SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

24 ta’ Marzu 2011 (*)

“Appell – Għajnuna mill-Istat – Deċiżjoni tal-Kummissjoni – Konstatazzjoni tal- inkompatibbiltà ta’ għajnuna mill-Istat mas-suq komuni – Ordni għall-irkupru tal-għajnuna – Prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ nuqqas ta’ retroattività – Prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi – Determinazzjoni tan-natura ‘xierqa’ tar-rata tal-interessi applikabbli għall-irkupru ta’ għajnuna”

Fil-Kawża C‑369/09 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, ippreżentat fl‑14 ta’ Settembru 2009

ISD Polska sp. z o.o., stabbilita f’Varsavja (il-Polonja),

Industrial Union of Donbass Corp., stabbilita f’Donetsk (l-Ukraina),

u

ISD Polska sp. z o.o. (li kienet Majątek Hutniczy sp. z o.o.), stabbilita f’Varsavja,

irrappreżentata minn C. Rapin u E. Van den Haute, avukati,

appellanti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn E. Gippini Fournier u A. Stobiecka-Kuik, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, J.-J. Kasel, E. Levits, M. Safjan u M. Berger (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tagħhom, ISD Polska sp. z o.o., Industrial Union of Donbass Corp. u ISD Polska sp. z o.o., li kienet Majątek Hutniczy sp. z o.o., jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tannulla s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tal‑1 ta’ Lulju 2009, ISD Polska et vs Il-Kummissjoni, (T‑273/06 u T‑297/06, Ġabra p. I‑2185, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha din tal-aħħar ċaħdet ir-rikorsi tagħhom għal annullament kontra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/937/KE, tal‑5 ta’ Lulju 2005, dwar l-għajnuna mill-Istat C 20/04 (ex NN 25/04), favur il-produttur tal-azzar Huta Częstochowa SA (ĠU 2006, L 366, p. 1, iktar ’il quddiem “id-deċiżjoni inkwistjoni”).

 Il-kuntest ġuridiku

2        Il-Ftehim Ewropew, iffirmat fi Brussell fis‑16 ta’ Diċembru 1991, li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika tal-Polonja, min-naħa l-oħra (ĠU 1993, L 348, p. 2, iktar ’il quddiem il-“Ftehim Ewropew”), daħal fis-seħħ fl‑1 ta’ Frar 1994. Dan jistabbilixxi sistema ta’ kompetizzjoni bbażata fuq il-kriterji tat-Trattat KE.

3        Il-protokoll Nru 2 dwar il-prodotti KEFA tal-Ftehim Ewropew (iktar ’il quddiem il-“Protokoll Nru 2”) jipprevedi l-projbizzjoni tal-prinċipju ta’ għajnuna pubblika.

4        L-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 2 jipprevedi:

“1.      Huma inkompatibbli mal-funzjonament tajjeb tal-Ftehim, sa fejn jistgħu jaffettwaw il-kummerċ bejn il-Komunità u l-Polonja:

[…]

iii)      l-għajnuna pubblika ta’ kull tip, minbarra derogi awtorizzati skont it-Trattat KEFA.

[…]

4.      Il-partijiet jaqblu li matul l-ewwel ħames snin wara d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim u b’deroga mill-paragrafu 1(iii) ir-[Repubblika tal-] Polonja hija eċċezzjonalment awtorizzata, fir-rigward tal-prodotti ‘tal-azzar KEFA’, tagħti għajnuna pubblika għar-ristrutturazzjoni, bil-kundizzjoni li:

–        il-programm ta’ ristrutturazzjoni jkun marbut ma’ pjan ġenerali ta’ razzjonalizzazzjoni u ta’ tnaqqis tal-kapaċitajiet fil-Polonja,

–        din l-għajnuna tikkontribwixxi għall-vijabbiltà tal-impriżi benefiċjarji f’kundizzjonijiet normali tas-suq fi tmiem il-perijodu ta’ ristrutturazzjoni,

–        l-ammont u l-iskala ta’ din l-għajnuna jkunu limitati għal-livelli strettament neċessarji sabiex terġa’ tiġi stabbilita din il-vijabbiltà u għandhom jitnaqqsu gradwalment.

B’kunsiderazzjoni għas-sitwazzjoni ekonomika tar-Repubblika tal-Polonja, il-kunsill ta’ assoċjazzjoni għandu jiddeċiedi dwar il-possibbiltà li l-imsemmi perijodu ta’ ħames snin jiġi estiż.”

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

5        Id-Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni UE-Polonja Nru 3/2002 tat‑23 ta’ Ottubru 2002 li testendi l-perijodu previst fl-Artikolu 8(4) tal-Protokoll Nru 2 (ĠU 2003, L 186, p. 38, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni”), estendiet bi tmien snin addizzjonali b’effett mill‑1 ta’ Jannar 1997, jew sad-data tas-sħubija tar-Repubblika tal-Polonja fl-Unjoni Ewropea, il-perijodu li matulu r-Repubblika tal-Polonja kienet eċċezzjonalment awtorizzata, fir-rigward tal-prodotti “tal-azzar” tagħti għajnuna pubblika għar-ristrutturazzjoni skont il-modalitajiet previsti fl-Artikolu 8(4) tal-Protokoll Nru 2.

6        L-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni jipprevedi:

“Ir-[Repubblika tal-] Polonja għandha tissottometti lill-Kummissjoni […] programm ta’ ristrutturazzjoni u pjanijiet ta’ ħidma li jissodisfaw ir-rekwiżiti enumerati fl-Artikolu 8(4) tal-Protokoll [Nru] 2 u li jkunu ġew stmati u aċċettati mill-awtorità nazzjonali tagħha inkarigata għas-sorveljanza tal-għajnuna pubblika (Uffiċċju tal-Kompetizzjoni u tal-Protezzjoni tal-Konsumaturi).” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

7        Il-Protokoll Nru 8 dwar ir-ristrutturar tal-industrija tal-azzar Pollakka anness mal-Att li jirrigwarda l-kundizzjonijiet ta’ l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, tar-Repubblika tal-Estonja, tar-Repubblika ta’ Ċipru, tar-Repubblika tal-Latvja, tar-Repubblika tal-Litwanja, tar-Repubblika tal-Ungerija, tar-Repubblika ta’ Malta, tar-Repubblika tal-Polonja, tar-Repubblika tas-Slovenja u tar-Repubblika Slovakka u l-aġġustamenti għat-Trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea (ĠU L 236, 23.09.2003, p. 948; iktar ’il quddiem il-“Protokoll Nru 8”) awtorizza lir-Repubblika tal-Polonja, b’deroga mir-regoli ġenerali dwar l-għajnuna mill-Istat, tagħti għajnuna għar-ristrutturazzjoni tas-settur tal-azzar tagħha fuq il-bażi tal-modalitajiet stabbiliti fil-pjan ta’ ristrutturazzjoni u l-kundizzjonijiet previsti f’dak il-Protokoll. Huwa jipprevedi, b’mod partikolari:

“1.      Minkejja l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat KE, għajnuna mill-Istat mogħtija mir-[Repubblika tal-]Polonja għall-iskopijiet ta’ ristrutturar ta’ partijiet speċifiċi ta’ l-industrija ta’ l-azzar tal-Polonja għandha ti[t]qies bħala kompatibbli mas-suq komuni sakemm:

–        il-perijodu li jipprovdi għalih l-Artikolu 8(4) tal-Protokoll Nru. 2 […], ġie estiż sad-data ta’ l-adeżjoni,

–        it-termini stipulati mill-pjan tar-ristrutturar li abbażi tiegħu ġie estiż il-Protokoll imsemmi hawn fuq, jitħarsu matul il-perijodu 2002-2006,

–        il-kundizzjonijiet stipulati minn dan il-Protokoll jitwettqu, u

–        ma titħallas mill-Istat ebda għajnuna għal ristrutturar lill-industrija ta’ l-azzar tal-Polonja wara d-data ta’ l-adeżjoni.

[…]

3.      Huma biss il-kumpanniji li huma mniżżla fl-Anness 1 (minn hawn ’il quddiem imsejħa “il-kumpanniji benefiċjarji”) li għandhom ikunu eliġibbli għall-għajnuna mogħtija mill-Istat fil-qafas tal-programm Pollakk tar-ristrutturar ta’ l-azzar.

4.      Kumpanija benefiċjarja ma tistax:

a)      fil-każ ta’ fużjoni ma’ kumpannija li mhix imniżżla fl-Anness 1, tgħaddi l-benefiċċju ta’ l-għajnuna mogħtija lill-kumpannija benefiċjarja;

b)      tassumi l-assi ta’ xi kumpannija li mhix inkluża fl-Anness 1 li hi dikjarata falluta fil-perijodu sal‑31 ta’ Dicembru 2006.

[…]

6.      L-għajnuna għar-ristrutturar mogħtija lill-kumpanniji benefiċjarji għandha tiġi determinita abbażi tal-ġustifikazzjonijiet stipulati fil-pjan approvat tal-Polonja għar-ristrutturar ta’ l-azzar u fil-pjanijiet ta’ negozju individwali kif approvati mill-Kunsill. Iżda f’kull każ l-għajnuna mħallsa matul il-perijodu 1997‑2003 u l-ammont globali tagħha ma għandhomx jaqbżu s-somma ta’ PLN 3387070000.

[…]

L-ebda għajnuna oħra mill-Istat ma għandha tingħata [mir-Repubblika tal-Polonja] għal skopijiet ta’ ristrutturar ta’ l-industrija ta’ l-azzar tal-Polonja.

[…]

10.      Kull bidla sussegwenti fil-pjan globali tar-ristrutturar u l-pjanijiet individwali għandu jkollha l-kunsens tal-Kummissjoni, u fejn ikun il-każ, tal-Kunsill.

[…]

18.      Jekk il-kontroll juri li:

[…]

ċ)      matul il-perijodu ta’ ristrutturar [ir-Repubblika tal-]Polonja tkun tat iżjed għajnuna mill-Istat li tkun nkompattibli lill-industrija ta’ l-azzar u lill-kumpanniji benefiċjarji b’mod partikolari,

l-arranġamenti transitorji li jinsabu f’dan il-Protokoll ikunu bla effett.

Il-Kummissjoni għandha tieħu l-passi xierqa li jkunu jeħtieġu lil kull kumpannija konċernata tagħti lura kull għajnuna mogħtija bi ksur tal-kundizzjonijiet stipulati f’dan il-Protokoll.”

8        Fl-Artikolu uniku tagħha, id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/588/KE, tal‑21 ta’ Lulju 2003, dwar l-osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Nru 3/2002 (ĠU L 199, p. 17; iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/588) tipprevedi:

“Il-programm ta’ ristrutturazzjoni u l-pjanijiet ta’ negozju ppreżentati quddiem il-Kummissjoni mir-[Repubblila tal-]Polonja fl‑4 ta’ April 2003 skont l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni Nru 3/2002 […] jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 8(4) tal-Protokoll Nru 2.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

9        Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat‑22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [88] tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339) jipprovdi fl-Artikolu 6(1):

“Id-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali għandha tiġbor fil-qosor l-kwistjonijiet relevanti tal-fatti u liġi, għandha tinkludi stima preliminari tal-Kummissjoni dwar il-karattru tal-miżura [ta’ għajnuna] proposta u għandha tqiegħed [tesponi] id-dubji dwar il-kompatibilità tagħha mas-suq komuni. Id-deċiżjoni għandha ssejjaħ lill-Istat Membru kkonċernat u lil partijiet interessati oħra sabiex jissottomettu l-kummenti f’perjodu preskritt li normalment m’għandux ikun aktar minn xahar. F’każijiet ġustifikati, il-Kummissjoni tista’ testendi l-perijodu preskritt.”

10      L-Artikolu 7(5) ta’ dak ir-regolament jipprevedi:

“Fejn il-Kummissjoni ssib li l-għajnuna notifikata m’hijiex kompatibbli mas-suq komuni, għandha tiddeċiedi li dik l-għajnuna m’għandhiex tiddaħħal fis-seħħ (minn hawn ’il quddiem imsejjħa ‘deċiżjoni negattiva’).”

