SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

19 ta’ Novembru 2014 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Ambjent — Kwalità tal-arja — Direttiva 2008/50/KE — Valuri limitu għad-diossidu tan-nitroġenu — Obbligu li jintalab posponiment tat-terminu ffissat billi jiġi ppreżentat pjan dwar il-kwalità tal-arja — Sanzjonijiet”

Fil-Kawża C‑404/13,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE mressqa mis-Supreme Court of the United Kingdom (ir-Renju Unit), permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Lulju 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta’ Lulju 2013, fil-proċedura

The Queen, fuq talba ta’:

ClientEarth

vs

The Secretary of State for the Environment, Food and Rural Affairs,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, K. Lenaerts, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qed jaġixxi bħala Mħallef tat-Tieni Awla, J.‑C. Bonichot (Relatur), A. Arabadjiev u J. L. da Cruz Vilaça, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-10 ta’ Lulju 2014,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal ClientEarth, minn P. Kirch, avukat, D. Rose, QC, kif ukoll E. Dixon u B. Jaffey, barristers;

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn M. Holt u J. Beeko, bħala aġenti, assistiti minn K. Smith, QC;

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn K. Mifsud-Bonnici u S. Petrova, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4 TUE u tal-Artikoli 13, 22, 23 u 30 tad-Direttiva 2008/50/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ Mejju 2008, dwar il-kwalità tal-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa (ĠU L 152, p. 1).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn ClientEarth, organizzazzjoni mhux governattiva għad-difiża tal-ambjent, u s-Secretary of State for the Environment, Food and Rural Affairs, dwar it-talba ta’ din l-organizzazzjoni sabiex jiġu rriveduti l-pjanijiet dwar il-kwalità tal-arja mħejjija mir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta’ Fuq skont id-Direttiva 2008/50 għal uħud miż-żoni u mill-agglomerazzjonijiet tagħha.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-Direttiva 2008/50

3        Il-premessa 16 tad-Direttiva 2008/50 taqra kif ġej:

“Għal żoni u agglomerazzjonijiet fejn il-kondizzjonijiet huma partikularment diffiċli, għandu jkun possibbli li tiġi posposta l-iskadenza għall-konformità mal-valuri ta’ limitu tal-kwalità ta’ l-arja f’każijiet fejn, minkejja t-twettiq ta’ miżuri tat-tnaqqis tat-tniġġis, jeżistu problemi kbar ta’ konformità f’zoni u agglomerazzjonijiet speċifiċi. Kwalunkwe posponiment għal żona jew agglomerazzjoni partikolari għandha tkun akkompanjata minn pjan komprensiv li għandu jiġi vvalutat mill-Kummissjoni sabiex tkun żgurata l-konformità sa l-iskadenza riveduta. Id-disponibilità ta’ miżuri Komunitarji neċessarji li jirriflettu l-livell ta’ ambizzjoni magħżul fl-Istrateġija Tematika dwar tniġġis fl-arja biex jitnaqqsu l-emissjonijiet fis-sors tagħhom se jkunu importanti biex isir tnaqqis effettiv fl-emissjonijiet sa l-iskadenza stipulata f’din id-Direttiva għall-konformità mal-valuri ta’ limitu, u din għandha titqies meta ssir l-evalwazzjoni tat-talbiet biex jiġu posposti l-iskadenzi għall-konformità.”

4        L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2008/50, intitolat “Suġġett”, jipprovdi:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi miżuri mmirati lejn dan li ġej:

1.      id-definizzjoni u d-determinazzjoni ta’ objettivi fir-rigward tal-kwalità ta’ l-arja fl-ambjent maħsuba sabiex jevitaw, jimpedixxu jew inaqqsu l-effetti ta’ ħsara fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent kollu;

[...]”

5        L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2008/50, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

[...]

5.      ‘valur ta’ limitu’ tfisser livell fiss fuq il-bażi tal-konoxxenza xjentifika, bil-għan li jkunu evitati, prevenuti jew jitnaqqsu l-effetti ta’ ħsara fuq is-saħħa tal-bniedem u/jew l-ambjent kollu, li għandu jintlaħaq f’perijodu partikolari u li ma għandux jinqabeż ladarba jintlaħaq;

[...]

7.      ‘marġni ta’ tolleranza’ tfisser il-perċentwal tal-valur ta’ limitu li bih jista’ jinqabeż suġġett għall-kondizzjonijiet stipulati f’din id-Direttiva;

8.      ‘pjanijiet dwar il-kwalità ta’ l-arja’ tfisser pjanijiet li jistabbilixxu miżuri sabiex jintlaħqu l-valuri ta’ limitu jew il-valuri mmirati;

[...]”

6        L-Artikolu 13 tad-Direttiva 2008/50, intitolat “Valuri ta’ limitu u l-limiti ta’ allert għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bnedmin”, jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fiż-żoni u l-agglomerazzjonijiet kollha tagħhom, il-livelli tad-dijossidu tal-kubrit, PM10, iċ-ċomb u l-monossidu tal-karbonju fl-arja ta’ l-ambjent ma’ jaqbżux il-valuri ta’ limitu stabbiliti fl-Anness XI.

