KONKLUŻJONIJIET TA’ L-AVUKAT ĠENERALI

BOT

ippreżentati fl-20 ta’ Settembru 2007 1(1)

Kawża C‑346/06

Rechtsanwalt Dr. Dirk Rüffert als Insolvenzverwalter über das Vermögen der Objekt und Bauregie GmbH & Co. KG

vs

Land Niedersachsen

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberlandesgericht Celle (il-Ġermanja)]

“Direttiva 96/71/KE – Kollokament ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi – Ftehim kollettivi – Paga minima – Artikolu 49 KE – Restrizzjoni fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi – Proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet – Protezzjoni tal-ħaddiema u prevenzjoni ta’ dumping soċjali”





1.        Dan ir-rinviju preliminari ser jippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tibni biċċa oħra mal-ġurisprudenza tagħha dwar il-problema tal-kollokament (posting) ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi.

2.        Fil-fatt id-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju tistieden għal darba oħra lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex twieżen, minn naħa, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u, min-naħa l-oħra, l-eżiġenzi imperattivi għall-protezzjoni tal-ħaddiema u l-prevenzjoni ta’ dumping soċjali.

3.        B’mod iktar preċiż, l-Oberlandesgericht Celle (il-Ġermanja), titlob, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħti deċiżjoni dwar jekk id-dritt Komunitarju għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi li tirrikjedi lill-appaltaturi u, b’mod indirett, lis-subappaltaturi tagħhom iħallsu lill-ħaddiema kkollokati fil-qafas ta’ l-eżekuzzjoni ta’ kuntratt pubbliku, ta’ l-inqas, il-paga prevista fil-ftehim kollettiv li japplika fil-post fejn jiġi pprovdut is-servizz, taħt piena ta’ penali li jistgħu jinkludu wkoll it-terminazzjoni tal-kuntratt tax-xogħlijiet, meta l-ftehim kollettiv li għalih tirreferi dik id-dispożizzjoni leġiżlattiva ma jkunx iddikjarat bħala ta’ applikazzjoni ġenerali.

4.        Din it-talba qamet f’kuntest ta’ kawża bejn Rechtsanwalt Dr. Dirk Rüffert als Insolvenzverwalter über das Vermögen der Objekt und Bauregie GmbH & Co. KG (D. Rüffert, avukat, fil-kwalità tiegħu ta’ stralċjarju tal-kumpannija Objekt und Bauregie GmbH & Co. KG), konvenuta fil-kawża prinċipali, u l-Land Niedersachsen, bħala rikorrent fil-kawża prinċipali, fuq it-terminazzjoni ta’ kuntratt għal xogħlijiet konkluż bejn din il-kumpannija u dan il-Land fil-kuntest ta’ kuntratt pubbliku għal xogħlijiet.

5.        F’dawn il-konklużjonijiet, jiena sejjer nuri għaliex, fil-fehma tiegħi, la d-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 96/71/KE, tas-16 ta’ Diċembru 1996, dwar l-impjieg [il-kollokament] ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi (2), u lanqas l-Artikolu 49 KE m’għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprojbixxu miżura nazzjonali bħalma hija dik fil-kawża prinċipali.

I –    Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt Komunitarju

6.        L-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 49 KE jipprovdi li r-restrizzjonijiet fuq il-libertà li jiġu provduti servizzi fil-Komunità għandhom jiġu pprojbiti fir-rigward ta’ ċittadini ta’ Stati Membri li jkunu stabbiliti fi Stat tal-Komunità li ma jkunx dak tal-persuna li lilha jingħataw is-servizzi.

7.        Id-Direttiva 96/71 hija maħsuba biex tiżviluppa l-libertà li jiġu pprovduti servizzi bejn l-Istati Membri, billi tassigura kompetizzjoni leali bejn l-impriżi li jipprovdu s-servizzi u filwaqt li tiggarantixxi r-rispett tad-drittijiet tal-ħaddiema (3).

8.        L-Artikolu 1 ta’ din id-Direttiva, intitolat “Il-kamp ta’ l-applikazzjoni” huwa redatt skond kif ġej:

“1.       Din id-Direttiva għandha tapplika għall-impriżi stabbiliti fi Stat Membru li, fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi transnazzjonali, jimpjegaw [jikkollokaw] ħaddiema skond il-paragrafu 3, fit-territorju ta’ Stat Membru.

[…]

3.      Din id-Direttiva għandha tapplika sa fejn l-impriżi imsemmija fil-paragrafu 1 jieħdu waħda mill-miżuri transnazzjonali li ġejjin:

(a)      jibgħatu ħaddiema fit-territorju ta’ Stat Membru għall-kont tagħhom proprju u taħt il-kontroll tagħhom fil-qafas ta’ kuntratt konkluż bejn l-impriża li tibgħat u d-destinatarju tal-prestazzjoni ta’ servizzi li jopera f’dak l-Is[t]at Membru, sakemm teżisti relazzjoni ta’ impjieg bejn l-impriża li tibgħat u l-ħaddiem fil-perjodu tal-kolloka[ment]; jew

[…]”

9.        Kif turi s-sitt premessa ta’ l-imsemmija Direttiva, il-leġiżlatur Komunitarju ibbaża ruħu fuq il-fatt li, f’sitwazzjonijiet transnazzjonali r-relazzjonijiet ta’ impjieg tal-ħaddiema kkollokati iqajmu problemi fir-rigward tal-liġi applikabbli għalihom.

10.      F’dan ir-rigward, il-Konvenzjoni ta’ Ruma fuq il-liġi li tapplika għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali, li nfetħet għall-iffirmar f’Ruma fid-19 ta’ Ġunju 1980 (4), tipprovdi kriterji ġenerali biex tiġi ddeterminata l-liġi applikabbli għar-relazzjoni ta’ impjieg (5). Għaldaqstant, l-Artikolu 3 ta’ din il-Konvenzjoni jipprovdi, bħala regola ġenerali, li l-partijiet huma liberi li jagħżlu l-liġi applikabbli għalihom. Fin-nuqqas ta’ din l-għażla, l-Artikolu 6(2) ta’ din il-Konvenzjoni jipprovdi li l-kuntratt ta’ impjieg għandu jkun irregolat mil-liġi tal-pajjiż fejn il-ħaddiem normalment iwettaq xogħlu, anki jekk dan ikun ikkollokat b’mod temporanju f’pajjiż ieħor.

11.      Barra minn hekk, l-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni ta’ Ruma jipprovdi li, f’ċerti ċirkustanzi jista’, b’mod parallel mal-liġi ddikjarata bħala dik applikabbli, jingħata effett lir-regoli mandatarji tal-liġi ta’ pajjiż ieħor, b’mod partikolari dik ta’ l-Istat Membru li l-ħaddiem ikun ikkollokat temporanjament fit-territorju tiegħu. Dawn ir-regoli mandatorji, bil-Franċiż imsejħa wkoll bħala “lois d’application immédiate” jew “lois de police”, li japplikaw fil-post fejn isiru x-xogħlijiet, mhumiex ippreċiżati minn din il-Konvenzjoni.

12.      F’dan il-kuntest, il-kontribuzzjoni tad-Direttiva 96/71 hija li, fuq livell Komunitarju, jiġu identifikati numru ta’ regoli mandatorji fil-każijiet ta’ kollokament transnazzjonali (6). Hija tikkostitwixxi wkoll espressjoni tal-prinċipju ta’ preċedenza tad-dritt Komunitarju li huwa stabbilit fl-Artikolu 20 tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, fejn jingħad li din il-Konvenzjoni m’għandux ikollha effett fuq l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet li, f’materji partikolari, jistabbilixxu regoli għall-għażla tal-liġi fir-rigward ta’ l-obbligazzjonijiet kuntrattwali u li jinsabu f’atti Komunitarji jew f’liġijiet nazzjonali armonizzati fl-implimentazzjoni ta’ dawk l-atti (7).

13.      Bil-għan li jiġu rrikonċiljati d-diversi għanijiet tagħha, id-Direttiva 96/71 tikkoordina l-liġijiet ta’ l-Istati Membri “sabiex jistabbilixxu nukleu ta’ regoli obbligatorji [mandatorji] għall-protezzjoni minima li jkunu osservati fil-pajji[ż] li jilqa’ għandu minn min iħaddem li jibgħat ħaddiema biex jagħmlu xogħol temporanju fit-territorju ta’ Stat Membru fejn is-servizzi huma pprovduti” (8)

14.      Skond is-sbatax-il premessa ta’ din id-Direttiva, “ir-regoli obbligatorji [mandatorji] għall-protezzjoni mimina fis-seħħ fil-pajji[ż] li jilqa’ m’għandhomx jimpedixxu l-applikazzjoni ta’ klaw[ż]oli u kundizzjonijiet ta’ impjieg li huma aktar favorevoli għall-ħaddiema”.

15.      Dawn il-prinċipji huma deskritti fid-dettall fl-Artikolu 3 ta’ l-imsemmija Direttiva, intitolat “It-termini u l-kundizzjonijiet ta’ l-impjieg”, li huwa redatt kif ġej:

“1.      L-Istati Membri għandhom jassiguraw li, tkun xi tkun il-liġi li tapplika għar-relazzjoni ta’ impjieg, l-impriżi msemmija fl-Artikolu 1(1) jiggarantixxu lill-ħaddiema mibgħuta fit-territorju tagħhom it-termini u l-kundizzjonijiet ta’ l-impjieg li jkopru il-kwistjonijiet li ġejjin, fl-Istati Membri fejn ix-xogħol hu mwettaq, huma stabbiliti:

–        skond liġi, regolament[i] jew dispożizzjonijiet amministrattivi,

u/jew

–        bi ftehim kollettiv jew sentenza ta’ arbitraġġ li kienu ddikjarati universalment applikabbli fis-sens tal-paragrafu 8, sa fejn jikkonċernaw l-attivitajiet imsemmija fl-Anness [(9)]:

[…]

(ċ)       ir-rati minimi ta’ ħlas, li jinkludu rati ta’ sahra; dan il-punt ma japplikax għal skemi kumplimentari għall-irtirar mix-xogħol;

[…]

Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, il-kunċett ta’ rati minimi ta’ ħlas imsemmija fil-paragrafu 1(ċ) huwa definit mil-liġi u/jew il-prattika nazzjonali ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu il-ħaddiem huwa mibgħut.

[…]

7.      Il-paragrafi 1 sa 6 m’għandhomx iżommu l-applikazzjoni ta’ klawżoli u kundizzjonijiet ta’ impjieg jew xogħol li huma aktar favorevoli għall-ħaddiema.

[…]

8.      ‘Ftehim kollettiv jew sentenzi ta’ arbitraġġ iddikjarati bħala ta’ applikazzjoni ġenerali’ ifisser ftehim kollettiv jew sentenzi ta’ arbitraġġ li għandhom ikunu osservati mill-impriżi kollha fis-settur u fil-professjoni jew fl-industrija kkonċernata.

Fl-assenza ta’ sistema biex tiddikjara ftehim kollettiv jew sentenzi ta’ arbitraġġ bħala ta’ applikaz[z]joni universali [ġenerali] fis-sens ta’ l-ewwel subparagrafu, l-Istati Membri jistgħu, jekk jiddeċiedu hekk, jibbażaw irwieħhom fuq:

–        ftehim kollettiv jew sentenzi ta’ arbitragg li huma ġeneralment applikabbli għall-impriżi simili kollha fil-qasam ġeografiku u fil-professjoni jew fl-industrija ikkonċernata,

u/jew

–        ftehim kollettiv li kienu konklużi mill-organizzazzjonijiet l-iktar rappreżentattivi ta’ min iħaddem u tal-ħaddiema fuq pjan nazzjonali u li huma applikati fuq it-territorju nazzjonali kollu,

sakemm l-applikazzjoni tagħhom għall-impriżi msemmija fl-Artikolu 1(1) tiżgura ugwaljanza ta’ trattament dwar kwistjonijiet elenkati fl-eww[e]l subparagrafu tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu bejn dawk l-impriżi u l-impriżi l-oħra msemmija f’dan is-subparagrafu li huma f’pożizzjoni simili.

L-ugwaljanza ta’ trattament, fis-sens ta’ dan l-Artikolu, għandha titqies li teżisti meta impriżi nazzjonali f’pożizzjoni simili:

–        huma soġġetti, fil-post in kwistjoni jew fis-settur ikkonċernat, għall-istess obbligi bħala impriżi ta’ kollokament dwar il-materji indikati fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1,

u

–        huma meħtieġa jissodisfaw dawn l-obbligi bl-istess effetti.

[…]”

16.      Fl-aħħar nett, fir-rigward tar-regoli Komunitarji fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, jiena nosserva li, fiż-żmien meta seħħew il-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali (10), kienet applikabbli d-Direttiva tal-Kunsill 93/37/KEE, ta’ l-14 ta’ Ġunju 1993, li tikkonċerna l-koordinament tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tax-xogħlijiet pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet](11).