11      L-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 659/1999 jistabbilixxi:

“1.      Fejn jittieħdu deċiżjonijiet negattivi f’każijiet ta’ għajnuna llegali, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jirkupra l-għajnuna mill-benefiċjarju (minn hawn ’il quddiem imsejjħa ‘deċiżjoni ta’ rkupru’). Il‑Kummissjoni m’għandhiex teħtieġ ir-rkupru ta’ l-għajnuna jekk dan ikun kuntrarju għal prinċipju ġenerali tal-liġi tal-Komunità.

2.      L-għajnuna li ser tkun rikuperata skond deċiżjoni ta’ rkupru għandha tinkludi l-imgħax f’rata xierqa ffissata mill-Kummissjoni. L-imgħax għandu jkun pagabbli mid-data li fiha l-għajnuna llegali kienet fid-disposizzjoni tal-benefiċjarju sad-data li fiha kienet irkuprata.

[…]”

12      Skont l-Artikolu 20(1) ta’ dak ir-regolament:

“Kull parti interessata tista’ tissottometti kummenti skond l-Artikolu 6 wara deċiżjoni tal-Kummissjoni li tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Kull parti interessata li ssottomettiet dawn il-kummenti u kull benefiċjarju ta’ għajnuna individwali għandha tintbgħatilhom kopja tad-deċiżjoni meħudha mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 7.”

13      Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004, tal‑21 ta’ April 2004, li jimplementa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 4, p. 3) jipprovdi fl-Artikolu 9 tiegħu:

“1.      Sakemm ma jkunx provdut mod ieħor f’xi deċiżjoni speċifika r-rata ta’ mgħax li għandha tintuża għall-irkupru ta’ għajnuna ta’ l-Istat mogħtija bi ksur ta’ l-Artikolu 88(3) [KE] għandha tkun rata perċentwali annwali ffissata għal kull sena kalendarja.

Din għandha tiġi kalkolata fuq il-bażi tal-medja tar-rati għal ħames snin ta’ skambju bejn banek għal Settembru, Ottubru u Novembru tas-sena li tiġi qabel, miżjuda b’75 punt bażiku. F’każijiet debitament ġustifikati, l-Kummissjoni tista’ żżid ir-rata b’aktar minn 75 punt bażiku fir-rigward ta’ Stat Membru wieħed jew aktar.

[…]

4.      Fin-nuqqas ta’ data ta’ min jorbot fuqha jew ekwivalenti jew f’ċirkostanzi eċċezzjonali l-Kummissjoni tista’, b’ko-operazzjoni mill-qrib ma’ l-Istat/i Membru/i konċernat/i, tiffissa rata ta’ mgħax għall-irkupru ta’ għajnuna ta’ l-Istat, għal Stat Membru wieħed jew aktar, fuq il-bażi ta’ metodu differenti u fuq il-bażi ta’ informazzjoni disponibbli lilha. ”

14      Fir-rigward tal-modalitajiet ta’ applikazzjoni tar-rata ta’ mgħax, l-Artikolu 11(2) tal-imsemmi regolament jippreċiża:

“Ir-rata ta’ mgħax għandha tiġi applikata fuq bażi kompost sad-data ta’ rkupru ta’ l-għajnuna. L-imgħax li jkiġġamma [dovut] fis-sena li tiġi qabel għandu jkun suġġett għall-mgħax f’kull sena li tiġi wara.”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

15      Bejn l‑2002 u l‑2005 twettqet operazzjoni ta’ ristrutturazzjoni tal-produttur tal-azzar Pollakk Huta Częstochowa SA (iktar ’il quddiem “HCz”). Għal dak il-għan, l-assi ta’ HCz ġew ittrasferiti lil kumpanniji ġodda.

16      Għaldaqstant, fl‑2002, ġiet stabbilita Huta Stali Częstochowa sp. z o.o. (iktar ’il quddiem “HSCz”) li l-kumpannija parent tagħha kienet Towarzystwo Finansowe Silesia sp. zo.o (iktar ’il quddiem “TFS”), kumpannija li l-ishma tagħha kienu miżmuma 100 % mit-Teżor Pollakk sabiex tkompli l-produzzjoni tal-azzar ta’ HCz. HSCz kriet l-impjanti tal-produzzjoni ta’ HCz lill-amministratur ġudizzjarju u ħadet il-biċċa l-kbira tal-impjegati.

17      Fl‑2004, ġew stabbiliti l-kumpanniji Majątek Hutniczy sp. zo.o (iktar ’il quddiem “MH”) u Majątek Hutniczy Plus sp. z o.o. (iktar ’il quddiem “MH Plus”). L-ishma tagħhom kienu miżmuma 100 % minn HCz. MH ħadet l-assi tal-azzar ta’ HCz u MH Plus ħadet ċerti assi oħra meħtieġa għall-produzzjoni.

18      Barra minn hekk, l-assi mhux marbuta mal-produzzjoni (imsejħa “assi mhux tal-azzar”) kif ukoll l-istabbiliment elettroenerġetiku Elsen ġew ittrasferiti lill-kumpannija Operator ARP sp. z o.o., kumpannija dipendenti fuq l-Agencja Rozwoju Przemysłu SA, l-aġenzija għall-iżvilupp industrijali miżmuma mit-Teżor Pollakk, sabiex jitħallas lura d-dejn pubbliku suġġett għar-ristrutturazzjoni (taxxi u kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali).

19      Permezz ta’ ittra tad‑19 ta’ Mejju 2004, il-Kummissjoni informat lir-Repubblika tal-Polonja bid-deċiżjoni tagħha li tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali fir-rigward tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni mogħtija lil HCz, ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fit‑12 ta’ Awwissu 2004 (ĠU C 204, p. 6), u stiednet lill-partijiet ikkonċernati kollha jippreżentaw il-kummenti tagħhom dwar il-fatti u l-analiżi legali inkluża f’tali deċiżjoni. Hija rċeviet kummenti mir-Repubblika tal-Polonja u minn erba’ partijiet ikkonċernati.

20      F’dokument intitolat “Dikjarazzjoni dwar l-għajnuna mill-Istat potenzjalment mogħtija lil [HCz] u/jew [lil HSCz]” tat‑3 ta’ Frar 2005, ISD Polska sp. z o.o.(li f’dak iż-żmien kienet qed taġixxi taħt l-isem kummerċjali ZPD Steel sp. z o.o., (iktar ’il quddiem “ISD”), kumpannija sussidjarja li l-ishma tagħha miżmuma 100 % mill-Industrial Union of Donbass Corp. (iktar ’il quddiem “IUD”), għamlet, fil-kuntest tan-negozjati li ppreċedew ix-xiri ta’ HSCz, ta’ MH, ta’ MH Plus u ta’ għaxar kumpanniji sussidjarji oħra ta’ HCz, id-dikjarazzjoni li ġejja:

“Fil-każ fejn il-Kummissjoni tadotta deċiżjoni li tordna lil [HCz], [lil HSCz] jew lil persuna li ħadet l-assi ta’ [HCz] tirrimborsa l-għajnuna pubblika illegali mogħtija fil-kuntest tal-għajnuna marbuta mal-Programm ta’ ristrutturazzjoni u li l-ammont totali tagħha ma jkunx iktar minn [PLN] 20 miljun, aħna niddikjaraw li din id-deċiżjoni bl-ebda mod ma jkollha l-effett li teżonerana mill-obbligi li jirriżultaw mill-offerta, u nimpenjaw ruħna li la nippreżentaw u lanqas ninvokaw ebda forma ta’ talba għal kumpens intiża kontra a) l-awtoritajiet fiskali tar-Repubblika tal-Polonja, b) l-[Agencja Rozwoju Przemysłu], c) [TFS], d) [HCz] […] u marbuta man-neċessità li jsir rimbors tal-għajnuna jew ma’ kwalunkwe proċedura mibdija f’dan ir-rigward quddiem il-Kummissjoni wara l-għoti tal-għajnuna pubblika lil [HCz]. Jekk dan ikun il-każ, aħna nimpenjaw ruħna li [MH], [MH Plus] u [HSCz], jew kumpanniji oħra, kif ukoll is-suċċessuri tagħhom fid-dritt (indipendentement mit-titolu ta’ tali suċċessur) jirrimborsaw l-ammont tal-għajnuna pubblika illegali stabbilita fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni, anki jekk din id-deċiżjoni tkun tikkonċerna esklużivament lil [HCz].”

21      Fi tmiem il-proċedura, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li, b’mod kuntrarju għad-dubji inizjali tagħha, il-miżuri maħsuba għar-ristrutturazzjoni ta’ HCz skont id-dispożizzjonijiet tal-liġi fuq l-għajnuna pubblika lil impriżi ta’ importanza sinjifikattiva għas-suq tax-xogħol tat‑30 ta’ Ottubru 2002 (Dz. U. n 213, pożizzjoni 1800, kif emendata) ma jikkostitwixxux “għajnuna mill-Istat” fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE.

22      Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni kkunsidrat li HCz kienet ibbenefikat b’diversi modi minn għajnuna mill-Istat għall-perijodu bejn l‑1997 u l‑2002 li kienet parzjalment kompatibbli mas-suq komuni. Il-Kummissjoni talbet ir-rimbors tal-parti li hija kkunsidrat bħala inkompatibbli mas-suq komuni, jiġifieri l-ammont ta’ 19 699 452 PLN (iktar ’il quddiem l-“għajnuna inkwistjoni”).

23      Fil-5 ta’ Lulju 2005, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni inkwistjoni. L-Artikolu 3 tagħha jistabbilixxi:

“1.      L-għajnuna mill-Istat mogħtija mir-[Repubblika tal-]Polonja favur [HCz] matul il-perijodu ta’ bejn l‑1997 u Mejju 2002 li tammonta għal PLN 19 699 452, fil-forma ta’ għajnuna għall-funzjonament u għajnuna għar-ristrutturazzjoni tax-xogħol, ma hijiex kompatibbli mas-suq komuni.

2.      Ir-[Repubblika tal-]Polonja għandha tieħu l-miżuri neċessarji kollha sabiex tirkupra mingħand [HCz], [mingħand] Regionalny Fundusz Gospodarczy, [mingħand MH] u [mingħand Operator ARP sp. z o.o.] l-għajnuna msemmija fil-paragrafu 1, illegalment mogħtija lil [HCz]. L-impriżi msemmija iktar ’il fuq huma obbligati in solidum li jirrimborsaw din l-għajnuna.

L-irkupru għandu jseħħ mingħajr dewmien skont il-proċeduri tad-dritt nazzjonali, sakemm jippermettu l-eżekuzzjoni immedjata u effettiva tad-deċiżjoni preżenti. Is-somom li għandhom ikunu rkuprati jinkludu l-interessi b’effett mid-data li fiha ngħatat l-għajnuna lil [HCz] sad-data tal-irkupru tagħhom. L-interessi huma kkalkolati skont id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu V tar-Regolament […] Nru 794/2004.

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

24      Fl-Artikolu 4 tad-deċiżjoni inkwistjoni, il-Kummissjoni tapprova l-proposta ta’ emenda tal-programm nazzjonali ta’ ristrutturazzjoni Pollakk, skont il-punt 10 tal-protokoll Nru 8, sa fejn din tippermetti r-ristrutturazzjoni ta’ HCz mingħajr għajnuna mill-Istat u mingħajr żieda tal-kapaċitajiet ta’ produzzjoni.

25      Skont żewġ ftehim konklużi fit‑30 ta’ Settembru 2005 u li daħlu fis-seħħ fis‑7 ta’ Ottubru 2005, ISD xtrat, minn naħa, mingħand HCz, l-ishma kollha tagħha f’MH u f’MH Plus kif ukoll għaxar kumpanniji sussidjarji li kienu għadhom ta’ HCz, u, min-naħa l-oħra, mingħand TFS, l-ishma kollha tagħha f’HSCz u għalhekk saret proprjetarja ta’ HSCz, ta’ MH, ta’ MH Plus u ta’ għaxar kumpanniji sussidjarji oħra ta’ HCz.

