KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SHARPSTON

ippreżentati fil-11 ta’ Novembru 2014 (1)

Kawża C‑472/13

Andre Lawrence Shepherd

vs

Bundesrepublik Deutschland

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bayerisches Verwaltungsgericht München (il-Ġermanja)]

(Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja — Ażil — Livelli minimi għall-kwalifika u l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz bħala refuġjati u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija — Kundizzjonijiet għall-kisba ta’ status ta’ refuġjat — Atti ta’ persekuzzjoni skont l-Artikolu 9(2)(e) tad-Direttiva 2004/83/KE — Prosekuzzjoni u piena għal membru tal-forzi armati tal-Istati Uniti tal-Amerika għax irrifjuta li jservi fil-gwerra fl-Iraq)





1.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari mill-Bayerisches Verwaltungsgericht München (Qorti Amministrattiva tal-Bavarja, München (il-Ġermanja)) tikkonfronta lill-Qorti tal-Ġustizzja b’kawża unika u mhux tas-soltu.

2.        A. L. Shepherd, ċittadin tal-Istati Uniti tal-Amerika (iktar ’il quddiem l-“US”), ingaġġa għal servizz fil-forzi armati tal-US f’Diċembru 2003. Tħarreġ bħala mekkanik tal-manutenzjoni tal-ħelikopters Apache. F’Settembru 2004 kien ittrasferit għall-Ġermanja. It-truppa tiegħu dak iż-żmien kienet ġiet stazzjonata fl-Iraq sa minn Frar 2004 u, għaldaqstant intbagħat biex jingħaqad magħha. Fl-Iraq għamel xogħol ta’ manutenzjoni, l-iktar fuq ħelikopters, minn Settembru 2004 sa Frar 2005. Ma pparteċipax f’azzjoni militari jew f’operazzjonijiet ta’ kumbatt diretti. Fi Frar 2005 reġa’ lura mat-truppa tiegħu fil-bażi tagħha fil-Ġermanja. Imbagħad beda jkollu dubji dwar kemm kienet leġittima l-gwerra u beda jistħarreġ dak it-tħassib.

3.        Fil-bidu tal-2007 kien sar magħruf li t-truppa ta’ A. L. Shepherd kienet, fi żmien qasir, ser terġa’ tiġi stazzjonata fl-Iraq. Fl-1 ta’ April 2007 huwa rċieva l-ordni biex imur hemm. Sa dak iż-żmien huwa kien wasal għall-konklużjoni li l-gwerra fl-Iraq kienet kontra d-dritt internazzjonali u kienet tikser l-Artikolu 2(4) tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti. Qies li l-operazzjonijiet militari fl-Iraq kienu jinvolvu l-użu sistematiku, indiskriminat u sproporzjonat ta’ armi mingħajr ħsieb għall-popolazzjoni ċivili. B’riżultat ta’ dan, partikolarment minħabba li kienu stazzjonati iktar ħelikopters Apache, iktar u iktar nies ċivili kienu qed iġarrbu ħsara u l-liġi umanitarja internazzjonali kienet qed tinkiser. Kien tal-fehma li l-ħelikopters ma kinux jintużaw għall-gwerra kieku hu u mekkaniks oħra tal-manutenzjoni ma kinux ħejjewhom għall-ġlied. (Bejn l-2007 u l-2008, meta t-truppa ta’ A. L. Shepherd reġgħet kienet fl-azzjoni fl-Iraq, kien hemm iktar tfigħ ta’ bombi. Hemm għadd ta’ rapporti li jallegaw li l-armata tal-US ikkommettiet delitti ta’ gwerra fl-Iraq, għalkemm A. L. Shepherd ma jafx jekk l-operazzjonijiet ikkontestati kinux jinvolvu l-ħelikopters attwali li fuqhom huwa kien għamel xogħol ta’ manutenzjoni.)

4.        A. L. Shepherd ma riedx jieħu riskju billi jipparteċipa f’delitti ta’ gwerra fil-kuntest tal-istazzjonar tat-truppa tiegħu fl-Iraq. Ma qiesx il-possibbiltà li jagħmel talba lill-awtoritajiet tal-US biex ma jkunx stazzjonat minħabba oġġezzjoni ta’ kuxjenza (2) minħabba li ma jirrinunzjax għalkollox għall-użu tal-gwerra u l-forza. Tabilħaqq kien reġa’ ngaġġa fi tmiem il-perijodu inizjali tiegħu ta’ servizz. Kien jemmen li applikazzjoni biex jirrifjuta li jwettaq servizz militari ma kinitx tħarsu milli jerġa’ jiġi stazzjonat fl-Iraq. Għalhekk iddeċieda li jitlaq mill-armata tal-US qabel ma jibda t-tieni perijodu ta’ servizz hemmhekk u ddiżerta fil-11 ta’ April 2007. Ir-rifjut li jwettaq servizz militari fl-Iraq iqiegħdu f’riskju ta’ prosekuzzjoni għal diżerzjoni. Minn perspettiva tal-US, kundanna għal dak ir-reat sussegwentement tirrestrinġi l-ħajja ta’ dak li jkun. Għalhekk, f’Awwissu 2008 A. L. Shepherd applika għal ażil fil-Ġermanja (3).

 Id-dritt internazzjonali

 Il-Konvenzjoni ta’ Genève dwar l-istatus ta’ refuġjati

5.        Skont il-Konvenzjoni ta’ Genève (4), li fuqha hija bbażata d-Direttiva dwar il-Kwalifika (5), it-terminu “refuġjat” għandu japplika għal kull persuna li, “minħabba f’biża’ bir-raġun li tiġi ppersegwita għar-raġunijiet ta’ razza, reliġjon, nazzjonalità, sħubija ta’ grupp soċjali partikolari jew opinjoni politika, tkun barra mill-pajjiż ta’ nazzjonalità u ma tkunx tista’ jew, minħabba din il-biża’, ma tkunx tixtieq tapprofitta ruħha mill-protezzjoni ta’ dak il-pajjiż” (6) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

6.        Skont l-Artikolu 1(F)(a), il-Konvenzjoni ta’ Genève ma tapplikax għal kull persuna li għaliha jkun hemm raġunijiet serji biex titqies li tkun ikkommettiet “delitt kontra l-paċi, delitt ta’ gwerra, jew delitt kontra l-umanità, kif iddefiniti fl-istrumenti internazzjonali mfassla biex jagħmlu provvediment rigward dawn id-delitti” (7) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

 Il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali

7.        L-Artikolu 9(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u Libertajiet Fundamentali (8) jiggarantixxi d-dritt għal-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon, inkluża l-libertà ta’ bdil ta’ reliġjon jew twemmin.

 Id-dritt tal-Unjoni Ewropea

 Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea

8.        L-Artikolu 10(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) (9) jikkorrispondi mal-Artikolu 9(1) tal-KEDB. Skont l-Artikolu 10(2), id-dritt għall-oġġezzjoni ta’ kuxjenza hu rikonoxxut, skont il-liġijiet nazzjonali li jirregolaw l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt. L-Artikolu 52(3) jgħid li d-drittijiet stabbiliti fil-Karta għandhom ikunu interpretati b’mod konsistenti ma’ drittijiet korrispondenti ggarantiti mill-KEDB.

 Id-Direttiva dwar il-Kwalifika

9.        Id-Direttiva dwar il-Kwalifika hija waħda mill-miżuri li għandha s-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil. Hija bbażata fuq l-applikazzjoni sħiħa u inklużiva tal-Konvenzjoni ta’ Genève, li tipprovdi l-pedament tar-reġim legali internazzjonali għall-protezzjoni tar-refuġjati (10). Id-Direttiva dwar il-Kwalifika tara li tistabbilixxi livelli minimi u kriterji komuni għall-Istati Membri kollha għall-għarfien ta’ refuġjati u l-kontenut tal-istatus ta’ refuġjat, għall-identifikazzjoni ta’ persuni ġenwinament fil-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali, u għal proċedura ta’ ażil ġusta u effiċjenti (11). Id-drittijiet fundamentali u l-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta huma rrispettati u osservati (12). Fit-trattament tagħhom ta’ persuni li jidħlu fl-ambitu ta’ din id-Direttiva dwar il-Kwalifika, l-Istati Membri huma marbuta bl-obbligi tagħhom skont strumenti tad-dritt internazzjonali (13).

10.      Filwaqt li tirrifletti l-Artikolu 1(A)(2) tal-Konvenzjoni ta’ Genève, id-Direttiva dwar il-Kwalifika tiddefinixxi refuġjat bħala “[...] ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz li, minħabba f’biża’ bir-raġun li jiġi persegwitat għar-raġunijiet ta’ razziżmu, reliġjon, nazzjonalità, opinjoni politika jew sħubija ta’ grupp soċjali partikolari, huwa barra mill-pajjiż ta’ nazzjonalità u ma jistax, jew minħabba f’din il-biża’, ma jixtieqx japprofitta ruħu jew ruħha mill-protezzjoni ta’ dak il-pajjiż, jew persuna mingħajr stat, li minħabba li qiegħda barra mill-pajjiż tar-residenza abitwali ta’ qabel għall-istess raġunijiet kif imsemmija hawn fuq, ma jistax jew, minħabba f’din il-biża’, ma jixtieqx jirritorna lejha, u li l-Artikolu 12 ma japplikax għalih” (14).

11.      L-evalwazzjoni ta’ fatti u ċirkustanzi b’rabta ma’ applikazzjonijiet għal status ta’ refuġjat hija rregolata mill-Artikolu 4. L-Istati Membri jistgħu jqisuha bħala d-dmir tal-applikant li jissottometti kemm jista’ jkun malajr l-elementi kollha meħtieġa biex tiġi sostanzjata l-applikazzjoni tiegħu. Huwa d-dmir tal-Istat Membru li jevalwa l-elementi rilevanti tal-applikazzjoni b’kooperazzjoni mal-applikant (15).

12.      Skont id-Direttiva dwar il-Kwalifika, “atturi ta’ persekuzzjoni jew periklu serju” jinkludu l-Istat, partijiet jew organizzazzjonijiet li jikkontrollaw l-Istat u atturi mhux tal-Istat (16).

13.      Protezzjoni minn persekuzzjoni tista’ tingħata minn, inter alia, l-Istat (17). Protezzjoni bħal din hija ġeneralment provduta meta l-Istat, pereżempju, jieħu passi raġonevoli sabiex jipprevjeni l-persekuzzjoni jew periklu serju billi jopera sistema legali effettiva għall-kxif, prosekuzzjoni u kastig ta’ atti bħal dawn u l-applikant għandu aċċess għal din il-protezzjoni (18).

14.      Individwu li jissodisfa l-kundizzjonijiet li hemm fil-Kapitolu II tad-Direttiva dwar il-Kwalifika li jikkonċernaw l-evalwazzjoni ta’ applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali jikkwalifika bħala refuġjat jekk ikun jista’ juri li kien suġġett għal, jew li għandu raġuni biex jibża’ minn atti ta’ persekuzzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 9. Atti bħal dawn għandhom ikunu serji biżżejjed fin-natura tagħhom li jikkostitwixxu vjolazzjoni serja ta’ drittijiet bażiċi tal-bniedem, partikolarment id-drittijiet inaljenabbli skont l-Artikolu 15(2) tal-KEDB (19), jew għandhom ikunu akkumulu ta’ diversi miżuri li huwa serju biżżejjed li jammonta għal vjolazzjoni bħal din ta’ drittijiet bażiċi tal-bniedem (20). Atti li jistgħu jaqgħu fid-definizzjoni ta’ persekuzzjoni jinkludu: “miżuri legali, amministrattivi, ta’ pulizija u/jew ġudizzjarji li huma fihom infushom diskriminatorji jew li huma implimentati f’manjiera diskriminatorja” (21); “prosekuzzjoni jew kastig, li huwa sproporzjonat jew diskriminatorju” (22); u “prosekuzzjoni jew kastig għar-rifjut li wieħed iwettaq servizz militari f’konflitt, fejn it-twettieq ta’ servizz militarju jkun jinkludi delitti jew atti li jidħlu taħt il-klawsoli ta’ esklużjoni kif dikjarat fl-Artikolu 12(2)” (23). Għandu jkun hemm konnessjoni bejn ir-raġunijiet għal persekuzzjoni fl-Artikolu 10 u l-atti ta’ persekuzzjoni deskritti fl-Artikolu 9 tad-Direttiva dwar il-Kwalifika (24).

