SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

1 ta’ Marzu 2016 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Konvenzjoni dwar l-istatus tar-refuġjati ffirmata f’Genève fit-28 ta’ Lulju 1951 — Artikoli 23 u 26 – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Direttiva 2011/95/UE – Standards dwar il-kontenut ta’ protezzjoni internazzjonali – Status ta’ protezzjoni sussidjarja – Artikolu 29 – Għajnuna soċjali – Kundizzjonijiet għall-aċċess – Artikolu 33 – Moviment liberu fl-Istat Membru ospitanti – Kunċett – Restrizzjoni – Obbligu ta’ residenza f’post iddeterminat – Trattament differenti – Komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet – Distribuzzjoni bbilanċjata tal-piżijiet baġitarji bejn il-kollettivitajiet amministrattivi – Motivi relatati mal-politika tal-immigrazzjoni u tal-integrazzjoni”

Fil-Kawżi magħquda C‑443/14 u C‑444/14,

li għandha bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (qorti amministrattiva federali, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjonijiet tad-19 ta’ Awwissu 2014, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-25 ta’ Settembru 2014, fil-proċeduri

Kreis Warendorf

vs

Ibrahim Alo (C‑443/14)

u

Amira Osso

vs

Region Hannover (C‑444/14)

Fil-preżenza ta’

Vertreter des Bundesinteresses beim Bundesverwaltungsgericht (C-443/14 u C-444/14),


IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, M. Ilešič, L. Bay Larsen (Relatur), T. von Danwitz, C. Toader, D. Šváby, F. Biltgen u C. Lycourgos, Presidenti ta’ Awla, A. Rosas, E. Juhász, A. Borg Barthet, M. Safjan, M. Berger, A. Prechal u K. Jürimäe, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-14 ta’ Lulju 2015,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Kreis Warendorf, minn L. Tepe, bħala aġent,

–        għal Ibrahim Alo, minn S. Bulut, avukat,

–        għal Amira Osso, minn S. Ziesemer u K.-S. Janutta, avukati,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Möller, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Elleniku, minn M. Michelogiannaki, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Condou-Durande u W. Bogensberger, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-6 ta’ Ottubru 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikoli 29 u 33 tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Diċembru 2011, dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU L 337, p. 9).

2        Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ żewġ tilwimiet, fil-Kawża C‑443/14, bejn Kreis Warendorf (distrett ta’ Warendorf) u I. Alo, u fil-Kawża C‑444/14, bejn A. Osso u r-Region Hannover (reġjun ta’ Hannover), dwar l-obbligu ta’ residenza li ġie inkluż fil-permess ta’ residenza ta’ I. Alo u A. Osso.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-Konvenzjoni ta’ Genève

3        Il-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati, iffirmata f’Genève fit-28 ta’ Lulju 1951 [Serje tat-Trattati tan-Nazzjonijiet, Vol. 189, p. 150, Nru 2545 (1954)], daħlet fis-seħħ fit-22 ta’ April 1954. Hija ġiet ikkompletata mill-Protokoll dwar l-Istatus tar-Refuġjati, konkluż fi New York, fil-31 ta’ Jannar 1967, li daħal fis-seħħ fl-4 ta’ Ottubru 1967 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Genève”).

4        L-Artikolu 23 tal-imsemmija Konvenzjoni, intitolat “Għajnuna pubblika”, jipprovdi:

“L-Istati kontraenti għandhom jagħtu lir-refuġjati li jinsabu legalment fit-territorju ta’ dawn l-Istati l-istess trattament bħaċ-ċittadini tagħhom fir-rigward tal-assistenza pubblika u tas-sokkors pubbliku.”

5        Taħt it-titolu “Libertà ta’ moviment”, l-Artikolu 26 tal-imsemmija konvenzjoni jipprevedi:

“Kull Stat kontraenti għandu jagħti lir-refuġjati li jinsabu legalment fit-territorju tiegħu, id-dritt li jagħżlu l-post tar-residenza tagħhom f’dak it-territorju u li jivvjaġġaw liberament fih, sakemm josservaw ir-regolamenti applikabbli fl-istess ċirkustanzi għall-barranin inġenerali.”