26      Permezz ta’ ittra tas‑17 ta’ Frar 2006, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Pollakki jindikawlha r-rati tal-interessi applikabbli għar-rimbors tal-għajnuna inkwistjoni mid-debituri in solidum imsemmija fl-Artikolu 3(2) tad-deċiżjoni inkwistjoni. Fir-risposta tagħhom tat‑13 ta’ Marzu 2006, l‑awtoritajiet Pollakki ssuġġerew rati tal-interessi applikabbli għall-irkupru u metodu għall-kalkolu tal-interessi. B’mod partikolari, huma ssuġġerew li tittieħed bħala bażi, għall-perijodu ta’ bejn l‑1997 u l‑1999, ir-rata tal-bonds f’zlotys Pollakki maħruġa mit-Teżor Pollakk b’rata fissa għal ħames snin, u, għall‑perijodu ta’ bejn l‑2000 u l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Polonja mal-Unjoni Ewropea, ir-rata ta’ dawn l-istess bonds għal għaxar snin. Barra minn hekk, fid-dawl tas-sitwazzjoni tas-swieq tal-kapital fil-Polonja f’dak iż-żmien, li kienet ikkaratterizzata minn rati għolja ħafna, iżda li tbaxxew malajr, huma talbu li jsir aġġornament annwali ta’ dawn ir-rati u li l-interessi ma jkunux ikkalkolati fuq bażi komposta.

27      Fir-risposta tagħha tas‑7 ta’ Ġunju 2006, il-Kummissjoni kkonstatat li r-rata tal-interessi applikabbli għall-irkupru tal-għajnuna inkwistjoni għandha tkun, għall-perijodu kollu kkonċernat, ir-rata fissa tal-bonds tat-Teżor Pollakk għal ħames snin, denominata f’zlotys Pollakki, u li, skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 794/2004, din ir-rata tal-interessi għandha tiġi applikata fuq bażi komposta.

28      Permezz tal-ittri tas‑7 ta’ Lulju u tas‑16 ta’ Awwissu 2006, il-Kummissjoni kkomunikat id-deċiżjoni inkwistjoni lil IUD u lil MH. Fil‑21 ta’ Diċembru 2006, din id-deċiżjoni ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

29      Fil‑15 ta’ Novembru 2006 saret l-amalgamazzjoni ta’ ISD u ta’ MH fejn ISD assumiet id-drittijiet u l-obbligi kollha ta’ MH.

 Ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

30      Permezz tar-rikors tagħhom quddiem il-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti ISD u IUD, fil-Kawża T‑273/06, talbu lil din tal-aħħar, b’mod partikolari, tannulla l-Artikolu 3 tad-deċiżjoni inkwistjoni, billi invokaw sitt motivi insostenn tat-talbiet tagħhom.

31      L-ewwel motiv kien jirrigwarda l-ksur tal-Protokoll Nru 8. Ir-raba’ motiv kien ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi u s-sitt motiv kien jirrigwarda l-ksur tar-Regolament Nru 794/2004. It-tieni, it-tielet u l-ħames motivi ma ġewx invokati insostenn tal-appell u għaldaqstant ma humiex ser jiġu eżaminati iktar ’il quddiem.

32      Fil-kawża T‑297/06, ISD ressqet talbiet identiċi billi invokat erba’ motivi essenzjalment identiċi għal dawk imqajma fil-Kawża T‑273/06, iżda talbet, barra minn hekk, l-annullament tal-Artikolu 4 tad-deċiżjoni inkwistjoni.

33      Permezz tal-ewwel motiv tagħhom, ir-rikorrenti kkonstestaw, essenzjalment, l-applikabbiltà ratione temporis u ratione personae tar-regoli Komunitarji fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat kif ukoll il-kompetenza tal-Kummissjoni li tistħarreġ l-osservanza tagħhom waqt il-perijodu ta’ qabel l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Polonja fl-Unjoni.

34      F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali kkonfermat li l-Artikoli 87 KE u 88 KE ma humiex applikabbli, fil-prinċipju, għal għajnuna mogħtija qabel l-adeżjoni ta’ Stat Membru li ma baqgħetx tingħata wara l-adeżjoni u li, għaldaqstant, il-Kummissjoni invokat il-Protokoll Nru 8 bħala lex specialis bil-għan li tiġġustifika l-kompetenza tagħha.

35      Waqt li osserva li dik is-sistema hija differenti f’diversi aspetti mis-sistema ġenerali prevista mit-Trattat KE u mill-Anness IV tal-Att li jirrigwarda l-kundizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, tar-Repubblika tal-Estonja, tar-Repubblika ta’ Ċipru, tar-Repubblika tal-Latvja, tar-Repubblika tal-Litwanja, tar-Repubblika tal-Ungerija, tar-Repubblika ta’ Malta, tar-Repubblika tal-Polonja, tar-Repubblika tas-Slovenja u tar-Repubblika Slovakka u l-aġġustamenti għat-Trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea (ĠU 2003, L 236, p. 797, iktar ’il quddiem l-“Anness IV tal-Att tal-Adeżjoni”), il-Qorti Ġenerali kkonstatat fil-punt 93 tas-sentenza appellata, li l-Protokoll Nru 8 jirreferi għal għajnuna mogħtija matul il-perijodu bejn l‑1997 u l‑2003, u jawtorizza ammont limitat ta’ għajnuna għar-ristrutturazzjoni mogħtija matul dan il-perijodu lil ċerti impriżi enumerati fl-Anness 1 u jipprojbixxi, inkambju, kull għajnuna mill-Istat oħra għar-ristrutturazzjoni tal-industrija tal-azzar.

36      Filwaqt li kkonstatat, fil-punt 94 tas-sentenza appellata li l-applikazzjoni retroattiva tal-Protokoll Nru 8 hija wkoll stabbilita fil-punt 6, li jirrigwarda l-perijodu bejn l‑1997 u l‑2003, il-Qorti Ġenerali finalment ċaħdet, fil-punti 95 u 96 tas-sentenza appellata, l-argument tar-rikorrenti li, peress li, fil-mument tal-pubblikazzjoni tal-Protokoll Nru 8 fix-xahar ta’ Settembru 2003, dak il-perijodu kien kważi skada, dan ir-riferiment għall-imsemmi perijodu fisser biss li l-kalkolu tal-għajnuna futura għandu jsir billi jittieħdu inkunsiderazzjoni retrospettivament l-ammonti ta’ għajnuna diġà mogħtija. Skont il-Qorti Ġenerali, l-għan tal-Protokoll Nru 8 kien, b’mod kuntrarju, “li tiġi stabbilita skema komprensiva għall-awtorizzazzjoni tal-għajnuna intiża għar-ristrutturazzjoni tal-industrija tal-azzar Pollakka u mhux biss li tiġi evitata l-akkumulazzjoni tal-għajnuna minn impriżi benefiċjarji”

37      Il-Qorti Ġenerali għaldaqstant ikkonkludiet, fil-punt 97 tas-sentenza appellata li, meta mqabbel mal-Anness IV tal-Att tal-Adeżjoni u mal-Artikoli 87 KE u 88 KE, il-protokoll Nru 8 huwa lex specialis li jestendi s-setgħa ta’ sħarriġ tal-għajnuna mill-Istat li l-Kummissjoni għandha bis-saħħa tat-Trattat għall-għajnuna mogħtija favur ir-riorganizzazzjoni tal-industrija tal-azzar Pollakka matul il-perijodu ta’ bejn l-1997 u l-2003.

38      Fir-rigward tal-argument dwar l-applikabbiltà ratione personae tal-Protokoll Nru 8, li dan tal-aħħar ma jirrigwardax l-impriżi li ma humiex elenkati fl-Anness 1 tiegħu, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 99 tas-sentenza appellata, li l-punt 3 tal-imsemmi Protokoll jipprovdi b’mod espliċitu li huma biss l-impriżi elenkati f’dak l-Anness 1 li jistgħu jibbenefikaw minn għajnuna mill-Istat fil-kuntest tal-programm ta’ ristrutturazzjoni tal-industrija tal-azzar Pollakka. Jekk jitqies li impriża mhux elenkata fl-imsemmi Anness 1 tista’ żżomm ammonti mingħajr limitu ta’ għajnuna għar-ristrutturazzjoni rċevuta qabel is-sħubija mingħajr ma tnaqqas, inkambju, il-kapaċitajiet ta’ produzzjoni, il-Protokoll Nru 8 ikun nieqes minn kull sens.

39      Fir-rigward tal-argument, ibbażat fuq il-punt 4(b) tal-Protokoll Nru 8, li huma biss l-impriżi benefiċjarji li ma jistgħux jassumu l-assi ta’ impriża li ma hijiex elenkata fl-Anness 1 tal-Protokoll Nru 8 li hija ddikjarata falluta, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li r-rikorrenti telqu minn premessa ta’ interpretazzjoni żbaljata ta’ dik id-dispożizzjoni. Anki li kieku jiġi preżunt li dan jipprevedi l-possibbilità li terz jassumi l-assi ta’ impriża falluta li ma hijiex elenkata fl-Anness 1 tal-Protokoll Nru 8, dan bl-ebda mod ma jimplika, skont il-Qorti Ġenerali, li dan it-terz ma jkunx obbligat jirrifondi l-għajnuna illegali meħuda mill-imsemmija impriża. Għaldaqstant, peress li s-sitwazzjoni ta’ HCz ma tistax titqabbel ma’ dik ta’ impriża falluta li ma hijiex elenkata fl-Anness 1 tal-Protokoll Nru 8, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ukoll l-ilment ibbażat fuq allegat ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali fl-applikazzjoni tal-imsemmi protokoll.

40      Għaldaqstant, jekk jintlaqa’ motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali dan ikun essenzjalment ifisser li jkun qiegħed jiġi kkontestat il-Protokoll Nru 8 li, bħala sors tad-dritt primarju, jagħmel parti mit-Trattat (ara l-punti 100 u 101 tas-sentenza appellata).

41      Fir-rigward tal-argument li l-Kummissjoni eċċediet il-kompetenza tagħha, il-Qorti Ġenerali fakkret, fil-punt 102 tas-sentenza appellata, li l-Protokoll Nru 8 jipprevedi li l-Kummissjoni tieħu l-miżuri xierqa bil-għan li tiżgura r-rimbors ta’ kull għajnuna mogħtija bi ksur tal-kundizzjonijiet previsti f’dak il-protokoll, inklużi miżuri ta’ stħarriġ b’applikazzjoni tal-Artikolu 88 KE, b’tali mod li l-Kummissjoni kienet kompetenti tistħarreġ l-osservanza tad-dispożizzjonijiet tal-Protokoll Nru 8.

42      Il-Qorti Ġenerali ċaħdet ukoll l-argumenti kollha li invokaw ksur tal-Protokoll Nru 8.

43      Permezz tar-raba’ motiv tagħhom, ir-rikorrenti sostnew li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni tagħha li tinbeda proċedura ta’ investigazzjoni formali fir-rigward tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni mogħtija lil HCz, naqset li tindika b’mod preċiż fid-deċiżjoni inkwistjoni l-għajnuna mill-Istat li hija titlob li tiġi kkanċellata, bil- konsegwenza li tivvizzja wkoll din l-aħħar deċiżjoni b’illegalità li tirriżulta minn ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. L-aspettattivi tagħhom kienu bbażati fuq il-fatt li IUD kienet fiduċjuża li l-għajnuna inkwistjoni kienet ser tiġi kkunsidrata bħala rimborsata u li l-Kummissjoni kienet ġiet debitament informata bl-għajnuna mogħtija qabel l‑2003.

44      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti allegaw li l-Kummissjoni nisslet fihom l-aspettattiva li l-għajnuna rċevuta minn HCz ma kinitx ser tkun ikkanċellata. Fil-fatt, huma setgħu b’mod leġittimu jemmnu li l-Kummissjoni ma kinitx sejra titlob l-irkupru tal-għajnuna rċevuta minn HCz u rrilevaw li, jekk l-għajnuna inkwistjoni ma kinitx ġiet innotifikata fis-sens tal-Artikoli 87 KE u 88 KE, hija kienet ġiet “debitament innotifikata” skont il-proċeduri rilevanti previsti mill-Protokoll Nru 2.