15.      Ir-raġunijiet elenkati fl-Artikolu 10(1) jinkludu:

“(d)      […] [sħubija fi] grupp soċjali partikolari fejn partikolarment:

–        membri ta’ dak il-grupp jaqsmu ambjent minn fejn ikunu ġew karatteristiku naturali, jew komuni li ma jistax jinbidel, jew jaqsmu karatteristiku jew twemmin li tant huwa fondamentali għall-identità jew il-kuxjenza li persuna m’għandhiex tiġi sfurzata li tirrinunsjah, u

–        li grupp għandu identità distinta fil-pajjiż rilevanti, minħabba li huwa notat bħala differenti mis-soċjetà ta’ madwaru;

[…];

(e)      il-kunċett ta’ opinjoni politika għandu partikolarment jinkludi ż-żamma ta’ opinjoni, ħsieb jew twemmin [dwar] materja li għandha x’taqsam ma’ l-atturi potenzjali ta’ persekuzzjoni msemmija fl-Artikolu 6 u għall-politika jew metodi tagħhom, sewwa jekk dik l-opinjoni, ħsieb jew twemmin ikun aġixxa fuqu l-applikant u sewwa jekk le.”

16.      Ċittadin ta’ pajjiż terz għandu jiġi eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-Kwalifika jekk għalih ikun japplika l-Artikolu 12 tagħha. Għall-finijiet tal-lum, l-esklużjoni rilevanti huwa l-Artikolu 12(2), li jirrifletti l-kliem tal-Artikolu 1(F) tal-Konvenzjoni ta’ Genève. Għalhekk, persuna hija eskluża mill-protezzjoni skont id-Direttiva meta jkun hemm raġunijiet serji biex titqies li tkun wettqet “delitt kontra l-paċi, delitt ta’ gwerra, jew delitt kontra l-umanità, kif definit fl-istrumenti internazzjonali mfassla biex jagħmlu provvediment rigward dawn id-delitti” (25). L-Artikolu 12(2) “japplika għal persuni li jinstigaw jew inkella jipparteċipaw fil-kommissjoni tad-delitti jew attiˮ msemmija fih (26).

17.      L-Istati Membri għandhom jagħtu l-istatus ta’ refuġjat lil ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz li jikkwalifika bħala refuġjat skont il-Kapitoli II u III tad-Direttiva dwar il-Kwalifika (27).

 Id-dritt nazzjonali

18.      Skont l-ispjegazzjoni mogħtija mill-qorti tar-rinviju, id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirregolaw id-definizzjoni ta’ refuġjat ġejjin mill-Artikolu 1(A)(2) tal-Konvenzjoni ta’ Genève. Individwi huma esklużi minn dik id-definizzjoni meta jkun hemm raġunijiet serji biex jitqies li tapplika waħda mir-raġunijiet tal-Artikolu 1(F) ta’ dik il-Konvenzjoni (28).

19.      Fil-liġi nazzjonali hemm projbizzjoni kontra d-deportazzjoni għal Stat fejn il-ħajja jew il-libertà ta’ individwu tkun mhedda minħabba r-razza, ir-reliġjon, in-nazzjonalità, is-sħubija ta’ grupp soċjali partikolari jew l-opinjoni politika tiegħu. Meta theddid bħal dan jiġi mill-Istat dan ikun daqs persekuzzjoni għall-finijiet tad-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti (29).

 Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari

20.      Stabbilixxejt fid-daħla għal dawn il-konklużjonijiet dawk il-fatti dwar A. L. Shepherd li jistgħu jinġabru mid-digriet tar-rinviju.

21.      B’avviż tal-31 ta’ Marzu 2011 il-Bundesamt für Migration und Flüchtlinge (Uffiċċju Federali għall-Migrazzjoni u r-Refuġjati; iktar ’il quddiem il-“Bundesamt”) ċaħad l-applikazzjoni ta’ A. L. Shepherd għal ażil. Ta r-raġunijiet li ġejjin: (i) ma hemmx dritt fundamentali għal oġġezzjoni ta’ kuxjenza; (ii) A. L. Shepherd seta’ ħalla s-servizz militari legalment; (iii) l-Artikolu 9(2)(e) moqri flimkien mal-Artikolu 12 tad-Direttiva dwar il-Kwalifika ma japplikax għalih. Dik id-Direttiva tippresupponi li kienu saru atti kuntrarji għad-dritt internazzjonali fil-kunflitt inkwistjoni. Il-forzi armati tal-US ma jittollerawx vjolazzjonijiet bħal dawn, wisq inqas jinkuraġġuhom. A. L. Shepherd kien sempliċement mekkanik tal-ħelikopters; ma pparteċipax personalment fil-kumbatt. Ma hemmx indikazzjoni li huwa ħa sehem indirettament f’delitti ta’ gwerra u/jew li l-ħelikopters “tiegħu” kienu involuti f’delitti bħal dawn. Anki jekk kien ipparteċipa indirettament f’delitti bħal dawn, dak ma kienx ikun biżżejjed biex jistabbilixxi r-responsabbiltà kriminali tiegħu għalihom skont it-tifsira tal-Artikolu 25 tal-Istatut ta’ Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (30). Barra dan, fir-rigward ta’ delitt li seta’ kien hemm kontra l-paċi, jekk l-invażjoni tal-Iraq kinitx kuntrarja jew le għad-dritt internazzjonali, A. L. Shepherd ma jistax jitqies bħala “awtur” minħabba li ma jagħmilx parti mill-persunal militari ta’ pożizzjoni għolja. L-istazzjonar tal-forzi ta’ koalizzjoni fl-Iraq kien, barra dan, diġà ġie lleġittimizzat skont id-dritt internazzjonali matul l-ewwel perijodu ta’ servizz fl-Iraq ta’ A. L. Shepherd.

22.      Fl-aħħar nett, il-Bundesamt qies li fil-każ li seta’ jkun hemm prosekuzzjoni kontra A. L. Shepherd mill-awtoritajiet tal-US għal ksur tal-obbligi militari tiegħu, partikolarment għal diżerzjoni, dik il-possibbiltà kienet tirrappreżenta biss l-interess leġittimu ta’ art twelidu li tieħu azzjoni bħal dik.

23.      Fis-7 ta’ April 2011 A. L. Shepherd ikkontesta d-deċiżjoni tal-Bundesamt quddiem il-qorti tar-rinviju. Huwa jqis li l-Bundesamt ikkonċentra b’mod żbaljat fuq il-kunċett tal-att ta’ persekuzzjoni, u ma tax kas tal-kunċett tar-raġunijiet għal persekuzzjoni. Il-Bundesamt applika b’mod żbaljat prinċipji tad-dritt kriminali internazzjonali għal talba għal ażil. Huwa, għalhekk, b’mod żbaljat ikkonkluda li persuna li tirrifjuta li twettaq servizz militari tista’ tingħata status ta’ refuġjat biss jekk tkun tista’ tipprova “mingħajr ebda dubju raġonevoli” li, kieku hija baqgħet fil-forzi armati, kienet tirrendi lilha nnifisha ħatja tal-kommissjoni ta’ reat skont id-dritt kriminali internazzjonali. Il-qorti tar-rinviju tispjega li t-talba ta’ A. L. Shepherd hija bbażata fuq biża’ ta’ prosekuzzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 9(2)(e) tad-Direttiva dwar il-Kwalifika, billi ssostni li hemm żewġ raġunijiet għal persekuzzjoni: (i) li huwa jappartjeni għal grupp soċjali skont it-tifsira tal-Artikolu 10(1)(d), u/jew (ii) minħabba l-opinjoni politika tiegħu skont it-tifsira tal-Artikolu 10(1)(e). Matul il-proċedura orali din il-Qorti tal-Ġustizzja kienet mgħarrfa li A. L. Shepherd jistrieħ biss fuq l-Artikolu 10(1)(d) (31).

24.      F’dak l-isfond, il-Verwaltungsgericht titlob deċiżjoni preliminari dwar id-domandi li ġejjin:

‘(1)      L-Artikolu 9(2)(e) tad-[Direttiva dwar il-Kwalifika] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-protezzjoni tirrigwarda biss il-persuni li s-settur konkret ta’ attività militari tagħhom jimplika l-parteċipazzjoni diretta f’operazzjonijiet ta’ ġlied, għaldaqstant missjonijiet armati, jew li għandhom is-setgħa li jordnaw tali interventi (l-ewwel parti), jew membri oħra tal-forzi armati jistgħu huma wkoll jiġu protetti permezz ta’ din id-dispożizzjoni meta s-settur ta’ attività tagħhom ikun limitat għas-sostenn loġistiku tekniku tat-truppa, barra mill-ġlied attwali, u jkollu biss effett indirett fuq il-ġlied innifsu (it-tieni parti)?

(2)      Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tingħata fis-sens tat-tieni parti:

L-Artikolu 9(2)(e) tad-[Direttiva dwar il-Kwalifika] għandu jiġi interpretat fis-sens li s-servizz militari f’każ ta’ kunflitt (nazzjonali jew internazzjonali) għandu, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet jew sistematikament, iwassal għal jew jeżiġi t-twettiq tad-delitti jew tal-atti msemmija fl-Artikolu 12(2) tad-[Direttiva dwar il-Kwalifika] (l-ewwel parti), jew huwa biżżejjed li l-applikant għall-ażil juri li delitti msemmija fl-Artikolu 12(2)(a) tad-[Direttiva dwar il-Kwalifika] twettqu f’ċerti każijiet, fiż-żona tal-operazzjonijiet fejn ġie ngaġġat, mill-forzi armati li jagħmel parti minnhom, sew minħabba li ċerti ordnijiet ta’ missjoni rriżultaw li huma kriminali f’dan is-sens, jew inkella minħabba li huwa eċċess imwettaq minn individwi (it-tieni parti)?

(3)      Jekk ir-risposta għat-tieni domanda għandha tingħata fis-sens tat-tieni parti:

L-istatus ta’ refuġjat jingħata biss meta huwa probabbli, mingħajr l-ebda dubju raġonevoli, li l-ksur tad-dritt internazzjonali umanitarju ser iseħħ, fil-ġejjieni, jew huwa biżżejjed li l-applikant għall-ażil isemmi fatti li juru li tali delitti qed iseħħu (inevitabbilment jew probabbilment) fil-kunflitt inkwistjoni, u li għaldaqstant ma tistax tiġi eskluża l-possibbiltà li huwa jista’ jiġi implikat fih?

(4)      In-nuqqas ta’ tolleranza jew ir-repressjoni tal-ksur tad-dritt internazzjonali umanitarju mit-tribunali militari jeskludu protezzjoni inkwantu refuġjat skont l-Artikolu 9(2)(e) tad-[Direttiva dwar il-Kwalifika], jew huwa dan l-element irrilevanti?

Huwa meħtieġ li kien hemm ukoll sanzjoni adottata mill-Qorti Kriminali Internazzjonali?

(5)      Il-fatt li t-tqegħid fil-pożizzjoni tat-truppi [u/jew] l-istatut ta’ okkupazzjoni ġew approvati mill-komunità internazzjonali jew huma bbażati fuq mandat mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti jeskludi kull protezzjoni inkwantu refuġjat?