 Id-dritt tal-Unjoni

6        Il-premessi 3, 4, 6, 8, 9, 16, 23, 24, 33 u 39 tad-Direttiva 2011/95 huma fformulati kif ġej:

“(3)      Il-Kunsill Ewropew fil-laqgħa speċjali tigħu f’Tampere fil-15 u s-16 ta’ Ottubru 1999, ftiehem li jaħdem sabiex jistabbilixxi Sistema ta’ Ażil Komuni, ibbażata fuq l-applikazzjoni sħiħa u inklussiva tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra [Genève] [...]

(4)      Il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra […] [tikkostitwixxi] l-pedament tar-reġim legali internazzjonali għall-protezzjoni ta’ refuġjati.

[...]

(6)      Il-konklużjonijiet ta’ Tampere jipprovdu wkoll li regoli rigward l-istat tar-refuġjati għandhom jiġu kumplimentati b’miżuri dwar forom sussidjarji ta’ protezzjoni, li joffru stat xieraq lil kull persuna fil-bżonn ta’ din il-protezzjoni.

[...]

(8)      Fil-Patt Ewropew dwar l-Immigrazzjoni u l-Ażil adottat fil-15 u fis-16 ta’ Ottubru 2008, il-Kunsill Ewropew innota li kien fadal numru konsiderevoli ta’ diverġenzi bejn Stat Membru u ieħor dwar l-għoti ta’ protezzjoni u l-forom li l-protezzjoni tieħu u sejjaħ għal inizjattivi ġodda sabiex jitkompla l-istabbiliment tas-Sistema ta’ Ażil Komuni Ewropea, ipprovduta fil-Programm tal-Aja, u għalhekk joffri grad ogħla ta’ protezzjoni.

(9)      Fil-Programm ta’ Stokkolma, il-Kunsill Ewropew tenna l-impenn tiegħu dwar l-għan li jistabbilixxi żona komuni ta’ protezzjoni u solidarjetà, ibbażata fuq proċedura komuni ta’ ażil u status uniformi, skont l-Artikolu 78 [TFUE], għal dawk li ingħataw protezzjoni internazzjonali mhux aktar tard mill-2012.

[...]

(16)      Din id-Direttiva tħares id-drittijiet u prinċipji fundamentali li huma rikonoxxuti, partikolarment, mil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea.

[...]

(23)      Livelli stabbiliti minimi għad-definizzjoni u l-kontenut ta’ stat ta’ refuġjat għandhom jiġu preskritti sabiex jiggwidaw il-korpi nazzjonali kompetenti ta’ l-Istati Membri fl-applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra.

(24)      Huwa meħtieġ li jiddaħħlu kriterji komuni għall-għarfien ta’ applikanti għal kenn (asylum) bħala refuġjati fit-tifsira ta’ l-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra.

[...]

(33)      Standards għad-definizzjoni u l-kontenut tal-istatus ta’ protezzjoni sussidjara għandhom jiġu stipulati wkoll. Protezzjoni sussidjarja għandha tkun kumplimentari u addizzjonali għall-protezzjoni tar-refuġjati stabbilita fil-Konvenzjoni ta’ Ġinevra.

[...]

(39)      Filwaqt li tiġi sodisfatta t-talba tal-programm ta’ Stokkolma għall-istabbiliment ta’ status uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u bl-eċċezzjoni tad-derogi li huma meħtieġa u ġustifikati b’mod oġġettiv, benefiċjarji ta’ status ta’ protezzjoni sussidjarja għandhom jingħataw l-istess drittijiet u benefiċċji bħal dawk li jgawdu refuġjati taħt din id-direttiva, u għandhom ikunu soġġetti għall-istess kundizzjonijiet ta’ eliġibilità.”

7        L-Artikolu 20(1) u (2) ta’ din id-direttiva, li jinsab fil-Kapitolu VII tagħha, dwar il-kontenut ta’ protezzjoni internazzjonali, jipprevedi:

“1.      Dan il-Kapitolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-drittijiet preskritti fil-Konvenzjoni ta’ Ġinevra [Genève].

2.      Dan il-Kapitolu għandu japplika kemm għal refuġjati kif ukoll għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja minbarra jekk ikun indikat mod ieħor.”

8        L-Artikolu 29 tal-imsemmija direttiva intitolat “Għajnuna soċjali” huwa redatt kif ġej:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali jirċievu, fl-Istat Membru li jkun ta din il-protezzjoni, l-għajnuna soċjali meħtieġa, kif ipprovdut lil ċittadini nazzjonali ta’ dak l-Istat Membru.