17.      Għalkemm id-Direttiva 93/37 mhijiex maħsuba sabiex tirregola l-fażi ta’ l-eżekuzzjoni tal-kuntratti (12), jeħtieġ madankollu li ssir referenza għall-Artikolu 23 ta’ l-istess Direttiva, li jikkonċerna l-informazzjoni fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ xogħol li għandhom jiġu osservati matul l-eżekuzzjoni ta’ kuntratt pubbliku. Dan l-Artikolu huwa redatt skond kif ġej:

“1.       L-awtoritajiet ta’ kuntrattar [kontraenti] jistgħu jiddikjaraw fid-dokumenti tal-kuntratt, jew li jkunu obbligati minn Stat Membru biex jagħmlu hekk, l-awtorità jew awtoritajiet li minn għandhom dak li jagħmel l-offerta jista’ jikseb l-informazzjoni xierqa dwar l-obbligi rrelatati ma[d]-dispożizzjonijiet ta’ protezzjoni tax-xogħol u l-kundizzjoni tax-xogħol li jkunu fis-seħħ fl-Istat Membru, reġjun jew lokalità li fihom ix-xogħol għandu jsir u li se jkunu applikabbli għax-xogħlijiet magħmula fuq il-post waqt is-seħħ tal-kuntratt.

2.      L-awtorità ta’ kuntrattar [kontraenti] li tipprovdi l-informazzjoni li hemm referenza dwarha fil-paragrafu 1 għandha titlob lil dawk li jagħmlu l-offerti jew dawk li jipparteċipaw fil-proċedura tal-kuntratt biex jindikaw li huma ħadu akkont, meta għamlu l-offerta, l-obbligi rrelatati mad-dispożizzjonijiet ta’ protezzjoni ta’ l-impieg u l-kundizzjonijiet ta’ xogħol li jkunu fis-seħħ fil-post fejn ikun sejjer isir ix-xogħol. Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għal applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 30(4) li jikkonċerna l-eżami ta’ offerti anormalment baxxi.”

B –    Id-dritt nazzjonali

1.      L-iffissar tal-paga minima fis-settur tal-bini

18.      Fil-Ġermanja, l-iffissar tal-paga minima fis-settur tal-bini jsir permezz ta’ negozjar kollettiv.

19.      F’dan l-Istat Membru, il-ftehim kollettivi ġeneralment jiġu konklużi bejn it-trade unions u l-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem. Dawn jistgħu jkopru, għal settur partikolari, parti jew it-territorju kollu tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

20.      Is-settur tal-bini huwa rregolat minn ftehim kollettiv li jistabbilixxi l-qafas ġenerali għall-industrija tal-bini (Bundesrahmentarifvertrag für das Baugewerbe), ta’ l-4 ta’ Lulju 2002. Madankollu, dan il-ftehim kollettiv, li japplika fit-territorju kollu tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ma fiehx regoli dwar il-paga minima.

21.      Dawn ir-regoli huma inklużi, minn naħa, fi ftehim kollettiv li jipprovdi għal paga minima fis-settur tal-bini fit-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja (Tarifvertrag zur Regelung der Mindestlöhne im Baugewerbe im Gebiet der Bundesrepublik Deutschland, iktar’il quddiem it-“TV Mindestlohn”) u min-naħa l-oħra, fi ftehim kollettivi speċifiċi.

a)      It-TV Mindestlohn

22.      Fuq livell federali, it-TV Mindestlohn, li japplika għall-impriżi li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-ftehim kollettiv li jistabbilixxi l-qafas ġenerali għall-industrija tal-bini, jistabbilixxi r-rata tal-paga minima abbażi ta’ żewġ kategoriji li jikkorrispondu għal-livell ta’ kwalifiki tal-ħaddiem, u għal livell differenti għal Länder “antiki” jew “ġodda”. Huwa jipprovdi li l-paga minima hija komposta mill-paga li tingħata fis-siegħa prevista f’dan il-ftehim u minn suppliment għas-settur tal-bini, li flimkien jifformaw il-paga sħiħa fis-siegħa taħt il-ftehim. Il-ftehim jindika wkoll li d-drittijiet għal paga ogħla skond ftehim kollettivi oħra jew skond ftehim partikolari mhumiex affettwati mid-dispożizzjoni li tipprovdi għall-pagi sħaħ fis-siegħa taħt il-ftehim għall-kategoriji 1 u 2.

23.      Id-dispożizzjonijiet tat-TV Mindestlohn huma ddikjarati li huma ta’ applikazzjoni ġenerali minn regolament dwar il-kundizzjonijiet ta’ xogħol li japplikaw b’mod obbligatorju fis-settur tal-bini (Verordnung über zwingende Arbeitsbedingungen im Baugewerbe).

24.      Jeħtieġ li jiġi indikat li, skond il-liġi Ġermaniża, id-dikjarazzjoni li ftehim kollettiv huwa ta’ applikazzjoni universali tfisser li dak il-ftehim japplika għal kull min iħaddem u għall-ħaddiema kollha ta’ l-industrija kkonċernata fuq territorju definit. Għaldaqstant, hija testendi l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ ftehim bħal dan għal min iħaddem u għal ħaddiema li ma jappartjenux għat-trade unions kontraenti. Din id-dikjarazzjoni ta’ applikazzjoni ġenerali tista’ ssir mill-Ministru Federali ta’ l-Impjieg, kemm f’dak li jirrigwarda l-oqsma rregolati mil-Liġi Ġermaniża dwar il-kollokament tal-ħaddiema (Arbeitnehmer-Entsendegesetz) (13), tas-26 ta’ Frar 1996, skond l-Artikolu 1(3a) ta’ l-imsemmija liġi, u kif ukoll skond l-Artikolu 5 tal-Liġi dwar il-ftehim kollettivi (Tarifvertragsgesetz, iktar’il quddiem it-“TVG”).

25.      It-TV Mindestlohn japplika għal żmien limitat. Skond l-informazzjoni li għandi, jidher li t-TV Mindestlohn li kien japplika fiż-żmien meta seħħew il-fatti tal-kawża prinċipali huwa dak tad-29 ta’ Ottubru 2003, li kien fis-seħħ bejn l-1 ta’ Novembru 2003 u l-31 ta’ Awwissu 2005. Dan il-ftehim kollettiv kien ġie ddikjarat li huwa ta’ applikazzjoni ġenerali permezz ta’ regolament tat-13 ta’ Diċembru 2003 (14).

b)      Il-ftehim kollettivi speċifiċi

26.      Il-biċċa l-kbira ta’ dawn il-ftehim kollettivi speċifiċi (Entgelttarifvertraege) għandhom qasam ġeografiku limitat. Barra minn hekk, normalment huma ma jkunux is-suġġett ta’ dikjarazzjoni ta’ applikazzjoni ġenerali, li jfisser li huma mhumiex kollha applikabbli b’mod obbligatorju għall-ħaddiema kollha tas-settur ikkonċernat.

27.      Skond it-tweġiba bil-miktub mogħtija mil-Land Niedersachsen għad-domanda tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-ftehim kollettiv rilevanti f’din il-kawża huwa l-ftehim kollettiv dwar il-pagi u l-allowances għal taħriġ professjonali (Tarifvertrag zur Regelung der Löhne und Ausbildungsvergütungen), ta’ l-4 ta’ Lulju 2003, fil-verżjoni tiegħu li rriżultat mill-ftehim kollettiv tad-29 ta’ Ottubru 2003 li introduċa xi emendi. Dan il-ftehim kollettiv ma ġiex iddikjarat bħala ta’ applikazzjoni ġenerali.

28.      Mill-proċess jirriżulta li l-pagi stabbiliti f’dawn il-ftehim kollettivi speċifiċi, fil-prattika, huma ogħla sew mill-pagi minimi iffissati għall-Ġermanja kollha mit-TV Mindestlohn. Barra minn hekk, l-iskeda tal-pagi li tinsab f’dawn il-ftehim hija iktar dettaljata minn dik li tinsab fit-TV Mindestlohn u tiffissa r-rata tal-pagi skond id-diversi gruppi ta’ funzjonijiet.

2.      L-AEntG

29.      Fil-Ġermanja, id-Direttiva 96/71 ġiet trasposta fid-dritt intern mill-AEntG. L-Artikolu 1(1) ta’ din il-liġi jipprovdi, b’mod partikolari, li r-regoli ġuridiċi fi ftehim kollettiv ta’ l-industrija tal-bini li huwa ddikjarat bħala ta’ applikazzjoni ġenerali, li jirrigwardaw il-paga minima, huma mandatorji wkoll fil-qafas tar-relazzjoni ta’ impjieg li torbot lil dak li jħaddem, li jkun stabbilit barra mill-pajjiż, u lill-ħaddiem tiegħu li jaħdem fil-qasam ġeografiku ta’ dan il-ftehim kollettiv. B’hekk dak li jħaddem għandu, ta’ l-inqas, joffri lill-ħaddiem tiegħu kkollokat il-kundizzjonijiet ta’ xogħol stabbiliti fl-imsemmi ftehim kollettiv.

3.      Il-liġi tal-Land Niedersachsen dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi

30.      Il-liġi tal-Land Niedersachsen dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi (Niedersächsisches Landesvergabegesetz, iktar’il quddiem il-“liġi tal-Land”) fiha regoli dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal valur minimu EUR 10 000. Fil-preambolu tiegħu, huwa jipprovdi li:

“Din il-liġi tikkontrobatti d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fis-settur tal-bini u tat-trasport pubbliku lokali minħabba l-impjieg ta’ ħaddiema b’paga baxxa u ttaffi l-piżijiet għas-sistemi tas-sigurtà soċjali. Għal dan il-għan, hija tipprovdi li l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jagħtu l-kuntratti ta’ bini u ta’ trasport pubbliku lokali biss lill-impriżi li jħallsu l-pagi stabbiliti fil-ftehim kollettivi fil-post fejn jiġi pprovdut is-servizz.”

31.      Skond l-Artikolu 3(1) tal-liġi tal-Land, il-kuntratti għal xogħlijiet għandhom jingħataw biss lill-impriżi li, meta jippreżentaw l-offerta tagħhom jintrabtu bil-miktub li bħala korrispettiv għall-prestazzjoni tas-servizzi kkonċernati, iħallsu lill-ħaddiema tagħhom ta’ l-inqas il-paga stabbilita fil-ftehim kollettiv applikabbli fil-post fejn jiġu pprovduti l-imsemmija servizzi, fil-mument previst mill-ftehim kollettiv.

32.      L-Artikolu 4(1) ta’ din il-liġi jipprovdi, b’mod partikolari, li meta s-servizzi jiġu subappaltati, l-appaltatur għandu jintrabat ukoll li jgħaddi l-obbligi tiegħu skond din l-istess liġi lis-subappaltaturi u li jikkontrolla l-osservanza ta’ dawn l-obbligi mis-subappaltaturi.

33.      Skond l-Artikolu 7(1) tal-liġi tal-Land, l-awtorità kontraenti tista’ teżegwixxi ċerti kontrolli sabiex tivverifika li jiġu osservati l-kundizzjonijiet li għalihom ikun suġġett l-għoti tal-kuntratt. Għal dan il-għan, hija tista’ tara d-dikjarazzjoni tal-pagi mħallsa mill-appaltaturi u mis-subappaltaturi, provi ta’ ħlas tat-taxxi u kontribuzzjonijiet soċjali kif ukoll kuntratti għal xogħlijiet konklużi bejn l-appaltaturi u s-subappaltaturi.

34.      L-Artikolu 8 ta’ din il-liġi, li jikkonċerna l-penali, huwa redatt skond kif ġej:

“1.       Sabiex jassiguraw l-osservanza ta’ l-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 3, 4 u 7(2), l-awtoritajiet kontraenti għandhom, għal kull nuqqas kolpuż, jiftehmu ma’ l-appaltatur dwar penali kuntrattwali ta’ 1%, li tista’ titla’ sa 10% f’każ ta’ diversi nuqqasijiet, tal-valur tal-kuntratt. L-appaltatur għandu jiġi obbligat ukoll iħallas il-penali kuntrattwali msemmija fl-ewwel sentenza meta n-nuqqas ikun imputabbli lil wieħed mis-subappaltaturi jew lil wieħed mis-subappaltaturi ta’ dan ta’ l-aħħar, sakemm l-appaltatur ma kienx jaf jew ma setax ikun jaf bin-nuqqas. Jekk il-penali kuntrattwali tkun ta’ ammont sproporzjonat, hija tista’ tiġi mnaqqsa għal ammont xieraq mill-awtorità kontraenti, fuq talba ta’ l-appaltatur.