(6)      Huwa meħtieġ, sabiex il-protezzjoni inkwantu refuġjat tingħata lill-applikant għall-ażil skont l-Artikolu 9(2)(e) tad-[Direttiva dwar il-Kwalifika], li huwa jista’ jiġi kkundannat, jekk iwettaq id-dmirijiet tiegħu, skont l-istatuti tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (l-ewwel parti), jew il‑protezzjoni inkwantu refuġjat tingħata meta dan il-limitu ma jintlaħaqx, u l-applikant għall-ażil ma għandux għaldaqstant jibża’ li tiġi imposta fuqu sanzjoni kriminali, iżda madankollu ma jkunx jista’ jirrikonċilja l-obbligi tas-servizz militari mal-kuxjenza tiegħu (it-tieni parti)?

(7)      Jekk ir-risposta għas-sitt domanda għandha tingħata fis-sens tat-tieni parti:

Il-fatt li l-applikant għall-ażil ma għamilx użu mill-possibbiltà li jsegwi proċedura normali ta’ objettur tal-kuxjenza, meta kellu l-possibbiltà li jagħmel dan, jeskludi kull protezzjoni inkwantu refuġjat fis-sens tad-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq, jew il-protezzjoni inkwantu refuġjat hija wkoll possibbli fil-każ ta’ deċiżjoni partikolari bbażata fuq il-kuxjenza?

(8)      It-tkeċċija infami mill-armata, il-kundanna għal piena ta’ ħabs u l-ostraċiżmu soċjali u l-iżvantaġġi li jirriżultaw minnu jikkostitwixxu att ta’ persekuzzjoni fis-sens tal-Artikolu 9(2)(b) jew (ċ), tad-[Direttiva dwar il-Kwalifika]?”

25.      Osservazzjonijiet bil-miktub kienu sottomessi minn A. L. Shepherd, il-Ġermanja, il-Greċja, il-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Renju Unit u l-Kummissjoni Ewropea. Minbarra l-Pajjiżi l-Baxxi, il-partijiet kollha għamlu sottomissjonijiet fis-seduta tal-25 ta’ Ġunju 2014.

 Osservazzjonijiet preliminari

26.      Iċ-ċirkustanzi li taw lok għat-talba ta’ A. L. Shepherd għal ażil jistgħu jitqiesu li joħolqu kwistjonijiet usa’, bħar-relazzjoni bejn id-dritt tal-UE u d-dritt internazzjonali. Iżda l-qorti tar-rinviju kkonċentrat fuq kwistjonijiet iktar ristretti fid-digriet tagħha tar-rinviju. Essenzjalment, hija tixtieq tkun taf jekk l-Artikolu 9(2)(e) tad-Direttiva dwar il-Kwalifika japplikax għal dan il-każ u, jekk huwa hekk, kif l-applikazzjoni għal ażil għandha tkun analizzata. L-Artikolu 9(2)(e) jipprovdi li hemm att li jista’ jikkwalifika bħala att ta’ “persekuzzjoni” meta persuna tkun f’riskju ta’ prosekuzzjoni jew kastig għar-rifjut li wieħed iwettaq servizz militari f’kunflitt, fejn meta jagħmel hekk ikun jinkludi l-kommissjoni ta’ ċerti atti, inklużi atti kontra l-paċi, delitti ta’ gwerra u delitti kontra l-umanità skont it-tifsira tal-Artikolu 12(2) ta’ dik id-Direttiva. Fil-fehma tiegħi, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha toqgħod lura milli teżamina l-kwistjonijiet usa’, li ma kinux indirizzati b’mod adegwat b’argumenti quddiemha, meta tkun qed tagħti risposti lill-qorti tar-rinviju; u, għaldaqstant, ma iniex ser nindirizza dawk il-kwistjonijiet usa’ f’dawn il-konklużjonijiet.

27.      Il-Konvenzjoni ta’ Genève hija strument ħaj li għandu jkun interpretat fid-dawl ta’ kundizzjonijiet tal-lum skont żviluppi fid-dritt internazzjonali (32). L‑UNHCR għandu rwol partikolari skont il-Konvenzjoni, billi jipprovdi gwida ta’ valur għal Stati Membri meta jistabbilixxu l-istatus ta’ refuġjat (33). Il-Konvenzjoni ta’ Genève hija l-pedament tar-reġim internazzjonali għall-protezzjoni tar-refuġjati; u d-Direttiva dwar il-Kwalifika għandha tkun interpretata fid-dawl tal-iskema u l-għan ġenerali ta’ dik il-Konvenzjoni (34). Barra dan, kif jagħmilha ċara l-Artikolu 78(1) TFEU, kull interpretazzjoni tad-Direttiva dwar il-Kwalifika għandha tkun konsistenti mal-Konvenzjoni ta’ Genève u trattati rilevanti oħra u mad-drittijiet rikonoxxuti mill-Karta (35).

28.      Kull interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet individwali tad-Direttiva dwar il-Kwalifika għandha, barra dan, tqis it-tifsira ordinarja tal-lingwa użata, l-għan tagħha u l-iskema u l-kuntest leġiżlattivi. Dwar dan tal-aħħar, l-Artikolu 4 (fil-Kapitolu II tad-Direttiva) jirregola l-eżami ta’ applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali (36). Dak il-proċess ta’ eżami jipprova joħloq bilanċ. Refuġjati ġenwini jeħtiġilhom u tixirqilhom protezzjoni; iżda l-Istati Membri għandhom jitħallew iħaddmu proċeduri li jagħżlu applikanti ġenwini minn applikanti foloz. Bla dubju wieħed għandu jagħti kas il-fatt li applikanti ġenwini jkunu nies li jkunu sofrew esperjenzi trawmatiċi. Madankollu, applikant individwali għandu jressaq raġunijiet ċari u kredibbli insostenn tat-talba tiegħu għal ażil.

29.      Fil-każ ta’ A. L. Shepherd il-qorti tar-rinviju saqsiet tmien domandi b’rabta bejniethom u li jikkoinċidu parzjalment. Id-domanda ewlenija hija jekk persuna fil-pożizzjoni ta’ A. L. Shepherd tistax tinvoka att ta’ persekuzzjoni kif deskritt fl-Artikolu 9(2)(e) insostenn tal-applikazzjoni tagħha għall-istatus ta’ refuġjat skont id-Direttiva dwar il-Kwalifika. Għalhekk jiena ser nikkonċentra primarjament fuq il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dik id-dispożizzjoni u r-rabta tagħha mar-“raġunijiet għal persekuzzjoni” imsemmija fl-Artikolu 10(1)(d) u (e).

 Domanda 1

30.      Bid-Domanda 1 il-qorti tar-rinviju titlob kjarifika tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 9(2)(e) tad-Direttiva dwar il-Kwalifika, partikolarment tat-tifsira tal-kliem “[…] fejn it-twettieq ta’ servizz militarju jkun jinkludi delitti jew atti li jidħlu taħt il-klawsoli ta’ esklużjoni kif dikjarat fl-Artikolu 12(2)” (37). Huma biss dawk ingaġġati direttament f’kumbatt li huma koperti minn dik id-dispożizzjoni; jew testendi għall-persunal militari kollu fis-servizz, inklużi individwi li jagħtu għajnuna loġistika u teknika, bħal mekkanik ta’ manutenzjoni tal-ħelikopters?

 L-Artikolu 9(2)(e) tad-Direttiva dwar il-Kwalifika

31.      A. L. Shepherd, il-Ġermanja, ir-Renju Unit u l-Kummissjoni jqisu li l-persunal militari kollu jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 9(2)(e) tad-Direttiva dwar il-Kwalifika. Il-Greċja hija ta’ fehma differenti. Tqis li l-qorti tar-rinviju qed titlob dwar kemm persuna li tapplika għall-istatus ta’ refuġjat għandha tkun involuta fil-kommissjoni ta’ atti, bħal delitti ta’ gwerra, biex tistabbilixxi li għandha responsabbiltà personali għal atti bħal dawk. Il-Pajjiżi l-Baxxi jinnotaw li persunal fi rwoli ta’ għajnuna ġeneralment ma jipparteċipax f’azzjoni jew kumbatt militari. Jekk dan l-Istat iqisx li persunal bħal dak jista’, madankollu, jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 9(2)(e) ma huwiex għalkollox ċar.

32.      Jidhirli li l-Artikolu 9(2)(e) tad-Direttiva dwar il-Kwalifika jkopri l-persunal militari kollu, inkluż staff loġistiku u ta’ għajnuna bħal mekkanik ta’ manutenzjoni ta’ ħelikopters.

33.      Fid-definizzjoni ta’ kategorija partikolari ta’ “atti ta’ persekuzzjoni”, l-Artikolu 9(2)(e) jagħmel riferiment espress għall-Artikolu 12(2) tad-Direttiva dwar il-Kwalifika, li għandu jinqara flimkien mal-Artikolu 12(3) (38). Ma hemm xejn fit-test tad-Direttiva dwar il-Kwalifika li jillimita l-frażi “fejn it-twettieq ta’ servizz militarju jkun jinkludi” għal persunal ta’ kumbatt. Il-kliem sempliċi tal-Artikolu 12(3) (“inkella jipparteċipaw fil-kommissjoni”) jikkonferma li persuni li ma jkunux involuti direttament fil-kommissjoni tal-azzjonijiet innifishom li jaqgħu taħt l-Artikolu 12(2) jistgħu, madankollu, ikunu esklużi mill-protezzjoni taħt id-Direttiva dwar il-Kwalifika bis-saħħa ta’ dik id-dispożizzjoni. Jekk l-Artikolu 9(2)(e) għandu jinqara b’mod konsistenti mal-Artikolu 12(2) u (3), isegwi li l-funzjoni, it-titolu jew id-deskrizzjoni ta’ xogħol indikati tal-persuna kkonċernata ma jistgħux jiddeterminaw jekk hija tibżax minn att ta’ persekuzzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 9(2)(e) tad-Direttiva dwar il-Kwalifika.

34.      L-inklużjoni ta’ persunal ta’ għajnuna fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 9(2)(e) hija, barra dan, konsistenti mal-għan globali tad-Direttiva dwar il‑Kwalifika li jkunu identifikati dawk il-persuni li jkunu sfurzati miċ-ċirkustanzi jfittxu protezzjoni fl-Unjoni Ewropea u jkunu ġenwinament jeħtiġuha (39). Meta persuna tkun tista’ turi li jekk hija twettaq servizz militari hija tkun involuta fil-kommissjoni tal-atti identifikati bħala raġunijiet għal esklużjoni fl-Artikolu 12(2) tad-Direttiva, ma hemmx raġuni plawżibbli biex hija tiġi eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 9(2)(e) tad-Direttiva dwar il-Kwalifika (hemm, tabilħaqq, raġuni tajba biex wieħed jemmen li hija ġenwinament tkun teħtieġ protezzjoni).

35.      Barra dan, ma nista’ nidentifika ebda raġuni għaliex persuna ma titħalliex, jew ma għandhiex titħalla tinvoka l-Artikolu 9(2)(e) tad-Direttiva għaliex tkun rekluta ingaġġata milli maqbuda bil-lieva. Il-kliem “[…] rifjut li wieħed iwettaq servizz militari […]” huwa wiesa’ biżżejjed biex jiġbor fih lil kull min ikun fis-servizz militari. Ma ssir ebda distinzjoni b’riferiment għall-mod li bih il-persuna kkonċernata tkun ġiet irreklutata, li, għalhekk, huwa irrilevanti.

36.      L-istadju li jmiss fl-analiżi huwa iktar delikat. Il-persuna kkonċernata tkun imġiegħla tipparteċipa fil-kommissjoni ta’ atti, bħal delitti ta’ gwerra elenkati fl-Artikolu 12(2) tad-Direttiva dwar il-Kwalifika? Dan jinvolvi l-analiżi tar-rekwiżiti tal-Artikolu 12(2) fid-dawl tal-Artikolu 9(2)(e). L-Artikolu 9(2)(e) jeżiġi evalwazzjoni ex ante tal-pożizzjoni tal-applikant, u, għalhekk, tal-probabbiltà li att iseħħ. L-Artikolu 12(2) jikkonċerna evalwazzjoni ex post ta’ atti li jkunu diġà seħħew.