45      F’dak ir-rigward, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 134 tas-sentenza appellata, li tali aspettattivi ma jistgħux jiġu protetti abbażi tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. Fil-fatt, ir-rikorrenti la kienu mħeġġa, permezz ta’ att tal-Komunità, li jieħdu deċiżjoni li sussegwentement irriżultat f’konsegwenzi negattivi għalihom, u lanqas ma kienu benefiċjarji ta’ att amministrattiv favorevoli min-naħa ta’ istituzzjoni Komunitarja li ġie rtirat retroattivament minn din tal-aħħar. Filwaqt li rreferiet għas-sentenza tal‑20 ta’ Marzu 1997, Alcan Deutschland (C 24/95, Ġabra p. I 1591), il-Qorti Ġenerali fakkret, fil-punt 135 tas-sentenza appellata li l-impriżi benefiċjarji ta’ għajnuna ma jistax ikollhom, bħala regola, aspettattivi leġittimi rigward ir-regolarità tal-għajnuna ħlief jekk din tkun ġiet mogħtija b’osservanza tal-proċedura prevista fl-Artikolu 88 KE u li operatur ekonomiku diliġenti għandu normalment ikun kapaċi jassigura li din il-proċedura ġiet osservata.

46      Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 136 tas-sentenza appellata, li, f’dan il-każ, ma saret l-ebda notifika tal-għajnuna inkwistjoni peress li din tal-aħħar ingħatat meta r-Repubblika tal-Polonja ma kinitx membru tal-Unjoni u li, għaldaqstant, notifika skont l-Artikolu 88 KE ma kinitx possibbli.

47      Il-Qorti Ġenerali ċaħdet ukoll, fil-punti 137 u 138 tas-sentenza appellata, l-argument tar-rikorrenti li l-għajnuna inkwistjoni kienet ġiet “debitament innotifikata” skont il-proċeduri rilevanti tal-Protokoll Nru 2. Fil-fatt, sa fejn ir-rikorrenti rreferew għad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/588, fejn dan tal-aħħar ikkonstata li l-programm ta’ ristrutturazzjoni u l-pjanijiet ta’ negozju sottomessi lill-Kummissjoni mir-Repubblika tal-Polonja tal‑4 ta’ April 2003 kienu jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 8(4) tal-Protokoll Nru 2, għandu jiġi kkonstatat li l-pjan ta’ negozju li jirrigwarda lil HCz ma ġiex sottomess lill-Kummissjoni u lanqas ma huwa previst mill-approvazzjoni li tinsab fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/588.

48      Fir-rigward tal-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta tal-Kummissjoni, li tipprovdi li l-estensjoni tad-deroga prevista fl-Artikolu 8(4) tal-Protokoll Nru 2 kellha l-effett li tirregolarizza retroattivament l-għajnuna kollha li ngħatat illegalment wara d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim Ewropew, il-Qorti Ġenerali enfasizzat, fil-punt 139 tas-sentenza appellata, li dawk it-termini ma jinstabux fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/588. Issa, sempliċi proposta tal-Kummissjoni suġġetta għal deċiżjoni tal-Kunsill ma tistax toħloq aspettattivi leġittimi fi ħdan ir-rikorrenti.

49      Il-Qorti Ġenerali ċaħdet ukoll l-argumenti kollha bbażati fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

50      Permezz tas-sitt motiv tagħhom, li kien jirrigwarda b’mod partikolari l-iffissar tar-rati tal-interessi applikabbli għall-irkupru tal-għajnuna inkwistjoni, ir-rikorrenti jinvokaw ksur tar-Regolament Nru 794/2004 billi jikkontestaw li l-Kummissjoni ffissat rati tal-interessi xierqa u li din tal-aħħar kienet interpretat b’mod żbaljat l-għanijiet tal-Artikoli 9 u 11 tal-imsemmi regolament, jiġifieri l-istabbiliment mill-ġdid tas-sitwazzjoni li kienet teżisti qabel l-għoti tal-għajnuna illegali, billi imponiet interessi fuq il-ħlas lura tal-interessi u billi għażlet rata ta’ referenza li kienet totalment estranja għar-realtà tas-suq Pollakk bejn l‑1997 u l‑2004.

51      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti sostnew li, fid-dritt Pollakk, l-interessi jiddekorru biss fuq il-kapital tal-arretrati tat-taxxa u li l-liġijiet fiskali ma jipprovdux għal kapitalizzazzjoni tal-interessi dovuti fuq dawn l-arretrati. Barra minn hekk, huma jesponu li kien rari ħafna, bejn l‑1997 u l‑2004, li impriżi jiksbu kapital estern għal terminu twil billi jużaw bonds u self bankarju kkalkolati fi zlotys Pollakki. Peress li riedet tapplika r-rata tal-interessi tal-bonds tat-Teżor Pollakk, il-Kummissjoni ma użatx ir-rata li tirrifletti korrettament il-vantaġġ li kienet ibbenefikat minnu HCz u dan għandu l-effett li jissopravalorizza dak il-vantaġġ. Il-ħlas lura tal-interessi jpoġġi wkoll lill-impriżi benefiċjari f’sitwazzjoni inqas favorevoli meta mqabbla mal-istatus quo ante.

52      Fir-rigward tad-deċiżjoni inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 157 tas-sentenza appellata, li l-interessi huma kkalkolati skont id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu V tar-Regolament Nru 794/2004 u li, peress li r-rata tal-interessi la hija ffissata fid-dispożittiv u lanqas fil-kunsiderazzjonijiet tal-imsemmija deċiżjoni, il-motiv tar-rikorrenti ma għandu l-ebda skop.

53      Fir-rigward tal-metodu għal kalkolu tal-interessi, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-konstatazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni inkwistjoni f’dan ir-rigward huma ta’ natura purament dikjaratorja, peress li l-metodu għall-kalkolu tal-interessi jirriżulta mir-Regolament Nru 794/2004 stess. Issa, ir-rikorrenti ma qajmux l-eċċezzjoni tal-illegalità dwar dak ir-regolament (ara l-punt 159 tas-sentenza appellata).

54      Fir-rigward tal-ittra tas‑7 ta’ Ġunju 2006, fejn il-Kummissjoni ffissat ir-rata tal-interessi li għandha tiġi applikata għall-irkupru tal-għajnuna inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali fakkret li l-Artikolu 9(4) tar-Regolament Nru 794/2004 jipprevedi li l-iffissar tar-rata tal-interessi li għandha tiġi applikata għall-irkupru teħtieġ “kooperazzjoni mill-qrib” mal-Istat Membru kkonċernat.

55      Issa, il-korrispondenza skambjata bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Pollakki tirreleva li l-iffissar tar-rata żvolġa b’“kooperazzjoni mill-qrib” mar-Repubblika tal-Polonja li, fil-fatt, ipproponiet li jiġu applikati r-rati tal-bonds tat-Teżor għal ħames snin u għaxar snin u talbet li jsir aġġustament annwali ta’ dawk ir-rati u li l-interessi ma jkunux ikkalkolati fuq bażi komposta (punt 163 tas-sentenza appellata).

56      Peress li aċċettat il-maġġoranza ta’ dawn il-proposti, il-Kummissjoni kkunsidrat li kellha tiġi applikata biss ir-rata tal-bonds għal ħames snin għall-perijodu kollu bejn l‑1997 sal‑2004. F’dan ir-rigward hija kellha ċerta marġni ta’ diskrezzjoni (punt 164 tas-sentenza appellata).

57      Fir-rigward tal-metodu tal-applikazzjoni tal-interessi, u b’mod partikolari, tal-kalkolu tal-interessi fuq bażi komposta, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 165 tas-sentenza appellata, li l-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 794/2004 jippreċiża espliċitament li r-rata tal-interessi għandha tapplika fuq bażi komposta sad-data tal-irkupru tal-għajnuna u li l-interessi li jiddekorru f’sena jipproduċu interessi kull sena sussegwenti. Barra minn hekk, l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 794/2004 jipprovdi li l-Artikoli 9 u 11 tiegħu huma applikabbli għal kull deċiżjoni ta’ rkupru nnotifikata wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament. Peress li r-Regolament Nru 794/2004 kien applikabbli fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni inkwistjoni, il-Kummissjoni kienet ukoll obbligata titlob li l-interessi jiġu kkalkolati fuq bażi komposta.

58      Għalhekk, il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-motivi kollha bbażati fuq ksur tar-Regolament Nru 794/2004.

59      Peress li ddeċidiet li l-motivi kollha mressqa mir-rikorrenti insostenn tar-rikors tagħhom kienu infondati, il-Qorti Ġenerali konsegwentement ċaħdet ir-rikors fl-intier tiegħu.

 It-talbiet tal-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

60      L-appellanti jitolbu li Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata;

–        tilqa’, b’mod sħiħ, jew sussidjarjament b’mod parzjali, it-talbiet imressqa quddiem il-Qorti Ġenerali fil-Kawżi magħquda T‑273/06 u T‑297/06;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kollha;

–        fil-każ fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni, tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 69(6) u dawk tal-Artikolu 72(a) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

61      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell u tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

 Fuq l-appell

62      Insostenn tal-appell tagħhom, l-appellanti jinvokaw tliet aggravji bbażati fuq ksur tal-Protokoll Nru 8, tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u tar-Regolament Nru 659/1999, b’mod partikolari tal-Artikolu 14(2) tiegħu, kif ukoll tar-Regolament Nru 794/2004 rispettivament.

63      Il-Kummissjoni tikkontesta, minn naħa, l-ammmissibbiltà tal-appell fl-intier tiegħu, u, min-naħa l-oħra, speċifikament l-ammissibbiltà tal-ewwel u t-tielet aggravju kif ukoll il-fondatezza tat-tliet aggravji mressqa mill-appellanti.

 Fuq l-ammissibbiltà tal-appell fl-intier tiegħu

 L-argumenti tal-partijiet

64      Preliminarjament, il-Kummissjoni teċċepixxi l-inammissibbiltà tal-appell peress li l-appellanti, fir-rigward tal-forma tal-appell, jfixklu appell fuq punti ta’ fatt u ta’ liġi ma’ appell fuq punti ta’ liġi biss sa fejn ir-rikors tal-appell jillimita ruħu essenzjalment għar-repetizzjoni tal-argumenti kontra d-deċiżjoni inkwistjoni, kif esposti fl-ewwel istanza. L-appellanti ma jippreċiżawx liema partijiet mir-raġunament tal-Qorti Ġenerali huma kkonċernati b’mod partikolari u lanqas liema żbalji ta’ liġi wettqet il-Qorti Ġenerali fl-eżami tagħha ta’ dawn l-argumenti fl-ewwel istanza.

65      F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni ssostni li mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 225 KE, mill-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 112(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura, jirriżulta li appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kkritikati tas-sentenza appellata kif ukoll l-argumenti ġuridiċi li jsostnu b’mod speċifiku din it-talba. L-appell tal-appellanti li, mingħajr lanqas ma jinkludi argumentazzjoni intiża speċifikament sabiex tidentifika l-iżball ta’ liġi li bih hija vvizzjata s-sentenza appellata, jillimita ruħu li jirriproduċi l-motivi u l-argumenti li diġà ġew ippreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali, ma jissodisfax dan ir-rekwiżit. Fil-fatt, tali appell fil-verità jikkostitwixxi talba intiża sabiex jinkiseb sempliċi eżami mill-ġdid tar-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali, u dan imur lil hinn mill-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

66      Skont ġurisprudenza stabbilita, mill-Artikolu 225 KE, mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u mill-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 112(1) tar-Regoli tal-Proċedura jirriżulta li appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kkontestati tas-sentenza li qiegħed jintalab l-annullament tagħha kif ukoll ir-raġunijiet u l-argumenti ta’ dritt li jsostnu b’mod speċifiku din it-talba (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑4 ta’ Lulju 2000, Bergaderm u Goupil vs Il-Kummissjoni, C‑352/98 P, Ġabra p. I-5291, punt 34; tat‑8 ta’ Jannar 2002, Franza vs Monsanto u Il-Kummissjoni, C‑248/99 P, Ġabra p. I-1, punt 68, kif ukoll tal‑14 ta’ Ottubru 2010, Nuova Agricast u Cofra vs Il-Kummissjoni, C‑67/09 P, Ġabra p. I‑0000, punt 48).