Fir-rigward tad-dijossidu tan-nitroġenu u l-benżina, il-valuri ta’ limitu speċifikati fl-Anness XI ma jistgħux jinqabżu mid-dati speċifikati fih.

Il-konformità ma’ dawn ir-rekwiżiti għandha tiġi valutata skont l-Anness III.

Il-marġini ta’ tolleranza stabbiliti fl-Anness XI għandhom japplikaw skont l-Artikolu 22(3) u l-Arikolu 23(1).

[...]”

7        L-Artikolu 22 tad-Direttiva 2008/50, intitolat “Posponiment tat-termini perentorji għall-kisba ta’ l-objettiv u l-eżenzjoni mill-obbligu ta’ l-applikazzjoni ta’ ċerti valuri ta’ limitu”, jipprovdi:

“1.      Fejn, f’żona jew agglomerazzjoni partikolari, il-konformità mal-valuri ta’ limitu fir-rigward tad-dijossidu tan-nitroġenu jew il-benżina ma jistgħux jinkisbu sat-termini perentorji speċifikati fl-Anness XI, Stat Membru jista’ jipposponi dawk it-termini perentorji sa massimu ta’ ħames snin għal dik iż-żona jew agglomerazzjoni partikolari, sakemm ikun ġie stabbilit pjan dwar il-kwalità tal-arja skont l-Artikolu 23 għaż-żona jew agglomerazzjoni li għalihom japplika l-posponiment; tali pjan dwar il-kwalità ta’ l-arja għandu jiġi supplimentat mill-informazzjoni esposta fit-Taqsima B ta’ l-Anness XV dwar is-sustanzi li jniġġsu kkonċernati u għandu juri kif il-konformità mal-valuri ta’ limitu għandha tintlaħaq qabel it-terminu perentorju l-ġdid.

[...]

3.      Fejn Stat Membru japplika l-paragrafi 1 jew 2, hu għandu jiżgura li l-valur ta’ limitu għal kull sustanza li tniġġes ma jinqabiżx b’aktar mill-marġni massimu tat-tolleranza speċifikat fl-Anness XI għal kull sustanza li tniġġes konċernata.

4.      L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni [Ewropea] meta, fil-fehma tagħhom, il-paragrafi 1 jew 2 japplikaw, u għandhom jikkomunikaw il-pjan dwar il-kwalità ta’ l-arja msemmi fil-paragrafu 1 inkluż kull informazzjoni rilevanti meħtieġa għall-Kummissjoni sabiex ikun valutat jekk il-kondizzjonijiet rilevanti humiex sodisfatti. Fil-valutazzjoni tagħha, il-Kummissjoni għandha tieħu kont ta’ effetti stmati fuq il-kwalità ta’ l-arja ambjentali fl-Istati Membri, kemm fil-preżent u kemm fil-ġejjieni, ta’ miżuri li ttieħdu mill-Istati Membri kif ukoll effetti stmati Komunitarji fuq il-kwalità ta’ l-arja ambjentali ta’ miżuri Komunitarji kurrenti u ta’ miżuri Komunitarji pjanati li għandhom jiġu proposti mill-Kummissjoni.

Fejn il-Kummissjoni ma tqajjem l-ebda oġġezzjoni fi żmien disa’ xhur minn meta tiġi riċevuta dik in-notifika, għandhom jitqiesu sodisfatti l-kondizzjonijiet rilevanti għall-applikazzjoni tal-paragrafu 1 jew 2.

Jekk jitqajmu oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni tista’ teħtieġ li l-Istati Membri jaġġustaw jew jipprovdu pjanijiet ġodda dwar il-kwalità ta’ l-arja.”

8        L-Artikolu 23 tad-Direttiva 2008/50, intitolat “Pjanijiet dwar il-kwalità ta’ l-arja”, jipprovdi:

“1.      Fejn, fiż-żoni jew l-agglomerazzjonijiet stipulati, il-livelli ta’ sustanzi li jniġġsu fl-arja ta’ l-ambjent jaqbżu kwalunkwe valur ta’ limitu jew valur immirat, kif ukoll kwalunkwe marġni rilevanti tat-tolleranza f’kull każ, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkunu stabbiliti pjanijiet dwar il-kwalità ta’ l-arja għal dawk iż-żoni u agglomerazzjonijiet sabiex jinkiseb il-valur ta’ limitu jew valur immirat relatati speċifikati fl-Annessi XI u XIV.

Fil-każ ta’ qabżiet ta’ dawk il-valuri ta’ limitu li għalihom id-data ta’ skadenza sabiex jintlaħqu diġà tkun skadiet il-pjan ta’ kwalità ta’ l-arja għandu jistabbilixxi miżuri adegwati, sabiex il-perijodu tal-qabża jkun jista’ jinżamm l-iqsar possibbli. Il-pjan għall-kwalità ta’ l-arja jista’ jinkludi wkoll miżuri speċifiċi li jkollhom il-ħsieb li jipproteġu gruppi sensittivi fil-popolazzjoni, inklużi t-tfal.

Dawk il-pjanijiet għall-kwalità tal-arja għandhom jinkorporaw tal-anqas l-informazzjoni elenkata fit-Taqsima A tal-Anness XV u jistgħu jinkludu miżuri skont l-Artikolu 24. Dawk il-pjanijiet għandhom jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni mingħajr dewmien, iżda mhux aktar tard minn sentejn wara l-aħħar ta’ dik is-sena fejn tkun ġiet osservata l-ewwel qabża.