2.      L-awtoritajiet kontraenti għandhom jiftehmu ma’ l-appaltatur li huma jkunu jistgħu jitterminaw il-kuntratt mingħajr avviż minn qabel jekk ir-rekwiżiti ta’ l-Artikolu 3 ma jiġux osservati mill-appaltatur jew mis-subappaltaturi tiegħu kif ukoll jekk l-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 4 u 7(2) ma jiġux osservati b’riżultat ta’ negliġenza grossolana jew jekk in-nuqqas ta’ twettiq ta’ dawn l-obbligi jkun ripetut.

3.      Jekk jiġi ppruvat li impriża naqset, ta’ l-inqas b’negliġenza grossolana jew b’mod ripetut milli twettaq l-obbligi tagħha taħt din il-liġi, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jeskluduha mill-kuntratt pubbliku, fil-qasam ta’ kompetenza rispettiva tagħhom, għal żmien massimu ta’ sena.

[…]”

II – Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

35.      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li fil-ħarifa tas-sena 2003, wara sejħa għal offerti, il-Land Niedersachsen ta lill-konvenuta kuntratt għal xogħlijiet għal xogħol strutturali fil-bini tal-ħabs ta’ Göttingen-Rosdorf. L-ammont tal-kuntratt kien ta’ EUR 8 493 331, mingħajr VAT. Il-kuntratt kien fih “ftehim dwar l-osservanza tad-dispożizzjonijiet tal-ftehim kollettivi waqt l-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet”, u kien jistipula, b’mod partikolari, l-impenji tal-konvenuta:

“L-offerta tiegħi/tagħna hija bbażata fuq il-ftehim li ġej:

Fuq l-Artikolu 3 tal-liġi tal-Land (impenn li jiġu osservati l-ftehim kollettivi):

Jiena nintrabat li, jekk il-kuntratt jingħata lili, lill-ħaddiema ta’ l-impriża tiegħi nħallashom ta’ l-inqas il-paga ffissata mill-ftehim kollettiv fil-post fejn jiġu pprovduti s-servizzi, liema ftehim huwa msemmi fil-lista ta’ ftehim kollettivi rappreżentattivi taħt in-numru 1 ‘Bini u xogħlijiet pubbliċi’, għall-prestazzjoni tas-servizzi in kwistjoni […]

Jiena nintrabat ukoll li ngħaddi lis-subappaltaturi l-obbligi li jiena għandi taħt l-Artikoli 3, 4 u 7(2) tal-[liġi tal-Land] u li nikkontrolla l-osservanza ta’ l-imsemmija obbligi mis-subappaltaturi.

[…]

Jiena naqbel li n-nuqqas ta’ osservanza ta’ l-obbligi msemmija fl-Artikolu 3 tal-[liġi tal-Land] minni stess jew mis-subappaltaturi kif ukoll in-nuqqas li jitwettqu l-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 4 u 7(2) ta’ l-istess liġi b’riżultat ta’ negliġenza grossolana jew in-nuqqas ripetut li jitwettqu dawn l-obbligi, jawtorizzaw lill-awtorità kontraenti sabiex tittermina l-kuntratt mingħajr avviż minn qabel.”

36.      Il-konvenuta għamlet użu mis-servizzi tal-kumpannija PKZ Pracownie Konserwacji Zabytkow sp. zoo (iktar’il quddiem il-“kumpannija PKZ”), stabbilita f’Tarnow (il-Polonja) u li għandha l-fergħa tagħha f’Wedemark (il-Ġermanja) in kwantu impriża subappaltatriċi.

37.      Matul is-sajf tas-sena 2004, ġie ssospettat li l-kumpannija PKZ impjegat fuq il-lant tax-xogħol ħaddiema Pollakki b’paga iktar baxxa minn dik prevista fil-ftehim kollettiv applikabbli. Wara l-bidu ta’ l-investigazzjoni, kemm il-konvenuta u kif ukoll il-Land Niedersachsen itterminaw il-kuntratt għal xogħlijiet konkluż bejniethom. Il-Land Niedersachsen ibbażat it-terminazzjoni tagħha partikolarment fuq il-fatt li l-konvenuta naqset milli twettaq l-obbligu kuntrattwali tagħha li tosserva l-ftehim kollettiv. Barra minn hekk, inħareġ digriet penali kontra d-diriġenti prinċipali tal-kumpannija PKZ, bl-akkuża li t-53 ħaddiem li kienu ħadmu fuq il-lant tax-xogħol kienu tħallsu biss 46.57 % tal-paga minima prevista.

38.      Il-Land Niedersachsen talab li tiġi applikata l-klawżola tal-penali billi sostna li l-konvenuta kellha tkun taf bin-nuqqasijiet tas-subappaltatur u li l-ħlas tal-pagi iktar baxxi minn dawk previsti fil-ftehim kollettiv kien jirrappreżenta nuqqas separat għal kull ħaddiem, b’mod li l-penali ta’ 10 % ta’ l-ammont tal-kuntratt kienet xierqa.

39.      Fl-ewwel lok, il-Landgericht Hannover (Qorti Reġjonali, Hannover) sostniet li din it-talba kienet parzjalment fondata. Fil-fatt hija kkonstatat li l-kreditu tal-konvenuta li kien ibbażat fuq il-kuntratt għal xogħlijiet kien ġie paċut bl-applikazzjoni tal-penali kuntrattwali fl-ammont ta’ EUR 84 934.31, jiġifieri 1 % tal-valur tal-kuntratt, u ċaħdet it-talba fir-rigward tal-kumplament.

40.      Adita bl-appell, l-Oberlandesgericht Celle tispjega, fid-deċiżjoni tagħha ta’ rinviju, li s-soluzzjoni tal-kawża prinċipali tiddependi fuq dwar jekk hija għandhiex obbligu li ma tapplikax il-liġi tal-Land, u b’mod partikolari, l-Artikolu 8(1) ta’ l-istess liġi, għar-raġuni li din mhijiex kompatibbli mal-libertà li jiġu pprovduti servizzi stabbilita fl-Artikolu 49 KE.

41.      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tosserva li l-impenn li jiġu osservati l-ftehim kollettivi li għandhom jieħdu l-impriżi ta’ bini stabbiliti fi Stati Membri oħra skond il-liġi tal-Land jobbliga lill-istess impriżi li jadattaw il-pagi mħallsin lill-ħaddiema tagħhom skond ir-rata ta’ ħlas, normalment ogħla, tal-post fejn jiġu pprovduti s-servizzi fil-Ġermanja. Dan itellifhom il-vantaġġ kompetittiv li huma għandhom mill-ispejjeż ta’ pagi iktar baxxi. L-obbligu li jiġu osservati l-ftehim kollettivi għaldaqstant jirrappreżenta ostakolu għad-dħul fi Stat Membru ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi ġejjin minn Stati Membri oħra.

42.      Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju turi ċerti dubji dwar jekk l-impenn li jiġu osservati l-ftehim kollettivi huwiex iġġustifikat minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali.

43.      Hija tippronunċja ruħha favur it-teżi li wieħed ma jistax jikkunsidra li l-obbligu li jiġu osservati l-ftehim kollettivi huwa bbażata fuq raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali. Fil-fatt, in kwantu dan l-obbligu jikkontribwixxi għall-protezzjoni ta’ l-impriżi Ġermaniżi ta’ bini mill-kompetizzjoni provenjenti minn Stati Membri oħra, dan l-istess obbligu għandu għan ta’ natura ekonomika li, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ma jistax jikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tiġġustifika r-restrizzjoni fuq il-libertà li jiġu ppprovduti s-servizzi.

44.      Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-paga minima ma tapplikax fil-kuntest tal-kawża prinċipali, peress li l-pagi msemmija fil-ftehim kollettiv, li huma meħtieġa fil-post fejn jiġu pprovduti s-servizzi, huma ħafna iktar ogħla mill-pagi minimi li japplikaw fit-territroju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja skond l-AEntG. Minn dan hija tiddeduċi li l-obbligu li jiġu osservati dawn il-ftehim kollettivi imur lil hinn minn dak li huwa neċessarju għall-protezzjoni tal-ħaddiema. Fil-fatt, hija ssostni li dak li huwa meħtieġ għall-protezzjoni tal-ħaddiema hija biss il-paga minima mandatarja, kif għandha tiġi applikata fit-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja skond l-AEntG. Fl-aħħar nett hija żżid tgħid li, għal dak li jikkonċerna l-ħaddiema barranin, l-obbligu li jiġu osservati l-ftehim kollettivi ma jippermettix li jkun hemm ugwaljanza effettiva bejn il-ħaddiema Ġermaniżi, iżda pjuttost jimpedixxi li dawn il-ħaddiema barranin jiġu impjegati fil-Ġermanja, peress li min iħaddimhom ma jistax jisfrutta l-vantaġġ li huwa jkollu f’dak li jirrigwarda l-ispiża tal-ħaddiema.

45.      Peress li qieset li s-soluzzjoni tal-kawża prinċipali teħtieġ interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Artikolu 49 KE, l’Oberlandesgericht Celle ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Il-fatt li l-awtorità kontraenti hija meħtieġa bil-liġi li tagħżel, bħala appaltatur ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, dawk l-impriżi biss li meta jagħmlu l-offerti tagħhom jintrabtu bil-miktub li, bħala korrispettiv għall-prestazzjoni tas-servizzi kkonċernati, iħallsu lill-ħaddiema tagħhom ta’ l-inqas il-paga stabbilita fil-ftehim kollettiv applikabbli fil-post fejn jiġu pprovduti l-imsemmija servizzi, jikkostitwixxi restrizzjoni, li mhijiex iġġustifikata, fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi taħt it-Trattat KE?”

III – Analiżi

46.      Permezz ta’ din id-domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk ir-regoli tat-Trattat dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi għandhomx jiġu interpretati fis-sens li dawn jipprekludu liġi nazzjonali bħalma hija l-liġi tal-Land milli timponi fuq l-appaltaturi u, indirettament fuq is-subappaltaturi tagħhom, l-obbligu li jħallsu lill-ħaddiema kkollokati fil-qafas ta’ l-eżekuzzjoni ta’ kuntratt pubbliku ta’ l-inqas dik il-paga prevista fil-ftehim kollettiv li tapplika fil-post fejn jiġu pprovduti s-servizzi, taħt piena ta’ penali li jistgħu iwasslu għat-terminazzjoni tal-kuntratt għal xogħlijiet, meta l-ftehim kollettiv li tirreferi għalih dik il-liġi ma jkunx iddikjarat bħala ta’ applikazzjoni ġenerali.

47.      Il-Land Niedersachsen, il-Gvern Ġermaniż u dak Daniż, l-Irlanda kif ukoll il-Gvern Ċiprijot, il-Gvern Awstrijak, il-Gvern Finlandiż u l-Gvern Norveġiż, essenzjalment isostnu li l-Artikolu 49 KE ma jipprekludix miżura bħalma hija dik tal-kawża prinċipali. Għalkemm din il-miżura tikkostitwixxi restrizzjoni fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, din hija ġġustifikata, b’mod partikolari, abbażi ta’ l-għan li jiġu protetti l-ħaddiema u hija proporzjonata għat-twettiq ta’ dan l-għan.

48.      Il-Gvern Belġjan isostni li dan l-ostakolu jista’ jkun iġġustifikat, minn naħa, meta l-ħaddiema ma jibbenefikawx minn protezzjoni simili pprovduta mil-liġi ta’ l-Istat ta’ l-istabbiliment, b’mod li l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ l-Istat ospitanti tagħtihom vantaġġ reali li jikkontribwixxi b’mod sinjifikattiv għall-protezzjoni soċjali tagħhom, u min-naħa l-oħra, meta l-applikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni hija proporzjonata għall-għan ta’ interess ġenerali li jkun irid jintlaħaq. Skond dan il-Gvern, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tagħmel din l-analiżi b’mod konkret filwaqt li tieħu in kunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi tal-kawża li tkun adita biha.

49.      Ċerti gvernijiet janalizzaw il-kwistjoni wkoll mill-perspettiva tad-Direttiva 96/71 u huma tal-fehma li din ma teskludix il-miżura in kwistjoni fil-kawża prinċipali.

50.      Min-naħa l-oħra, il-Gvern Pollakk isostni li d-Direttiva 96/71 ma tistax tiġġustifika li l-għoti ta’ kuntratt ikun suġġett għall-ħlas, mill-fornitur tas-servizz lill-ħaddiema kkollokati, ta’ paga ogħla mir-rata minima stabbilita fl-Artikolu 3(1)(ċ) ta’ din id-Direttiva. Madankollu, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li r-rati ta’ paga previsti mill-ftehim kollettiv applikabbli fil-post fejn jiġu pprovduti s-servizzi huma sostanzjalment ogħla mil-paga minima definita mill-AEntG.