67      F’dan ir-rigward ikun suffiċjenti li jiġi kkonstatat li, għalkemm ċerti partijiet mill-argument żviluppat mill-appellanti, fil-kuntest tal-aggravji tagħhom, huma tabilħaqq neqsin mill-awsterità, dan l-argument, kollu kemm hu, jidher madankollu li huwa ċar biżżejjed sabiex ikunu jistgħu jiġu identifikati l-elementi kkontestati tas-sentenza appellata bil-preċiżjoni meħtieġa, kif ukoll l-argumenti legali invokati insostenn ta’ din il-kritika u, konsegwentement, jippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja twettaq l-istħarriġ tagħha dwar il-legalità.

68      Konsegwentement, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni sa fejn din tirrigwarda l-appell fl-intier tiegħu għandha tiġi miċħuda.

 Fuq l-ewwel aggravju

 L-argumenti tal-partijiet

69      Permezz tal-ewwel aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali kisret il-Protokoll Nru 8 billi kkunsidrat li dan tal-aħħar jistabbilixxi fil-punt 6 tiegħu applikazzjoni retroattiva tad-dispożizzjonijiet tiegħu. La mit-termini, la mill-għan u lanqas mill-istruttura tal-imsemmi protokoll ma jirriżulta b’mod ċar li dan għandu jiġi attribwit portata retroattiva.

70      F’dan ir-rigward, l-appellanti jsostnu li, fir-realtà, il-Protokoll Nru 8 għandu l-għan li l-impriżi elenkati fl-Anness 1 tiegħu jkunu jistgħu jibbenefikaw minn għajnuna mill-Istat, f’ċerti limiti, bejn il-mument tal-iffirmar tiegħu fis‑16 ta’ April 2003 sal-aħħar tas-sena tal‑2003. L-uniku element ta’ retroattività identifikabbli fl-imsemmi protokoll hija r-riferiment għall-perijodu bejn l‑1997 u sal‑2003, li jikkonċerna kemm l-ammont totali tal-għajnuna li tista’ tingħata (punt 6 tal-Protokoll Nru 8) kif ukoll it-tnaqqis nett tal-kapaċità li għandha tasal għalih ir-Repubblika tal-Polonja (punt 7 tal-Protokoll Nru 8). Dan ifisser li l-kalkolu tal-għajnuna futura li tingħata lill-impriżi benefiċjarji sal-aħħar tas-sena tal‑2003, għandu jsir mhux billi jitqies retroattivament li l-għajnuna ta’ qabel hija, skont il-każ, illegali, iżda billi jittieħdu inkunsiderazzjoni retrospettivament l-ammonti ta’ għajnuna li tkun diġà ngħatat.

71      F’dan ir-rigward, l-appellanti jinvokaw li, b’mod konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenzi tal‑25 ta’ Jannar 1979, Racke, 98/78, Ġabra p. 69; u Weingut Decker, 99/78, Ġabra p. 101; tad‑19 ta’ Mejju 1982, Staple Dairy Products, 84/81, Ġabra p. 1763, kif ukoll tal‑24 ta’ Settembru 2002, Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il-Kummissjoni, C‑74/00 P u C‑75/00 P, Ġabra p. I‑7869), bħala regola ġenerali, il-prinċipju taċ-ċertezza ta’ sitwazzjonijiet legali jipprekludi li l-portata ratione temporis ta’ att Komunitarju tibda minn data qabel il-pubblikazzjoni tiegħu. Eċċezzjonalment, jista’ jkun hemm deroga minn tali prinċipju jekk din hija neċessarja sabiex jintlaħaq l-għan inkwistjoni u meta l-aspettattivi leġittimi tal-persuni interessati jkunu debitament osservati. Dan ifisser li, fin-nuqqas ta’ indikazzjoni kuntrarja, test tad-dritt Komunitarju huwa preżunt li ma għandux effett retroattiv.

72      Issa, f’dan il-każ, skont l-appellanti, huwa paċifiku li l-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni UE – Polonja adotta, fit‑23 ta’ Ottubru 2002, deċiżjoni li testendi bi tmien snin addizzjonali b’effett mill-1 ta’ Jannar 1997 il-perijodu ta’ eżenzjoni previst mill-Protokoll Nru 2. Din id-deċiżjoni tissuġġetta l-estensjoni għal żewġ kundizzjonijiet. Minn naħa, il-preżentazzjoni lill-Kummissjoni mir-Repubblika tal-Polonja ta’ programm ta’ ristrutturazzjoni u ta’ pjanijiet ta’ negozju, u min-naħa l-oħra, l-evalwazzjoni finali tagħhom mill-Kummissjoni (Artikoli 2 u 3 tad-deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni). L-Artikolu 3 ta’ din id-deċiżjoni jipprevedi, barra minn hekk, li l-Kummissjoni għandha tissorvelja f’intervalli regolari l-implementazzjoni tal-pjanijiet ta’ negozju f’isem il-Komunità, filwaqt li l-Uffiċċju Pollakk tal-kompetizzjoni u tal-protezzjoni tal-konsumaturi għandu jagħmel l-istess fir-rigward tar-Repubblika tal-Polonja.

73      Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-programm ta’ ristrutturazzjoni u l-pjanijiet ta’ negozju ppreżentati mir-Repubblika tal-Polonja kienu jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 8(4) tal-Protokoll Nru 2 u l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Protokoll Nru 8 u għaldaqstant, permezz tal-proposta tagħha, approvat l-evalwazzjoni finali tagħha u l-osservanza tal-obbligu meħud mir-Repubblika tal-Polonja fil-Protokoll Nru 8. Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/588 ġiet finalment adottata f’dan is-sens. Skont l-appellanti, il-Kummissjoni ttrattat fid-deċiżjoni inkwistjoni, l-għajnuna mill-Istat mogħtija bejn l‑1997 u l‑2002 taħt is-sistema ta’ eżenzjoni li kienet ġiet estiża bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/588 wara l-iffirmar tal-Protokoll Nru 8 li tagħmel riferiment għalih.

74      Barra minn hekk, il-punt 6 tal-Protokoll Nru 8 jipprevedi biss l-għajnuna futura għar-ristrutturazzjoni li tista’ tingħata lil impriżi benefiċjarji u ma jinkludi l-ebda riferiment espliċitu għal effett retroattiv eventwali. La mit-termini, la mill-għan u lanqas mill-istruttura tal-imsemmi protokoll ma jirriżulta b’mod ċar li dan għandu jiġi attribwit portata retroattiva.

75      Barra minn hekk, l-appellanti jsostnu li huwa paċifiku li l-awtoritajiet Pollakki pprevedew li jinkludu lil HCz fil-lista ta’ impriżi benefiċjarji elenkati fl-Anness 1 tal-Protokoll Nru 8 li jistgħu jibbenefikaw minn għajnuna mill-Istat fil-kuntest tal-programm ta’ ristrutturazzjoni tal-industrija Pollakka tal-azzar. Huma abbandunaw dik il-miżura fl-aħħar minuta peress li HCz kienet falliet u minn dakinhar il-vijabbiltà tagħha kienet ikkunsidrata bħala mhux wisq probabbli anki permezz ta’ għajnuna ġdida. Il-vijabbiltà ta’ HCz fil-mument meta twaqqaf il-kontenut tal-Protokoll Nru 8 kienet tikkostitwixxi wkoll l-uniku punt li kien jiddistingwiha minn tmien impriżi benefiċjarji.

76      Issa, mix-xahar ta’ April tal‑2003, l-awtoritajiet Pollakki kienu pprevedew li jirristrutturaw lil HCz b’mod differenti mill-falliment. Il-Kummissjoni ma kinitx ħadet dan inkunsiderazzjoni fid-deċiżjoni inkwistjoni tagħha, minkejja li kienet taf b’dawn il-fatti, u għalhekk ittrattat żewġ kategoriji ta’ persuni li s-sitwazzjonijiet legali u fattwali tagħhom ma kinux jippreżentaw differenzi essenzjali – l-impriżi elenkati fl-Anness 1 tal-Protokoll Nru 8, minn naħa, u l-entità ekonomika li hija s-suċċessura ta’ HCz, min-naħa l-oħra, – b’mod radikalment differenti. Dan it-trattament differenti ta’ żewġ sitwazzjonijiet essenzjalment identiċi jikkostitwixxi wkoll ksur addizzjonali tal-Protokoll Nru 8.

77      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-interpretazzjoni tal-Protokoll Nru 8 magħmula mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni inkwistjoni tikkostitwixxi ksur manifest ta’ dak it-test Komunitarju. Il-Qorti Ġenerali, billi ma ssanzjonatx dak il-ksur, min-naħa tagħha, kisret id-dritt Komunitarju.

78      Il-Kummissjoni, qabel kollox issostni li l-ewwel aggravju huwa parzjalment inammissibbli għal żewġ raġunijiet. Minn naħa, l-appellanti invokaw il-proposta tal-Kummissjoni u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/588 fil-kuntest tal-imsemmi aggravju meta dak il-punt kien ġie eżaminat mill-Qorti Ġenerali taħt il-motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. Għaldaqstant, l-appellanti jqajmu, għall-ewwel darba, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja aggravju u argumenti li ma kinux qajmu quddiem il-Qorti Ġenerali b’tali mod li dik il-parti tal-aggravju għandha tiġi ddikjarata inammissibbli.

79      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-argument ibbażat fuq trattament differenti ta’ żewġ sitwazzjonijiet essenzjalment identiċi u li għalhekk jwassal għal ksur tal-Protokoll Nru 8, dan kien ġdid fis-sens li ma kienx ġie invokat mill-appellanti fil-Kawża T‑297/06, fil-kuntest tal-motiv ibbażat fuq l-allegat ksur tal-Protokoll Nru 8. Huma biss l-appellanti fil-Kawża T‑273/06 li invokaw allegat ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali fl-applikazzjoni tal-Protokoll Nru 8. Konsegwentement, dik il-parti tal-ewwel aggravju għandha wkoll tiġi ddikjarata li hija inammissibbli.

80      F’dak li jikkonċerna l-mertu, il-Kummissjoni sussegwentement tikkonferma li hija tikkondividi l-qari magħmul mill-Qorti Ġenerali, li l-għan tal-Protokoll Nru 8 kien li jistabbilixxi sistema komprensiva għall-kontroll tal-għajnuna maħsuba għar-ristrutturazzjoni tal-industrija Pollakka tal-azzar. Skont din, il-kliem stess tal-punt 6 tal-imsemmi protokoll jindika effett retroattiv peress li l-perijodu kollu kkunsidrat, jiġifieri mis-sena 1997 sal-2003, jiġi qabel id-data tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Polonja mal-Unjoni.

81      Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tal-appellanti, li r-riferiment għal dak il-perijodu jfisser fir-realtà li l-kontroll tal-għajnuna qabel l-adeżjoni kien limitat għal dik mogħtija bejn ix-xahar ta’ Settembru u ta’ Diċembru tal‑2003. Għaldaqstant, skont il-Kummissjoni r-raġunament tal-Qorti Ġenerali fil-punti 93 sa 97 tas-sentenza appellata ġustament ħa inkunsiderazzjoni t-termini, l-għan u l-istruttura tal-Protokoll Nru 8 u ġustament laqa’ l-konklużjonijiet tagħha fir-rigward tal-effett retroattiv.

82      Finalment, il-Kummissjoni tikkunsidra l-argumenti mressqa mill-appellanti bħala, fi kwalunkwe każ, infondati sa fejn dawn l-argumenti jidhru li jikkontestaw fir-realtà l-esklużjoni ta’ HCz mil-lista ta’ impriżi benefiċjarji elenkati fl-Anness 1 tal-Protokoll Nru 8 u mhux kwalunkwe ksur tal-imsemmi protokoll. Issa, huwa manifest li l-kuntest tar-rikors għal annullament li ġie ppreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali jillimita ruħu għal stħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni u ma jippermettix li tiġi mistħarrġa l-legalità ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt primarju bħal dawk tal-Protokoll Nru 8.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

–       Fuq l-ammissibbiltà

83      F’dak li jirrigwarda l-ilment ta’ inammissibbiltà mqajjem mill-Kummissjoni u bbażat fuq in-natura ġdida tal-aggravju invokat, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li fil-fatt, jekk parti titħalla tqajjem għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja aggravju li hija ma tkunx invokat quddiem il-Qorti tal-Ġenerali, dik il-parti tkun qiegħda titħalla tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li l-kompetenza tagħha fejn jidħol appell hija limitata, kawża iktar estiża minn dik imressqa quddiem il-Qorti Ġenerali. Fil-kuntest ta’ appell, il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja hija għalhekk limitata għall-evalwazzjoni tas-soluzzjoni legali li ngħatat għall-motivi diskussi quddiem il-qrati tal-ewwel istanza (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑11 ta’ Novembru 2004, Ramondín et vs Il-Kummissjoni, C‑186/02 P u C‑188/02 P, Ġabra p. I-10653, punt 60, kif ukoll tas‑26 ta’ Ottubru 2006, Koninklijke Coöperatie Cosun vs Il-Kummissjoni, C‑68/05 P, Ġabra p. I‑10367, punt 96).