Fejn għandhom jiġu preparati jew implimentati pjanijiet dwar il-kwalità ta’ l-arja fir-rigward ta’ diversi sustanzi li jniġġsu, l-Istati Membri għandhom, fejn ikun il-każ, jippreparaw u jimplimentaw pjanijiet dwar il-kwalità ta’ l-arja integrati li jkopru l-s-sustanzi li jniġġsu kollha kkonċernati.

2.      L-Istati Membri għandhom, safejn ikun fattibbli, jiżguraw il-konsistenza ma’ pjanijiet oħra meħtieġa skont id-Direttiva 2001/80/KE, id-Direttiva 2001/81/KE jew id-Direttiva 2002/49/KE sabiex jintlaħqu l-objettivi rilevanti fir-rigward tal-ambjent.”

9        L-Artikolu 30 tad-Direttiva 2008/50, intitolat “Pieni [Sanzjonijiet]”, jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-pieni [is-sanzjonijiet] applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa kollha sabiex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-penali previsti jrid ikunu effikaċi, proporzjonati u dissważivi.”

10      Fil-punt B tiegħu, l-Anness XI tad-Direttiva 2008/50, intitolat “Valuri ta’ limitu għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem”, jiffissa għall-1 ta’ Jannar 2010 d-data li fiha l-valuri limitu ta’ diossidu tan-nitroġenu ma għandhomx jinqabżu iżjed.

11      L-Anness XV tad-Direttiva 2008/50, intitolat “Informazzjoni li għandha tkun inkluża fil-pjanijiet lokali, reġjonali jew nazzjonali dwar il-kwalità ta’ l-arja jew għal titjib fil-kwalità ta’ l-arja ta’ l-ambjent”, jispeċifika, fil-punt A tiegħu, l-informazzjoni li għandha tiġi kkomunikata skont l-Artikolu 23 ta’ din id-direttiva u, fil-punt B tiegħu, l-informazzjoni li għandha tiġi kkomunikata skont l-Artikolu 22(1) tagħha.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

12      Id-diossidu tan-nitroġenu huwa gass li joriġina mill-kombustjoni b’temperatura għolja. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li t-traffiku fit-toroq u t-tisħin domestiku huma s-sorsi prinċipali tal-emissjoni tiegħu fil-parti l-kbira taż-żoni urbani tar-Renju Unit.

13      Għall-finijiet tal-evalwazzjoni u tal-ġestjoni tal-kwalità tal-arja taħt il-kundizzjonijiet previsti mid-Direttiva 2008/50, it-territorju tar-Renju Unit inqasam fi 43 żona u agglomerazzjoni fis-sens ta’ din id-direttiva.

14      F’40 minnhom, valur limitu wieħed jew iktar iffissati minn din id-direttiva għad-diossidu tan-nitroġenu nqabżu matul is-sena 2010.

15      Skont l-abbozzi ta’ pjanijiet dwar il-kwalità tal-arja, ippubblikati fid-9 ta’ Ġunju 2011 għal konsultazzjoni pubblika għal 17-il żona u agglomerazzjoni, fosthom “Greater London”, dawn il-valuri limitu kellhom jiġu osservati wara s-sena 2015.

16      Fit-22 ta’ Settembru 2011, il-pjanijiet definittivi ġew sottomessi lill-Kummissjoni, flimkien ma’ talbiet għal estensjoni tat-terminu għal 24 mill-40 żona jew agglomerazzjoni inkwistjoni, skont l-Artikolu 22 tad-Direttiva 2008/50. Dawn il-pjanijiet kienu jispeċifikaw il-kundizzjonijiet li taħthom il-valuri limitu għandhom jiġu osservati sa mhux iktar tard mill-1 ta’ Jannar 2015.

17      B’deċiżjoni tal-25 ta’ Ġunju 2012, il-Kummissjoni laqgħet 9 talbiet għal posponiment tat-terminu b’mod inkondizzjonat, issuġġettat il-kunsens tagħha għall-posponiment tad-data ta’ skadenza għal ċerti kundizzjonijiet fir-rigward ta’ 3 oħra u qajmet oġġezzjonijiet fir-rigward ta’ 12-il żona.

18      Għas-16-il żona jew agglomerazzjoni li l-pjanijiet tagħhom dwar il-kwalità tal-arja jipprevedu l-osservanza tal-valuri limitu għall-perijodu bejn is-snin 2015 u 2025, ir-Renju Unit ma ressaq ebda talba għal estensjoni tat-terminu skont l-Artikolu 22 tad-Direttiva 2008/50 u l-Kummissjoni ma fformulatx osservazzjonijiet fir-rigward tagħhom.

19      ClientEarth talbet lill-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court), sabiex tordna lis-Secretary of State for the Environment, Food and Rural Affairs, jirrevedi l-pjanijiet sabiex jiġu indikati l-kundizzjonijiet li taħthom il-valuri limitu ffissati għad-diossidu tan-nitroġenu ser jiġu osservati, kemm jista’ jkun malajr, u mhux iktar tard mill-1 ta’ Jannar 2015, skont l-Artikolu 22 tad-Direttiva 2008/50.