51.      B’mod sussidjarju, il-Gvern Pollakk isostni li l-miżura in kwistjoni fil-kawża prinċipali tmur kontra l-Artikolu 49 KE. Fil-fehma tiegħu, din tikkostitwixxi ostakolu għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, li mhuwiex iġġustifikat. Huwa jaqbel mal-fehma tal-qorti tar-rinviju li d-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-Land għandhom l-għan li jipproteġu l-impriżi Ġermaniżi tal-bini mill-kompetizzjoni provenjenti minn Stati Membri oħra, u għaldaqstant de facto għandhom għan ta’ natura ekonomika li, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ma jistax jiġġustifika restrizzjoni fuq libertà fundamentali. Skond il-Gvern Pollakk dispożizzjonijiet bħal dawn imorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju għall-ġlieda kontra l-kompetizzjoni żleali, peress li dan l-għan jista’ jintlaħaq b’mod adegwat permezz ta’ l-iffissar ta’ rata minima ta’ paga fl-AEntG.

52.      Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej issostni li l-kawża prinċipali taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 96/71 u li jeħtieġ li d-domanda preliminari tiġi analizzata qabel kollox fid-dawl ta’ din id-Direttiva. Hija tesponi li l-għan ta’ l-imsemmija Direttiva huwa li toħloq bilanċ bejn il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u l-protezzjoni tal-ħaddiema kkollokati. Sabiex jilħaq dan l-għan, fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 96/71, il-leġiżlatur Komunitarju stabbilixxa qafas iddettaljat li l-Istati Membri għandhom josservaw.

53.      Peress li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandha sistema ta’ dikjarazzjoni ta’ applikazzjoni ġenerali tal-ftehim kollettivi, huwa biss l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 3(8) ta’ din id-Direttiva li huwa rilevanti. Skond din id-dispożizzjoni, moqrija flimkien mat-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 3(1) ta’ l-imsemmija Direttiva, il-pagi minimi għall-ħaddiema kkollokati fil-Ġermanja għandhom jiġu ffissati biss permezz ta’ ftehim kollettivi ddikjarati bħala ta’ applikazzjoni ġenerali, jiġifieri ftehim kollettivi li għandhom ikunu osservati mill-impriżi kollha fil-professjoni u fl-industrija kkonċernati u fil-qasam ġeografiku ta’ dawn il-ftehim.

54.      Din hija r-raġuni għaliex il-Kummissjoni ssostni li, in kwantu l-liġi tal-Land timponi obbligu li tiġi osservata rata ta’ ħlas li tkun prevista fi ftehim kollettiv li ma jkunx ġie ddikjarat bħala ta’ applikazzjoni ġenerali, din il-liġi għandha titqies bħala inkompatibbli mad-Direttiva 96/71. Għaldaqstant, hija taqa’ barra mill-portata tal-garanziji, armonizzati minn din id-Direttiva, li l-leġiżlazzjoni Komunitarja tipprovdi fir-rigward tal-paga minima tal-ħaddiema kkollokati.

55.      Il-Kummissjoni żżid tgħid li l-liġi tal-Land li għandha l-iskop li timponi kundizzjonijiet ta’ xogħol iktar eżiġenti unikament għall-ħaddiema kkollokati li jkunu impjegati fil-kuntest ta’ kuntratt pubbliku, jiġifieri f’settur tal-ħajja ekonomika, ma tistax, fi kwalunkwe każ, tirrispondi għall-interess ġenerali imperattiv fis-sens ta’ l-Artikolu 49 KE u lanqas mhija xierqa sabiex jintlaħaq interess bħal dan.

56.      Waqt is-seduta, il-Gvern Franċiż, essenzjalment iddefenda l-istess pożizzjoni bħal dik tal-Kummissjoni, billi qies li l-Artikolu 49 KE u d-Direttiva 96/71 ma jipprekludux lil Stat Membru milli japplika għall-ħaddiema kkollokati l-paga minima prevista minn ftehim kollettiv nazzjonali jew lokali, iżda sakemm dak il-ftehim kollettiv ikun ddikjarat bħala ta’ applikazzjoni ġenerali għall-impriżi fis-settur jew fit-territorju in kwistjoni.

57.      Fid-dawl ta’ dawn l-osservazzjonijiet, jeħtieġ l-ewwel nett li jiġi mfakkar li, sabiex tagħti risposta utli lill-qorti li tkun għamlitilha domanda preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja jista’ jkollha tieħu in kunsiderazzjoni regoli tad-dritt Komunitarju li l-qorti nazzjonali ma tkunx għamlet referenza għalihom fid-domanda tagħha (15).

58.      Fir-rigward l-ewwel nett tad-Direttiva 93/37, diġà ġie indikat li din ma tirregolax il-fażi ta’ l-eżekuzzjoni tal-kuntratti pubbliċi. Madankollu, l-impenn li, skond l-Artikolu 3(1) u 4(1) tal-liġi tal-Land, għandhom jieħdu l-offerenti, li jħallsu lill-ħaddiema tagħhom ta’ l-inqas il-paga prevista fil-ftehim kollettiv applikabbli fil-post fejn jiġu pprovduti s-servizzi kkonċernati u li jorbtu lis-subappaltaturi tagħhom bl-istess obbligu jikkostitwixxi, fil-fehma tiegħi, kundizzjoni għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt (16).

59.      Madankollu, jiena nosserva li l-Artikolu 23 ta’ l-imsemmija Direttiva mhuwiex irrilevanti fil-kuntest ta’ din il-kawża peress li jesprimi l-idea li l-eżekuzzjoni tal-kuntratt wara l-għoti ta’ kuntratt pubbliku għandha ssir b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ protezzjoni u l-kundizzjonijiet ta’ xogħol li jkunu fis-seħħ fil-post fejn jitwettqu x-xogħlijiet.

60.      Madankollu, jiena mhux ser nagħti interpretazzjoni iktar dettaljata tad-Direttiva 93/37, peress li hija ma tippermettix li tingħata risposta għall-qofol tal-problema mqajma minn din id-domanda preliminari, jiġifieri d-determinazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ xogħol li, in konformità mad-dritt Komunitarju, jistgħu jiġu imposti fil-kuntest ta’ l-eżekuzzjoni ta’ kuntratt pubbliku f’sitwazzjoni ta’ kollokament ta’ ħaddiema li jsir fl-ambitu ta’ prestazzjoni ta’ servizzi.

61.      Sussegwentement, għal dak li jirrigwarda d-Direttiva 96/71, jiena tal-fehma li l-fatti tal-kawża prinċipali, kif deskritti fid-deċiżjoni tar-rinviju, għandhom jiġu meqjusa bħala li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, peress li jikkorrispondu għall-każ definit fl-Artikolu 1(3)(a) ta’ l-imsemmija Direttiva.

62.      B’mod iktar preċiż, quddiemna għandna każ fejn impriża stabbilita fi Stat Membru, jiġifieri l-kumpannija PKZ stabbilita fil-Polonja, bagħtet xi ħaddiema Pollakki, f’isimha u taħt id-direzzjoni tagħha, fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, li f’dan il-każ huwa r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, fil-qafas ta’ kuntratt ta’ subappalt konkluż bejn l-impriża li bagħtet lill-ħaddiema u d-destinatarju tal-prestazzjoni ta’ servizzi li jopera f’dan l-Istat Membru ta’ l-aħħar, jiġifieri l-konvenuta fil-kawża prinċipali.

63.      Barra minn hekk, huwa paċifiku li l-fatti tal-kawża prinċipali seħħew f’data wara l-iskadenza tat-terminu impost fuq l-Istati Membri sabiex jittrasponu d-Direttiva 96/71, jiġifieri wara s-16 ta’ Diċembru 1999.

64.      Ċertament, huwa minnu li l-għan tal-liġi tal-Land mhuwiex speċifikatament li tirregola s-sitwazzjonijiet ta’ kollokament tal-ħaddiema fil-qafas ta’ kuntratt ta’ prestazzjoni ta’ servizzi, iżda huwa pjuttost, b’mod iktar ġenerali, l-għoti tal-kuntratti pubbliċi fil-Land Niedersachsen. Madankollu, in kwantu din il-liġi tistabbilixxi kundizzjonijiet għall-eżekuzzjoni ta’ kuntratti għal xogħlijiet, f’dan il-każ l-osservanza tal-paga minima, li għandhom japplikaw b’mod obbligatorju għall-ħaddiema impjegati mill-appaltatur u/jew mis-subappaltatur, inkluż għall-ħaddiema li jiġu kkollokati fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi, bħalma huwa l-każ fil-kawża prinċipali, jeħtieġ li din il-liġi tiġi eżaminata fid-dawl tad-dritt Komunitarju sekondarju li jirrigwarda l-kollokament tal-ħaddiema li jsir fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi.

65.      Ser nibda għalhekk billi neżamina l-kwistjoni dwar jekk id-Direttiva 96/71 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi liġi nazzjonali bħalma hija l-liġi tal-Land li timponi fuq l-appaltaturi u, indirettament, fuq is-subappaltaturi, l-obbligu li jħallsu lill-ħaddiema kkollokati fil-qafas ta’ l-eżekuzzjoni ta’ kuntratt pubbliku ta’ l-inqas il-paga prevista fil-ftehim kollettiv applikabbli fil-post fejn jiġu pprovduti s-servizzi, taħt piena ta’ penali li jistgħu iwasslu għat-terminazzjoni tal-kuntratt għal xogħlijiet, meta l-ftehim kollettiv li għalih tirreferi din il-liġi ma jkunx iddikjarat bħala ta’ applikazzjoni ġenerali fis-sens ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 3(8) ta’ din id-Direttiva.

A –    Fuq l-interpretazzjoni tad-Direttiva 96/71

66.      Fil-fehma tiegħi d-Direttiva 96/71 ma tistax tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi miżura bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali. Sabiex wieħed ikun jista’ jkun konvint minn din l-opinjoni, jeħtieġ li tiġi deskritta s-sistema implimentata minn din id-Direttiva. Sussegwentement ser nanalizza, fid-dawl tas-sistema hekk deskritta, l-iskema li tapplika fil-liġi Ġermaniża sabiex jiġu ddeterminati r-rati minimi ta’ ħlas fis-settur tal-bini.

67.      Kif diġà indikajt qabel, l-għan tad-Direttiva 96/71 huwa li tikkoordina l-liġijiet ta’ l-Istati Membri b’mod li tistabbilixxi nukleu ta’ regoli mandatarji għall-protezzjoni minima li għandhom jiġu osservati fil-pajjiż ospitanti minn dawk li jħaddmu u li jibgħatu lill-ħaddiema tagħhom biex jagħmlu xogħol temporanju fit-territorju ta’ l-Istat Membru fejn jiġu pprovduti s-servizzi.

68.      Billi adotta din id-Direttiva l-leġiżlatur Komunitarju mhux biss adotta l-ġurisprudenza stabbilita biż-żmien mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tal-kollokament ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi, imma ppreċiżaha u saħħaħha wkoll.

69.      Fil-fatt mis-sentenza tagħha tat-3 ta’ Frar 1982, Seco u Desquenne & Giral (17), il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li, bħala prinċipju, id-dritt Komunitarju ma jipprekludix lill-Istati Membri milli jestendu l-leġiżlazzjoni tagħhom, jew il-ftehim kollettivi konklużi mill-imsieħba soċjali, għal kull persuna impjegata, anki jekk fuq bażi temporanja, fit-territorju tagħhom, irrispettivament mill-pajjiż fejn ikun stabbilit dak li jħaddem, u lanqas jipprojbixxi lill-Istati Membri milli jirrikjedu li dawn ir-regoli jiġu osservati permezz tal-mezzi xierqa (18). Din il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja hija riprodotta fit-tnax-il premessa tad-Direttiva 96/71.

70.      L-ewwel kontribuzzjoni ta’ din id-Direttiva hija li tibdel f’obbligu dak li sallum kienet biss għażla ta’ l-Istati Membri. Għaldaqstant, l-imsemmija Direttiva timponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li japplikaw, għall-impriżi stabbiliti fi Stat Membru ieħor u li jibagħtu ħaddiema fuq it-territorju tagħhom fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi transnazzjonali, sensiela ta’ regoli nazzjonali li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet ta’ xogħol f’ċerti oqsma.

71.      Kontribuzzjoni oħra tad-Direttiva 96/71 hija li tagħti s-sustanza lin-“nukleu iebes” tar-regoli protettivi li l-leġiżlatur Komunitarju xtaq jiggarantixxi l-applikazzjoni tagħhom favur il-ħaddiema kkollokati.

72.      B’hekk, l-Artikolu 3(1) ta’ din id-Direttiva jidentifika r-regoli nazzjonali li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet ta’ xogħol li l-ħaddiema kkollokati ma jistgħux jiġu mċaħħda minnhom fl-Istat Membru fejn jiġi pprovdut is-servizz.