84      F’dan ir-rigward, hemm lok madankollu li jiġi kkonstatat li l-appellanti, b’mod kuntrarju għall-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni, ma jqajmux aggravju ġdid quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja iżda sempliċi argument li jaqa’ taħt il-motiv ibbażat fuq ksur tal-Protokoll Nru 8 u li diġà ġie diskuss quddiem il-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, huma jirreferu għal dokumenti ċċitati mill-Kummissjoni bil-għan li jsostnu l-ksur tal-Protokoll Nru 8 iżda ma jintroduċu l-ebda allegazzjoni ġdida mill-perspettiva legali. Għaldaqstant, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni u bbażata fuq in-natura ġdida ta’ aggravju mressaq mill-appellanti ma tistax tintlaqa’.

85      F’dak li jikkonċerna l-ilment ta’ inammissibbiltà mqajjem mill-Kummissjoni u bbażat fuq il-fatt li l-argument li jirrigwarda trattament differenti ta’ żewġ sitwazzjonijiet essenzjalment identiċi, invokat mill-appellanti fil-Kawża T‑297/06, kien ġdid fis-sens li ma ġiex invokat minn din tal-aħħar fl-ewwel istanza iżda biss mill-appellanti fil-Kawża T‑273/06, ikun suffiċjenti li jiġi kkonstatat li, peress li parti għandha tkun tista’ tikkontesta l-motivi kollha ta’ sentenza li jikkawżalha preġudizzju, meta l-Qorti Ġenerali tkun għaqdet żewġ kawżi flimkien u tkun tat sentenza waħda li tindirizza l-motivi kollha ppreżentati mill-partijiet fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, kull waħda minnhom tista’ tikkritika r-raġunamenti li jikkonċernaw il-motivi li kienu tqajmu quddiem il-Qorti Ġenerali minn rikorrent wieħed fil-kawża magħquda l-oħra (ara s-sentenzi tad‑29 ta’ Novembru 2007, Stadtwerke Schwäbisch Hall et vs Il-Kummissjoni, C‑176/06 P, punt 17, kif ukoll, b’analoġija, tal‑21 ta’ Frar 2008, Il-Kummissjoni vs Girardot, C‑348/06 P, Ġabra p. I‑833, punt 50).

86      Għaldaqstant, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni u bbażata fuq in-natura ġdida ta’ aggravju invokat mill-appellanti ma tistax tintlaqa’.

87      Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-ewwel aggravju tal-appell huwa ammissibbli.

–       Fuq il-mertu

88      Fir-rigward tal-fondatezza ta’ dak l-aggravju, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk il-Qorti Ġenerali kisritx il-Protokoll Nru 8 billi kkunsidrat fis-sentenza appellata li l-kompetenza tal-Kummissjoni li tistħarreġ l-osservanza tar-regoli Komunitarji fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat matul il-perijodu ta’ qabel l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Polonja fl-Unjoni hija bbażata fuq dak il-protokoll u tirrigwarda l-għajnuna mogħtija matul il-perijodu kollu previst fil-punt 6 tal-imsemmi protokoll, jiġifieri mill‑1997 sal‑2003 u mhux, kif isostnu l-appellanti, esklużivament bejn il-mument tal-pubblikazzjoni tiegħu, it‑23 ta’ Settembru 2003, u l‑31 ta’ Diċembru 2003 peress li huma jikkontestaw l-effett retroattiv tal-Protokoll Nru 8.

89      Jeħtieġ li jitfakkar, f’dan ir-rigward, li l-Qorti Ġenerali waslet għal dik il-konklużjoni wara li eżaminat, fil-punti 89 sa 97 tas-sentenza appellata, il-portata tal-Protokoll Nru 8.

90      Fil-kuntest ta’ dik l-analiżi, il-Qorti Ġenerali qabel kollox enfasizzat, fil-punt 90 tas-sentenza appellata, li, fir-rigward tal-applikabbilità ratione temporis ta’ regoli Komunitarji fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, huwa paċifiku li, fil-prinċipju, l-Artikoli 87 KE u 88 KE ma japplikawx għal għajnuna mogħtija qabel l-adeżjoni li ma tibqax applikabbli wara l-adeżjoni.

91      Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali tikkonstata, fil-punt 91 tas-sentenza appellata, li s-sistema prevista fil-Protokoll Nru 8 hija differenti f’diversi aspetti mis-sistema ġenerali prevista mit-Trattat u mill-Anness IV tal-Att tal-Adeżjoni. Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet f’dan ir-rigward li, skont il-punt 1 tal-Protokoll Nru 8, ċerta għajnuna mill-Istat mogħtija mir-Repubblika tal-Polonja għar-ristrutturazzjoni ta’ setturi speċifiċi tal-industrija tal-azzar Pollakki, li ma hijiex normalment ammissibbli skont l-Artikoli 87 KE u 88 KE, hija meqjusa bħala kompatibbli mas-suq komuni. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali tirrileva li l-mekkaniżmu ta’ tranżizzjoni pprovdut fl-Anness IV tat-Trattat tal-Adeżjoni jirrigwarda biss għajnuna mill-Istat mogħtija qabel l-adeżjoni li baqgħet applikabbli wara d-data tal-adeżjoni.

92      Il-Qorti Ġenerali tfakkar ukoll, fil-punti 93 u 94 tas-sentenza appellata, li l-Protokoll Nru 8 jirreferi għal għajnuna mogħtija matul il-perijodu ta’ bejn l‑1997 u l‑2003, u għalhekk għal perijodu li jiġi qabel l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Polonja fl-Unjoni. Dak il-protokoll jawtorizza ammont limitat ta’ għajnuna għar-ristrutturazzjoni (PLN 3 387 070 000), mogħtija għall-imsemmi perijodu lil ċerti impriżi elenkati fl-Anness 1 tiegħu, u jipprevedi li ma għandha tingħata l-ebda għajnuna oħra mir-Repubblika tal-Polonja għar-ristrutturazzjoni tal-industrija Pollakka tal-azzar. Isegwi, skont il-Qorti Ġenerali, li l-applikazzjoni retroattiva tal-Protokoll Nru 8 hija stabbilita fil-punt 6 tiegħu li jirrigwarda l-perijodu ta’ bejn l‑1997 u l‑2003.

93      Finalment, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 95 tas-sentenza appellata, tiċħad l-argument tar-rikorrenti li, peress li, fil-mument tal-pubblikazzjoni tal-Protokoll Nru 8 fix-xahar ta’Settembru 2003, dak il-perijodu kien kważi skada, ir-riferiment tal-Protokoll Nru 8 għall-perijodu ta’ bejn l‑1997 u l‑2003 ifisser biss li l-kalkolu tal-għajnuna futura għandu jsir billi jittieħdu inkunsiderazzjoni retrospettivament l-ammonti tal-għajnuna diġà mogħtija, iżda mhux billi tittieħed inkunsiderazzjoni b’mod retroattiv l-għajnuna ddikjarata illegali.

94      Barra minn hekk hija tenfasizza, kuntrarjament, li l-għan tal-Protokoll Nru 8 kien li tiġi stabbilita sistema komprensiva għall-awtorizzazzjoni tal-għajnuna intiża għar-ristrutturazzjoni tal-industrija Pollakka tal-azzar u mhux biss li tiġi evitata l-akkumulazzjoni tal-għajnuna minn impriżi benefiċjarji. (ara l-punt 96 tas-sentenza appellata).

95      Fid-dawl ta’ dawk il-konstatazzjonijiet, il-Qorti Ġenerali ċaħdet, fil-punti 97 u 104 tas-sentenza appellata, kull ksur tal-Protokoll Nru 8, meta ddeċidiet li dan kien jirrapreżenta lex specialis meta mqabbel mal-Anness IV tal-Att tal-Adeżjoni u mal-Artikoli 87 KE u 88 KE, li jestendi l-istħarriġ tal-għajnuna mill-Istat imwettaq mill-Kummissjoni skont it-Trattat fil-konfront ta’ għajnuna mogħtija favur l-organizzazzjoni mill-ġdid tal-industrija tal-azzar matul il-perijodu bejn l‑1997 u l‑2003 u ċaħdet ukoll dak il-motiv.

96      B’mod kuntrarju għal dak li jsostnu l-appellanti, il-Qorti Ġenerali ma kisritx l-imsemmi protokoll billi waslet għal tali konklużjoni.

97      Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali ġustament irrilevat, fil-punti 93 u 94 tas-sentenza appellata, li l-Protokoll Nru 8 jipprevedi huwa stess fil-punt 6 tiegħu li huwa japplika għall-perijodu li jkopri s-snin 1997 sal‑2003, il-perijodu ta’ qabel id-data tal-adeżjoni.

98      Ċertament jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li, bil-għan li tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, ir-regoli sostantivi Komunitarji għandhom jiġu interpretati bħala li japplikaw għal sitwazzjonijiet eżistenti qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom biss sa fejn mit-termini, mill-għanijiet jew mill-istruttura tagħhom jirriżulta b’mod ċar li dawn għandhom jingħataw tali effett (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑10 ta’ Frar 1982, Bout, 21/81, Ġabra p. 381, punt 13; u tal‑15 ta’ Lulju 1993, GruSa Fleisch, C‑34/92, Ġabra p. I‑4147, punt 22, tad‑29 ta’ Jannar 2002, Pokrzeptowicz-Meyer, C‑162/00, Ġabra p.I‑1049, punt 49, u tat‑12 ta’ Novembru 2009, Elektrownia Pątnów II, C‑441/08, Ġabra p. I‑10799, punt 33).

99      Issa, peress li l-Protokoll Nru 8 daħal fis-seħħ fl‑1 ta’ Mejju 2004, b’mod kuntrarju għal kuntesti fattwali u legali fil-kawżi ċċitati insostenn tal-argument ippreżentat mill-appellanti, għandu jiġi kkonstatat li jirriżulta b’mod ċar mit-termini tal-Protokoll Nru 8 li huwa jipprevedi effett retroattiv billi jistabbilixxi b’mod espliċitu perijodu li kien skada totalment fil-mument tad-dħul fis-seħħ tiegħu.

100    Fir-rigward tal-għan u l-istruttura tal-Protokoll Nru 8, b’mod kuntrarju għal dak li jallegaw l-appellanti, hemm lok li jiġi kkonstatat li, peress li l-Artikoli 87 KE u 88 KE ma japplikawx għal għajnuna mogħtija qabel l-adeżjoni li ma tkunx għadha applikabbli wara l-adeżjoni u bil-għan li jiġi segwit l-għan ta’ projbizzjoni fil-prinċipju ta’ kull għajnuna mill-Istat bl-eċċezzjoni ta’ derogi previsti b’mod espliċitu, għan li diġà ġie definit fil-protokoll Nru 2, l-istabbiliment ta’ sistema li tippermetti lill-Kummissjoni teżerċita kontroll ta’ għajnuna mill-Istat skont it-Trattat fuq kull għajnuna mogħtija għar-ristrutturazzjoni tal-industrija Pollakka tal-azzar fis-snin 1997 sal‑2006 kienet il-konsegwenza loġika tal-kontinwità materjali bejn il-Ftehim Ewropew u t-Trattat f’dak li jikkonċerna l-għajnuna mill-Istat, li tesprimi, barra minn hekk, l-għan tal-applikazzjoni ta’ sistema waħda ta’ kontroll qabel u wara l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Polonja mal-Unjoni.