20      Dik il-qorti ċaħdet din it-talba, billi qieset li, anki jekk ma jkunx osserva l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 13 tad-Direttiva 13 tad-Direttiva 2008/50, Stat Membru ma huwiex obbligat jitlob posponiment tat-terminu ffissat minn din id-direttiva sabiex jiġu osservati l-valuri limitu skont l-Artikolu 22 ta’ din tal-aħħar. Hija żiedet li, fi kwalunkwe każ, tali ordni tista’ toħloq problemi politiċi u ekonomiċi sinjifikattivi u tinvolvi għażliet politiċi li ma jaqgħux taħt il-ġurisdizzjoni tagħha.

21      L-appell minn din id-deċiżjoni ġie miċħud mill-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division), fit-30 ta’ Mejju 2012, liema qorti madankollu awtorizzat lil ClientEarth sabiex tappella quddiem is-Supreme Court of the United Kingdom.

22      Din il-qorti tal-aħħar ikkonstatat li r-Renju Unit ma kkonformax ruħu mal-obbligu li jiġu osservati l-valuri limitu ffissati għad-diossidu tan-nitroġenu previst fl-Artikolu 13 tad-Direttiva 2008/50 fir-rigward tas-16-il żona u agglomerazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Hija kkonstatat ukoll li din il-kawża kienet tqajjem kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni tad-Direttiva 2008/50 li ma kinux ġew indirizzati mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

23      F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Supreme Court of the United Kingdom iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      Meta, fir-rigward tad-Direttiva [2008/50], f’żona jew agglomerazzjoni partikolari, il-valuri ta’ limitu ffissati għad-dijossidu tan-nitroġenu ma jkunux inkisbu sal-1 ta’ Jannar 2010, data prevista fl-Anness XI [ta’ din id-direttiva], Stat Membru huwa obbligat, bis-saħħa [tal-imsemmija direttiva] u/jew tal-Artikolu 4 TUE, li jitlob għal posponiment tat-terminu skont l-Artikolu 22 tad-Direttiva [2008/50]?

2)      Fil-każ ta’ risposta affermattiva, f’liema ċirkustanzi (jekk ikun il-każ) Stat Membru jista’ jiġi eżentat minn dan l-obbligu?

3)      Sa fejn (jekk ikun il-każ) l-obbligi ta’ Stat Membru li ma kkonformax mal-Artikolu 13 [tad-Direttiva 2008/50] huma affettwati mill-Artikolu 23 [ta’ din tal-aħħar, u b’mod partikolari mill-paragrafu 2 tiegħu]?

4)      Fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità [ma’ wieħed jew mal-ieħor minn dawn l-Artikoli 13 u 22], liema huma l-miżuri (jekk ikun il-każ) li qorti nazzjonali għandha tieħu fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni sabiex tikkonforma mar-rekwiżiti tal-Artikolu 30 tad-Direttiva [2008/50] u/jew tal-Artikolu 4 jew tal-Artikolu 19 TUE?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel u t-tieni domandi

24      Permezz tal-ewwel u tat-tieni domandi, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 22 tad-Direttiva 2008/50 għandux jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ li l-valuri limitu tad-diossidu tan-nitroġenu ffissati fl-Anness XI ta’ din id-direttiva ma jistgħux jiġu osservati, f’żona jew f’agglomerazzjoni partikolari ta’ Stat Membru, wara d-data tal-1 ta’ Jannar 2010 indikata f’dan l-anness, dan l-Istat ikun obbligat, sabiex ikun jista’ jipposponi din l-iskadenza għal massimu ta’ ħames snin, li jressaq talba għal tali posponiment skont l-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2008/50 u jekk madankollu jistax, jekk ikun il-każ, jiġi eżentat minn tali obbligu f’ċerti ċirkustanzi.

25      L-obbligu li jiġu osservati l-valuri limitu ta’ diossidu tan-nitroġenu previsti fl-Anness XI tad-Direttiva 2008/50, fid-data tal-1 ta’ Jannar 2010 indikata f’dan l-anness, jirriżulta mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(1) ta’ din id-direttiva.

26      Madankollu, l-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2008/50 jipprevedi l-possibbiltà li t-terminu inizjalment iffissat jiġi pospost, meta l-valuri limitu ma jistgħu jiġu osservati fl-iskadenza ta’ dan it-terminu, bil-kundizzjoni li l-Istat Membru kkonċernat jistabbilixxi pjan dwar il-kwalità tal-arja, għaż-żona jew għall-agglomerazzjoni li għaliha japplika l-posponiment tat-terminu, liema pjan għandu jissodisfa ċerti rekwiżiti. B’mod partikolari, dan il-pjan għandu jiġi stabbilit skont l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2008/50. Għandu wkoll jiġi ssupplimentat bl-informazzjoni elenkata fit-Taqsima B tal-Anness XV dwar is-sustanzi li jniġġsu kkonċernati u għandu juri kif il-valuri limitu ser jiġu osservati qabel l-iskadenza l-ġdida. Dawn iż-żoni, dawn l-agglomerazzjonijiet u dawn il-pjanijiet għandhom jiġu pprovduti lill-Kummissjoni għall-approvazzjoni skont l-Artikolu 22(4).