73.      Kif indikat riċentament il-Qorti tal-Ġustizzja, l-imsemmija Direttiva tistabbilixxi “lista ta’ regoli nazzjonali li Stat Membru għandu japplika għall-impriżi stabbiliti fi Stat Membru ieħor li jibagħtu ħaddiema fuq it-territorju tiegħu stess fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi transnazzjonali” (19). F’dan is-sens, dawn huma regoli protettivi ta’ natura mandatarja.

74.      L-elenkar ta’ dawn ir-regoli mil-leġiżlatur Komunitarju jsaħħaħ iċ-ċertezza legali in kwantu l-fornitur tas-servizzi stabbilit fi Stat Membru ieħor illum huwa ċert li jkollu japplika sett ta’ regoli minimi li jkunu kjarament identifikabbli u li jirrigwardaw il-kundizzjonijiet ta’ xogħol li jkunu fis-seħħ fl-Istat fejn jiġu pprovduti s-servizzi. Bħala korollarju ta’ dan, il-ħaddiem ikkollokat fi Stat Membru jkun jista’ jinvoka favur tiegħu l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli li n-natura mandatarja tagħhom toħroġ direttament mid-Direttiva 96/71.

75.      Fost dawn il-kundizzjonijiet ta’ xogħol mandatarji hemm ir-rati minimi ta’ ħlas, kemm jekk stabbiliti minn liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi jew, fir-rigward ta’ l-attivitajiet fis-settur tal-bini, minn ftehim kollettivi jew minn sentenzi ta’ arbitraġġ ddikjarati ta’ applikazzjoni ġenerali fis-sens ta’ l-Artikolu 3(8) ta’ l-imsemmija Direttiva.

76.      Din il-kategorija ta’ kundizzjonijiet ta’ xogħol għandha fatturi partikolari meta mqabbla ma’ l-oqsma l-oħra msemmija fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/71, bħalma huma l-perijodi massimi ta’ xogħol u l-perijodi minimi ta’ mistrieħ, is-sigurtà, is-saħħa u l-iġjene fuq ix-xogħol kif ukoll it-tul minimu tal-vaganzi annwali mħallsa. Fil-fatt, għall-kundizzjonijiet tax-xogħol l-oħra, ġew żviluppati xi azzjonijiet Komunitarji u, b’mod partikolari, permezz tad-Direttivi li jistabbilixxu rekwiżiti minimi kien possibbli li ssir approssimazzjoni tal-liġijiet nazzjonali (20). Is-sitwazzjoni hija differenti fil-qasam tar-rata ta’ ħlas minima li fir-rigward tagħha għadha ma teżistix ebda miżura Komunitarja ta’ dan it-tip (21).

77.      Għalkemm ma jistax jingħad li l-kwistjoni tal-paga hija kompletament barra mill-iskop tad-dritt Komunitarju, ikollu jiġi ammess li d-determinazzjoni ta’ l-ammont jew tar-rata ta’ ħlas għadha mhijiex koperta bl-istess dritt Komunitarju (22).

78.      L-aħħar paragrafu ta’ l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/71 juri n-natura partikolari tar-rati minimi ta’ ħlas fejn jipprovdi li “il-kunċett ta’ rati minimi ta’ ħlas imsemmija fit-tieni inċiż punt ċ huwa ddefinit mil-liġi u/jew il-prattika nazzjonali ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu il-ħaddiem huwa mibgħut.”

79.      Barra minn hekk, fil-fehma tiegħi l-applikazzjoni tan-“nukleu iebes” tar-regoli protettivi msemmija fl-Artikolu 3(1) ta’ din id-Direttiva għandha tinftiehem bħala li tikkostitwixxi garanzija minima għall-ħaddiema kkollokati li b’hekk jiġu żgurati li, ta’ l-inqas, jibbenefikaw minn dawn ir-regoli nazzjonali li akkwistaw natura mandatarja.

80.      Din il-karatteristika l-oħra tas-sistema stabbilita mill-imsemmija Direttiva ssib l-espressjoni tagħha fil-kunċett stess tan-“nukleu ta’ regoli obbligatorji [mandatarji] għall-protezzjoni minima” li huwa msemmi fit-tlettax-il premessa tad-Direttiva 96/71.

81.      Barra minn hekk, jiena nfakkar li s-sbatax il-premessa ta’ din id-Direttiva tiddisponi li “ir-regoli obbligatorji [mandatarji] għall-protezzjoni mimina fis-seħħ fil-pajji[ż] li jilqa’ m’għandhomx jimpedixxu l-applikazzjoni ta’ klaw[ż]oli u kundizzjonijiet ta’ impjieg li huma aktar favorevoli għall-ħaddiema”. L-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 3(7) ta’ l-istess Direttiva jittraduċi din il-volontà tal-leġiżlatur Komunitarju, billi jippreċiża li “[i]l-Paragrafi 1 sa 6 m’għandhomx iżommu l-applikazzjoni ta’ klawżoli u kundizzjonijiet ta’ impjieg jew xogħol li huma aktar favorevoli għall-ħaddiema”.

82.      Fil-fehma tiegħi, din id-dispożizzjoni tinvolvi żewġ aspetti. Minn naħa, hija turi li n-natura mandatarja tar-regoli protettivi fis-seħħ fl-Istat fejn jiġu pprovduti s-servizzi tista’ tinħeba wara r-regoli fis-seħħ fl-Istat fejn jkun stabbilit il-fornitur, in kwantu dawn ikunu jirrigwardaw kundizzjonijiet ta’ xogħol iktar favorevoli għall-ħaddiema kkollokati.

83.      Min-naħa l-oħra, u huwa dan l-aspett li huwa rilevanti f’din il-kawża, l-Artikolu 3(7) tad-Direttiva 96/71 jippermetti wkoll, fil-fehma tiegħi, lill-Istati Membri fejn jiġu pprovduti s-servizzi li, fl-oqsma msemmija fl-Artikolu 3(1) ta’ din id-Direttiva, jtejbu l-livell ta’ protezzjoni soċjali li huma jkunu jixtiequ jiggarantixxu lill-ħaddiema impjegati fit-territorju tagħhom u li, għaldaqstant, huma jkunu jistgħu japplikaw għall-ħaddiema kkollokati hemmhekk. Din id-dispożizzjoni għalhekk tawtorizza, bħala prinċipju, l-implimentazzjoni ta’ protezzjoni nazzjonali msaħħa (23).

84.      Madankollu, jeħtieġ li jiġi ppreċiżat li l-implimentazzjoni ta’ tali protezzjoni nazzjonali msaħħa għandha ssir skond dak li huwa permess mill-Artikolu 49 KE (24).

85.      Jekk wieħed iqabbel hawnhekk is-sistema li tapplika fil-liġi Ġermaniża għad-determinazzjoni tar-rati minimi ta’ ħlas fis-settur tal-bini mas-sistema stabbilita mid-Direttiva 96/71, li għadni kif iddeskrivejt, wieħed jista’ jislet l-osservazzjonijiet li ġejjin.

86.      L-ewwel nett wieħed għandu josserva li fil-liġi Ġermaniża teżisti sistema li tippermetti li l-ftehim kollettivi jiġu ddikjarati bħala ta’ applikazzjoni ġenerali. L-iskema Ġermaniża għad-determinazzjoni tar-rati minimi ta’ ħlas fis-settur tal-bini għandha għalhekk tiġi eżaminata fid-dawl ta’ l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/71 u mhux fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 3(8) ta’ din id-Direttiva, li jkopri l-każ fejn ma tkunx teżisti sistema li biha ftehim kollettiv jiġi ddikjarat bħala ta’ applikazzjoni ġenerali.

87.      B’mod konformi ma’ l-Artikolu 3(1) ta’ din id-Direttiva, l-Artikolu 1(1) ta’ l-AEntG jipprovdi, b’mod partikolari, li r-regoli ġuridiċi fi ftehim kollettiv ta’ l-industrija tal-bini li huwa ddikjarat bħala ta’ applikazzjoni ġenerali, li jirrigwardaw il-paga minima, huma mandatarji wkoll fil-qafas tar-relazzjoni ta’ impjieg li torbot lil dak li jħaddem, li jkun stabbilit barra mill-pajjiż, u lill-ħaddiem tiegħu li jaħdem fil-qasam ġeografiku ta’ dak il-ftehim kollettiv. B’hekk, dak li jħaddem għandu ta’ l-inqas joffri lill-ħaddiem tiegħu kkollokat il-kundizzjonijiet ta’ xogħol stabbiliti fl-imsemmi ftehim kollettiv.

88.      Sussegwentement, infakkar li t-TV Mindestlohn, li kien applikabbli fiż-żmien meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali, li ġie ddikjarat bħala ta’ applikazzjoni ġenerali u li jkopri t-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, fis-settur tal-bini jistabbilixxi l-livell ta’ paga minima skond żewġ kategoriji li jikkorrispondu għal-livell ta’ kwalifiki tal-ħaddiem u għal livelli differenti skond jekk humiex Länder “antiki” jew “ġodda”.

89.      Dan il-ftehim kollettiv, iddikjarat bħala ta’ applikazzjoni ġenerali fis-sens ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 3(8) tad-Direttiva 96/71, għaldaqstant jifforma parti min-“nukleu iebes” tar-regoli protettivi, kif definit fl-Artikolu 3(1) ta’ l-istess Direttiva.

90.      Fl-istess ħin, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li dan il-ftehim jippreċiża wkoll li d-drittijiet għall-pagi ogħla abbażi ta’ ftehim kollettivi oħra jew abbażi ta’ ftehim partikolari mhumiex affettwati mid-dispożizzjoni li tistabbilixxi l-ħlas fis-siegħa totali għaż-żewġ kategoriji msemmijin iktar’il fuq. Għaldaqstant it-TV Mindestlohn, in konformità ma’ dak li jippermetti l-Artikolu 3(7) ta’ l-imsemmija Direttiva, jirriżerva espressament il-possibbiltà li jiġu applikati kundizzjonijiet ta’ xogħol iktar favorevoli għall-ħaddiema.

91.      B’mod iktar preċiż, l-iskema li tapplika fil-liġi Ġermaniża għad-determinazzjoni tar-rati minimi ta’ ħlas fis-settur tal-bini, bħala addizzjoni għat-TV Mindestlohn, hija bbażata fuq diversi ftehim kollettivi speċifiċi li, fil-parti l-kbira tagħhom, għandhom qasam ġeografiku limitat u li normalment mhumiex is-suġġett ta’ dikjarazzjoni ta’ applikazzjoni ġenerali, fatt dan li jeskludihom min-“nukleu iebes” tar-regoli minimi protettivi kif definit fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/71.

92.      Dan jimplika, bħalma ssostni l-Kummissjoni, li l-osservanza ta’ dawn id-diversi ftehim kollettivi speċifiċi, li mhumiex iddikjarati bħala ta’ applikazzjoni ġenerali fis-sens ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 3(8) ta’ din id-Direttiva, ma tistax tiġi imposta fuq l-impriżi li jikkollokaw ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi transnazzjonali?

93.      Jiena ma naħsibx li dan huwa l-każ.

94.      Fil-fatt, jiena nsostni li, in kwantu r-rati ta’ pagi stabbiliti f’dawn il-ftehim kollettivi speċifiċi fil-prattika huma ogħla sew mir-rati minimi ta’ ħlas imposti fit-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja bis-saħħa tat-TV Mindestlohn, dawn il-ftehim jikkostitwixxu l-implimentazzjoni ta’ protezzjoni nazzjonali msaħħa. Kif diġà urejt iktar’il fuq, din il-protezzjoni nazzjonali msaħħa hija permessa bis-saħħa ta’ l-Artikolu 3(7) tad-Direttiva 96/71.

95.      Barra minn hekk miżura nazzjonali, bħal dik fil-kawża prinċipali, li tirrendi dawn il-ftehim kollettivi obbligatorji, inkluż fil-każ ta’ kollokament ta’ ħaddiema, fil-fehma tiegħi hija konformi ma’ din id-Direttiva in kwantu hija timplimenta l-fakultà li hija miftuħa għall-Istati Membri skond l-Artikolu 3(7) ta’ l-istess Direttiva.

96.      Barra minn hekk, il-fatt li ftehim kollettiv iddikjarat bħala ta’ applikazzjoni ġenerali, bħalma huwa t-TV Mindestlohn, jirriferi huwa stess, b’mod ġenerali, għal ftehim kollettivi oħra jew għall-ftehim partikolari li jipprovdu drittijiet għall-pagi ogħla, fil-fehma tiegħu huwa konformi mad-Direttiva 96/71.

