Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Korkein oikeus (il-Finlandja) fit-13 ta’ Jannar 2017 – Bosphorus Queen Shipping Ltd Corp. vs Rajavartiolaitos

(Kawża C-15/17)

Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż

Qorti tar-rinviju

Korkein oikeus.

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Bosphorus Queen Shipping Ltd Corp.

Konvenut: Rajavartiolaitos

Domandi preliminari

It-termini “kosta jew lil interessi relatati” li jinsabu fl-Artikolu 220(6) tal-Konvenzjoni dwar il-liġi tal-baħar u fl-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2005/35 1 , għandhom jiġu interpretati skont id-definizzjoni tat-termini “interessi konnessi” [traduzzjoni mhux uffiċjali] li jinsabu fl-Artikolu II(4) tal-Konvenzjoni Internazzjonali tal-1969 dwar l-Intervent fil-Baħar Miftuħ f’Każi ta’ Aċċidenti ta’ Tniġġis miż-Żejt?

Skont id-definizzjoni li tinsab fl-Artikolu II(4)(c) tal-Konvenzjoni tal-1969, imsemmija fl-ewwel domanda preliminari, it-termini “interessi konnessi” jirreferu b’mod partikolari għall-benesseri tar-reġjun ikkunsidrat, inkluż il-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi marini, tal-fawna u tal-flora. Id-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq tirreferi wkoll għall-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi, tal-fawna u tal-flora taż-żona ekonomika esklużiva jew tikkonċerna biss il-konservazzjoni tal-interessi tar-reġjun kostali?

Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda preliminari, x’għandu jinftiehem bit-termini “kosta jew lil interessi relatati” li jinsabu fl-Artikolu 220(6) tal-Konvenzjoni dwar il-liġi tal-baħar u fl-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2005/35?

Xi jfissru t-termini “riżorsi tal-baħar territorjali jew taż-żona ekonomika esklussiva tiegħu” li jinsabu fl-Artikolu 220(6) tal-Konvenzjoni dwar il-liġi tal-baħar, kif ukoll it-termini “riżorsi [fil-baħar territorjali jew żona ekonomika esklużiva ta’ ] dak l-Istat” li jinsabu fl-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2005/35? Il-kunċett ta’ riżorsi bijoloġiċi jirreferi unikament għall-ispeċi maqbuda jew jirreferi wkoll għall-ispeċi assoċjati mal-ispeċi maqbuda jew li huma dipendenti fuqhom, imsemmija fl-Artikolu 61(4) tal-Konvenzjoni dwar il-liġi tal-baħar, bħal pereżempju l-ispeċi ta’ fawna u ta’ flora li l-ispeċi maqbuda jieklu minnhom?

Kif għandu jiġi interpretat it-terminu “theddid” li jinsab fl-Artikolu 220(6) tal-Konvenzjoni dwar il-liġi tal-baħar u fid-Direttiva 2005/35? In-natura ta’ dan ir-riskju tista’ tiġi stabbilita permezz tal-kunċett ta’ riskju astratt jew tal-kunċett ta’ riskju konkret jew anki permezz ta’ metodu ieħor?

Waqt l-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet tal-kompetenza tal-Istat kostali, li tinsab fl-Artikolu 220(6) tal-Konvenzjoni dwar il-liġi tal-baħar u fl-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2005/35, għandu jiġi kkunsidrat li ħsara kbira li kienet jew hemm ir-riskju li tinħoloq tikkostitwixxi konsegwenzi iktar gravi minn tniġġis sinjifikattiv tal-ambjent marittimu, li kien jew hemm ir-riskju li jinħoloq, fis-sens tal-Artikolu 220(5) tal-Konvenzjoni tal-liġi dwar il-baħar? Kif għandu jiġi ddefinit it-tniġġis sinjifikattiv tal-ambjent marittimu u kif għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-evalwazzjoni tal-ħsara kbira li kienet jew hemm ir-riskju li tinħoloq?

Liema huma l-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni matul l-evalwazzjoni tal-importanza tal-ħsara li nħolqot jew li hemm ir-riskju li tinħoloq? Matul din l-evalwazzjoni, għandha tingħata importanza, pereżempju għat-tul u għall-portata ġeografika tal-effetti dannużi li jimmanifestaw ruħhom bħala forma ta’ ħsara? Fil-każ ta’ risposta affermattiva għal din id-domanda, kif għandhom jiġu evalwati t-tul u l-portata tal-ħsarat?

Id-Direttiva 2005/35 tistabbilixxi regoli minimi u ma tipprekludix l-adozzjoni, mill-Istati Membri, ta’ miżuri iktar stretti, konformi mad-dritt internazzjonali, kontra t-tniġġiż ikkawżat mill-vapuri [Artikolu 1(2)]. Il-possibbiltà li jiġu applikati dispożizzjonijiet iktar stretti tapplika wkoll għall-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2005/35, li jirregola l-kompetenza tal-Istat kostali sabiex jintervjeni kontra vapur fi tranżitu?

Matul l-interpretazzjoni tal-kundizzjonijiet tal-kompetenza tal-Istat kostali, iddefiniti fl-Artikolu 220(6) tal-Konvenzjoni dwar il-liġi tal-baħar u fl-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2005/35, għandha tingħata importanza għall-kundizzjonijiet ġeografiċi u ekoloġiċi u għall-vulnerabbiltà taż-żona tal-baħar Baltiku?

It-termini “evidenza oġġettiva ċara” li jinsabu fl-Artikolu 220(6) tal-Konvenzjoni dwar il-liġi tal-baħar, kif ukoll it-termini “evidenza ċara u oġġettiva” li jinsabu fl-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2005/35 jirreferu mhux biss għall-prova dwar it-twettiq, mill-vapur, tal-ksur imsemmi fid-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq, iżda wkoll għall-prova taċ-ċirkustanzi tar-rimi? Liema tip ta’ prova għandha tkun meħtieġa sabiex tintwera l-eżistenza tar-riskju li ħsara kbira tiġi kkawżata lill-kosta jew lil interessi relatati jew kull riżors tal-baħar territorjali jew taż-żona ekonomika esklużiva, jiġifieri pereżempju lill-għasafar, lill-ħut u lill-ambjent marittimu taż-żona? Ir-rekwiżit ta’ evidenza oġġettiva ċara/ evidenza ċara u oġġettiva jfisser li, pereżempju, l-evalwazzjoni tal-konsegwenzi dannużi tar-rimi ta’ żejt għandha dejjem tkun ibbażata fuq studji u fuq riċerki konkreti li jirrigwardaw il-konsegwenzi tar-rimi ta’ żejt li seħħ?

____________

1 Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2005/35, tas-7 ta’ Settembru 2005, dwar it-tniġġiż ikkawżat minn vapuri u l-introduzzjoni ta’ sanzjonijiet għal ksur (ĠU 2005 L 255, p. 11), kif emendata bid-Direttiva 2009/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 (ĠU 2009, L 280, p. 52).