Kawża C‑221/11

Leyla Ecem Demirkan

vs

Bundesrepublik Deutschland

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberverwaltungsgericht Berlin‑Brandenburg)

“Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE‑Turkija — Protokoll Addizzjonali — Artikolu 41(1) — Klawżola ta’ ‘standstill’ — Obbligu ta’ pussess ta’ viża għad-dħul fit-territorju ta’ Stat Membru — Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Dritt ta’ ċittadin Tork li jidħol fi Stat Membru sabiex iżur lil membru tal-familja tiegħu u jibbenefika, potenzjalment, minn provvisti ta’ servizzi”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-24 ta’ Settembru 2013

1.        Moviment liberu tal-persuni — Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Portata — Provvista ta’ servizzi passiva — Inklużjoni

(Artikolu 56 TFUE)

2.        Ftehimiet internazzjonali — Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE‑Turkija — Moviment liberu tal-persuni — Libertà ta’ stabbiliment — Regola ta’ standstill tal-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali — Effett dirett

(Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE‑Turkija, Artikolu 41(1))

3.        Ftehimiet internazzjonali — Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE‑Turkija — Moviment liberu tal-persuni — Libertà ta’ stabbiliment — Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Regola ta’ standstill tal-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali — Portata — Dritt ta’ dħul fi Stat Membru sabiex wieħed jibbenefika hemmhekk minn provvisti ta’ servizzi (provvista ta’ servizzi passiva) — Esklużjoni

(Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE‑Turkija, Artikolu 41(1))

1.        Id-dritt għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi mogħti mill-Artikolu 56 TFUE liċ-ċittadini tal-Istati Membri, u għalhekk liċ-ċittadini tal-Unjoni, jinkludi l-libertà passiva li jiġu pprovduti servizzi, jiġifieri l-libertà tad-destinatarji ta’ servizzi li jżuru Stat Membru ieħor sabiex jibbenefikaw minn servizz, mingħajr ma jkunu ostakolati minn restrizzjonijiet. Għaldaqstant, it-turisti, il-benefiċjarji ta’ kura medika u dawk li jivvjaġġaw sabiex jistudjaw jew għall-finijiet ta’ negozju għandhom jitqiesu bħala destinatarji ta’ servizzi.

(ara l-punti 35, 36)

2.        Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 38, 40)

3.        Il-kunċett ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi msemmi fl-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali, iffirmat fit-23 ta’ Novembru 1970 fi Brussell u konkluż, approvat u kkonfermat f’isem il-Komunità bir-Regolament Nru 2760/72, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jinkludix il-libertà taċ-ċittadini Torok, destinatarji ta’ servizzi, li jżuru Stat Membru sabiex jibbenefikaw minn provvista ta’ servizzi hemmhekk.

F’dan ir-rigward, bejn il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni flimkien mal-Protokoll Addizzjonali tiegħu, minn naħa, u t-Trattat, min-naħa l-oħra, jeżistu xi differenzi partikolarment minħabba r-rabta eżistenti bejn il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u l-moviment liberu tal-persuni fi ħdan l-Unjoni. B’mod partikolari, hemm differenzi fundamentali bejn l-għan tal-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali kif ukoll il-kuntest li tinsab fih din id-dispożizzjoni u dawk tal-Artikolu 56 TFUE, b’mod partikolari għal dak li jikkonċerna l-applikabbiltà ta’ dawn id-dispożizzjonijiet għad-destinatarji ta’ servizzi.

L-ewwel lok, l-Assoċjazzjoni KEE‑Turkija għandha għan esklużivament ekonomiku intiż essenzjalment sabiex jgħin l-iżvilupp ekonomiku tat-Turkija. Min-naħa l-oħra, l-iżvilupp tal-libertajiet ekonomiċi sabiex ikun hemm moviment liberu tal-persuni b’mod ġenerali, li jkun paragunabbli għal dak applikabbli, skont l-Artikolu 21 TFUE, għaċ-ċittadini tal-Unjoni, ma huwiex l-għan tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. Fil-fatt, prinċipju ġenerali ta’ moviment liberu tal-persuni bejn it-Turkija u l-Unjoni ma huwa previst imkien f’dan il-Ftehim u fil-Protokoll Addizzjonali tiegħu, u lanqas fid-Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni Nru 1/80, tad-19 ta’ Settembru 1980, dwar l-iżvilupp tal-assoċjazzjoni, li tikkonċerna biss il-moviment liberu tal-ħaddiema. Barra minn hekk, il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jiggarantixxi t-tgawdija ta’ ċerti drittijiet fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti biss. Għaldaqstant, huwa biss sa fejn hija tikkostitwixxi l-korollarju tal-eżerċizzju ta’ attività ekonomika li l-klawżola ta’ “standstillˮ tista’ tikkonċerna l-kundizzjonijiet għad-dħul u għal residenza taċ-ċittadini Torok fit-territorju tal-Istati Membri.

Fit-tieni lok, klawżola ta’ “standstillˮ bħal dik prevista fl-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali, fiha nnifisha, ma toħloqx drittijiet. Għaldaqstant din hija dispożizzjoni li tipprojbixxi l-introduzzjoni ta’ kwalunkwe miżura restrittiva ġdida wara data speċifika.

(ara l-punti 49, 50, 53, 55, 58, 62 u d-dispożittiv)