97.      Għalhekk, jidhirli li s-sistema Ġermaniża għad-determinazzjoni tar-rati minimi ta’ ħlas fis-settur tal-bini tikkostitwixxi sistema koerenti li hija kompatibbli mad-Direttiva 96/71.

98.      Għaldaqstant jiena tal-fehma li d-Direttiva 96/71 għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix liġi nazzjonali bħalma hija l-liġi tal-Land milli timponi fuq l-appaltaturi u, indirettament fuq is-subappaltaturi tagħhom, l-obbligu li jħallsu lill-ħaddiema kkollokati fil-qafas ta’ l-eżekuzzjoni ta’ kuntratt pubbliku ta’ l-inqas il-paga prevista fil-ftehim kollettiv applikabbli fil-post fejn jiġu pprovduti s-servizzi, taħt piena ta’ penali li jistgħu jwasslu għat-terminazzjoni tal-kuntratt tax-xogħlijiet, inkluż fil-każ li l-ftehim kollettiv li tirreferi għalih din il-liġi ma jkunx iddikjarat bħala ta’ applikazzjoni ġenerali fis-sens ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 3(8) ta’ din id-Direttiva.

99.      F’dan l-istadju jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk l-Artikolu 49 KE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi liġi nazzjonali bħalma hija dik fil-kawża prinċipali.

B –    Fuq l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 49 KE

100. Skond ġurisprudenza stabbilita l-Artikolu 49 KE jeżiġi mhux biss l-eliminazzjoni ta’ kull diskriminazzjoni fil-konfront tal-fornitur ta’ servizzi stabbilit fi Stat Membru ieħor abbażi tan-nazzjonalità tiegħu, iżda wkoll l-abolizzjoni ta’ kull restrizzjoni, anki jekk tapplika mingħajr distinzjoni għal fornituri nazzjonali u għal dawk minn Stati Membri oħra, meta hija ta’ natura li tipprojbixxi, tfixkel, jew tirrendi inqas attraenti l-attivitajiet ta’ fornitur stabbilit fi Stat Membru ieħor, fejn huwa jipprovdi servizzi simili legalment (25).

101. F’dan ir-rigward jeħtieġ li jiġi ppreċiżat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ l-Istat Membru ospitanti għall-fornituri ta’ servizzi tista’ tipprojbixxi, tfixkel jew tirrendi inqas attraenti l-prestazzjonijiet ta’ servizzi minn persuni jew impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħra in kwantu tinvolvi spejjeż u piżijiet amministrattivi u ekonomiċi addizzjonali (26).

102. Fil-fehma tiegħi m’hemm ebda dubju li f’dan il-każ teżisti restrizzjoni fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

103. Fil-fatt, billi jobbligaw lill-appaltaturi ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet u, b’mod indirett, lis-subappaltaturi tagħhom, josservaw il-paga minima prevista fil-ftehim kollettiv applikabbli fil-post fejn jiġu pprovduti s-servizzi, l-Artikoli 3(1) u 4(1) tal-liġi tal-Land jistgħu jimponu fuq il-fornituri ta’ servizzi stabbiliti fi Stat Membru ieħor, fejn ir-rati minimi ta’ ħlas huma iktar baxxi, piż ekonomiku addizzjonali li jista’ jipprojbixxi, ifixkel jew irendi inqas attraenti l-prestazzjoni tas-servizzi tagħhom fl-Istat Membru ospitanti.

104. Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi rrilevat li d-dispożizzjonijiet in kwistjoni tal-liġi tal-Land japplikaw mingħajr distinzjoni għall-fornituri nazzjonali u għal dawk ta’ Stati Membri oħra. Fi kliem ieħor, l-obbligu li tiġi osservata l-paga minima prevista fil-ftehim kollettiv applikabbli fil-post fejn jiġu pprovduti s-servizzi japplika kemm għall-fornituri ta’ servizzi stabbiliti fil-Ġermanja kif ukoll għal dawk li huma stabbiliti fi Stat Membru ieħor.

105. Skond ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ukoll stabbilita, tali leġiżlazzjoni li tapplika mingħajr distinzjoni tista’ tkun iġġustifikata fid-dawl ta’ l-Artikolu 49 KE jekk tirrispondi għal raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, safejn dan l-interess ma jkunx protett mir-regoli li l-fornitur ikun suġġett għalihom fl-Istat Membru fejn ikun stabbilit, u sakemm din il-leġiżlazzjoni tkun xierqa sabiex tiggarantixxi t-twettiq ta’ l-għan tagħha u ma tkunx tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan l-għan jintlaħaq (27).

106. Fost ir-raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali diġà rrikonoxxuti mill-Qorti tal-Ġustizzja hemm inkluża il-protezzjoni tal-ħaddiema (28).

107. Minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li f’isem dik ir-raġuni imperattiva, id-dritt Komunitarju ma jipprekludix lill-Istati Membri milli jestendu l-leġiżlazzjoni tagħhom, jew il-ftehim kollettivi ta’ xogħol konklużi mill-imsieħba soċjali, għal kull persuna li hija impjegata fit-territorju tagħhom, anki jekk fuq bażi temporanja, irrispettivament minn liema jkun il-pajjiż ta’ stabbiliment ta’ dak li jħaddem, u ma jipprojbixxix lill-Istati Membri milli jirrikjedu l-osservanza ta’ dawn ir-regoli bil-mezzi adattati, meta jidher li l-protezzjoni mogħtija minnhom mhijiex iggarantita minn obbligi identiċi jew essenzjalment simili għal dawk li tkun diġà suġġetta għalihom l-impriża fl-Istat Membru fejn tkun stabbilita (29).

108. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-għan li jikkonsisti fil-prevenzjoni ta’ kompetizzjoni żleali min-naħa ta’ impriżi li jħallsu lill-ħaddiema tagħhom b’rata iktar baxxa minn dik li tikkorrispondi għall-paga minima jista’ jittieħed in kunsiderazzjoni bħala eżiġenza imperattiva li tista’ tiġġustifika restrizzjoni fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi (30). Hija indikat ukoll li ma teżistix neċessarjament kontradizzjoni bejn l-għan li tiġi ppreżervata l-kompetizzjoni leali, minn naħa, u l-għan li tiġi żgurata l-protezzjoni tal-ħaddiema, min-naħa l-oħra (31).

109. Fl-elaborazzjoni ta’ dan ir-raġunament, riċentament il-Qorti tal-Ġustizzja stabbiliet rabta espliċita bejn il-ġurisprudenza stabbilita tagħha li tirrikonoxxi li l-Istati Membri għandhom il-fakultà li jestendu l-leġiżlazzjoni tagħhom jew il-ftehim kollettivi dwar il-paga minima għal kull persuna li hija impjegata, anki temporanjament, fit-territorju tagħhom u l-ġustifikazzjoni bbażata fuq il-“prevenzjoni tad-dumping soċjali” (32).

110. Diġà indikajt qabel li l-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar jekk l-obbligu li l-liġi tal-Land timponi fuq l-appaltaturi u, indirettament, fuq is-subappaltaturi tagħhom, li josservaw il-ftehim kollettiv applikabbli fil-post fejn jiġu pprovduti s-servizzi huwiex iġġustifikat minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali.

111. F’dan ir-rigward jiena nfakkar li skond din il-ġurisprudenza, l-iskop prinċipali tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi in kwistjoni huwa li jiġu protetti l-impriżi ta’ bini Ġermaniżi mill-kompetizzjoni provenjenti minn Stati Membri oħra. Għan bħal dan, li huwa ta’ natura ekonomika, ma jistax jikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tiġġustifika restrizzjoni fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

112. Barra minn hekk, l-imsemmija qorti tikkunsidra li l-obbligu li, fil-post fejn jiġu pprovduti s-servizzi, jiġi osservat ftehim kollettiv li jipprovdi għal rati minimi ta’ ħlas li huma ogħla minn dawk applikabbli fit-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja skond l-AEntG, imur lilhinn minn dak li huwa meħtieġ għall-protezzjoni tal-ħaddiema. Fil-fatt, hija ssostni li dak li huwa neċessarju għall-protezzjoni tal-ħaddiema huwa definit mill-paga minima mandatarja li għandha tiġi applikata fit-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja skond l-AEntG.

113. Jiena ma naqbilx ma’ l-analiżi proposta mill-qorti tar-rinviju u li hija essenzjalment sostnuta mill-Gvern Pollakk.

114. Jiena nqis, għall-kuntrarju, li d-dispożizzjonijiet ikkontestati tal-liġi tal-Land huma xierqa sabiex jiggarantixxu t-twettiq ta’ l-għanijiet li jikkonsistu fil-protezzjoni tal-ħaddiema u l-prevenzjoni tad-dumping soċjali, u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jilħquhom.

115. Huwa minnu li skond ġurisprudenza stabbilita, miżuri li jikkostitwixxu restrizzjoni fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi ma jistgħux ikunu ġġustifikati abbażi ta’ għanijiet ta’ natura ekonomika, bħalma hija l-protezzjoni ta’ l-impriżi nazzjonali (33). Madankollu, fl-istess waqt, il-Qorti tal-Ġustizzja ssostni li l-intenzjoni tal-leġiżlatur, kif tidher mid-dibattiti politiċi li jsiru qabel l-adozzjoni ta’ xi liġi jew fl-espożizzjoni tal-motivi ta’ l-istess liġi, ma tistax tkun determinanti imma tista’ tikkostitwixxi ħjiel fir-rigward ta’ l-għan ta’ l-imsemmija liġi (34). Hija l-imsemmija qorti li għandha tivverifika jekk, ikkunsidrata oġġettivament, il-leġiżlazzjoni in kwistjoni fil-kawża prinċipali tiggarantixxix il-protezzjoni tal-ħaddiema kkollokati (35), jew, b’mod iktar ġenerali, il-prevenzjoni tad-dumping soċjali.

116. B’hekk, fir-rigward ta’ l-osservazzjoni tal-qorti tar-rinviju fejn jingħad li l-għan prinċipali tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi in kwistjoni fil-kawża prinċipali huwa li jiġu protetti l-impriżi Ġermaniżi tal-bini mill-kompetizzjoni provenjenti minn Stati Membri oħra, hija l-istess qorti li għandha tivverifika jekk, ikkunsidrati oġġettivament, id-dispożizzjonijiet jiggarantixxux jew le l-protezzjoni tal-ħaddiema kkollokati. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk l-imsemmija dispożizzjonijiet jagħtux lill-ħaddiema kkonċernati benefiċċju reali li jikkontribwixxi, b’mod sinjifikattiv, għall-protezzjoni soċjali tagħhom (36).

117. Sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ dan il-benefiċċju, li jikkostitwixxi protezzjoni reali addizzjonali għall-ħaddiema kkollokati (37), il-qorti tar-rinviju għandha tanalizza jekk il-protezzjoni li tkun diġà ngħatat lill-ħaddiema, għal dak li jikkonċerna l-ħlas tagħhom, mil-leġiżlazzjoni u/jew mill-ftehim kollettivi fis-seħħ fl-Istat ta’ l-istabbiliment tal-fornitur tas-servizzi hijiex ekwivalenti jew essenzjalment simili. Fil-kuntest ta’ din l-analiżi, huwa l-ammont gross tal-paga li għandu jittieħed in kunsiderazzjoni (38).

118. F’dan ir-rigward, jiena nfakkar li mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-kumpannija PKZ ġiet akkużata li ħallset lit-53 ħaddiem li kienu qed jaħdmu fuq il-lant 46.57 % biss mill-paga minima applikabbli. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidher li huwa stabbilit li l-osservanza tal-liġi tal-Land kienet tagħti lil dawn il-ħaddiema protezzjoni effettiva addizzjonali, billi kienet tħallihom jibbenefikaw minn paga ogħla sew minn dik li normalment jitħallsu fl-Istat ta’ l-istabbiliment minn dak li jħaddimhom. Jidher għalhekk li din il-liġi hija xierqa biex tiżgura l-protezzjoni tal-ħaddiema kkollokati.

119. Fil-fehma tiegħi, din il-liġi hija wkoll xierqa biex tipprevjeni d-dumping soċjali in kwantu hija għandha wkoll l-għan li tarmonizza l-kundizzjonijiet li fihom il-fornituri tas-servizzi, kemm jekk ikunu stabbiliti fil-Ġermanja kif ukoll jekk le, għandhom iħallsu lill-ħaddiema tagħhom fil-qafas ta’ l-eżekuzzjoni ta’ kuntratt pubbliku. B’hekk, hija tiggarantixxi li fuq l-istess lant tax-xogħol, il-ħaddiema lokali u l-ħaddiema kkollokati jiġu mħallsa bl-istess mod.