27      F’dak li jirrigwarda l-kwistjoni jekk, sabiex it-terminu indikat fl-Anness XI tad-Direttiva 2008/50 ikun jista’ jiġi pospost għal massimu ta’ ħames snin, l-Istat Membru kkonċernat huwiex obbligat iressaq talba għal tali posponiment u jistabbilixxi tali pjan għal dan il-għan, meta jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 22(1) ta’ din id-direttiva, għandu jiġi kkonstatat li, minkejja li l-kliem ta’ din id-dispożizzjoni ma jagħtix indikazzjonijiet ċari f’dan ir-rigward, kemm mill-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni kif ukoll mill-għan li l-leġiżlatur tal-Unjoni jfittex li jilħaq jirriżulta li l-imsemmi Artikolu 22(1) għandu jiġi interpretat f’dan is-sens.

28      Fil-fatt, l-Artikolu 22(4) tad-Direttiva 2008/50 jobbliga lill-Istat Membru kkonċernat jinnotifika lill-Kummissjoni biż-żoni u bl-agglomerazzjonijiet li fihom huwa jidhirlu li l-Artikolu 22(1) huwa applikabbli u jikkomunika l-pjan dwar il-kwalità tal-arja previst f’din id-dispożizzjoni tal-aħħar.

29      Barra minn hekk, tali interpretazzjoni hija l-iktar waħda adegwata sabiex jintlaħaq l-għan li tiġi żgurata kwalità tal-arja fl-ambjent aħjar li l-leġiżlatur tal-Unjoni jfittex li jilħaq billi jobbliga lill-Istat Membru kkonċernat jantiċipa n-nuqqas ta’ osservanza tal-valuri limitu sal-iskadenza prevista u jħejji pjan dwar il-kwalità tal-arja li jispeċifika l-miżuri li huma ta’ natura li jirrimedjaw dan it-tniġġis f’terminu addizzjonali.

30      Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li filwaqt li, għal dak li jirrigwarda d-diossidu tal-kubrit, il-PM10, iċ-ċomb u l-monossidu tal-karbonju, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/50 jipprovdi li l-Istat Membri “għandhom jiżguraw” li ma jinqabżux il-livelli tal-valuri limitu, it-tieni subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni jispeċifika li, għal dak li jirrigwarda d-diossidu tan-nitroġenu u l-benżina, dawn il-valuri limitu “ma jistgħux jinqabżu” wara l-iskadenza ffissata, u dan jikkorrispondi għal obbligu ta’ riżultat.

31      Għaldaqstant, l-Istat Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jikkonformaw ruħhom ma’ dan l-obbligu u ma jistgħux iqisu li l-possibbiltà li jipposponu t-terminu li joffri l-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2008/50 tippermettilhom jiddifferixxu l-implementazzjoni ta’ dan l-obbligu kif jixtiequ.

32      Kif tispeċifika l-premessa 16 ta’ din id-direttiva, din id-dispożizzjoni fil-fatt tippermetti li t-terminu inizjalment iffissat mill-imsemmija direttiva jiġi pospost biss f’każijiet fejn, minkejja t-twettiq ta’ miżuri ta’ tnaqqis tat-tniġġis, jeżistu “problemi kbar” ta’ konformità f’żoni u f’agglomerazzjonijiet speċifiċi.

33      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2008/50 għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex ikun jista’ jipposponi, għal massimu ta’ ħames snin, it-terminu ffissat minn din id-direttiva għall-osservanza tal-valuri limitu tad-diossidu tan-nitroġenu indikati fl-Anness XI tagħha, Stat Membru huwa obbligat iressaq talba għal tali posponiment meta jkun jidher b’mod oġġettiv, fid-dawl tad-data eżistenti, u minkejja l-applikazzjoni minn dan l-Istat ta’ miżuri adegwati ta’ tnaqqis tat-tniġġis, li dawn il-valuri ma jistgħux jiġu osservati f’żona jew f’agglomerazzjoni partikolari fit-terminu indikat.

34      F’dak li jirrigwarda l-kwistjoni jekk ċerti ċirkustanzi jistgħux madankollu jiġġustifikaw nuqqas ta’ osservanza ta’ tali obbligu, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li d-Direttiva 2008/50 ma tinkludi ebda eċċezzjoni għall-obbligu li jirriżulta mill-Artikolu 22(1) tagħha.

35      Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel u għat-tieni domandi għandha tkun li l-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2008/50 għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex ikun jista’ jipposponi, għal massimu ta’ ħames snin, it-terminu ffissat minn din id-direttiva għall-osservanza tal-valuri limitu tad-diossidu tan-nitroġenu indikati fl-Anness XI tagħha, Stat Membru huwa obbligat iressaq talba għal tali posponiment u jistabbilixxi pjan dwar il-kwalità tal-arja, meta jkun jidher b’mod oġġettiv, fid-dawl tad-data eżistenti, u minkejja l-applikazzjoni minn dan l-Istat ta’ miżuri adegwati ta’ tnaqqis tat-tniġġis, li dawn il-valuri ma jistgħux jiġu osservati f’żona jew f’agglomerazzjoni partikolari fit-terminu indikat. Id-Direttiva 2008/50 ma tinkludi ebda eċċezzjoni għall-obbligu li jirriżulta mill-imsemmi Artikolu 22(1).

