Rikors ippreżentat fit-3 ta’ April 2018 – Il-Bank Ċentrali Ewropew vs Ir-Repubblika tal-Latvja

(Kawża C-238/18)

Lingwa tal-kawża: il-Latvjan

Partijiet

Rikorrent: Il-Bank Ċentrali Ewropew (rappreżentanti: C. Zilioli, C. Kroppenstedt u K. Kaiser, aġenti, D. Sarmiento Ramírez-Escudero, advokāts)

Konvenuta: Ir-Repubblika tal-Latvja

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tordna lir-Repubblika tal-Latvja, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 24 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u skont l-Artikolu 62 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, tipproduċi l-informazzjoni kollha rilevanti relatata mal-investigazzjoni pendenti mibdija mill-Korupcijas novēršanas un apkarošanas birojs (l-Uffiċċju għall-Prevenzjoni u għall-Ġlieda Kontra l-Korruzzjoni) kontra l-Gvernatur tal-Latvijas Banka (il-Bank Ċentrali tal-Latvja).

tikkonstata, skont l-Artikolu 14.2 tal-Istatuti tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, li r-Repubblika tal-Latvja kisret it-tieni paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni:

sa fejn il-mandat tal-Gvernatur tal-Latvijas Banka ġie sospiż qabel ma ngħatat sentenza ta’ kundanna minn qorti indipendenti li eżaminat il-każ fir-rigward tal-mertu u

jekk hekk jikkonfermaw il-fatti prodotti mir-Repubblika tal-Latvja, mingħajr ma jeżistu ċirkustanzi eċċezzjonali li jiġġustifikaw is-sospensjoni tal-mandat f’dan il-każ.

tikkundanna lir-Repubblika tal-Latvja għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Il-BĊE jsostni li r-Repubblika tal-Latvja kisret it-tieni paragrafu tal-Artikolu 14.2 tal-Istatuti tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew sa fejn issospendiet il-mandat tal-Gvernatur tal-Latvijas Banka billi applikat fir-rigward tiegħu miżura ta’ sigurtà provviżorja mingħajr ma kellha sentenza ta’ kundanna mogħtija minn qorti indipendenti li eżaminat il-każ fir-rigward tal-mertu.

____________