Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Supreme Court of the United Kingdom (ir-Renju Unit) fis-16 ta’ Lulju 2013 – R fuq talba ta’ ClientEarth vs Secretary of State for the Environment, Food and Rural Affairs

(Kawża C-404/13)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Qorti tar-rinviju

Supreme Court of the United Kingdom

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: ClientEarth

Konvenuta: Secretary of State for the Environment, Food and Rural Affairs

Domandi preliminari

Meta, fir-rigward tad-Direttiva 2008/50/KE 1 dwar il-kwalità tal-arja (iktar ʼil quddiem id-“Direttiva”), f’żona jew agglomerazzjoni partikolari, il-valuri ta’ limitu ffissati għad-dijossidu tan-nitroġenu ma jkunux inkisbu sal-1 ta’ Jannar 2010, data prevista fl-Anness XI tad-Direttiva, Stat Membru huwa obbligat, bis-saħħa tad-Direttiva u/jew tal-Artikolu 4 TUE, li jitlob għal posponiment tat-terminu skont l-Artikolu 22 tad-Direttiva?

Fil-każ ta’ risposta affermattiva, f’liema ċirkustanzi (jekk ikun il-każ) Stat Membru jista’ jiġi eżentat minn dan l-obbligu?

Sa fejn (jekk ikun il-każ) l-obbligi ta’ Stat Membru li ma kkonformax mal-Artikolu 13 huma affettwati mill-Artikolu 23 (b’mod partikolari mit-tieni paragrafu tiegħu)?

Fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità mal-Artikolu 13 jew mal-Artikolu 22, liema huma l-miżuri (jekk ikun il-każ) li qorti nazzjonali għandha tieħu fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni sabiex tikkonforma mar-rekwiżiti tal-Artikolu 30 tad-Direttiva u/jew tal-Artikolu 4 jew tal-Artikolu 19 TUE?

____________

1 Direttiva 2008/50/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ Mejju 2008, dwar il-kwalità tal-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa (ĠU L 152, p. 1).