Appell ippreżentat fil-25 ta’ Lulju 2017 mill-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Qorti tal-Ġustizja tal-Unjoni Ewropea, mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla Estiża) fis-7 ta’ Ġunju 2017 fil-Kawża T-673/15, Guardian Europe vs L-Unjoni Ewropea

(Kawża C-447/17 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: L-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Qorti tal-Ġustizja tal-Unjoni Ewropea (rappreżentanti: J. Inghelram u K. Sawyer, aġenti)

Partijiet oħra fil-proċedura: Guardian Europe Sàrl; European Union, irrappreżentata mill-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla l-paragrafu (1) tad-dispożittiv tas-sentenza appellata;

tiċħad għaliex infondata t-talba, magħmula fl-ewwel istanza, ta’ Guardian Europe intiża għall-ksib tas-somma ta’ EUR 936 000 fir-rigward ta’ spejjeż ta’ garanzija bankarja bħala kumpens għad-danni li hija allegatament sofriet minħabba ksur tal-obbligu li tingħata deċiżjoni fi żmien raġonevoli fil-Kawża T-82/08; jew, u purament alternattivament, tnaqqas dan il-kumpens għal ammont ta’ EUR 299 251.64, flimkien ma interessi kompensatorji ikkalkolati fid-dawl tal-fatt li dak l-ammont huwa kompost minn ammonti differenti li saru dovuti fi żminijiet differenti;

tikkundanna lil Guardian Europe għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tressaq erba’ aggravji.

L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li kien hemm żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tar-regoli applikabbli fil-qasam tal-preskrizzjoni fil-każ ta’ preġudizzju kontinwu, sa fejn il-Qorti Ġenerali qieset li l-allegat dannu materjali li jikkonsisti fil-ħlas ta’ spejjeż ta’ garanzija bankarja li seħħ iktar minn ħames snin qabel il-preżentata tal-azzjoni għad-danni ma kienx preskritt.

It-tieni aggravju huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li kien hemm żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ kawżalità, sa fejn il-Qorti Ġenerali qieset li l-ksur tal-obbligu li tingħata deċiżjoni fi żmien raġonevoli kien il-kawża determinanti tal-allegat dannu materjali li jikkonsisti fil-ħlas ta’ spejjeż ta’ garanzija bankarja, filwaqt li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-għażla libera ta’ impriża li ma tħallasx multa fil-kuntest ta’ proċeduri quddiem il-qrati tal-Unjoni Ewropea tikkostitwixxi l-kawża determinanti għall-ħlas ta’ tali spejjeż.

It-tielet aggravju huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li kien hemm żball ta’ liġi fid-determinazzjoni tal-perijodu li matulu seħħ l-allegat dannu materjali u nuqqas ta’ motivazzjoni sa fejn il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, mingħajr ma pprovdiet raġunijiet, li l-perijodu li matulu seħħ l-allegat dannu materjali, li jikkonsisti fil-ħlas ta’ spejjeż ta’ garanzija bankarja, jista’ jkun differenti mill-perijodu li matulu hija kienet stabbiliet l-eżistenza tal-aġir illegali li allegatament ikkawża dan id-dannu.

Ir-raba’ aggravju huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li kien hemm żball ta’ liġi minħabba kumpens żejjed fl-għoti tal-interessi kompensatorji, sa fejn il-Qorti Ġenerali allokat lir-rikorrenti interessi kompensatorji fuq ammont minn data li fiha dan l-ammont kien għadu mhux dovut minnha.

____________