101    L-għan tal-Protokoll Nru 8 għaldaqstant kien, kif ġustament ikkonstatat il-Qorti Ġenerali, li tiġi stabbilita sistema komprensiva għall-awtorizzazzjoni tal-għajnuna intiża għar-ristrutturazzjoni tal-industrija Pollakka tal-azzar u mhux biss li tiġi evitata l-akkumulazzjoni tal-għajnuna minn impriżi benefiċjarji.

102    Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali, ġustament, ċaħdet l-argument tar-rikorrenti li l-Protokoll Nru 8 għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jirrigwarda biss il-perijodu ta’ bejn il-pubblikazzjoni tiegħu fix-xahar ta’ Settembru tal‑2003, u l-aħħar tas-sena 2003 u li, għaldaqstant, il-kalkolu tal-għajnuna futura li tingħata lil impriżi benefiċjarji sas-sena 2003 għandu jsir mhux b’kunsiderazzjoni retroattiva tal-għajnuna ddikjarata illegali, iżda b’kunsiderazzjoni retrospettivament tal-ammonti ta’ għajnuna li diġà ngħataw.

103    Isegwi wkoll li l-Qorti Ġenerali ġustament ikkonstatat li l-Protokoll Nru 8 jirrappreżenta lex specialis li estendiet l-kompetenza tal-Kummissjoni li tistħarreġ l-għajnuna mogħtija favur ir-ristrutturazzjoni tal-industrija Pollakka tal-azzar matul il-perijodu bejn l‑1997 sal‑2003.

104    Fir-rigward tal-argument tal-appellanti li jirriżulta kemm mill-proposta tal-Kummissjoni kif ukoll mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/588 li, mill-avviż ta’ dawk l-istituzzjonijiet, l-obbligi meħuda fil-Protokoll Nru 8 kienu ġew osservati, ikun suffiċjenti li jiġi kkonstatat li att sekondarju tad-dritt tal-Unjoni ma jistax jidderoga minn jew jimmodifika att tad-dritt primarju, anki jekk dan jiġi adottat warajh.

105    Finalment, f’dak li jirrigwarda l-argument tal-appellanti bbażat fuq differenza fit-trattament sa fejn dawn isostnu li HCz kellha tiġi inkluża fil-lista ta’ impriżi benefiċjarji elenkati fl-Anness 1 tal-Protokoll Nru 8, ikun suffiċjenti li jiġi kkonstatat li l-appellanti, billi jikkontestaw fir-realtà l-esklużjoni ta’ HCz minn dik il-lista, jikkontestaw il-Protokoll Nru 8 li jifforma parti integrali mit-Trattat u li għandu, għaldaqstant, il-kwalità ta’ dritt primarju. Issa, fil-kuntest ta’ appell, il-Qorti tal-Ġustizzja tillimita ruħha għal stħarriġ tal-legalità tas-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali li ma tippermettix li tiġi kkontestata l-legalità ta’ dispożizzjoni tad-dritt primarju.

106    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, il-Qorti Ġenerali ġustament ikkunsidrat li ma kienx hemm ksur tal-Protokoll Nru 8 u għaldaqstant l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq it-tieni aggravju

 L-argumenti tal-partijiet

107    Permezz ta’ dan l-aggravju, l-appellanti jsostnu li l-proċeduri previsti mill-Protokoll Nru 2 li permezz tagħhom l-għajnuna inkwistjoni ġiet ikkomunikata kemm lill-Kummissjoni kif ukoll lill-Kunsill, nisslet fihom aspettattivi leġittimi.

108    F’dan ir-rigward, l-appellanti jfakkru li huwa stabbilit li l-Kummissjoni saret taf li HCz kienet irċeviet għajnuna mill-Istat meta hija evalwat il-verżjonijiet suċċessivi tal-programm ta’ ristruttura Pollakk. Il-proposta tal-Kummissjoni ġiet ippubblikata fis‑26 ta’ Mejju 2003. Anki li kieku jiġi ammess li l-espożizzjoni tal-motivi ta’ dik il-proposta ma tistax toħloq aspettattivi leġittimi fir-rigward tal-appellanti, dawn tal-aħħar jenfasizzaw li l-Kummissjoni ġiet madankollu informata bl-għajnuna kkontestata.

109    Barra minn hekk, l-appellanti jsostnu li, peress li d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/588 ġiet adottata abbażi tal-proposta mill-Kummissjoni u li dik id-deċiżjoni tikkonstata li l-għajnuna inkwistjoni tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ eżenzjoni previsti fl-Artikolu 8(4) tal-Protokoll Nru 2, u fin-nuqqas ta’ proċeduri formali ddikajarati fl-Artikolu 88 KE bħala inapplikabbli għar-Repubblika tal-Polonja f’dak iż-żmien, il-proċedura segwita mill-Kummissjoni u mill-Kunsill f’dan il-każ kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-ġurisprudenza fil-qasam tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

110    L-appellanti billi jinvokaw, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas‑27 ta’ Marzu 1990, Chomel vs Il-Kummissjoni (T‑123/89, Ġabra p. II‑131), u tal‑31 ta’ Marzu 1998, Preussag Stahl vs Il-Kummissjoni (T-129/96, Ġabra p. II‑609), jenfasizzaw li l-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi tkopri lil kull persuna li tkun tinsab f’sitwazzjoni li minnha jirriżulta li l-amministrazzjoni Komunitarja ħolqot fiha speranzi fondati.

111    Barra minn hekk, l-appellanti jfakkru li d-dritt li tintalab il-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi tippreżupponi l-għaqda ta’ tliet kundizzjonijiet, jiġifieri assigurazzjonijiet preċiżi mogħtija lill-persuna kkonċernata mill-amministrazzjoni Komunitarja ta’ natura li joħolqu aspettattiva leġittima fil-persuna li tkun indirizzata minnhom u b’mod konformi mar-regoli applikabbli.

112    Il-Qorti Ġenerali ppreċiżat li tikkostitwixxi assigurazzjoni preċiża, indipendentement mill-forma li taħtha tiġi kkomunikata, informazzjoni preċiża, inkundizzjonata u konsistenti u li toriġina minn sorsi awtorizzati u affidabbli (sentenzi tas‑6 ta’ Lulju 1999, Forvass vs Il-Kummissjoni, T‑203/97, ĠabraFP p.I‑A‑129 u II‑705, punti 70 u 71, kif ukoll tad‑19 ta’ Marzu 2003, Innova Privat‑Akademie vs Il-Kummissjoni, T‑273/01, Ġabra p. II‑1093, punti 26, 28, 29 u 32).

113    Billi japplikaw dik il-ġurisprudenza għall-proposta tal-Kummissjoni, l-appellanti jikkonkludu li l-punt 6 tal-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta kien ipprovdihom b’assigurazzjonijiet preċiżi, li dawk l-assigurazzjonijiet kienu ta’ natura li joħolqu aspettattivi leġittimi fihom u kienu konformi mar-regoli applikabbli. It-tliet kundizzjonijiet rikjesti sabiex l-appellanti jinvokaw l-aspettattivi leġittimi li l-għajnuna rċevuta ma kinitx illegali u lanqas għaldaqstant suġġetta għal rimbors, kienu konsegwentement sodisfatti. Barra minn hekk, l-artikolu uniku tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/588 kien ta’ natura li joħloq fl-appellanti l-assigurazzjoni li l-programm ta’ ristrutturazzjoni kien konformi mal-Ftehim Ewropew, u konsegwentement, li l-għajnuna inkluża fl-imsemmi programm kienet legali.

114    Il-Kummissjoni, billi tirreferi għas-sentenza Alcan Deutschland, iċċitata iktar ’il fuq, tenfasizza li, fil-fatt, il-proposta tagħha, bħad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/588, tadotta bħala punt tat-tluq il-programm ta’ ristrutturazzjoni u l-pjanijiet ta’ negozju ppreżentati mir-Repubblika tal-Polonja. Il-likwidazzjonji ta’ HCz kienet prevista fiha iżda ma kien fiha l-ebda pjan ta’ negozju għaliha. Għaldaqstant, la l-Kummissjoni u lanqas il-Kunsill ma setgħu jagħtu assigurazzjonijiet preċiżi fir-rigward speċifikament ta’ għajnuna mogħtija lil HCz peress li dik l-impriża ma kinitx imsemmija.

115    Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li l-appellanti ma jikkontestawx il-konstatazzjonijiet imwettqa mill-Qorti Ġenerali fil-punt 138 tas-sentenza appellata, li l-pjan ta’ negozju ta’ HCz ma kienx ġie sottomess lill-Kummssjoni u li huwa ma setax, għaldaqstant, ikun previst mill-approvazzjoni li tinsab fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/588. Issa, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq dik il-konstatazzjoni. Din kienet konstatazzjoni ta’ fatt li l-appellanti ma kkontestawx, u li barra minn hekk ma jistgħux jikkontestaw fl-appell.

116    Għaldaqstant skont il-Kummissjoni, il-motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi għandu jiġi miċħud. La d-dispożittiv tal-proposta tal-Kummissjoni, la dak tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/588, u lanqas it-tielet premessa tal-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta tal-Kummissjoni ma jistgħu joħolqu xi aspettattivi leġittimi f’konformità mal-Protokoll Nru 8 ta’ pjanijiet ta’ negozju li ma ġewx ippreżenati quddiem il-Kummissjoni u li ma jistgħux għaldaqstant, ikunu previsti f’dawk it-testi.

117    Finalment, il-Kummissjoni tfakkar li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet fil-punt 139 tas-sentenza appellata li peress li d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/588 ma tinkludix il-kunsiderazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni fil-proposta tagħha, li jipprovdu li l-estensjoni tad-deroga pprovduta fl-Artikolu 8(4) tal-protokoll Nru 2 kellha l-effett li tirregolarizza retroattivament l-għajnuna kollha li ngħatat illegalment wara d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim Ewropew, għandu jiġi kkonstatat li dawn it-termini ma jinsabux fl-att finalment adottat mill-Kunsill. Għaldaqstant, sempliċi proposta tal-Kummissjoni ma tistax toħloq aspettattivi leġittimi fl-appellanti.

118    Barra minn hekk, il-Kummissjoni tenfasizza li, barra minn hekk, il-kwistjoni tidher li hija purament akkademika, peress li l-appellanti ma jqajmu l-ebda kritika fil-konfront tal-punt 139 tas-sentenza appellata.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

119    Permezz tat-tieni aggravju tagħhom, l-appellanti essenzjalment jsostnu li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi sa fejn hija ma kkonstatax li l-għajnuna inkwistjoni kienet ġiet ikkomunikata, fil-kuntest tal-proċeduri tal-Protokoll Nru 2, kemm lill-Kummissjoni kif ukoll lill-Kunsill, u dan ħoloq aspettattivi leġittimi fl-appellanti. Barra minn hekk, l-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta mill-Kummissjoni għad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/588 u l-Artikolu uniku tal-imsemmija deċiżjoni kienu ta’ natura li joħolqu, fl-appellanti, l-aspettattivi leġittimi li l-għajnuna inkwistjoni kienet regolari u li l-programm ta’ ristrutturazzjoni kien legali.

120    F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali waslet għal konklużjoni tagħha wara li stħarrġet, fil-punti 135sa 139 tas-sentenza appellata, l-oriġini ta’ diversi atti li jipprevedu l-għajnuna inkwistjoni b’mod dirett jew indirett. Sussegwenetment, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li, minn naħa, il-pjan ta’ negozju ta’ HCz ma ġiex sottomess quddiem il-Kummissjoni u ma huwiex għaldaqstant previst fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/588 u li, min-naħa l-oħra, dik id-deċiżjoni, b’mod kuntrarju għall-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta mill-Kummissjoni, ma tipprevedix li l-estensjoni tad-deroga prevista fl-Artikolu 8(4) tal-Protokoll Nru 2 kellha bħala effett li tirregolarizza b’mod retroattiv l-għajnuna li ngħatat illegalment wara d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim Ewropew.