37.      L-ewwel, jidhirli li, meta jipprovdi li “[…] [i]kun jinkludi delitti jew atti li jidħlu taħt il-klawsoli ta’ esklużjoni kif dikjarat fl-Artikolu 12(2) […]”, l-Artikolu 9(2)(e) għandu jinqara bħala li jfisser li l-persuna kkonċernata, meta twettaq servizz militari, tkun qed tinstiga jew inkella tipparteċipa fil-kommissjoni ta’ atti bħal dawn. Dik l-interpretazzjoni hija konsistenti ma’, u sostnuta mit-test Franċiż tal-Artikolu 9(2)(e) tad-Direttiva “[…] en cas de conflit lorsque le servizz militaire supposerait de commettre des crimes ou d’accomplir des actes […]” (40). Il-fokus huwa fuq xi jkun jew x’jista’ jimplika t-twettiq ta’ dak is-servizz militari. It-tieni, il-kelma “jkun” (would) tindika li l-kommissjoni ta’ atti bħal dawk elenkati fl-Artikolu 12(2) hija kkundizzjonata mill-persuna kkonċernata jekk twettaqx is-servizz militari tagħha (41). It-tielet, “jkun” (would) tindika wkoll li l-persuna kkonċernata ma tkunx għadha għamlet atti bħal dawn. Hija, għalhekk, tirreferi għal azzjonijiet li jista’ jkun hemm fil-ġejjieni, milli għal atti li jkunu seħħew fl-imgħoddi.

38.      L-evalwazzjoni hija, għalhekk, fundamentalment differenti mill-istħarriġ ex post li jitmexxa jew meta jibdew proċeduri kriminali jew meta Stat Membru jipprova juri li persuna partikolari għandha tkun eskluża mill-protezzjoni mogħtija mid-Direttiva dwar il-Kwalifika minħabba li tkun fil-kategorija eskluża kif deskritta mill-Artikolu 12(2). L-Artikolu 9(2)(e) ma jistax, b’mod validu, jiġi interpretat bħala li jeżiġi li l-applikant għall-istatus ta’ refuġjat juri li jaqa’ fl-Artikolu 12(2). Kieku jkun jista’ jagħmel hekk, huwa ma jkunx jista’, skont id-definizzjoni, ikun eliġibbli għal protezzjoni.

39.      L-Artikolu 12(2) tad-Direttiva dwar il-Kwalifika joħroġ mill-Artikolu 1(F) tal-Konvenzjoni ta’ Genève. L-Artikolu 12(2)(a) biss huwa rilevanti għall-każ ta’ A. L. Shepherd. Ħa nfisser għaliex nifhimha hekk.

40.      L-Artikolu 12(2)(b) tad-Direttiva jirreferi għal persuni li kkommettew “delitt serju mhux politiku”. Xejn fid-digriet tar-rinviju ma jissuġġerixxi li A. L. Shepherd jaqa’ f’dik il-kategorija. Għalhekk ma hemmx ħtieġa li jitqies iktar l-Artikolu 12(2)(b). L-Artikolu 12(2)(ċ) jirrigwarda persuni li jkunu nstabu ħatja ta’ atti kontra l-finijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti (42). Huma biss persuni li jkunu f’pożizzjonijiet ta’ poter fi Stat jew f’entità li tixbah l-Istat li jistgħu, kif naraha jiena, jikkommettu atti bħal dawn. A. L. Shepherd ma kienx f’pożizzjoni bħal din.

41.      Nerġgħu lura, għalhekk, għall-Artikolu 12(2)(a): l-atti elenkati f’dik id-dispożizzjoni u fl-Artikolu 1(F)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Genève huma identiċi. Huma jinkludu delitti kontra l-paċi, delitti ta’ gwerra, u delitti kontra l-umanità, kif iddefiniti fl-istrumenti internazzjonali mfassla biex ikun hemm provvediment dwar delitti bħal dawn (ma hemmx definizzjoni separata fid-Direttiva).

42.      Il-Karta tat-Tribunal Militari Internazzjonali (43) tiddefinixxi “delitt kontra l-paċi” bħala li jinvolvi l-ippjanar, it-tħejjija u l-bidu jew it-tmexxija ta’ gwerra ta’ aggressjoni, jew gwerra bi ksur ta’ trattati internazzjonali jew ftehimiet oħra. Delitt bħal dan min-natura tiegħu stess jista’ jsir biss minn persunal f’pożizzjoni għolja ta’ awtorità li jirrappreżenta Stat jew entità li tixbah l-Istat (44). A. L. Shepherd qatt ma kien f’dik il-pożizzjoni. Għalhekk aktarx li ma kienx f’riskju li jagħmel att bħal dak. “Delitti kontra l-umanità” ikopru atti bħal ġenoċidju, omiċidju, stupru u tortura mwettqa bħala parti minn attakk mifrux jew sistematiku dirett kontra popolazzjoni ċivili (45). Fin-nuqqas li jinstabu fatti li juru dan fid-digriet tar-rinviju jiena ma iniex ser ngħarrex iktar f’dik id-direzzjoni (46).

43.      Għadd ta’ strumenti internazzjonali jiddefinixxu “delitti ta’ gwerra” (47). Delitti bħal dawn jinkludu ksur serju ta’ regoli tad-dritt umanitarju internazzjonali li jfittxu li jipproteġu persuni li ma jkunux, jew li ma jkunux qed jieħdu sehem iktar fi ġlied, u li jirrestrinġu l-metodi u l-mezzi użati fit-taqbid ta’ gwerra. Huwa rikonoxxut li delitti ta’ gwerra jkopru atti ta’ qtil u tortura volontarji ta’ nies ċivili (48). Il-materjal fid-digriet tar-rinviju jissuġġerixxi li dik il-kategorija (u dik il-kategorija waħedha) ta’ allegat delitt ta’ gwerra huwa rilevanti għall-każ ta’ A. L. Shepherd.

44.      Diġà kkonkludejt li persunal militari li ma jipparteċipax direttament f’kumbatt ma huwiex eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 9(2)(e) tad-Direttiva dwar il-Kwalifika. Jekk persuni bħal dawn jikkommettux delitti ta’ gwerra jekk jaqdu d-doveri militari tagħhom hija kwistjoni ta’ fatt li għandha tkun eżaminata mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonli. Dik l-evalwazzjoni hija diffiċli minħabba li dawk l-awtoritajiet ikun jeħtiġilhom iqisu atti u l-konsegwenzi ta’ azzjonijiet li jkunu għadhom ma seħħewx. Id-domanda imbagħad issir, huwa plawżibbli li l-atti tal-persuna kkonċernata jistgħu jagħmluha possibbli li jitwettqu delitti ta’ gwerra (49)?

45.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax b’mod validu tipproponi kriterji eżawrjenti lill-awtoritajiet nazzjonali biex japplikawhom. Pereżempju, persunal militari li jaħdem f’ħanut ta’ barbier f’bażi tal-armata tal-US li jiżgura li l-persunal kollu fis-servizz ikollu qtugħ ix-xagħar standard ikun ’il bogħod minn operazzjonijiet ta’ kumbatt u, għalhekk, aktarx ma jkunx jista’ juri rabta diretta bħal dik. Iżda persuna li tarma ajruplani bil-bombi jew li tagħmel xogħol ta’ manutenzjoni fuq fighter jets aktarx tkun iktar tista’ turi li l-irwol tagħha huwa marbut direttament ma’ operazzjonijiet bħal dawn u, għalhekk, mal-possibbiltà li tikkommetti delitti ta’ gwerra. Dwar dan, bniedem fis-servizz li jtajjar jew jgħammar b’ekwipaġġ ajruplan jew ħelikopter li jimmira missila lejn, jew joqtol bil-machine-guns kolonna ta’ refuġjati ċivili, ċarament ikun eqreb, fil-katina tal-ġrajjiet, għall‑kommissjoni ta’ delitt ta’ gwerra milli persuna li tkun armat ajruplan jew ħelikopter u żgurat li jkun lest għal ġlied. Iżda ma jsegwix li l-mekkanik ta’ manutenzjoni ma jistax ikun “involut” (jew li x’aktarx ma jkunx jista’ jiġi involut) fil-kommissjoni ta’ dak id-delitt.

46.      Essenzjalment jidhirli li l-awtoritajiet nazzjonali għandhom iqisu jekk ikunx hemm rabta diretta bejn l-atti tal-persuna kkonċernata u l-probabbiltà raġonevoli li jistgħu jiġu kommessi delitti ta’ gwerra, b’mod li l-persuna kkonċernata tista’ tiġi mġiegħla tipparteċipa fil-kommissjoni ta’ delitti ta’ gwerra minħabba li l-azzjonijiet tagħha jkun fihom element meħtieġ ta’ dawk id-delitti. Essenzjalment it-test huwa jekk, mingħajr dik il-kontribuzzjoni jew il-kontribuzzjonijiet kollha magħmula minn individwi fis-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata, id-delitti ta’ gwerra jew l-atti jkunux possibbli.

 Il-kwalifika bħala refuġjat

47.      Persuna li jkollha biża’ bir-raġun ta’ persekuzzjoni għal raġunijiet bħal sħubija ta’ grupp soċjali partikolari (Artikolu 10(1)(d)) jew l-opinjonijiet politiċi tagħha (Artikolu 10(1)(e)) u li tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva dwar il-Kwalifika għandha tingħata l-istatus ta’ refuġjat (50). Għandu jkun hemm rabta bejn ir-raġunijiet elenkati fl-Artikolu 10 u l-atti ta’ persekuzzjoni ddefiniti fl-Artikolu 9 tad-Direttiva dwar il-Kwalifika. Skont il-qorti tar-rinviju, l-applikazzjoni ta’ A. L. Shepherd għall-istatus ta’ refuġjat hija bbażata fuq l-Artikolu 9(2)(e) moqri flimkien mal-Artikolu 10(1)(d) kif ukoll mal-Artikolu 10(1)(e). Iżda waqt is-smigħ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-avukat ta’ A. L. Shepherd indika li l-każ tiegħu kien tqiegħed abbażi tal-Artikoli 9(2)(e) u 10(1)(d) biss [fi kliem ieħor li ma kienx qed jistrieħ fuq l-Artikolu 10(1)(e)]. Il-Qorti tal-Ġustizzja ma ntalbitx mill-qorti tar-rinviju tinterpreta l-Artikolu 10(1)(d) tad-Direttiva dwar il-Kwalifika. Madankollu nqis li jeħtieġ ukoll li tiġi eżaminata dik id-dispożizzjoni fid-dawl tas-sottomissjonijiet orali ta’ A. L. Shepherd.

48.      Jidhirli li għal A. L. Shepherd japplika b’mod ċar l-Artikolu 10(1)(e) tad-Direttiva dwar il-Kwalifika. Li jkollok opinjoni politika jinkludi li jkollok opinjoni, ħsieb jew twemmin dwar materja relatata ma’ Stat u l-politika jew il-metodi tiegħu. Dan għandu jkopri dak li temmen li wieħed ma jistax iwettaq servizz militari f’kunflitt fejn li tagħmel hekk aktarx iwassal biex isiru delitti ta’ gwerra.

49.      Iżda l-pożizzjoni hija inqas ċara fir-rigward tal-Artikolu 10(1)(d) (sħubija ta’ grupp soċjali partikolari).

50.      A. L. Shepherd jargumenta li t-twemmin li l-parteċipazzjoni fil-gwerra fl-Iraq ifisser li hu jkun f’riskju li jikkommetti atti elenkati fl-Artikolu 12(2) tant huwa fundamentali għall-kuxjenza tiegħu li huwa ma għandux ikun imġiegħel imur kontrih (għalhekk jaqa’ fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 10(1)(d)); u li huwa, għalhekk, membru ta’ grupp li għandu identità distinta fl-US minħabba li l-grupp huwa pperċepit mis-soċjetà ta’ madwaru bħala differenti (għall-finijiet tat-tieni inċiż tal-Artikolu 10(1)(d)).

