Kawża C‑282/11

Concepción Salgado González

vs

Instituto Nacional de la Seguridad Social (INSS)

u

Tesorería General de la Seguridad Social (TGSS)

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Superior de Justicia de Galicia)

“Artikolu 48 TFUE — Sigurtà soċjali tal-ħaddiema migranti — Regolamenti (KEE) Nru 1408/71 u (KE) Nru 883/2004 — Assigurazzjoni għax-xjuħija u għall-mewt — Proċeduri speċjali għall-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-assigurazzjoni għax-xjuħija — Kalkolu tal-benefiċċji”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-21 ta’ Frar 2013

Sigurtà soċjali tal-ħaddiema migranti — Assigurazzjoni għax-xjuħija u għall-mewt — Kalkolu tal-benefiċċji — Determinazzjoni tal-ammont teoretiku — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi l-ammont teoretiku ta’ pensjoni għax-xjuħija skont bażi medja ta’ kontribuzzjoni matul perijodu fiss ta’ riferiment — Kalkolu ta’ dan l-ammont, b’mod invarjabbli, għal ħaddiem li jaħdem għal rasu, migrant jew le, bi tluq mill-bażijiet ta’ kontribuzzjoni mħallsa fuq dan il-perijodu immedjatament qabel il-ħlas tal-aħħar kontribuzzjoni fl-Istat Membru kkonċernat, mingħajr il-possibbiltà ta’ adattazzjoni sabiex jiġi kkunsidrat l-eżerċizzju minn dan il-ħaddiem tad-dritt tiegħu għall-moviment liberu — Inammissibbiltà

(Artikolu 48 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1408/71, Artikoli 3, 46(2)(a) u 47(1)(g) u Anness VI, Titolu H, punt 4)

L-Artikoli 48 TFUE, 3, 46(2)(a) u 47(1)(g) tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 tal-Kunsill, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati, u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, kif ukoll il-punt 4 tat-Titolu H tal-Anness VI tiegħu għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, li permezz tagħha l-ammont teoretiku tal-pensjoni tax-xjuħija tal-ħaddiem li jaħdem għal rasu, migrant jew le, huwa kkalkolat dejjem mill-bażijiet ta’ kontribuzzjonijiet ta’ dan il-ħaddiem fuq perijodu ta’ riferiment stabbilit li jippreċedi l-ħlas tal-aħħar kontribuzzjoni tiegħu f’dan l-Istat, li għalihom huwa applikat diviżur stabbilit, mingħajr la t-tul ta’ dan il-perijodu u lanqas dan id-diviżur ma jistgħu jiġu adattati sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-ħaddiem ikkonċernat ikun eżerċita d-dritt tiegħu għall-moviment liberu.

L-Artikoli 46(2) u 47(1) tar-Regolament Nru 1408/71 għandhom jiġu interpretati fid-dawl tal-għan stabbilit bl-Artikolu 48 TFUE, li jimplika b’mod partikolari li l-ħaddiema migranti ma għandhomx isofru tnaqqis fl-ammont tal-benefiċċji tas-sigurtà soċjali bħala konsegwenza tal-fatt li jkunu eżerċitaw id-dritt tagħhom għall-moviment liberu.

(ara l-punti 43, 52 u d-dispożittiv)