2.      B’deroga mir-regola ġenerali stipulata fil-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jillimitaw l-għajnuna soċjali mogħtija lil benefiċjarji bi status ta’ protezzjoni sussidjarja għal benefiċċji bażiċi li mbagħad jiġu provvduti fl-istess livelli u fuq l-istess kundizzjonijiet ta’ eliġibilità bħalma jingħataw liċ-ċittadini nazzjonali.”

9        L-Artikolu 32 tal-imsemmija Direttiva jipprevedi:

“1.      Stati Membri għandhom jiżguraw li benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali jkollhom aċċess għal akkomodazzjoni taħt kundizzjonijiet ekwivalenti għal ċittadini nazzjonali oħra ta’ pajjiż terz residenti legalment fit-territorji tagħhom.

2.      Filwaqt li jippermettu prattiki nazzjonali ta’ dispersjoni ta’ benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, l-Istati Membri għandhom jippruvaw jimplimentaw politiki mmirati bil-għan li jipprevjenu diskriminazzjoni ta’ benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali u sabiex jiżguraw opportunitajiet ugwali dwar aċċess għall-akkomodazzjoni.”

10      L-Artikolu 33 tad-Direttiva 2011/95 intitolat “Libertà ta’ moviment fi ħdan l-Istat Membru”, jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jippermettu libertà ta’ moviment fit-territorju tagħhom għal benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, taħt l-istess kundizzjonijiet u restrizzjonijiet bħal dawk ipprovduti lil ċittadini nazzjonali ta’ pajjiż terz residenti legalment fit-territorji tagħhom.”

 Id-dritt Ġermaniż

11      L-Artikolu 12 tal-liġi dwar ir-residenza, l-attività professjonali u l-integrazzjoni tal-barranin fit-territorju federali (Gesetz über den Aufenthalt, die Erwerbstätigkeit und die Integration von Ausländern im Bundesgebiet), tat-30 ta’ Lulju 2004 (BGBI. 2004 I, p. 1950), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawżi prinċipali (iktar ’il quddiem l-“AufenthG”), jipprevedi:

“(1)      Il-permess ta’ residenza għandu jinħareġ b’validità għat-territorju nazzjonali kollu. Dan ma jaffettwax il-validità tiegħu, skont id-dispożizzjonijiet tal-konvenzjoni li timplementa l-Ftehim ta’ Schengen, fir-rigward tar-residenza fit-territorju tal-Istati kontraenti.

(2)      Il-viża u l-permess ta’ residenza jistgħu jinħarġu u jiġu estiżi taħt ċerti kundizzjonijiet. Barra minn hekk, jistgħu jiġu imposti obbligi fir-rigward tagħhom, anki b’mod retroattiv, partikolarment, restrizzjonijiet territorjali.”

12      Skont id-dispożizzjonijiet amministrattivi dwar l-AufenthG (Allgemeine Verwaltungsvorschrift zum AufenthG) tas-26 ta’ Ottubru 2009:

“12.2.5.2.1 L-obbligu relatat mal-post ta’ residenza jikkostitwixxi, b’mod partikolari, mezz xieraq sabiex permezz ta’ rabtiet reġjonali jiġi evitat piż fiskali sproporzjonat għal ċerti Länder u muniċipalitajiet minħabba l-benefiċċji soċjali tal-benefiċjarji barranin. Dawn it-tipi ta’ obbligi jistgħu wkoll jgħinu fil-prevenzjoni ta’ konċentrazzjoni ta’ barranin li jiddependu fuq is-sigurtà soċjali f’żoni konkreti, bil-ġenerazzjoni konsegwenti ta’ segregazzjoni soċjali u l-konsegwenzi negattivi tagħha għall-integrazzjoni tal-barranin. Miżuri bħal dawn huma ġġustifikati wkoll sabiex jorbtu lill-barranin bi bżonn speċjali ta’ integrazzjoni ma’ post partikolari ta’ residenza, sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw fih mill-faċilitajiet eżistenti ta’ integrazzjoni.