51.      Jekk dak huwiex hekk jiddependi minn diversi fatturi.

52.      L-espressjoni “objettur ta’ kuxjenza” ma tidhirx fit-test tal-Artikolu 10(1) tal-Karta, li jirrifletti mill-qrib l-Artikolu 9(1) tal-KEDB. Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem madankollu ddeċidiet li oppożizzjoni għal servizz militari — meta tkun immotivata minn kunflitt serju u li ma jkunx jista’ jingħeleb bejn l-obbligu ta’ qadi f’armata u l-kuxjenza ta’ persuna — tikkostitwixxi konvinzjoni ta’ persważjoni, ta’ serjetà, ta’ koeżjoni u ta’ importanza biżżejjed li għandha tkun protetta mill-Artikolu 9(1) tal-KEDB (51). L-Artikolu 10(1) tal-Karta għandu, għalhekk, jiġi interpretat b’mod simili. L-Artikolu 10(2) tal-Karta fil-fatt jidentifika u jagħraf id-dritt għal oġġezzjoni ta’ kuxjenza skont il-liġijiet nazzjonali li jirregolaw l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt (52).

53.      Iżda t-terminu “oġġezzjoni ta’ kuxjenza” għandu iktar minn tifsira waħda. Jinftiehem li jkopri paċifisti (bħal Quakers) fejn l-oġġezzjoni għal azzjoni militari hija assoluta (53). Jista’ jirreferi wkoll għal persuni li joġġezzjonaw għal kunflitt partikolari għal raġunijiet legali, morali jew politiċi jew li joġġezzjonaw dwar il-mezzi u l-metodi użati biex ikun segwit dak il-kunflitt.

54.      Nifhem li dawk li għandhom oġġezzjoni assoluta għal azzjoni militari jistgħu kważi faċilment jitqiesu li “jaqsmu karatteristika jew twemmin li huma tant fundamentali biex ikunu identifikati, jew kuxjenza li persuna ma għandhiex tkun sfurzata biex tirrinunzjaha” għall-finijiet tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 10(1)(d). L-attitudni tagħhom hija ċara u inekwivoka. Ma humiex imħejjija, fl-ebda ċirkustanza, jikkontemplaw l-użu tal-forza. Minħabba li l-pożizzjoni tagħhom hija daqshekk ċara, hija titwemmen faċilment.

55.      Dawk li għandhom oġġezzjoni iktar sottili għall-użu tal-forza jinsabu f’pożizzjoni iktar diffiċli. Preċiżament x’jopponu għal raġunijiet ta’ kuxjenza jvarja minn persuna għal oħra. Wieħed jista’ joġġezzjona għal gwerra partikolari; ieħor għall-mezzi u l-metodi użati f’kunflitt partikolari; u wieħed ieħor jista’ jirrifjuta għal raġunijiet personali għax ikun jeħtieġlu jiġġieled kontra l-grupp etniku tiegħu stess. Minħabba li ma hemm ebda oġġezzjoni assoluta għall-użu tal-forza, iżda oġġezzjoni parzjali biss, individwi bħal dawn, jistgħu jsibuha iktar bi tqila biex jistabbilixxu li l-pożizzjoni individwali tagħhom hija kredibbli; li l-oġġezzjoni individwali tagħhom hija waħda ta’ kuxjenza u prinċipju milli ta’ konvenjenza. Għalhekk jista’ jkollhom diffikultà ikbar li jaqgħu taħt l-ewwel inċiż tal-Artikolu 10(1)(d).

56.      Nara inqas diffikultà b’rabta mat-tieni inċiż tal-Artikolu 10(1)(d). Bħala kunċett, huwa għalkollox plawżibbli li, kemm għal dawk li l-oġġezzjoni ta’ kuxjenza tagħhom għall-użu tal-forza hija assoluta, kif ukoll għal dawk li l-oġġezzjoni ta’ kuxjenza tagħhom hija iktar sottili, huma jistgħu (separatament jew flimkien) jifformaw grupp li “għandu identità distinta fil-pajjiż rilevanti” (hawnhekk l-US) “minħabba li huwa notat bħala differenti mis-soċjetà ta’ madwaru”. Jekk dak fil-fatt ikunx il-każ huwa għall-awtoritajiet kompetenti li jistabbilixxu abbażi tax-xhieda mogħtija lilhom, bla ħsara għal stħarriġ mill-qrati nazzjonali.

57.      Meta ġġudikat b’dawk il-kriterji, A. L. Shepherd huwa kopert biż-żewġ inċiżi (kumulattivi) tal-Artikolu 10(1)(d)?

58.      Il-qorti tar-rinviju spjegat li l-oġġezzjoni ta’ kuxjenza’ ta’ A. L. Shepherd għal azzjoni militari ma hijiex assoluta. Kien membru ingaġġat tal-armata tal-US. Ma jwarrabx għalkollox l-użu ta’ forza armata. L-argument tiegħu huwa iktar li huwa joġġezzjona għat-tmexxija ta’ gwerra partikolari b’mod partikolari (mod li huwa jqis li kien jinkludi, u/jew jista’ għall-ġejjieni jinkludi l-kommissjoni ta’ delitti ta’ gwerra); u beża’ li seta’ jsib lilu nnifsu maqbud f’attività bħal dik kieku kompla s-servizz tiegħu u obda ordnijiet biex jerġa’ jkun stazzjonat fl-Iraq.

59.      L-ewwel, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jiddeterminaw jekk jikklassifikawx lil A. L. Shepherd bħala objettur ta’ kuxjenza jew bħala diżertur. Meta jiġu biex jiddeterminaw dik il-kwistjoni, huma għandhom iqisu jekk A. L. Shepherd għandux konvinzjoni ta’ persważjoni, ta’ serjetà, ta’ koeżjoni u ta’ importanza biżżejjed fir-rigward tal-kunflitt inkwistjoni, tant li jaqa’ taħt l-ewwel inċiż tal-Artikolu 10(1)(d). Fi kliem ieħor: A. L. Shepherd huwa sempliċement diżertur; jew kellu, kif isostni b’qawwa kbira, oġġezzjoni ta’ kuxjenza għal iktar servizz militari fl-Iraq? Jekk l-awtoritajiet nazzjonali jiddeċiedu li huwa sempliċement diżertur, x’aktarx ħafna li huwa jista’ jaqa’ taħt l-ewwel inċiż tal-Artikolu 10(1)(d). Minħabba li ż-żewġ inċiżi tal-Artikolu 10(1)(d) għandhom jiġu ssodisfatti, ikun imbagħad irrilevanti jekk dawk li jiddiżertaw minn servizz militari jitqisux bħala grupp uniku u uniformi mis-soċjetà.

60.      Iżda jekk l-awtoritajiet nazzjonali jiddeċiedu li A. L. Shepherd irrifjuta li jwettaq iktar servizz militari fl-Iraq minħabba li kien hemm kunflitt serju u li ma setax jingħeleb bejn dak li huwa raġonevolent antiċipa li dak l-obbligu li jservi kien iġib miegħu u l-kuxjenza tiegħu, huwa jkun kopert bl-ewwel inċiż tal‑Artikolu 10(1)(d). L-awtoritajiet nazzjonali jkollhom imbagħad iqisu jekk, abbażi tal-materjal li jkollhom, ikunx raġonevoli li wieħed jassumi li, fl-US, persuni fil-pożizzjoni speċifika ta’ A. L. Shepherd jitqiesu b’mod differenti u jkunu suġġetti għal trattament speċjali mis-soċjetà inġenerali. Jekk hu hekk, it-tieni inċiż tal-Artikolu 10(1)(d) ikun issodisfat ukoll. Ma naħsibx li hemm tagħrif biżżejjed quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja biex hija tkun tista’ toffri gwida aħjar dwar dan il-punt.

 Domanda 2

61.      Il-qorti tar-rinviju hawnhekk tifformula d-domanda tagħha billi tavanza żewġ alternattivi. Biex jiskatta l-Artikolu 9(2)(e) tad-Direttiva dwar il-Kwalifika, il-kunflitt inkwistjoni għandu jinvolvi b’mod predominanti u sistematiku l-kommissjoni ta’ delitti jew atti kif elenkati fl-Artikolu 12(2) tiegħu; jew ikun biżżejjed għall-applikant li juri li, f’każijiet individwali, atti bħal dawn kienu kommessi mill-forzi armati li għalihom jappartjeni?

62.      Fil-fehma tiegħi l-ebda waħda miż-żewġ alternattivi ma tiddetermina jekk l-Artikolu 9(2)(e) tad-Direttiva dwar il-Kwalifika japplikax jew le. Li jimporta huwa li l-applikant x’aktarx ikun f’riskju li jikkommetti delitti ta’ gwerra. Il-persuna kkonċernata għandha turi għaliex tibża’ li hija tkun f’riskju li tikkommetti delitti bħal dawn jekk twettaq id-dmirijiet militari tagħha.

63.      F’kunflitt fejn atti bħal dawn allegatament ikunu seħħew sistematikament u fejn materjal ta’ prova jkun magħruf pubblikament, jista’ jkun inqas (f’termini relattivi) diffiċli għal applikant li jissodisfa dak it-test. Fin-nuqqas ta’ bidla fil-politika qabel ma huwa jiġi stazzjonat fix-xenarju tal-gwerra, huwa jkollu raġunijiet raġonevoli biex jargumenta li atti bħal dawn jistgħu prattikament iseħħu fil-ġejjieni u li huwa jkun jista’ jiġi involut fihom. Fejn atti bħal dawn allegatament ikunu seħħew f’kunflitt wieħed jew maqtugħ minn oħrajn, applikant jiffaċċja biċċa xogħol iktar diffiċli. Ikun jeħtieġlu juri għaliex iqis li x’aktarx l-azzjonijiet tiegħu, jekk iwettaq is-servizz militari tiegħu, iqiegħdu lilu f’riskju ta’ involviment f’kommissjoni ta’ delitti ta’ gwerra (l-element suġġettiv). B’hekk (pereżempju) ikun jeħtieġlu jispjega għaliex, meqjus il-post li fih kellu jkun stazzjonat u l-atti li jkun jeħtieġlu jwettaq, huwa b’mod plawżibbli jista’ jemmen li jkun jista’ jsib lilu nnifsu qed jipparteċipa f’delitti bħal dawn. Hemm ukoll element oġġettiv: abbażi tal-informazzjoni disponibbli, hija raġonevoli l-konklużjoni li l-applikant jista’ jsib lilu nnifsu f’dik is-sitwazzjoni? Għalhekk jeħtieġ li jkun eżaminat jekk ikunx hemm raġunijiet oġġettivi biex jitqies li l-persuna kkonċernata tista’ tkun involuta fil-kommissjoni ta’ delitti ta’ gwerra.

 Domanda 3

64.      Jidhirli li Domanda 3 neċessarjament hija koperta mir-risposta li jiena pproponejt għad-Domanda 2. Ma jeħtieġx li jiġi stabbilit mingħajr ebda dubju raġonevoli li jkun mistenni jseħħ ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali.

 Domanda 6

65.      Wara dan, huwa konvenjenti li tiġi ttrattata d-Domanda 6, fejn il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk huwiex rilevanti li jitqiesu d-dispożizzjonijiet tal-Istatut ta’ Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (iktar ’il quddiem il-“QKI”) meta jitqies l-Artikolu 9(2)(e) tad-Direttiva dwar il-Kwalifika.

