miżuri nazzjonali li jimplementaw id-Direttiva 2006/24/KE mal-garanziji previsti mill-Karta, inkluż l-Artikolu 7 tagħha (kif ritenut fl-Artikolu 8 tal-KEDB)?

____________

1 - Direttiva 2006/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta' Marzu 2006, dwar iż-żamma ta' data ġenerata jew proċessata b'konnessjoni mal-provvista ta' servizzi pubblikament disponibbli ta' komunikazzjoni elettronika jew ta' networks ta' komunikazzjoni pubblika u li temendi d-Direttiva 2002/58/KE (ĠU L 106, p. 54)