 Fuq it-tielet domanda

36      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk, fil-każ li jkun jidher li l-valuri limitu tad-diossidu tan-nitroġenu ffissati fl-Anness XI tad-Direttiva 2008/50 ma jistgħux jiġu osservati, f’żona jew f’agglomerazzjoni partikolari ta’ Stat Membru, wara d-data tal-1 ta’ Jannar 2010 indikata f’dan l-anness, mingħajr ma dan tal-aħħar ikun talab il-posponiment ta’ din l-iskadenza skont l-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2008/50, it-tħejjija ta’ pjan dwar il-kwalità tal-ajru li jkun konformi mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(1) ta’ din id-direttiva, tippermettix li jiġi kkunsidrat li dan l-Istat madankollu ssodisfa l-obbligi imposti fuqu taħt l-Artikolu 13 tal-imsemmija direttiva.

37      Preliminarjament, għandu jitfakkar li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2008/50 jispeċifika li huwa japplika meta l-valuri limitu tas-sustanzi li jniġġsu jinqabżu wara l-iskadenza prevista għall-applikazzjoni tagħhom.

38      Barra minn hekk, għal dak li jirrigwarda d-diossidu tan-nitroġenu, din id-dispożizzjoni ma tissuġġettax l-applikazzjoni tagħha għall-fatt li l-Istat Membru jkun preċedentement ipprova jikseb posponiment ta’ din l-iskadenza skont l-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2008/50.

39      Għaldaqstant, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2008/50 japplika wkoll f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, li fihom il-valuri limitu tad-diossidu tan-nitroġenu indikati fl-Anness XI ta’ din id-direttiva ma jkunux ġew osservati sad-data tal-1 ta’ Jannar 2010 ffissata f’dan l-anness f’ċerti żoni jew agglomerazzjonijiet ta’ Stat Membru u dan tal-aħħar ma jkunx talab il-posponiment ta’ din id-data skont l-Artikolu 22(1) tal-imsemmija direttiva.

40      Barra minn hekk, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2008/50 jirriżulta li, meta l-valuri limitu tad-diossidu tan-nitroġenu jinqabżu wara t-terminu previst għall-applikazzjoni tagħhom, l-Istat Membru kkonċernat huwa obbligat jistabbilixxi pjan dwar il-kwalità tal-arja li jissodisfa ċerti rekwiżiti.

41      Għalhekk, dan il-pjan għandu jipprevedi l-miżuri adegwati sabiex il-perijodu li matulu jinqabżu l-valuri limitu jkun l-iqsar possibbli, u jista’ jinkludi miżuri addizzjonali speċifiċi intiżi għall-protezzjoni tal-gruppi sensittivi fil-popolazzjoni, inklużi t-tfal. Barra minn hekk, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2008/50, dan il-pjan għandu jinkorpora tal-inqas l-informazzjoni elenkata fit-Taqsima A tal-Anness XV ta’ din id-direttiva, jista’ jinkludi wkoll il-miżuri previsti fl-Artikolu 24 tagħha u għandu jiġi kkomunikat lill-Kummissjoni mingħajr dewmien, u mhux iktar tard minn sentejn wara l-aħħar ta’ dik is-sena li matulha jkun ġie osservat l-ewwel qbiż tal-valuri limitu.

42      Madankollu, l-analiżi li skontha, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, Stat Membru jkun issodisfa l-obbligi li jirriżultaw mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/50 bis-sempliċi fatt li tali pjan ikun ġie stabbilit, ma tistax tiġi aċċettata.

43      Qabel xejn, għandu jiġi rrilevat li huwa biss l-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2008/50 li jipprevedi espressament il-possibbiltà għal Stat Membru li jipposponi l-iskadenza indikata fl-Anness XI ta’ din id-direttiva sabiex jiġu osservati l-valuri limitu tad-diossidu tan-nitroġenu previsti f’dan l-anness.

44      Barra minn hekk, tali analiżi tkun ta’ natura li tippreġudika l-effettività tal-Artikoli 13 u 22 tad-Direttiva 2008/50 billi tippermetti li Stat Membru jevita li josserva l-iskadenza imposta mill-Artikolu 13 taħt kundizzjonijiet inqas stretti minn dawk imposti mill-Artikolu 22.

45      Fil-fatt, l-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2008/50 jeżiġi li l-pjan dwar il-kwalità tal-arja jinkludi mhux biss l-informazzjoni li għandha tiġi kkomunikata skont l-Artikolu 23 ta’ din id-direttiva, elenkata fit-Taqsima A tal-Anness XV tagħha, iżda li jiġi ssuplimentat ukoll bl-informazzjoni elenkata fit-Taqsima B ta’ dan l-anness, li tikkonċerna l-informazzjoni dwar l-istatus ta’ implementazzjoni ta’ diversi direttivi u dwar il-miżuri kollha għat-tnaqqis tat-tniġġis tal-arja li l-implementazzjoni tagħhom ġiet ikkunsidrata fuq il-livell lokali, reġjonali jew nazzjonali adegwat sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-kwalità tal-arja. Barra minn hekk, dan il-pjan għandu juri kif il-valuri limitu se jiġu osservati qabel l-iskadenza l-ġdida.