120. Il-fatt li l-Land Niedersachsen għażel li għal-liġi tiegħu dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi jibbaża fuq ftehim kollettiv speċifiku li mhuwiex it-TV Mindestlohn, bil-konsegwenza li l-paga minima li għandha tiġi osservata mill-appaltaturi u mis-subappaltaturi tagħhom fil-post fejn jiġu pprovduti s-servizzi hija ogħla minn dik applikabbli normalment fit-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja fis-settur tal-bini, ma jidhirlix li huwa minnu nnifsu kontestabbli taħt id-dritt komunitarju.

121. Minn naħa, huwa diffiċli li wieħed jiċħad li l-garanzija ta’ paga ogħla għall-ħaddiema kkollokati hija xierqa biex tiżgura l-protezzjoni tagħhom (39). Min-naħa l-oħra, u fuq livell iktar ġenerali, wieħed m’għandux jinsa li l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 136 KE jipprovdi li “[i]l-Komunità u l-Istati Membri, waqt li jżommu f’moħħhom id-drittijiet soċjali fundamentali […] għandu jkollhom bħala mira […] it-titjib tal-kondizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol, sabiex jagħmlu possibli l-armonizzazzjoni tagħhom waqt li jitkompla t-titjib, [kif ukoll] id-djalogu bejn min imexxi u l-ħaddiema”.

122. Barra minn hekk, ma jidhirlix li d-dispożizzjonijiet ikkontestati tal-liġi tal-Land jmorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jiġu ggarantiti l-għanijiet tal-protezzjoni tal-ħaddiema u l-prevenzjoni tad-dumping soċjali.

123. Fil-fatt, l-għan ta’ dawn id-dispożizzjonijiet huwa li jrendu obbligatorji, għall-fornituri tas-servizzi involuti fl-eżekuzzjoni ta’ kuntratt pubbliku, ir-rati ta’ paga applikabbli skond il-ftehim kollettiv speċifiku fis-seħħ fil-post fejn jiġu pprovduti s-servizzi. Għal dan il-għan, huma jipprovdu minn naħa, li l-kuntratti ta’ xogħol m’għandhomx jingħataw ħlief lill-offerenti li jintrabtu bil-miktub li, bħala korrispettiv għall-prestazzjoni tas-servizzi kkonċernati, iħallsu lill-ħaddiema tagħhom il-paga minima prevista fil-ftehim kollettiv li jkun applikabbli fil-post fejn jiġu pprovduti s-servizzi u li jintrabtu wkoll li jimponu l-istess obbligu fuq is-subappaltaturi tagħhom. Min-naħa l-oħra, il-ksur ta’ dan l-obbligu jagħti lok għal penali ta’ diversi livelli li jistgħu jinvolvu penali kuntrattwali u jistgħu jwasslu wkoll għat-terminazzjoni tal-kuntratt.

124. Fil-fehma tiegħi, l-għanijiet tal-protezzjoni tal-ħaddiema u tal-prevenzjoni tad-dumping soċjali ma setgħux jintlaħqu b’mod daqshekk effikaċi minn regoli inqas vinkolanti u ta’ natura inqas restrittiva fuq il-libertà li jiġu provduti s-servizzi.

125. Barra minn hekk, kif indikat l-Irlanda fl-osservazzjonijiet tagħha bil-miktub (40), m’hemm xejn li jindika, wara li wieħed jieħu in kunsiderazzjoni ċerti elementi rilevanti bħalma huwa l-indiċi ta’ l-għoli tal-ħajja, li r-rati minimi ta’ ħlas meħtieġa skond il-ftehim kollettiv speċifiku li tirreferi l-liġi tal-Land għalih huma sproporzjonati meta mqabbla mar-rati stabbiliti fit-TV Mindestlohn.

126. Ma jidhirlix li l-analiżi preċedenti tista’ tiġi kkontestata bl-argument tal-Kummissjoni li l-liġi tal-Land, li kellha l-għan li timponi kundizzjonijiet ta’ xogħol iktar eżiġenti fir-rigward biss tal-ħaddiema kkollokati li jkunu impjegati fil-qafas ta’ kuntratti pubbliċi, jiġifieri f’qasam wieħed tal-ħajja ekonomika, ma’ tistax tirrispondi għal interess ġenerali imperattiv fis-sens ta’ l-Artikolu 49 KE u li lanqas tista’ tkun mod xieraq sabiex dan l-interess żgurat.

127. Kif esponiet waqt is-seduta, il-Kummissjoni tallega li l-liġi tal-Land toħloq diskriminazzjoni bejn il-ħaddiema fis-settur tal-bini, skond jekk l-appaltatur prinċipali ikunx pubbliku jew privat. Barra minn hekk, skond din l-istess istituzzjoni, jekk l-għan tal-Land Niedersachsen huwa verament dak li tipproteġi lill-ħaddiema, hija għandha testendi din it-tip ta’ miżura għall-ħaddiema kollha f’dan is-settur.

128. Jiena ma nistax naqbel ma’ dan l-argument u dan għar-raġunijiet li ġejjin.

129. Fl-ewwel lok, waqt is-seduta ġie kkonfermat li, salv il-każ li jingħata setgħa delegata, il-Land Niedersachsen mhuwiex kompetenti li jiddikjara ftehim kollettiv bħala ta’ applikazzjoni ġenerali. Billi adotta d-dispożizzjonijiet ikkontestati tal-liġi tal-Land, il-Land Niedersachsen ipprova li, f’qasam li jaqa’ taħt il-kompetenza tagħha, jiġifieri dak tal-kuntratti pubbliċi, irendi obbligatorju l-ftehim kollettiv applikabbli fil-post fejn jiġu pprovduti s-servizzi, irrispettivament minn jekk ikunx iddikjarat bħala ta’ applikazzjoni ġenerali jew le.

130. Fit-tieni lok, l-argument li għaldaqstant tkun teżisti diskriminazzjoni bejn il-ħaddiema fis-settur tal-bini, skond jekk l-appaltatur ikunx pubbliku jew privat, ma jidhirx li huwa rilevanti taħt id-dritt Komunitarju.

131. Kif diġà indikajt, dak li huwa rilevanti huwa li l-liġi tal-Land tirrispetta l-prinċipju tan-non-diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità, u, għaldaqstant, timponi fuq il-fornituri tas-servizzi l-istess obbligu sabiex dawn jirrispettaw ir-rati minimi ta’ ħlas applikabbli fil-post fejn jiġu pprovduti s-servizzi, kemm jekk dawn ikunu stabbiliti fil-Ġermanja u kemm jekk fi Stat ieħor. Fi kliem ieħor, jidher li huwa determinanti li, fil-qafas ta’ l-eżekuzzjoni ta’ l-istess kuntratt pubbliku, il-ħaddiema lokali u l-ħaddiema kkollokati jiġu mħallsa bl-istess mod. Fil-fehma tiegħu, huwa hawnhekk li għandna napplikaw il-bażi ta’ paragun sabiex jiġi ddeterminat jekk teżistix diskriminazzjoni li tmur kontra d-dritt Komunitarju.

132. Fit-tielet lok, għalkemm huwa minnu li l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi huwa, qabel kollox, intiż li jissodisfa bżonn amministrattiv partikolari, fir-rigward ta’ xogħlijiet, servizzi jew provvisti, l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi jippermetti wkoll li jintlaħqu bżonnijiet oħra ta’ interess ġenerali, bħal per eżempju, l-politika ambjentali jew, bħal f’din il-kawża, għanijiet soċjali (41).

133. Il-possibbiltà li rekwiżiti soċjali jiġu integrati fil-kuntratti pubbliċi diġà ġiet rikonoxxuta mill-Qorti tal-Ġustizzja (42) u fil-fatt tinsab ikkristallizzata fid-Direttiva 2004/18. Fil-fatt, din tinkludi Artikolu 26 intitolat “Kondizzjonijiet għal twettiq ta’ kuntratti” li huwa redatt skond kif ġej:

“Awtoritajiet kontrattwanti jistgħu jniżżlu kondizzjonijiet speċjali relatati mat-twettiq ta’ xi kuntratt, basta dawn ikunu kompatibbli mal-liġi tal-Komunità u huma indikati fl-avviż tal-kuntratt jew fl-ispeċifikazzjonijiet. Il-kondizzjonijiet li jikkontrollaw it-twettiq ta’ xi kuntratt jistgħu, partikolarment, jikkonċernaw kunsiderazzjonijiet soċjali u ambjentali.” (43)

134. Sakemm il-kundizzjoni ta’ l-eżekuzzjoni tal-kuntratt li tirrigwarda l-paga minima tal-ħaddiema, kif prevista fid-dispożizzjonijiet ikkontestati tal-liġi tal-Land, tirrispetta l-prinċipju tan-non-diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità, u sakemm tirrispetta l-prinċipju ta’ trasparenza, din għandha, fil-fehma tiegħi, tiġi meqjusa bħala li hija konformi mad-dritt Komunitarju.

135. Fir-rigward tal-prinċipju ta’ trasparenza, fil-fehma tiegħi, huwa meħtieġ li l-ftehim kollettivi li għandhom jiġu osservati għandhom ikunu preċiżi u aċċessibbli biżżejjed sabiex fil-prattika ma jagħmluhiex impossibli jew eċċessivament diffiċli għal dak li jħaddem li jkun jaf l-obbligi li huwa għandu jirrispetta (44). Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk dan huwiex il-każ f’din il-kawża (45).

IV – Konklużjoni

136. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, jiena nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi d-domanda preliminari magħmula mill-Oberlandesgericht Celle bil-mod li ġej:

“Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 96/71/KE, tas-16 ta’ Diċembru 1996, dwar l-impjieg [il-kollokament] ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi, u l-Artikolu 49 KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux liġi nazzjonali, bħalma hija l-liġi tal-Land Niedersachsen, dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi milli timponi fuq l-appaltaturi u, indirettament fuq is-subappaltaturi tagħhom, l-obbligu li jħallsu lill-ħaddiema kkollokati fil-qafas ta’ l-eżekuzzjoni ta’ kuntratt pubbliku ta’ l-inqas il-paga prevista fil-ftehim kollettiv li tapplika fil-post fejn jiġu pprovduti s-servizzi, taħt piena ta’ penali li jistgħu jwasslu għat-terminazzjoni tal-kuntratt għal xogħlijiet, meta l-ftehim kollettiv li tirreferi għalih dik il-liġi ma jkunx iddikjarat bħala ta’ applikazzjoni ġenerali.

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk din il-liġi tagħtix benefiċċju reali lill-ħaddiema kkollokati li jikkontribwixxi, b’mod sinjifikattiv, għall-protezzjoni soċjali tagħhom u li, fl-implimentazzjoni ta’ din il-liġi, il-prinċipju ta’ trasparenza tal-kundizzjonijiet ta’ l-eżekuzzjoni tal-kuntratt pubbliku kkonċernat ġie rrispettat.”


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti 2004, Kap. 5 Vol. 2 p. 431.


3 – Il-ħames premessa.


4 – ĠU L 266, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Ruma”.


5 – Ara s-seba’ sa’ l-għaxar premessi tad-Direttiva 96/71.


6 – Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni, tal-25 ta’ Lulju 2003, fuq l-implimentazzjoni tad-Direttiva 96/71 fl-Istati Membri [COM(2003) 458 finali, punt 2.3.1.1]


7 – Il-ħdax-il premessa.


8 – It-tlettax-il premessa.


9 – Dawn jinvolvu “[i]x-xogħol kollu tal-bini dwar il-bini, it-tiswija, il-manutenzjoni, l-alterazzjoni jew id-demolizzjoni ta’ bini”.


10 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti 2004, Kap. 6 Vol. 2 p. 163. Direttiva kif emendata mid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 97/52/KE, tat-13 ta’ Ottubru 1997 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti 2004, Kap. 6 Vol. 3 p. 3, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 93/37”). Din id-Direttiva ġiet imħassra u sostitwita bid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/18/KE, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq ko[o]rdinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti 2004, Kap. 6 Vol. 7 p. 132), li t-terminu għat-traspożizzjoni tagħha skada fil-31 ta’ Jannar 2006.


11 – Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-valur tal-kuntratt pubbliku in kwistjoni fil-kawża prinċipali huwa ta’ EUR 8 493 331 mingħajr taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem “mingħajr VAT”), jiġifieri valur ogħla mil-livell ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/37, li f’ECU jikkorrispondi għal 5 miljun drittijiet speċjali ta’ ġbid (iktar ’il quddiem “SDRs”) jiġifieri EUR 6,242,028 [ara f’dan ir-rigward, ‘Valuri tal-limiti previst fid-direttivi dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2002’ (ĠU 2001, C 332, p. 21)].