12.2.5.2.2 Fuq il-bażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, għandhom jiġu imposti u miżmuma obbligi relatati mal-post ta’ residenza fir-rigward tad-detenturi ta’ permessi ta’ residenza maħruġa skont it-Taqsima 5 tal-Kapitolu 2 tal-AufenthG jew tal-permessi ta’ stabbiliment maħruġa skont l-Artikolu 23(2), sa fejn u sakemm huma jirċievu benefiċċji taħt il-Ktieb II jew XII tas-Sozialgesetzbuch [kodiċi tas-sigurtà soċjali] jew taħt l-Asylbewerberleistungsgesetz [liġi dwar il-benefiċċji mogħtija lill-applikanti għall-ażil].”

13      Skont l-indikazzjonijiet li hemm fid-deċiżjoni tar-rinviju, dawn id-dispożizzjonijiet amministrattivi japplikaw biss għal ċittadini barranin li jkun ingħatalhom permess ta’ residenza għal raġunijiet umanitarji, politiċi jew taħt il-liġi internazzjonali. Minn din id-deċiżjoni jirriżulta wkoll li, skont il-ġurisprudenza tal-qorti tar-rinviju, ma huwiex possibbli li jimponu fuq ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ngħataw status ta’ refuġjat obbligu ta’ residenza bil-għan biss li tiġi żgurata distribuzzjoni ġusta tal-piżijiet tal-għajnuna soċjali pubblika.

 Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

14      I. Alo u A. Osso huma ċittadini Sirjani. Huma vjaġġaw lejn il-Ġermanja fl-1998 u fl-2001 rispettivament, fejn ippreżentaw, mingħajr suċċess, applikazzjoni kull wieħed għall-ażil. Huma mbagħad kienu residenti f’dan l-Istat Membru bis-saħħa ta’ awtorizzazzjonijiet provviżorji. Sa mill-bidu tal-proċedura ta’ applikazzjoni għall-ażil, huma bbenefikaw minn għajnuna soċjali.

15      Wara l-introduzzjoni ta’ talbiet ġodda għall-ażil, huma ġew mogħtija mill-uffiċċju federali għall-immigrazzjoni u r-refuġjati (Bundesamt für Migration und Flüchtlinge), l-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja.

16      Il-permessi ta’ residenza li nħarġu lil I. Alo u A. Osso, rispettivament permezz ta’ deċiżjonijiet tad-distrett ta’ Warendorf tat-12 ta’ Ottubru 2012 u tar-reġjun ta’ Hannover tal-5 ta’ April 2012, kienu akkumpanjati minn obbligu li jistabbilixxu l-post tar-residenza tagħhom, rispettivament fil-belt ta’ Ahlen (il-Ġermanja) u fir-reġjun ta’ Hannover, bl-eċċezzjoni tal-Land Niedersachsen. Fid-deċiżjonijiet tagħhom, l-awtoritajiet ibbażaw ruħhom fuq il-punti 12.2.5.2.1 u 12.2.5.2.2 tad-dispożizzjonijiet amministrattivi dwar l-AufenthG.

17      I. Alo u A. Osso jopponu, fiż-żewġ kawżi prinċipali, l-obbligu ta’ residenza li ġie impost fuqhom. Ir-rikorsi li huma ppreżentaw ġew miċħuda fl-ewwel istanza.

18      L-appell ippreżentat minn I. Alo quddiem l-Oberverwaltungsgericht für das land Nordrhein-Westfalen (qorti amministrattiva superjuri tal-Land Nordrhein-Westfalen) irnexxa. Din il-qorti annullat l-obbligu ta’ residenza u, essenzjalment, qieset li d-deċiżjoni tad-distrett ta’ Warendorf tmur kontra d-dispożizzjonijiet flimkien tal-Artikoli 28(1) u 32 tad-Direttiva tal-Kunsill Nru 2004/83/KE, tad-29 ta’ April 2004, dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 96), dispożizzjonijiet li jikkorrispondu mal-Artikoli 29(1), u 33 tad-Direttiva 2011/95.

19      Min-naħa l-oħra, il-Niedersächsisches Oberverwaltungsgericht (qorti amministrattiva superjuri tal-Land Niedersachsen) ċaħdet l-appell imressaq minn A. Osso. Din il-qorti qieset, b’mod partikolari, li d-deċiżjoni kkontestata kienet konformi mal-leġiżlazzjoni applikabbli minħabba l-perċezzjoni ta’ ċerti benefiċċji soċjali minn A. Osso. Barra minn hekk, hija qieset li din id-deċiżjoni ma kinitx kontra d-dritt internazzjonali jew id-dritt tal-Unjoni.