46      Fl-aħħar nett, din l-interpretazzjoni hija kkonfermata wkoll mill-konstatazzjoni li l-Artikoli 22 u 23 tad-Direttiva 2008/50 huma intiżi, bħala prinċipju, sabiex japplikaw għal sitwazzjonijiet differenti u għandhom portata differenti.

47      Fil-fatt, l-Artikolu 22(1) ta’ din id-direttiva japplika fil-każ li l-valuri limitu ta’ ċerti sustanzi li jniġġsu ma “jistgħux” jiġu osservati wara l-iskadenza prevista inizjalment mid-Direttiva 2008/50, fid-dawl, kif jirriżulta mill-premessa 16 ta’ din id-direttiva, ta’ livell ta’ tniġġis partikolarment għoli. Barra minn hekk, din id-dispożizzjoni tippermetti l-posponiment ta’ din l-iskadenza biss meta l-Istat Membru jkun f’pożizzjoni li juri li jista’ josserva dawn il-valuri limitu f’terminu ġdid ta’ massimu ta’ ħames snin. Fl-aħħar nett, hija għandha biss portata ratione temporis limitata.

48      Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2008/50 għandu portata iktar ġenerali billi japplika, mingħajr limitazzjoni ratione temporis, għall-qbiż ta’ kwalunkwe valur limitu ta’ sustanza li tniġġes iffissat minn din id-direttiva, wara t-terminu previst għall-applikazzjoni ta’ tali valur limitu, irrispettivament minn jekk dan jiġix iffissat mid-Direttiva 2008/50 jew mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 22 tagħha.

49      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tielet domanda għandha tkun li, fil-każ li jkun jidher li l-valuri limitu tad-diossidu tan-nitroġenu ffissati fl-Anness XI tad-Direttiva 2008/50 ma jistgħux jiġu osservati, f’żona jew f’agglomerazzjoni partikolari ta’ Stat Membru, wara d-data tal-1 ta’ Jannar 2010 indikata f’dan l-anness, mingħajr ma dan tal-aħħar ikun talab il-posponiment ta’ din l-iskadenza skont l-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2008/50, it-tħejjija ta’ pjan dwar il-kwalità tal-ajru li jkun konformi mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(1) ta’ din id-direttiva ma tistax tippermetti, fiha nfisha, li jiġi kkunsidrat li dan l-Istat madankollu ssodisfa l-obbligi imposti fuqu taħt l-Artikolu 13 tal-imsemmija direttiva.

 Fuq ir-raba’ domanda

50      Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 4 TUE u 19 TUE u l-Artikolu 30 tad-Direttiva 2008/50 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, meta Stat Membru ma jkunx osserva r-rekwiżiti li jirriżultaw mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/50, filwaqt li ma jkunx talab il-posponiment tat-terminu taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 22 ta’ din id-direttiva, hija l-qorti nazzjonali li għandha ġurisdizzjoni, li tiġi eventwalment adita, li għandha tieħu kwalunkwe miżura neċessarja, bħal ordni, fil-konfront tal-awtorità nazzjonali, bil-għan li din l-awtorità tistabbilixxi l-pjan li teżiġi l-imsemmija direttiva taħt il-kundizzjonijiet previsti minnha.

51      Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li r-raġunijiet li għalihom l-interpretazzjoni tal-Artikolu 30 tad-Direttiva 2008/50, dwar is-sistema ta’ sanzjonijiet li għandha tiġi implementata mill-Istati Membri, hija utli għall-kawża prinċipali, ma jirriżultawx b’mod ċar biżżejjed mill-proċess trażmess lill-Qorti tal-Ġustizzja.

52      F’dak li jirrigwarda l-Artikolu 4 TUE, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit mill-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu, huma l-qrati tal-Istati Membri li għandhom jiżguraw il-protezzjoni ġudizzjarja tad-drittijiet li għandhom l-individwi bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari s-sentenza Unibet, C‑432/05, EU:C:2007:163, punt 38). Barra minn hekk, l-Artikolu 19(1) TUE jobbliga lill-Istati Membri jipprovdu r-rimedji meħtieġa sabiex jiżguraw protezzjoni legali effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni.

53      Fil-każ li jinqabżu l-valuri limitu tad-diossidu tan-nitroġenu wara l-1 ta’ Jannar 2010 fi Stat Membru li ma jkunx talab posponiment ta’ din l-iskadenza skont l-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2008/50, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(1) ta’ din id-direttiva jimponilu obbligu ċar li jistabbilixxi pjan dwar il-kwalità tal-arja li jkun konformi ma’ ċerti rekwiżiti (ara, b’analoġija, is-sentenza Janecek, C‑237/07, EU:C:2008:447, punt 35).

