Kawżi magħquda C‑344/13 u C‑367/13

Cristiano Blanco
u

Pier Paolo Fabretti

vs

Agenzia delle Entrate — Direzione Provinciale I di Roma — Ufficio Controlli

(talbiet għal domanda preliminari mressqa mill-Commissione tributaria provinciale di Roma)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Restrizzjonijiet — Leġiżlazzjoni fiskali — Dħul li joriġina minn rebħ tal-logħob tal-ażżard — Differenza fit-tassazzjoni bejn rebħ f’pajjiżi barranin u dak fi stabbilimenti nazzjonali”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tat-22 ta’ Ottubru 2014

Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Restrizzjonijiet — Logħob tal-ażżard — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi differenza fit-tassazzjoni bejn id-dħul minn dan ir-rebħ miksub barra l-pajjiż u dak miksub minn stabbilimenti nazzjonali — Inammissibbiltà — Ġustifikazzjoni — Assenza

(Artikoli 52 TFUE u 56 TFUE)

L-Artikoli 52 u 56 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tissuġġetta għat-taxxa fuq id-dħul ir-rebħ minn logħob tal-ażżard fi stabbilimenti tal-logħob li jinsabu fi Stati Membri oħra u li teżenta mill-imsemmija taxxi dħul simili meta jkun joriġina mit-territorju nazzjonali tiegħu.

Manifestament diskriminatorja, tali leġiżlazzjoni tkun iġġustifikata biss sa fejn ikollha għanijiet li jikkorrispondu ma’ motivi ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika u ta’ saħħa pubblika fis-sens tal-Artikolu 52 TFUE u sa fejn ir-restrizzjonijiet li hija tinkludi jkunu jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ proporzjonalità. Madankollu, dan ma huwiex il-każ ta’ din il-leġiżlazzjoni fid-dawl tal-fatt li, fir-rigward, minn naħa, tal-għanijiet marbuta mal-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u tan-neċessità li jiġi llimitat il-fluss lejn pajjiżi barranin jew l-introduzzjoni, fl-Istat Membru kkonċernat, ta’ kapital ta’ oriġini inċerta, l-awtoritajiet ta’ dan l-Istat Membru ma jistgħux validament jippreżumu, b’mod ġenerali u mingħajr distinzjoni, li l-korpi u l-entitajiet stabbiliti fi Stat Membru ieħor iwettqu attivitajiet kriminali. Fir-rigward, min-naħa l-oħra, tal-ġlieda kontra l-logħob patoloġiku, li taqa’ taħt il-protezzjoni tas-saħħa pubblika, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni ma hijiex metodu adatt u koerenti sabiex jiġi żgurat it-twettiq tal-għan tal-ġlieda kontra l-logħob patoloġiku, peress li l-eżenzjoni tar-rebħ li joriġina minn stabbilimenti tal-logħob tal-ażżard li jinsabu fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat tista’ tinkoraġġixxi lill-konsumaturi jipparteċipaw f’logħob tal-ażżard li jippermettilhom jibbenefikaw minn tali eżenzjoni.

(ara l-punti 32, 33, 39, 41, 44, 46-48 u d-dispożittiv)