121    F’dak ir-rigward, fl-ewwel lok, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li, l-argument tal-appellanti, li l-Kummissjoni ġiet informata bl-eżistenza tal-għajnuna inkwistjoni huwa totalment irrilevanti. Peress li l-pjan ta’ negozju ta’ HCz ma ġiex sottomess lill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ proċeduri previsti b’mod espliċitu għal dan il-għan, jiġifieri l-programm ta’ ristrutturazzjoni tal-industrija Pollakka tal-azzar, il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali ma ġietx barra minn hekk ikkontestata mill-appellanti, u, minħabba li l-likwidazzjoni ta’ HCz kienet espressament prevista fih, HCz ma setgħetx tkun legalment koperta mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/588.

122    Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita sew, il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jagħmel parti mill-prinċipji fundamentali tal-Unjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑5 ta’ Mejju 1981, Dürbeck, 112/80, Ġabra p. 1095, punt 48).

123    Jirriżulta wkoll mill-ġurisprudenza li kull individwu għandu d-dritt jinvoka l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi meta jinsab f’sitwazzjoni li minnha jirriżulta li l-amministrazzjoni Komunitarja, billi pprovdietu b’assigurazzjonijiet preċiżi, ħolqot f’dan ir-rigward aspettattivi fondati (sentenzi tas‑16 ta’ Diċembru 1987, Delauche vs Il-Kummissjoni, 111/86, Ġabra p. 5345, punt 24; tal‑25 ta’ Mejju 2000, Kögler vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, C‑82/98 P. Ġabra p. I‑3855, punt 33, kif ukoll tat‑22 ta’ Ġunju 2006, Belgique u Forum 187 vs Il-Kummissjoni, C‑182/03 u C‑217/03, Ġabra p. I-5479, punt 147). L-assigurazzjonijiet mogħtija għandhom, barra minn hekk, ikunu konformi mar-regoli applikabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑20 ta’Ġunju 1985, Pauvert vs Il-Qorti tal-Awdituri, 228/84, Ġabra p. 1969, punti 14 u 15, kif ukoll tas‑6 ta’ Frar 1986, Vlachou vs Il-Qorti tal-Awdituri, 162/84, Ġabra p. 481, punt 6).

124    Issa, huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li, fir-rigward tal-kundizzjoni tal-assigurazzjonijiet preċiżi, b’mod kuntrarju għal dak li jallegaw l-appellanti, proposta għal deċiżjoni mill-Kummissjoni sottomessa lill-Kunsill ma tistax toħloq aspettattiva leġittima kwalunkwe dwar il-konformità tal-għajnuna inkwistjoni mar-regoli tal-Unjoni.

125    Fil-fatt, billi ma tirrepetix it-termini tal-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta tal-Kummissjoni, id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/588 ma setgħetx tagħti lok għal aspettattiva leġittima fir-rigward tar-regolarità tal-għajnuna favur kumpannija li l-pjan ta’ negozju tagħha ma ġiex sottomess lill-Kummissjoni u li ma setax għaldaqstant ikun previst fl-imsemmija deċiżjoni. Għalhekk, l-abbandun tal-imsemmija termini kellu jirrileva lill-appellanti t-tibdil fil-pożizzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni fil-kuntest ta’ tali regolarizzazzjoni tal-għajnuna.

126    Isegwi li f’dan il-każ il-kundizzjoni ta’ assigurazzjonijiet preċiżi rikjesti sabiex jiġi stabbilit ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi ma ġietx sodisfatta. Għaldaqstant, ma hemmx lok li jiġu vverifikati l-kundizzjonijiet l-oħra, peress li dawk huma kumulattivi.

127    Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta qieset li d-deċiżjoni inkwistjoni ma ppreġudikatx l-aspettattivi leġittimi tal-appellanti.

128    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet aggravju

 L-argumenti tal-partijiet

129    Permezz ta’ dan l-aggravju, l-appellanti jikkontestaw l-approvazzjoni mill-Qorti Ġenerali tar-rata tal-interessi applikabbli fil-mument tal-irkupru.

130    L-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali kkonstatat biss li l-Kummissjoni segwiet il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 9(4) tar-Regolament Nru 794/2004. Issa, il-Qorti Ġenerali kellha teżamina jekk il-Kummissjoni ffissatx rata “xierqa”, skont l-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 659/1999, peress li l-evalwazzjoni tan-natura xierqa tar-rata ma ġietx sodisfatta bil-konstatazzjoni li din tal-aħħar ġiet iffissata b’kooperazzjoni mal-Istat Membru kkonċernat.

131    L-appellanti jikkunsidraw li n-natura xierqa huwa kunċett materjali, indipendenti mill-proċedura li għandha ssegwi l-Kummissjoni f’każijiet eċċezzjonali fejn hija tiffissa r-rata tal-interessi b’kooperazzjoni mill-qrib ma’ Stat Membru. Dak il-kunċett awtonomu, – li huwa relatat mill-qrib mal-fatt li l-Kummissjoni għandha setgħa ta’ negozjar –, u li, fl-aħħar mill-aħħar, hija l-Kummissjoni li tiffissa r-rata determinanti – jitlob li jiġi interpretat, ħaġa li ma wettqitx il-Qorti Ġenerali.

132    L-appellanti jfakkru li fl-interpretazzjoni tal-imsemmi kunċett għandha tittieħed inkunsiderazzjoni s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat‑8 ta’ Ġunju 1995, Siemens vs Il-Kummissjoni (T‑459/93, Ġabra p. II‑1675), li tipprevedi li l-irkupru huwa maħsub sabiex jistabbilixxi mill-ġdid is-sitwazzjoni li kienet teżisti qabel l-għoti tal-għajnuna illegali. Bil-għan li jiġi żgurat trattament ugwali, ikun jeħtieġ li jitkejjel b’mod oġġettiv il-vantaġġ li rriżulta mill-għajnuna sa mill-mument li din tpoġġiet għad-dispożizzjoni tal-impriża benefiċjarja.

133    Peress li l-Kummissjoni hija obbligata tistabbilixxi mill-ġdid is-sitwazzjoni li kienet teżisti qabel l-għoti illegali tal-għajnuna, l-irkupru tal-interessi ma jistax iseħħ ħlief sabiex jikkumpensa l-vantaġġi finanzjarji li jirriżultaw b’mod effettiv mill-għoti tal-għajnuna lill-benefiċjarja u għandu jkun proporzjonali għaliha.

134    Billi interpretat b’mod żbaljat il-prinċipju ta’ stabbiliment mill-ġdid tas-sitwazzjoni preċedenti u billi għażlet rata ta’ referenza totalment imbiegħda mir-realtà tas-suq Pollakk bejn l‑1997 u l‑2004, il-Kummissjoni kif ukoll il-Qorti Ġenerali, li kkunsidrat li l-portata tal-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 659/1999 hija newtralizzata minn dik tal-Artikolu 9(4) tar-Regolament Nru 794/2004 fuq dak il-punt, kisru għalhekk dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet Komunitarji.

135    Skont il-Kummissjoni, dan l-aggravju huwa inammissibbli. Fil-fatt l-appellanti jitolbu lill-qorti tal-appell teżamina aggravju li ma ġiex ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali. It-tielet aggravju, ibbażat prinċipalment fuq allegat ksur tal-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 659/1999, ma ġiex ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali peress li l-uniku motiv invokat fl-ewwel istanza fir-rigward tar-rata tal-interessi kien dak ibbażat fuq ksur tar-Regolament Nru 794/2004. Konsegwentement, l-appellanti ma jistgħux jallegaw li s-sentenza appellata interpretat b’mod żbaljat il-kunċett ta’ rata tal-interessi “xierqa”, meta l-motivi għal annullament imqajma ma talbux lill-Qorti Ġenerali tinterpreta dak il-kunċett.

136    Sussidjarjament, il-Kummissjoni tenfasizza li l-appellanti telqu minn premessa żbaljata billi jippretendu li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-portata tal-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 659/1999 hija newtralizzata minn dik tal-Artikolu 9(4) tar-Regolament Nru 794/2004, jiġifieri li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li r-rata tal-interessi stabbilita mill-Kummissjoni kienet “xierqa” għas-sempliċi raġuni li kienet ġiet iffissata “b’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istat Membru”.

137    Madankollu, il-Qorti Ġenerali, b’mod kuntrarju għad-dikjarazzjonijiet tal-appellanti, ma hijiex limitata li tikkonstata li l-Kummissjoni segwiet il-proċedura fis-seħħ, kooperazzjoni mill-qrib mal-Istat Membru, iżda ddeċidiet fuq il-fondatezza tar-rata stabbilita billi fakkret il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni u billi eżaminat ir-raġunijiet li abbażi tagħhom din tal-aħħar ċaħdet ċerti proposti. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li ma kienx stabbilit “żball manifest ta’ evalwazzjoni” u li l-kalkolu tal-interessi fuq bażi komposta jirriżulta b’mod obbligatorju mir-Regolament Nru 794/2004 (punti 159 sa 167 tas-sentenza appellata).

138    L-appell ma jippreżenta l-ebda argument li jista’ jikkontesta r-raġunament tal-Qorti Ġenerali, u peress li ma fih l-ebda ilment validu kontra din tal-aħħar, il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li l-Qorti Ġenerali eżaminat b’mod korrett l-argumenti tar-rikorrenti, billi baqgħet fil-limiti tal-motiv għal annullament kif imqajjem fl-ewwel istanza li ma kienx jissottometti quddiem il-Qorti Ġenerali l-kwistjoni dwar in-natura “xierqa” tar-rata tal-interessi fir-rigward tal-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 659/1999.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

–       Fuq l-ammissibbiltà

139    Fir-rigward tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni u bbażata fuq il-fatt li t-tielet aggravju, ibbażat prinċipalment fuq allegat ksur tal-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 659/1999, ma ġiex invokat fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, jeħtieġ li jitfakkar li mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 83 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, fil-fatt, aggravju ppreżentat għall-ewwel darba fil-kuntest ta’ appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja għandu, fil-prinċipju, jiġi miċħud bħala inammissibbli.

140    Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li l-appellanti jitolbu lil Qorti tal-Ġustizzja teżamina l-legalità tar-rata tal-interessi ffissata mill-Kummissjoni b’riferiment għan-natura xierqa tagħha fid-dawl tal-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 659/1999. Madankollu, dak il-motiv ma ġiex sottomess quddiem il-Qorti Ġenerali, peress li l-uniku motiv invokat quddiem il-Qorti Ġenerali fir-rigward tar-rata tal-interessi kien dak ibbażat fuq ksur tar-Regolament Nru 794/2004. Għaldaqstant, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni u bbażata fuq in-natura ġdida tal-aggravju invokat mill-appellanti għandha tintlaqa’.

141    Isegwi li t-tielet aggravju, sa fejn dan huwa bbażat fuq allegat ksur tal-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 659/1999, għandu jiġi ddikajarat inammissibbli. Min-naħa l-oħra, it-tielet aggravju sa fejn dan jirrigwarda r-Regolament Nru 794/2004 huwa ammissibbli.

–       Fuq il-mertu

142    Fir-rigward tal-fondatezza ta’ dan l-aggravju, ikun suffiċjenti li jiġi kkonstatat li, peress li t-tielet aggravju, sa fejn dan huwa bbażat fuq allegat ksur tal-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 659/1999, ma huwiex ammissibbli, it-tielet aggravju bbażat fuq allegat ksur tal-Artikolu 9(4) tar-Regolament Nru 794/2004 fir-rigward tal-iffissar ta’ rata xierqa, huwa nieqes minn kull skop, kif sostniet ġustament il-Kummissjoni. Fil-fatt, huwa impossibbli li jiġi identifikat, mill-argumentazzjoni tar-rikorrenti, ilment imqajjem kontra l-Qorti Ġenerali li huwa bbażat esklużivament fuq allegat ksur tal-Artikolu 9(4) tar-Regolament Nru 794/2004 u mhux fuq il-kunċett ta’ “rata xierqa” fis-sens tal-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 659/1999.

143    Konsegwentement, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

144    Peress li ebda wieħed mill-aggravji tal-appell ma ġew milqugħa, hemm lok li l-appell jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

145    Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 122 tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-appell ma huwiex fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 69(2) ta’ dawn ir-regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell taħt l-Artikolu 118 tal-istess regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-appellanti tilfu l-kawża, hemm lok li dawn jiġu ordnati jbatu l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-appell huwa miċħud.

2)      ISD Polska sp. z o.o. u Industrial Union of Donbass Corp. huma kkundannati għall-ispejjeż.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.