54      Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, individwi jistgħu jinvokaw, fil-konfront tal-awtoritajiet pubbliċi, dispożizzjonijiet inkundizzjonati u suffiċjentement preċiżi ta’ direttiva. Huma wkoll l-awtoritajiet u l-qrati nazzjonali kompetenti li għandhom jinterpretaw, sa fejn ikun possibbli, id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali b’mod li jkun kompatibbli mal-għanijiet ta’ din id-direttiva. Fil-każ li ma tkunx tista’ tingħata tali interpretazzjoni, huma għandhom jeskludu r-regoli tad-dritt nazzjonali li jkunu inkompatibbli ma’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Janecek, EU:C:2008:447, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55      Fl-aħħar nett, kif fakkret diversi drabi l-Qorti tal-Ġustizzja, ikun inkompatibbli man-natura vinkolanti li l-Artikolu 288 TFUE jagħti lid-Direttiva 2008/50 jekk jiġi eskluż, bħala prinċipju, li l-obbligu impost minn din tal-aħħar jista’ jiġi invokat mill-persuni kkonċernati. Din il-kunsiderazzjoni tapplika, b’mod partikolari, għal direttiva li l-għan tagħha huwa li tikkontrolla u tnaqqas it-tniġġis atmosferiku u li, għaldaqstant, tfittex li tipproteġi s-saħħa pubblika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Janecek, C‑237/07, EU:C:2008:447, punt 37).

56      Minn dan jirriżulta li l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li huma direttament ikkonċernati mill-qbiż tal-valuri limitu wara l-1 ta’ Jannar 2010 għandhom ikunu jistgħu jeħtieġu lill-awtoritajiet nazzjonali, jekk ikun il-każ billi jitressqu proċeduri quddiem il-qrati li għandhom ġurisdizzjoni, li jistabbilixxu pjan dwar il-kwalità tal-arja li jkun konformi mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2008/50, meta Stat Membru ma jkunx żgura li jiġu osservati r-rekwiżiti li jirriżultaw mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(1) ta’ din id-direttiva, filwaqt li ma jkunx talab il-posponiment tat-terminu taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 22 tagħha (ara, b’analoġija, is-sentenza Janecek, EU:C:2008:447, punt 39).

57      F’dak li jirrigwarda l-kontenut ta’ dan il-pjan, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2008/50 jirriżulta li minkejja li l-Istati Membri għandhom ċertu marġni ta’ diskrezzjoni sabiex jiddeterminaw il-miżuri li għandhom jadottaw, dawn tal-aħħar għandhom, fi kwalunkwe każ, jippermettu li l-perijodu li matulu jinqabżu l-valuri limitu jkun l-iqsar possibbli.

58      Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għar-raba’ domanda għandha tkun li, meta Stat Membru ma jkunx osserva r-rekwiżiti li jirriżultaw mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/50, filwaqt li ma jkunx talab il-posponiment tat-terminu taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 22 ta’ din id-direttiva, hija l-qorti nazzjonali li għandha ġurisdizzjoni, li tiġi eventwalment adita, li għandha tieħu kwalunkwe miżura neċessarja, bħal ordni, fil-konfront tal-awtorità nazzjonali, bil-għan li din l-awtorità tistabbilixxi l-pjan li teżiġi l-imsemmija direttiva taħt il-kundizzjonijiet previsti minnha.

 Fuq l-ispejjeż

59      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2008/50/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ Mejju 2008, dwar il-kwalità tal-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa, għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex ikun jista’ jipposponi, għal massimu ta’ ħames snin, it-terminu ffissat minn din id-direttiva għall-osservanza tal-valuri limitu tad-diossidu tan-nitroġenu indikati fl-Anness XI tagħha, Stat Membru huwa obbligat iressaq talba għal tali posponiment u jistabbilixxi pjan dwar il-kwalità tal-arja, meta jkun jidher b’mod oġġettiv, fid-dawl tad-data eżistenti, u minkejja l-applikazzjoni minn dan l-Istat ta’ miżuri adegwati ta’ tnaqqis tat-tniġġis, li dawn il-valuri ma jistgħux jiġu osservati f’żona jew f’agglomerazzjoni partikolari fit-terminu indikat. Id-Direttiva 2008/50 ma tinkludi ebda eċċezzjoni għall-obbligu li jirriżulta mill-imsemmi Artikolu 22(1).

2)      Fil-każ li jkun jidher li l-valuri limitu tad-diossidu tan-nitroġenu ffissati fl-Anness XI tad-Direttiva 2008/50 ma jistgħux jiġu osservati, f’żona jew f’agglomerazzjoni partikolari ta’ Stat Membru, wara d-data tal-1 ta’ Jannar 2010 indikata f’dan l-anness, mingħajr ma dan tal-aħħar ikun talab il-posponiment ta’ din l-iskadenza skont l-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2008/50, it-tħejjija ta’ pjan dwar il-kwalità tal-ajru li jkun konformi mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(1) ta’ din id-direttiva ma tistax tippermetti, fiha nfisha, li jiġi kkunsidrat li dan l-Istat madankollu ssodisfa l-obbligi imposti fuqu taħt l-Artikolu 13 tal-imsemmija direttiva.

3)      Meta Stat Membru ma jkunx osserva r-rekwiżiti li jirriżultaw mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/50, filwaqt li ma jkunx talab il-posponiment tat-terminu taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 22 ta’ din id-direttiva, hija l-qorti nazzjonali li għandha ġurisdizzjoni, li tiġi eventwalment adita, li għandha tieħu kwalunkwe miżura neċessarja, bħal ordni, fil-konfront tal-awtorità nazzjonali, bil-għan li din l-awtorità tistabbilixxi l-pjan li teżiġi l-imsemmija direttiva taħt il-kundizzjonijiet previsti minnha.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.