66.      Ma nqisx li d-dispożizzjonijiet tal-Istatut tal-QKI huma rilevanti. L-Artikolu 9(2)(e) tad-Direttiva dwar il-Kwalifika ma huwiex immirat lejn dawk li jista’ jkun hemm prosekuzzjoni kontrihom għax ikunu kkommettew delitti internazzjonali. Għall-kuntrarju, l-għan tagħhom huwa li tingħata protezzjoni lil persuni li jkunu jixtiequ jevitaw li jikkommettu atti bħal dawn meta jkunu qed iwettqu servizz militari. L-użu tal-probabbiltà li jkun hemm prosekuzzjoni kontra suldat X li tirnexxi għal delitt ta’ gwerra bħala l-punt ta’ riferiment biex ikun deċiż jekk is-suldat X ikollux jiġi protett bħala refuġjat għax ikun jixtieq jevita li jitqiegħed f’pożizzjoni fejn jista’ jkun hemm prosekuzzjoni kontrih li tirnexxi jmur direttament kontra dak l-għan. L-Artikolu 4 tad-Direttiva dwar il-Kwalifika jiddeskrivi l-evalwazzjoni ta’ fatti u ċirkustanzi meħtieġa biex tkun eżaminata applikazzjoni għall-istatus ta’ refuġjat. Fl-aħħar mill-aħħar it-test huwa jekk, f’kull każ partikolari, it-talba tal-applikant tkunx kredibbli. L-istandards stabbiliti mid-dritt kriminali internazzjonali għal prosekuzzjoni li tirnexxi ta’ delitti ta’ gwerra huma kompletament differenti (huma wisq ogħla) u ma għandhom ebda rwol f’din l-evalwazzjoni (54).

 Domanda 4

67.      Il-qorti tar-rinviju hawnhekk tistaqsi jekk l-istatus ta’ refuġjat huwiex prekluż f’ċerti ċirkustanzi. Speċifikament, (a) il-fatt li l-awtoritajiet fil-pajjiż tan-nazzjonalità ta’ applikant imexxu prosekuzzjoni għal delitti ta’ gwerra jipprekludi applikant milli jinvoka l-Artikolu 9(2)(e) tad-Direttiva dwar il-Kwalifika; u (b) prosekuzzjoni quddiem il-QKI hija ta’ rilevanza? Fil-kummentarju tagħha, il-qorti tar-rinviju tissuġġerixxi li, fejn ikun jeżisti makkinarju ta’ prosekuzzjoni u piena bħal dan għal dawk li jikkommettu delitti ta’ gwerra, jista’ jitqies li x’aktarx ma jsirux delitti ta’ gwerra minħabba li ma jkunux ittollerati mill-Istat inkwistjoni. Il-fatt stess li jkun hemm prosekuzzjoni ta’ delitti ta’ gwerra — kif jgħid l-argument — ifisser li l-Istat jagħti protezzjoni minn persekuzzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 7 tad-Direttiva dwar il-Kwalifika.

68.      Fil-fehma tiegħi r-risposta qasira għal dawk iż-żewġ domandi hija “le”. L-eżistenza ta’ makkinarju nazzjonali jew internazzjonali ta’ prosekuzzjoni ta’ delitti ta’ gwerra tista’ fil-prinċipju tkun ta’ deterrent biex ma jsirux. Iżda huwa fatt sfortunat iżda inevitabbli li, anki għalkemm jista’ jkun hemm makkinarju bħal dan, fil-fatt jitwettqu delitti ta’ gwerra xi drabi fis-saħna ta’ kunflitt (55) (bħalma l-preżenza f’sistemi legali ċivilizzati ta’ liġijiet li jikkriminalizzaw u jikkastigaw l-istupru u l-omiċidju, ma jiggarantux madankollu li nies qatt ma jkunu stuprati jew jinqatlu). Jekk l-Artikolu 9(2)(e) tad-Direttiva dwar il-Kwalifika għandu jkollu xi valur bħala mezz biex dawk li jsibu lilhom infushom imġiegħla jipparteċipaw fil-kommissjoni ta’ delitti ta’ gwerra jkunu jistgħu jsibu post tal-kenn, huwa għandu jopera indipendentement minn jekk jeżistix u jintużax makkinarju nazzjonali jew internazzjonali biex ikun hemm prosekuzzjoni u pieni għal delitti ta’ gwerra.

 Domanda 5

69.      B’din id-domanda l-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 9(2)(e) jistax jiġi invokat minkejja li l-azzjoni militari jkollha l-approvazzjoni tal-komunità internazzjonali jew tinbeda skont mandat tal-UNSC.

70.      Ma iniex ċerta li fhimt eżatt xi tfisser, bħala materja tad-dritt, l-espressjoni “approvati mill-Komunità internazzjonali”. Il-Karta tan-UN ma tiddefinixxix x’jikkostitwixxi gwerra leġittima; lanqas ma naf bi strument internazzjonali ieħor li jimla dik il-lakuna (jekk hija lakuna) (56). Ma nistax nifhem kif, jekk tipprova tiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 9(2)(e) tad-Direttiva dwar il-Kwalifika b’riferiment għal espressjoni mhux iddefinita, dan jgħin biex l-affarijiet jimxu ’l quddiem. Minħabba li l-eżistenza ta’ mandat tal-UNSC ma huwiex prerekwiżit għall-bidu ta’ gwerra jew ta’ difiża kontra l-aggressjoni, il-preżenza jew in-nuqqas tiegħu ma jistgħux ikunu determinanti dwar jekk iseħħux atti elenkati fl-Artikolu 12(2) tad-Direttiva dwar il-Kwalifika. Għalhekk, anki meta qabel kunflitt ikun hemm riżoluzzjoni tal-UNSC li tawtorizza l-użu tal-forza f’ċerti ċirkustanzi u b’ċerti kundizzjonijiet, dan ma jistax ifisser li, “skont id-definizzjoni”, delitti ta’ gwerra ma jistgħux ikunu u ma jkunux kommessi.

71.      Għalhekk nikkonkludi, b’risposta għal din id-domanda, li l-eżistenza ta’ mandat tal-UNSC b’rabta mal-kunflitt inkwistjoni ma tneħħix il-ħtieġa għal, jew tolqot ir-riżultat, tal-evalwazzjoni magħmula skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva dwar il-Kwalifika. Lanqas per se ma teskludi l-possibbiltà li kienu jew jistgħu jkunu kommessi atti elenkati fl-Artikolu 12 tad-Direttiva dwar il-Kwalifika.

 Domanda 7

72.      Fl-aħħar domanda tagħha dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 9(2)(e) tad-Direttiva dwar il-Kwalifika, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, qabel ma jkun jista’ jinvoka dik id-dispożizzjoni, applikant għandux juża l-proċedura ordinarja ta’ objettur ta’ kuxjenza mal-awtoritajiet nazzjonali tiegħu.

73.      Għandi l-ewwel infakkar li l-prosekuzzjoni jew il-piena li għalihom A. L. Shepherd jista’ jkun suġġett, kieku kellu jintbagħat lura fl-US, tkun għal diżerzjoni iktar milli għal oġġezzjoni ta’ kuxjenza.

74.      Ma huwiex ċar xi tfisser il-qorti tar-rinviju bil-“proċedura normali ta’ objettur tal-kuxjenza”. Sa fejn il-frażi tista’ tkun qed tirreferi għall-proċeduri li hemm skont id-dritt tal-US biex issir talba bħal din, din il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex tagħrif dwar jekk A. L. Shepherd ikunx eliġibbli jsegwi proċedura bħal din skont id-dritt tal-US jew jekk ikunx prekluż milli jagħmel hekk minħabba li (kif tinnota l-qorti tar-rinviju) huwa ma joġġezzjonax b’mod assolut għall-użu ta’ forza armata. Hawnhekk niġbed l-attenzjoni għall-Punt 1-5(a)(4) tar-Regolament 600-43 dwar l-Armata, li jgħid li “talbiet minn persunal għall-kwalifika bħala objettur ta’ kuxjenza wara dħul fis-servizz militari ma jitqisux favorevolment meta dawn it-talbiet ikunu […] bbażati fuq oġġezzjoni għal ċertu gwerra”. Naturalment ma nafx kif dik id-dispożizzjoni kienet interpretata fil-prattika minn tribunali militari fl-US.

75.      Huwa għall-awtoritajiet nazzjonali li jivverifikaw (jekk ikun meħtieġ, billi jirċievu xhieda esperta) jekk A. L. Shepherd huwiex korrett meta jemmen li huwa ma setax jikkwalifika bħala objettur ta’ kuxjenza skont id-dritt tal-US. Kieku seta’ jinvoka dik il-proċedura bi prospett raġonevoli ta’ suċċess iżda ma għamilx hekk, ma nara ebda raġuni tajba għaliex għandu jikkwalifika għall-istatus ta’ refuġjat abbażi ta’ persekuzzjoni li (fuq din l-assunzjoni) huwa seta’ evita mingħajr ma kien jippreġudika t-twemmin tiegħu. Għall-kuntrarju, jekk bħala persunal fis-servizz huwa ma kienx jitħalla jitlob status ta’ oġġezzjoni ta’ kuxjenza abbażi ta’ stazzjonar mill-ġdid tiegħu fl-Iraq, il-fatt li huwa ma ppreżentax talba għal status bħal dak ma jistax ikollu rilevanza fuq l-applikazzjoni tiegħu għall-istatus ta’ refuġjat skont l-Artikolu 9(2)(e) tad-Direttiva dwar il-Kwalifika.

 Domanda 8

76.      Fid-Domanda 8 il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar żewġ “atti ta’ persekuzzjoni” differenti fid-Direttiva dwar il-Kwalifika, jiġifieri “miżuri legali, amministrattivi, ta’ pulizija u/jew ġudizzjarji li huma fihom infushom diskriminatorji jew li huma implimentati f’manjiera diskriminatorja” [Artikolu 9(2)(b)] u “prosekuzzjoni jew kastig li huwa sproporzjonat jew diskriminatorju’ [Artikolu 9(2)(c)]. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk tkeċċija infami wara sentenza ta’ priġunerija u l-ostraċiżmu soċjali u l-iżvantaġġi assoċjati ma’ piena bħal din jikkostitwixxux atti ta’ persekuzzjoni skont dawk id-dispożizzjonijiet.

77.      Id-Domanda 8 hija awtonoma. Waqt li qed neżaminaha nfakkar li l-jedd għall-istatus ta’ refuġjat jirriżulta biss meta att ta’ persekuzzjoni skont l-Artikolu 9 ikollu konnessjoni ma’ raġuni għal persekuzzjoni skont l-Artikolu 10 (57). Il-partijiet kollha li għamlu osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, inkluż A. L. Shepherd, jaċċettaw li Stati jistgħu jimponu pieni fuq persunal militari li jirrifjuta li jwettaq iktar servizz militari meta d-diżerzjoni tiegħu ma tkunx ibbażata fuq raġunijiet validi ta’ kuxjenza u bil-kundizzjoni li kull piena u proċeduri assoċjati jkunu konformi ma’ standards internazzjonali. Kif nifhimha jiena, id-Domanda 8 hija, għalhekk, rilevanti biss jekk l-awtoritajiet nazzjonali jikkonkludu li A. L. Shepherd ma kienx jemmen, b’mod plawżibbili li kien f’riskju li jikkommetti delitti ta’ gwerra jekk kien jerġa’ jkun stazzjonat fl-Iraq [għalhekk, bħala konsegwenza, ma huwiex kopert bl-Artikolu 9(2)(e)]; iżda l-istess awtoritajiet ikunu sodisfatti li huwa, madankollu, jew jissodosfa ż-żewġ inċiżi tal-Artikolu 10(1)(d) (sħubija ta’ grupp soċjali partikolari) jew jaqa’ taħt l-Artikolu 10(1)(e) minħabba t-twemmin politiku li għandu dwar it-tmexxija tal-gwerra fl-Iraq. Wieħed jista’ forsi jiddeskrivi din il-fehma ta’ A. L. Shepherd bħala li huwa “diżertur b’kuxjenza”.

78.      Ikun diskriminatorju u sproporzjonat jekk persuna bħal din tgħaddi qorti marzjali u tingħata piena, b’mod li taqa’ taħt l-Artikolu 9(2)(b) jew l-Artikolu 9(2)(ċ)?