12 – Ara, f’dan is-sens, il-Komunikazzjoni interpretattiva tal-Kummissjoni dwar id-dritt Komunitarju applikabbli għall-kuntratti pubbliċi u l-possibbiltajiet li jiġu integrati ċerti aspetti soċjali f’dawn il-kuntratti [COM(2001) 566 finali, p. 16, punt 1.6]


13 – BGBl. 1996 I, p. 227, iktar ’il quddiem l-“AEntG”


14 – Bundesanzeiger Nru 242, tat-30 ta’ Diċembru 2003, p. 26093. Illum dan il-ftehim kollettiv huwa sostitwit mit-TV Mindestlohn tad-29 ta’ Lulju 2005, li huwa applikabbli mill-1 ta’ Settembru 2005 sal-31 ta’ Awwissu 2008 u li kien ġie ddikjarat bħala ta’ applikazzjoni ġenerali b’regolament tad-29 ta’ Awwissu 2005 (Bundesanzeiger Nru 164, tal-31 ta’ Awwissu 2005, p. 13199).


15 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-12 ta’ Ottubru 2004, Wolff & Müller (C-60/03, Ġabra p. I‑9553, punt 24).


16 – Ara, f’dan ir-rigward, il-Komunikazzjoni interpretattiva tal-Kummissjoni dwar id-dritt komunitarju applikabbli għall-kuntratti pubbliċi u l-possibbiltajiet li jiġu integrati ċerti aspetti soċjali f’dawn il-kuntratti, fejn huwa ppreċiżat li “[i]l-kundizzjoni ta’ eżekuzzjoni hija obbligu li għandu jiġi aċċettat mill-appaltatur li jingħata l-kuntratt u li jirreferi għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt” u li permezz tagħha “l-offerenti, meta jippreżentaw l-offerta tagħhom, jintrabtu li jissodisfaw dan ir-rekwiżit f’każ li l-kuntratt jingħata lilhom” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (p. 17). Sabiex tkun kompatibbli ma’ l-Artikolu 49 KE, kundizzjoni ta’ eżekuzzjoni bħal din, kif ser naraw iktar ’il quddiem, għandha tirrispetta l-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità kif ukoll il-prinċipju ta’ trasparenza.


17 – 62/81 u 63/81, Ġabra p. 223.


18 – Punt 14.


19 – Sentenza tat-18 ta’ Lulju 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-490/04, Ġabra 2007 p. I-6095, punt 17). F’din l-istess sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat ukoll li “id-Direttiva 96/71 ma armonizzatx il-kontenut materjali ta’ dawn ir-regoli nazzjonali [u li dan] il-kontenut jista’ għaldaqstant jiġi liberament definit mill-Istati Membri, fir-rispett tat-Trattat u tal-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju, u b’hekk jinkludi […] l-Artikolu 49 KE” (punt 19).


20 – Ara, b’mod partikolari, id-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ta’ l-4 ta’ Novembru 2003, li tikkonċerna ċerti aspetti [ta’ l]-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti 2004, Kap. 5 Vol. 4 p. 381). Skond l-Artikolu 15 ta’ din id-Direttiva, intitolat “Dispożizzjonijiet l-aktar favorevoli”, hija “m’għandhiex taffettwa d-dritt ta’ l-Istati Membri li japplikaw jew jintroduċu liġijiet, regolamenti jew disposizzjonijiet amministrattivi aktar favorevoli għal-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà ta’ ħaddiema jew li jiffaċilitaw jew jippermettu l-applikazzjoni ta’ ftehim kollettiv jew ta’ ftehim oħrajn konklużi bejn iż-żewġ naħat ta’ l-industrija li huma aktar favorevoli għal[l]-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema”.


21 – Ara P. Rodière, Droit social de l’Union européenne, LGDJ, It-tieni edizzjoni, Pariġi, 2002, p. 551.


22 – Ibidem, p. 55 u 56. Madankollu, l-awtur jippreċiża li dan il-qasam ma jaqax barra minn negozjati li jistgħu jsiru dwar il-pagi fuq livell Ewropew. Barra minn hekk, huwa josserva li, apparti l-iffissar strett ta’ l-ammont jew tar-rata ta’ ħlas, “il-prinċipju ta’ paga ugwali għall-irġiel u n-nisa jista’ jkollu effetti ta’ portata ġenerali fuq il-mekkaniżmi ta’ remunerazzjoni tal-ħaddiema” u li “[j]istgħu jiġu introdotti leġiżlazzjonijiet Komunitarji oħra fil-qasam tar-remunerazzjoni, per eżempju, fir-rigward ta’ l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol”.


23 – Skond l-espressjoni użata minn N. Moizard, Droit du travail communautaire et protection nationale renforcée – L’exemple du droit du travail français, Presses universitaires d’Aix‑Marseille, Aix-en-Provence, 2000 (ara, b’mod partikolari, p. 94 sa 96). Skond l-awtur, il-kundizzjonijiet ta’ xogħol fl-oqsma msemmija fid-Direttiva 96/71 huma “regoli interni minimi, ibbażati fuq dispożizzjonijiet ta’ l-Istat jew kuntrattwali, li d-Direttiva tobbliga lill-Istati Membri li jiżguraw ir-rispett tagħhom ta’ l-inqas fis-sitwazzjoni tal-kollokament temporanju tal-ħaddiema” p.95). Din l-idea hija wkoll espressa fl-erbgħa u tletin premessa tad-Direttiva 2004/18, fejn jingħad li d-Direttiva 96/71 “tistipula l-kundizzjonijiet minimi li għandhom jiġu osservati mill-pajjiż ospit[anti] fir-rigward tal-ħaddiema spustjati [kkollokati]”.


24 – F’dan ir-rigward, jiena naqbel ma’ l-analiżi proposta mill-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-konklużjonijiet li huwa ppreżenta fit-23 ta’ Mejju 2007 fil-kawża Laval u Partneri (C-341/05, pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja), fejn jingħad “għalkemm id-Direttiva 96/71 tippermetti li l-Istati Membri jistgħu jimponu fuq fornitur ta’ servizzi ta’ Stat Membru, li temporanjament jikkolloka ħaddiema fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, kundizzjonijiet tax-xogħol u ta’ l-impjieg li jkunu iktar favorevoli għall-ħaddiema minn dawk previsti, b’mod partikolari, fl-Artikolu 3(1) ta[’ din id-]Direttiva, l-għoti ta’ tali fakultà għandu madankollu jiġi eżerċitat fl-osservanza tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi prevista fl-Artikolu 49 KE” (punt 151). Barra minn hekk, jiena nosserva li l-Kummissjoni, fil-komunikazzjoni interpretattiva tagħha dwar id-dritt Komunitarju applikabbli għall-kuntratti pubbliċi u l-possibiltajiet li jiġu integrati xi aspetti soċjali f’dawn il-kuntratti, tammetti li kemm fis-sitwazzjonijiet nazzjonali kif ukoll fis-sitwazzjoni transnazzjonali “jistgħu jiġu applikati dispożizzjonijiet li huma iktar favorevoli għall-ħaddiema (u għalhekk, jekk ikun il-każ, għandhom jiġu rrispettati dawn ukoll) in kwantu dawn ikunu kompatibbli mad-dritt Komunitarju” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (punt 3.2, p. 21).


25 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq (punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).


26 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Wolff & Müller, iċċitata iktar ’il fuq (punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).


27 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq (punti 64 u 65 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


28 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Wolff & Müller, iċċitata iktar ’il fuq (punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata). Sabiex jiġi aċċettat li l-interess ġenerali marbut mal-protezzjoni soċjali tal-ħaddiema fis-settur tal-bini u mal-kontroll tar-rispett tagħha jista’ jikkostitwixxi raġuni imperattiva, il-Qorti tal-Ġustizzja semmiet l-eżistenza ta’ “kundizzjonijiet speċifiċi għal dan is-settur” [sentenzi tat-28 ta’ Marzu 1996, Guiot (C‑272/94, Ġabra p. I‑1905, punt 16), u tat-23 ta’ Novembru 1999, Arblade et (C‑369/96 u C‑376/96, Ġabra p. I‑8453, punt 51)].


29 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-21 ta’ Ottubru 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (C‑445/03, Ġabra p. I‑10191, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll tal-21 ta’ Settembru 2006, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C‑168/04, Ġabra p. I‑9041, punt 47).


30 – Sentenza Wolff & Müller, iċċitata iktar ’il fuq (punt 41).


31 – Ibidem (punt 42). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tirreferi għall-ħames premessa tad-Direttiva 96/71 li, fil-fehma tagħha, turi li dawn iż-żewġ għanijiet jistgħu jintlaħqu fl-istess waqt.


32 – Sentenza tad-19 ta’ Jannar 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑244/04, Ġabra p. I‑885, punt 61). Fuq l-evoluzzjoni ta’ din il-ġurisprudenza, ara J. Mischo, “Libre circulation des services et dumping social”, Le droit à la mesure de l’Homme, f’ Mélanges en l’honneur de Philippe Léger, Pedone, Pariġi, 2006, p. 435.


33 – Sentenzi tal-25 ta’ Ottubru 2001, Finalarte et (C‑49/98, C‑50/98, C‑52/98 sa C‑54/98 u C‑68/98 sa C‑71/98, Ġabra p. I‑7831, punt 39), u ta’ l-24 ta’ Jannar 2002, Portugaia Construções (C‑164/99, Ġabra p. I‑787, punt 26).


34 – Sentenza Portugaia Construções, iċċitata iktar ’il fuq (punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).


35 – Ibidem (punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).


36 – Ara s-sentenza Wolff & Müller, iċċitata iktar ’il fuq (punt 38).


37 – Sentenza Finalarte et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 45).


38 – Sentenza ta’ l-14 ta’ April 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑341/02, Ġabra p. I‑2733, punt 29).


39 – Kif jindika l-Gvern Ġermaniż fil-punt 63 ta’ l-osservazzjonijiet tiegħu bil-miktub, apparti l-fatt li l-ftehim kollettivi speċifiċi jipprovdu rati ta’ paga minima ogħla, huwa interessanti wkoll li jiġi osservat li l-għan li jiġu protetti l-ħaddiema jinsab ukoll fil-fatt li dawn il-ftehim jippermettu li jkun hemm remunerazzjoni iktar differenzjata u xierqa skond ix-xogħol imwettaq. F’dan ir-rigward, jiena nfakkar li l-iskeda ta’ pagi li tinsab fl-imsemmija ftehim hija iktar dettaljata minn dik li tinsab fit-TV Mindestlohn u tistabbilixxi livelli ta’ pagi differenti għal gruppi differenti ta’ funzjonijiet.


40 – Punt 26.


41 – Ara f’dan is-sens, V. Martinez, “Les péripéties du critère social dans l’attribution des marchés publics”, Contrats publics, f’Mélanges en l’honneur du professeur Michel Guibal, vol II, Presses de la faculté de droit de Montpellier, 2006, p. 251 u 252. L-awtur isemmi, b’mod partikolari, l-idea li għoti ta’ kuntratti pubbliċi jista’ jikkostitwixxi mod kif jiġu miġġielda l-qgħad u l-esklużjoni, f’liema każ, jintuża bħala “pilastru favorevoli għall-ħolqien tax-xogħol”.


42 – Sentenzi ta’ l-20 ta’ Settembru 1988, Beentjes (31/87, Ġabra p. 4635), u tas-26 ta’ Settembru 2000, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑225/98, Ġabra p. I‑7445). Dwar din il-ġurisprudenza u l-mod kif intlagħqet fid-dritt Franċiż ara, H. Pongérard‑Payet, “Critères sociaux et écologiques des marchés publics: droits communautaire et interne entre guerre et paix”, Europe, Nru 10, Ottubru 2004, Étude 10.


43 –      Ser nikkwota wkoll it-tlieta u tletin premessa ta’ din id-Direttiva, li tipprovdi li “[k]ondizzjonijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ kuntratt huma kompatibbli ma’ din id-Direttiva sakemm dawn mhumiex direttament jew indirettament diskriminatorji u huma indikati fin-notifika tal-kuntratt jew fid-dokumenti tal-kuntratt”. Fis-sentenza tagħha Beentjes, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet diġà ddeċidiet li sabiex jintlaħaq l-għan li jiġi żgurat l-iżvilupp ta’ kompetizzjoni effettiva fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, “il-kriterji u l-kundizzjonijiet li jirregolaw kull kuntratt għandhom ikunu s-suġġett ta’ pubblikazzjoni xierqa mill-awtoritajiet kontraenti” (punt 21).


44 – Ara f’dan is-sens, fir-rigward ta’ proċedimenti kriminali, is-sentenza Arblade et, iċċitata iktar ’il quddiem (punt 43).


45 – F’dan ir-rigward, jiena nfakkar li l-impenn meħud mill-offerent jirreferi għall-“paga ffissata mill-ftehim kollettiv fil-post fejn jiġu pprovduti s-servizzi, liema ftehim huwa msemmi fil-lista ta’ ftehim kollettivi rappreżentattivi taħt in-numru 1 ‘Bini u xogħlijiet pubbliċi’”.