20      Il-Bundesverwaltungsgericht (qorti amministrattiva federali) imbagħad ġiet adita b’rikorsi ta’ “Reviżjoni” ppreżentati rispettivament mid-distrett ta’ Warendorf u minn A. Osso kontra s-sentenzi mogħtija mill-Oberverwaltungsgericht für das Land Nordrhein-Westfalen (qorti amministrattiva superjuri tal-Land Nordrhein-Westfalen) u min-Niedersächsisches Oberverwaltungsgericht (qorti amministrattiva superjuri tal-Land Niedersachsen).

21      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesverwaltungsgericht (qorti amministrattiva federali) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti, li huma fformulati f’termini identiċi fil-Kawżi C‑443/14 u C‑444/14:

“1)      L-obbligu li tiġi stabbilita residenza fi ħdan żona ġeografika limitata (muniċipalità, distrett, reġjun) tal-Istat Membru, jirrestrinġi l-libertà ta’ moviment fis-sens tal-Artikolu 33 tad-Direttiva 2011/95/UE, jekk, ħlief għal dan l-obbligu, il-persuna barranija tkun tista’ tiċċaqlaq u tgħix liberament fit-territorju tal-Istat Membru?

2)      L-obbligu li tiġi stabbilita residenza fir-rigward ta’ persuni bi status ta’ protezzjoni sussidjarja huwa kompatibbli mal-Artikolu 33 u/jew mal-Artikolu 29 tad-Direttiva 2011/95/UE, jekk dan ikun ibbażat fuq l-għan li tinkiseb distribuzzjoni ġusta tal-piżijiet tal-assistenza pubblika soċjali bejn l-aġenziji differenti kompetenti f’dan il-qasam fit-territorju nazzjonali?

3)      L-obbligu li tiġi stabbilita residenza fir-rigward ta’ persuni bi status ta’ protezzjoni sussidjarja huwa kompatibbli mal-Artikolu 33 u/jew mal-Artikolu 29 tad-Direttiva 2011/95/UE, jekk dan ikun ibbażat fuq raġunijiet ta’ politika ta’ [im]migrazzjoni jew ta’ integrazzjoni sabiex jipprevjenu li ċerti muniċipalitajiet jew distretti jiġu żvantaġġati soċjalment bil-wasla frekwenti ta’ barranin? Raġunijiet astratti ta’ politika ta’ migrazzjoni jew ta’ integrazzjoni huma biżżejjed jew dawn ir-raġunijiet għandhom jiġu ddikjarati b’mod konkret?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

22      Permezz tal-ewwel domanda tagħha f’kull waħda mill-kawżi prinċipali, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 33 tad-Direttiva 2011/95 għandux jiġi interpretat fis-sens li obbligu ta’ residenza impost fuq benefiċjarju ta’ status ta’ protezzjoni sussidjarja, bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali jikkostitwixxix restrizzjoni fuq il-moviment liberu ggarantit b’dan l-artikolu, anki jekk din il-miżura ma tipprojbixxix lill-benefiċjarju milli jiċċaqlaq liberament fit-territorju tal-Istat Membru li jkun tah din il-protezzjoni u milli jirrisjedi temporanjament f’dan it-territorju barra mill-post indikat mill-obbligu ta’ residenza.

23      Skont l-Artikolu 33 tad-Direttiva 2011/95, l-Istati Membri għandhom jippermettu moviment liberu fit-territorju tagħhom għal benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, taħt l-istess kundizzjonijiet u restrizzjonijiet bħal dawk previsti għaċ-ċittadini nazzjonali ta’ pajjiż terz residenti legalment fit-territorji tagħhom.

24      Il-kliem ta’ dan l-artikolu ma jippermettix, waħdu, li jiġi ddeterminat jekk dan jinvolvix biss li l-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali għandhom ikunu jistgħu jiċċirkolaw liberament fit-territorju tal-Istat Membru li jkun tahom din il-protezzjoni jew jekk dan ifissirx ukoll li dawn il-benefiċjarji għandhom ikunu jistgħu jagħżlu l-post tar-residenza tagħhom f’dan it-territorju.