79.      Proċeduri ta’ qorti marzjali u/jew tkeċċija infami b’mod ċar jaqgħu fil-frażi “miżuri legali, amministrattivi, ta’ pulizija u/jew ġudizzjarji” tal-Artikolu 9(2)(b). Iżda applikant ikollu juri li miżuri bħal dawn huma fihom infushom diskriminatorji jew huma applikati b’mod diskriminatorju. Filwaqt li A. L. Shepherd jibbaża ruħu fuq l-Artikolu 10(1)(d) tad-Direttiva (sħubija ta’ grupp soċjali partikolari), biex issir dik l-evalwazzjoni jkun meħtieġ jitqies jekk hemmx gruppi soċjali fl-US li huma kumparabbli ma’ dak li A. L. Shepherd jgħid li jappartjeni għalih, sakemm gruppi bħal dawk huma f’sitwazzjoni simili, u jekk il-grupp tiegħu aktarx jiffaċċjax diskriminazzjoni iktar mill-grupp kumparabbli, u jekk xi differenza apparenti fit-trattament tkunx tista’ tiġi ġġustifikata. Fin-nuqqas ta’ evidenza fil-proċess li tindika li diskriminazzjoni ta’ dik ix-xorta tkun rilevanti hawnhekk, ikun għall-awtoritajiet nazzjonali li jagħmlu l-evalwazzjoni dettaljata meħtieġa tal-fatti u ċ-ċirkustanzi biex jiddeterminaw il-pożizzjoni t-tajba.

80.      Bl-istess mod huwa impossibbli jingħad fl-astratt jekk prosekuzzjoni li jista’ jkun hemm tkunx sproporzjonata jew diskriminatorja, jew jekk il-piena li x’aktarx jingħata A. L. Shepherd, jekk jinstab ħati ta’ diżerzjoni (58), tkunx sproporzjonata; u, għalhekk, jekk jiskattax l-Artikolu 9(2)(ċ). F’termini ġenerali, fl-evalwazzjoni dwar jekk prosekuzzjoni jew piena għal diżerzjoni jkunux sproporzjonati huwa meħtieġ li jitqies jekk atti bħal dawn imorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ għall-Istat ikkonċernat biex jeżerċita d-dritt leġittimu tiegħu li jżomm forza armata. Is-sentenzi deskritti mill-qorti tar-rinviju ma jidhirx li huma ovvjament sproporzjonati. Fl-aħħar mill-aħħar kwistjonijiet bħal dawn huma għal darba oħra kwistjonijiet għall-awtoritajiet nazzjonali li jevalwaw fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ.

81.      Inżid f’ġieħ il-kompletezza li l-kriterji jkunu l-istess meta l-Artikolu 10(1)(e) (“opinjoni politika”) jiġi ċċitat bħala r-raġuni għal persekuzzjoni. Iżda, minħabba li l-kunċett ta’ grupp soċjali ma huwiex rilevanti għal dik ir-raġuni, ikun wisq diffiċli għal persuna fil-pożizzjoni ta’ A. L. Shepherd li turi diskriminazzjoni abbażi tal-pożizzjoni individwali tagħha biss. Tista’ wkoll tiffaċċja diffikultajiet biex tidentifika grupp xieraq biex jifforma l-bażi tal-paragun meħtieġ.

82.      L-ostraċiżmu soċjali ma huwiex identifikat bħala tali fl-Artikolu 9(2) bħala “att ta’ persekuzzjoni” u fil-fehma tiegħi ma jaqax b’mod naturali ħafna fl-Artikolu 9(2)(b) jew (ċ). Barra dan, naturalment huwa minnu li l-lista tal-Artikolu 9(2) ma hijiex eżawrjenti. Il-fatt li l-ostraċiżmu soċjali huwa r-riżultat tal-azzjonijiet ta’ “atturi mhux ta’ l-Istat” (kif iddefiniti fl-Artikolu 6(ċ) tad-Direttiva) fih innifsu ma jipprekludix milli jitqies bħala att (addizzjonali) ta’ persekuzzjoni taħt l-Artikolu 9(2).

83.      Iżda biex ikunu jistgħu jifformaw il-bażi ta’ applikazzjoni li tirnexxi għall-istatus ta’ refuġjat, atti ta’ persekuzzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 9(2) għandhom jew “[i]kunu serji biżżejjed fin-natura jew repetizzjoni tagħhom li jikkostitwixxu vjolazzjoni serja ta’ drittijiet bażiċi tal-bniedem” [Artikolu 9(1)(a)] (59) jew “ikunu akkumulu ta’ diversi miżuri, inkluż vjolazzjonijiet ta’ drittijiet tal-bniedem li huwa serju biżżejjed li jaffettwa individu f’manjiera simili” [Artikolu 9(1)(b)]. Ma hemmx tagħrif quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li juri jekk prosekuzzjoni, piena jew ostraċiżmu soċjali li jista’ jkun hemm, li A. L. Shepherd jista’ jiffaċċja kieku kellu jintbagħat lura fl-US, ikunux serji biżżejjed biex jaqbżu dak il-limitu. Dawk huma (għal darba oħra wkoll) kwistjonijiet li jeħtiġilhom ikunu ddeterminati mill-awtoritajiet nazzjonali, bla ħsara għal stħarriġ mill-qorti nazzjonali.

 Konklużjoni

84.      Fid-dawl tal-konsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi d-domandi preliminari mill-Bayerisches Verwaltungsgericht München (il-Ġermanja) bil-mod li ġej:

–        Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 9(2)(e) tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE, tad-29 ta’ April 2004, dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija, jestendi għal persunal militari li ma jipparteċipax direttament f’kumbatt, fejn persunal bħal dan, meta jwettaq servizz militari, ikun imġiegħel jinstiga jew inkella jipparteċipa fil-kommissjoni ta’ delitti jew atti tax-xorta msemmija f’dik id-dispożizzjoni.

–        Fl-evalwazzjoni dwar jekk dak huwiex il-każ, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom iqisu: (i) jekk hemmx rabta diretta bejn l-atti tal-persuna kkonċernata u probabbiltà raġonevoli li jistgħu jitwettqu delitti ta’ gwerra, minħabba li l-azzjonijiet tagħha jkun fihom element meħtieġ ta’ dawk id-delitti, u mingħajr il-kontribuzzjoni tagħha jew bil-kontribuzzjonijiet kollha magħmula minn individwi fil-pożizzjoni tagħha, id-delitti ta’ gwerra jew l-atti ma kinux ikunu posibbli; (ii) jekk hemmx raġunijiet oġġettivi biex jitqies li l-persuna kkonċernata tista’ tkun involuta fil-kommissjoni ta’ delitti ta’ gwerra. F’dak ir-rigward, hija inkonsistenti mal-Artikolu 9(2)(e) tad-Direttiva 2004/83 l-applikazzjoni ta’: (a) standard kriminali ta’ prova (bħal “mingħajr ebda dubju raġonevoli”) jew (b) prinċipji dderivati mid-dritt kriminali internazzjonali.

–        Il-fatt li l-awtoritajiet fil-pajjiż tan-nazzjonalità tal-applikant imexxu prosekuzzjoni għad-delitti ta’ gwerra ma jipprekludix lill-applikant milli jinvoka l-Artikolu 9(2)(e) tad-Direttiva 2004/83; jekk ikunx hemm prosekuzzjoni quddiem il-Qorti Kriminali Internazzjonali wkoll ma huwa ta’ ebda rilevanza f’dak ir-rigward.

–        L-eżistenza ta’ mandat mill-UNSC li jkopri l-kunflitt inkwistjoni ma tipprekludix talbiet għall-istatus ta’ refuġjat ibbażati fuq l-Artikolu 9(2)(e) tad-Direttiva 2004/83.

–        Persuna li tirrifjuta li twettaq servizz militari ma tistax tikkwalifika għall-istatus ta’ refuġjat skont l-Artikolu 9(2)(e) tad-Direttiva 2004/83 sakemm hija ma tkunx l-ewwel għamlet użu, mingħajr ma jkun irnexxielha, minn kull proċedura disponibbli biex titlob l-istatus ta’ objettur ta’ kuxjenza jew ma jkun hemm ebda proċedura plawżibbilment disponibbli għaliha.

–        Fl-evalwazzjoni dwar jekk persuna li tirrifjuta li twettaq servizz militari tistax titqies bħala membru ta’ grupp soċjali partikolari għall-finijiet tal-Artikolu 10(1)(d) tad-Direttiva 2004/83, huwa meħtieġ jitqies: (i) jekk għandhiex konvinzjoni ta’ persważjoni, ta’ serjetà, ta’ koeżjoni u ta’ importanza biżżejjed; (ii) jekk bis-saħħa ta’ dik il-konvinzjoni hija tissodisfax ir-rekwiżiti tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 10(1)(d), jiġifieri li l-oġġezzjoni tagħha tkun ġejja minn twemmin li huwa fundamentali għall-kuxjenza tagħha; u (iii) jekk persuni li jkollhom konvinzjonijiet bħal dawk jitqiesux li huma differenti fil-pajjiż tal-oriġni tagħhom skont it-tifsira tat-tieni inċiż tal-Artikolu 10(1)(d).

–        Sa fejn applikant jibbaża ruħu fuq l-Artikolu 9(2)(b) u l-Artikolu 10(1)(d) tad-Direttiva 2004/83, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jeħtiġilhom jevalwaw jekk tkeċċija infami mill-armata u sentenza ta’ priġunerija jkunux diskriminatorji għaliex l-applikant ikun membru ta’ grupp soċjali partikolari. Meta ssir dik l-evalwazzjoni huwa meħtieġ li jitqies jekk hemmx gruppi soċjali fil-pajjiż ikkonċernat li huma kumparabbli għal dak li l-applikant jgħid li jappartjeni għalih, jiġifieri li gruppi bħal dawk huma f’sitwazzjoni simili, u jekk il-grupp tal-applikant aktarx ikunx suġġett għal trattament differenti minħabba l-fatt li huwa jista’ jkun suġġett għal qorti marzjali u/jew tkeċċija infami, u jekk xi differenza apparenti fit-trattament tkunx tista’ tiġi ġġustifikata.

–        Sa fejn l-applikant jibbaża ruħu fuq l-Artikolu 9(2)(ċ) tad-Direttiva 2004/83, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jkun jeħtiġilhom jevalwaw jekk prosekuzzjoni jew piena għal diżerzjoni jkunux sproporzjonati. F’dak ir-rigward huwa meħtieġ jitqies jekk atti bħal dawn imorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ għall-Istat ikkonċernat biex jeżerċita d-dritt leġittimu tiegħu li jżomm forza armata.


1  – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2  – Ara l-punti 48 sa 59 iktar ’l isfel.


3  – Ara l-punti 20 sa 23 iktar ’l isfel fejn ġbart fil-qosor it-tilwima fil-kawża prinċipali.


4  – Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati, iffirmata f’Genève fit-28 ta’ Lulju 1951, li daħlet fis-seħħ fit-22 ta’ April 1954 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Genève’). Hija kienet issupplimentata bil-Protokoll dwar l-Istatus tar-Refuġjati, konkluż fi New York fil-31 ta’ Jannar 1967, li daħal fis-seħħ fl-4 ta’ Ottubru 1967. Dak il-Protokoll ma huwiex rilevanti għad-determinazzjoni ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari.


5 – Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE, tad-29 ta’ April 2004, dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 96) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-Kwalifika” jew id-“Direttiva”. Dik id-direttiva tħassret u ġiet issostitwita bid-Direttiva 2011/95/EU (ĠU L 337, p. 9). Kliem id-dispożizzjonijiet rilevanti ma nbidlux fis-sostanza.


6  – L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(A)(2) tal-Konvenzjoni ta’ Genève.


7  – L-Artikolu 1(F)(b) u (c) tal-Konvenzjoni ta’ Genève jipprovdi rispettivament li ma japplikax għal persuna li tikkommetti delitt serju mhux politiku barra mill-pajjiż ta’ refuġju, jew li tkun instabet ħatja ta’ atti kuntrarji għall-finijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti.


8  – Iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB’).


9  – ĠU C 83, p. 389.


10  – Premessi 1 sa 4. Ara wkoll id-Direttiva tal-Kunsill 2005/85/KE, tal-1 ta’ Diċembru 2005, dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar tal-istatus ta’ rifuġjat (ĠU L 175M, 29.6.2006, p. 168) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-Proċeduri’), li tapplika għall-applikazzjonijiet kollha għal ażil magħmula fit-territorju tal-Unjoni.