25      Il-fatt li l-Artikolu 33 tad-Direttiva 2011/95 huwa intitolat “Libertà ta’ moviment” ma huwiex biżżejjed sabiex ineħħi l-ambigwitajiet li jirriżultaw mill-kliem tiegħu. Fil-fatt, kif ġie rrilevat mill-Avukat Ġenerali fil-punt 34 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-użu ta’ dan it-terminu fid-dritt tal-Unjoni ma huwiex inekwivoku, sal-punt li ċerti dispożizzjonijiet ta’ dan id-dritt jiddistingwu espliċitament bejn il-moviment liberu u l-libertà li wieħed jagħżel il-post ta’ residenza tiegħu filwaqt li oħrajn jużaw l-espressjoni “moviment liberu” fis-sens li jkopri wkoll id-dritt li wieħed jagħżel il-post ta’ residenza tiegħu.

26      Barra minn hekk, għalkemm, fil-verżjoni bil-lingwa Ġermaniża tad-Direttiva 2011/95, it-titolu tal-Artikolu 33 tagħha, jiġifieri “Freizügigkeit innerhalb eines Mitgliedstaats” jista’ jinqara bħala li jindika li l-moviment liberu li dan l-artikolu jissanċixxi jinkludi d-dritt li wieħed jagħżel il-post ta’ residenza tiegħu, verżjonijiet lingwistiċi oħra ta’ din id-direttiva, b’mod partikolari l-verżjonijiet bl-Ispanjol, bid-Daniż, bl-Ingliż, bil-Franċiż u bit-Taljan, ma jsostnux interpretazzjoni bħal din.

27      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-formulazzjoni użata f’waħda mill-verżjonijiet lingwistiċi ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tistax isservi bħala bażi unika għall-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jew tingħata prijorità meta mqabbla mal-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra. Id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni fil-fatt għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod uniformi, fid-dawl tal-verżjonijiet bil-lingwi kollha tal-Unjoni. Fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ test tad-dritt tal-Unjoni, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-istruttura ġenerali u tal-iskop tal-leġiżlazzjoni li tagħha tikkostitwixxi element (sentenza GSV, C‑74/13, EU:C:2014:243, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li mill-premessi 4, 23 u 24 tad-Direttiva 2011/95 jirriżulta li l-Konvenzjoni ta’ Genève tikkostitwixxi l-bażi tas-sistema ġuridika internazzjonali ta’ protezzjoni tar-refuġjati u li d-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva dwar il-kundizzjonijiet ta’ għoti tal-istatus ta’ refuġjat kif ukoll dwar il-kontenut ta’ din tal-aħħar ġew adottati sabiex jgħinu lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri japplikaw din il-konvenzjoni billi jibbażaw ruħhom fuq kunċetti u kriterji komuni (ara, b’analoġija, is-sentenza Abed El Karem El Kott et, C‑364/11 EU:C:2012:826, punt 42).

29      Għalhekk, din id-direttiva għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-istruttura ġenerali u tal-iskop tagħha, b’mod li huwa konsistenti mal-Konvenzjoni ta’ Genève u mat-trattati rilevanti l-oħra msemmija fl-Artikolu 78(1) TFUE. Din l-interpretazzjoni għandha ssir ukoll, kif jirriżulta mill-premessa 16 tad-Direttiva 2011/95, b’osservanza tad-drittijiet irrikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (ara, b’analoġija, is-sentenza Abed El Karem El Kott et C‑364/11, EU:C:2012:826, punt 43, kif ukoll ġurisprudenza ċċitata).

30      Barra minn hekk, mill-premessa 3 tad-Direttiva 2011/95 jirriżulta li, billi ispira ruħu mill-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Tampere, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried li s-sistema tal-ażil Ewropew li din id-direttiva tikkontribwixxi li tistabbilixxi tkun ibbażata fuq l-applikazzjoni sħiħa u inklużiva tal-Konvenzjoni ta’ Genève.

31      Dawn il-kunsiderazzjonijiet huma, bħala prinċipju, sa fejn dawn jirrelataw mal-Konvenzjoni ta’ Genève, rilevanti biss f’dak li jirrigwarda r-rekwiżiti għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat kif ukoll il-kontenut ta’ dan tal-aħħar, sa fejn is-sistema prevista minn din il-konvenzjoni tapplika biss għar-refuġjati u mhux għall-benefiċjarji tal-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja, peress li din il-protezzjoni għandha l-għan, kif jirriżulta mill-premessi 6 u 33 tad-Direttiva 2011/98, li tikkompleta l-protezzjoni tar-refuġjati sanċita mill-imsemmija Konvenzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Diakité, C‑285/12, EU:C:2014:39, punt 33, u N., C‑604/12, EU:C:2014:302, punt 31).