11  – Premessi 1 sa 4, 6, 7, 8, 10, 11 u 17.


12  – Premessa 10.


13  – Premessa 11.


14  – Artikolu 2(c).


15  – Artikolu 4(1).


16  – Artikolu 6.


17  – Artikolu 7(1).


18  – Artikolu 7(2).


19  – Id-drittijiet inaljenabbli skont l-Artikolu 15(2) KEDB huma d-dritt għall-ħajja (Artikolu 2), il-projbizzjoni tat-tortura u l-iskjavitù u l-ħidma furzata (Artikoli 3 u 4 rispettivament) u d-dritt tal-individwu li ma jingħatax piena jekk mhux skont il-liġi (Artikolu 7).


20  – Artikolu 9(1).


21  – Artikolu 9(2)(b).


22  – Artikolu 9(2)(ċ).


23  – Artikolu 9(2)(e). Il-verżjoni bl-Ingliż ta’ dik id-dispożizzjoni ma ssemmix il-kommissjoni ta’ delitti jew atti. Jiena nqis li l-użu fit-test bl-Ingliż tal-kelma “include” huwa stramb. It-test bil-Franċiż jgħid “[…] en cas de conflit lorsque le service militaire supposerait de commettre des crimes ou d’accomplir des actes […]”. Dak jidher li joqrob iktar għat-tifsira tad-dispożizzjoni. Ara wkoll il-punti 35 u 37 iktar ’l isfel.


24  – Artikolu 9(3).


25  – Artikolu 12(2)(a). Il-kliem tal-Artikolu 12(2)(b) u (ċ) huwa simili għal dak tal-Artikolu 1(F)(b) u (c) tal-Konvenzjoni ta’ Genève; ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 7 iktar ’il fuq.


26  – Artikolu 12(3).


27  – Artikolu 13.


28  – Ara l-punt 3(1) u (2) tal-Asylverfahrensgesetz (Liġi dwar il-Proċedura ta’ Ażil).


29  – Punt 60(1) tal-Aufenthaltsgesetz (Liġi dwar ir-Residenza).


30  – L-Istatut tal-Qorti Kriminali Internazzjonali, iffirmat f’Ruma fis-17 ta’ Lulju 1998, li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2002 (iktar ’il quddiem l-“Istatut ta’ Ruma”). Il-qorti tar-rinviju tispjega li l-Bundesamt iqis li parteċipazzjoni fil-kommissjoni ta’ delitt ġeneralment teħtieġ li l-att inkwistjoni jsir bi ħsieb u għarfien (ara l-Artikolu 30 tal-Istatut ta’ Ruma).


31  – Ara wkoll il-punti 47 sa 60 iktar ’l isfel.


32  – Ara n-nota introduttorja tal-Konvenzjoni ta’ Genève mill-uffiċċju tal-UNHCR, ta’ Diċembru 2010; u ara wkoll l-Artikolu 35 tal-Konvenzjoni ta’ Genève, l-Artikoli 8(2)(b) u 21 tad-Direttiva dwar il-Proċeduri u l-premessa 15 tad-Direttiva dwar il-Kwalifika. L-UNHCR ipproduċa dokumenti ta’ għajnuna, inklużi l-Linji Gwida dwar il-Protezzjoni Internazzjonali Nru 10 dwar talbiet għall-istatus ta’ refuġjat b’rabta ma’ servizz militari fil-kuntest tal-Artikolu 1A(2) tal-Konvenzjoni ta’ Genève (iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida Nru 10 tal-UNHCR”) u l-Linji Gwida dwar l-applikazzjoni tal-klawżoli ta’ esklużjoni: Artikolu 1(F) tal-Konvenzjoni ta’ Genève (iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida tal-UNHCR dwar klawżoli ta’ esklużjoni”). L-ebda wieħed minn dawn id-dokumenti ma huwa legalment vinkolanti, iżda, madankollu, jirriflettu prinċipji stabbiliti tad-dritt internazzjonali.


33  – Ara l-premessa 15 tad-Direttiva dwar il-Kwalifika.


34  – Sentenza Salahadin Abdulla et, C‑175/08, C‑176/08, C‑178/08 u C‑179/08, EU:C:2010:105, punt 52; sentenza Y u Z, C‑71/11 u C‑99/11, EU:C:2012:518, punt 47; u sentenza X, C‑199/12 sa C‑201/12, EU:C:2013:720, punt 39.


35  – Sentenza X, EU:C:2013:720, punt 40. Ara wkoll l-Artikolu 10 tal-Karta.


36  – L-elementi msemmija fl-Artikolu 4(1) huma elenkati fid-dettall fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva dwar il-Kwalifika. Ara wkoll is-sentenza M.M., C‑277/11, EU:C:2012:744, punt 73.


37  – Enfasi miżjuda.


38  – L-Artikolu 12(3) jindika li l-Artikolu 12(2) japplika għal persuni li jinstigaw jew inkella jipparteċipaw fil-kommissjoni ta’ delitti jew atti ta’ gwerra msemmija hemmhekk.


39  – Ara l-premessi 1 u 6 tad-Direttiva dwar il-Kwalifika.


40  – Ara nota ta’ qiegħ il-paġna 23 iktar ’il fuq.


41  – Id-Direttiva dwar il-Kwalifika kienet adottata fid-29 ta’ April 2004. Fiż-żmien tal-adozzjoni tagħha, il-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea kienu d-Daniż, l-Olandiż, l-Ingliż, il-Franċiż, il-Finlandiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, it-Taljan, il-Portugiż, l-Ispanjol u l-Isvediż. L-Artikolu 9(2)(e) huwa espress fit-temp kundizzjonali f’dawk il-lingwi kollha (għalkemm mhux f’kull verżjoni lingwistika peress li t-temp preżent intuża fit-test Olandiż).


42  – L-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti (iktar ’il quddiem in-“NU”) huma deskritti fil-Kapitolu I tal-Karta tagħha [il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u l-Istatut tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja ffirmati f’San Francisco fis-26 ta’ Ġunju 1945 (iktar ’il quddiem il-“Karta tan-Nazzjonijiet Uniti”)]. Għal dak li jirrigwarda l-Membri tagħha, dawk il-prinċipji jinkludu r-rikonoxximent tal-ugwaljanza sovrana, is-soluzzjoni ta’ tilwim internazzjonali b’mezzi paċifiċi u l-astinenza mit-theddida u l-użu tal-forza fir-relazzjonijiet internazzjonali tagħhom (Artikolu 2 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti).


43  – Karta tat-Tribunal Militari Internazzjonali, iffirmata f’Londra fit-8 ta’ Awwissu 1945.


44  – Ara, pereżempju, il-punt 11 tal-Linji Gwida tal-UNHCR dwar klawżoli ta’ esklużjoni.


45  – Ara, pereżempju, il-punt 13 tal-Linji Gwida tal-UNHCR dwar klawżoli ta’ esklużjoni.


46  – Il-qorti tar-rinviju tinnota li A. L. Shepherd qies il-gwerra fl-Iraq kienet kontra d-dritt internazzjonali (ara l-punt 3 iktar ’il fuq). Il-kwistjoni dwar il-legalità ta’ dik il-gwerra ma hijiex għal din il-qorti jew għall-awtoritajiet nazzjonali li jiddeċiedu fil-każ ta’ A. L. Shepherd. Dik il-kwistjoni tibqa’ materja ta’ dibattitu bejn esperti legali fid-dritt internazzjonali u tabilħaqq bejn mexxejja politiċi. Fis-16 ta’ Settembru 2004 Kofi Annan (li dak iż-żmien kien is-Segretarju Ġenerali tan-NU) kien qal li l-invażjoni tal-2003 tal-Iraq kienet kontra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti. Iżda wara dik id-dikjarazzjoni kienu adottati għadd ta’ riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU (iktar ’il qiddiem l-“UNSC”) relatati mal-Iraq.


47  – Ara l-premessa 11 tad-Direttiva dwar il-Kwalifika; ara wkoll l-Artikolu 8 tal-Istatut ta’ Ruma.


48  – Ara, pereżempju, l-punt 12 tal-Linji Gwida tal-UNHCR dwar klawżoli ta’ esklużjoni.


49  – Ara l-punt 37 iktar ’il fuq.


50  – Ara l-Artkolu 13 tad-Direttiva dwar il-Kwalifika.


51  – Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem, Bayatyan vs Armenia [GC], Nru 23459/03, punt 110, KEDB 2011.


52  – Jekk l-Artikolu 10(2) tal-Karta huwiex rilevanti għall-każ ta’ A. L. Shepherd għalhekk jiddependi mil-liġijiet nazzjonali tal-Istat Membru li jirregolaw oġġezzjoni ta’ kuxjenza (il-Ġermanja) fejn huwa talab għal ażil. Dik hija materja għall-awtoritajiet nazzjonali rilevanti li jeżaminaw bla ħsara għal stħarriġ mill-qrati nazzjonali. Dwar il-pożizzjoni ta’ A. L. Shepherd bħala ċittadin tal-US u li qabel kien membru tal-forzi armati tal-US, ara l-punti 74 u 75 iktar ’l isfel.


53  – Ara, pereżempju, il-punt 3 tal-Linji Gwida Nru 10 tal-UNHCR.


54  – Ninnota li, minħabba li l-US ma hijiex parti kontraenti tal-QKI, it-termini tal-Istatut ta’ dik il-Qorti xorta ma jistgħu qatt ikunu applikati għall-każ ta’ A. L. Shepherd.


55  – Eżempju infami huwa l-Massakru ta’ Mӱ Lai li kien sar fil-Gwerra tal-Vjetnam. Mis-26 suldat tal-US li kontrihom tmexxiet prosekuzzjoni għat-twettiq ta’ reati kriminali f’Mӱ Lai il-Logutenent William Calley Jr. biss kien instab ħati. Iktar reċenti l-Prosekutur tal-QKI fetaħ kawżi dwar sitwazzjonijiet fl-Uganda u fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo. B’rabta ma’ din tal-aħħar, instabet ħtija fi Il-Prosekutur vs Thomas Lubanga Dyilo.


56 – Fil-fatt, sar ħafna ħsieb u nħliet ħafna inka fl-analiżi dwar jekk u f’liema ċirkustanzi gwerra tista’ tiġi kklassifikata bħala “leġittima” u/jew “ġusta”. It-teorija ta’ gwerra ġusta (jus bellum iustum), li kienet inizjalment esplorata minn Santu Wistin ta’ Hippo (354-430), ġiet żviluppata b’mod iktar magħruf minn San Tumas ta’ Akwinu (1225-1274) f’Summa Theologica. Sussegwentement, l-analiżi gradwalment iddistingwixxiet bejn ir-regoli li jirregolaw il-ġustizzja tal-gwerra (jus ad bellum), dawk li jirregolaw il-kondotta ġusta u xierqa (jus in bello) u r-responsabbiltà tal-partijiet involuti fil-gwerra wara li tintemm (jus post bellum). Il-prinċipji tal-ġustizzja tal-gwerra huma normalment meqjusa li huma: li jkun hemm kawża ġusta, li tkun l-aħħar istanza, li tkun iddikjarata minn awtorità xierqa, li jkollha intenzjoni tajba, li jkollha possibbiltà raġonevoli ta’ suċċess u li l-finalità tagħha tkun proporzjonata mal-mezzi użati. Kull element jista’ jiġi kkritikat.


57  – Artikolu 9(3).


58  – Id-digriet tar-rinviju jgħid li “il-Bundesamt stabbilixxa li l-applikant qed jiffaċċja sentenza ta’ priġunerija għal diżerzjoni ta’ bejn 100 jum u 15-il xahar, għalkemm il-firxa fl-għoti tas-sentenza testendi sa ħames snin”.


59  – B’mod partikolari d-drittijiet inaljenabbli identifikati fl-Artikolu 15(2) KEDB: ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 19 iktar ’il fuq.