32      Madankollu, il-premessi 8, 9 u 39 tad-Direttiva 2011/95 jindikaw li l-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq, bi tweġiba għall-istedina tal-programm ta’ Stokkolma, jistabbilixxi status uniformi għall-benefiċjarji kollha ta’ protezzjoni internazzjonali u li għalhekk iddeċieda li jagħti lill-benefiċjarji ta’ status ta’ protezzjoni sussidjarja l-istess drittijiet u benefiċċji bħal dawk li minnhom igawdu r-refuġjati, ħlief fil-każ ta’ derogi neċessarji u oġġettivament iġġustifikati.

33      Għalhekk, il-Kapitolu VII ta’ din id-direttiva, dwar il-kontenut tal-protezzjoni internazzjonali, huwa applikabbli, skont l-Artikolu 20(2) tagħha, kemm għar-refuġjati kif ukoll għall-benefiċjarji tal-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja, ħlief jekk ikun indikat mod ieħor.

34      Għalkemm ċerti artikoli ta’ dan il-kapitolu jinkludu tali indikazzjoni, huwa ċar li dan ma huwiex il-każ tal-Artikolu 33 tad-Direttiva 2011/95. Dan l-artikolu jispeċifika, bil-kontra ta’ dan, li l-libertà “ta’ ċirkolazzjoni” li jissanċixxi hija ggarantita “għall-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali” li jfisser li r-refuġjati u l-benefiċjarji tal-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja huma, f’dan ir-rigward, suġġetti għall-istess sistema.

35      Issa, l-Artikolu 26 tal-Konvenzjoni ta’ Genève, li tiggarantixxi lir-refuġjati l-benefiċċji ta’ moviment liberu, jipprevedi espressament li din il-libertà tinkludi mhux biss id-dritt ta’ moviment liberu fit-territorju tal-Istat li jkun ta l-istatus ta’ refuġjat iżda wkoll id-dritt ta’ għażla tal-post ta’ residenza tagħhom f’dak it-territorju. L-ebda element ma juri li l-leġiżlatur tal-Unjoni għażel li fid‑Direttiva 2011/95 jinkludi biss l-ewwel wieħed minn dawn id-drittijiet u mhux it-tieni.

36      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li l-Artikolu 33 ta’ din id-direttiva jiġi interpretat bħala li ma jagħtix lill-benefiċjarji ta’ status ta’ protezzjoni sussidjarja d-dritt li jagħżlu l-post ta’ residenza tagħhom fit-territorju tal-Istat Membru li ta din il-protezzjoni jkun jimplika li dan id-dritt huwa ggarantit biss għar-refuġjati u għalhekk joħolqu, minkejja l-assenza ta’ indikazzjoni espliċita fl-imsemmija direttiva għal dan il-għan, distinzjoni, li tmur kontra l-għan imfakkar fil-punti 32 u 33 ta’ din is-sentenza, bejn il-kontenut tal-protezzjoni mogħtija f’dan ir-rigward, minn naħa, lir-refuġjati, u min-naħa l-oħra, lill-benefiċjarji tal-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja.

37      Għalhekk, l-Artikolu 33 tal-istess direttiva għandu jiġi interpretat fi-sens li jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jippermettu li l-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali jkunu jistgħu kemm jiċċaqalqu liberament fit-territorju tal-Istat Membru li jkun ta din il-protezzjoni kif ukoll jagħżlu l-post ta’ residenza tagħhom f’dan it-territorju.

38      Il-kjarifika li tidher fl-Artikolu 32(2) tad-Direttiva 2011/95 li tgħid li l-prattika nazzjonali li tikkonsisti fid-dispersjoni tal-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali hija permessa ma tistax tikkonfuta din il-konklużjoni.

39      Fil-fatt, din il-kjarifika għandha tinftiehem, fid-dawl tal-għan ta’ dan l-artikolu, li hija intiża biss sabiex tippermetti li l-Istati Membri jinkorporaw din il-prattika fil-politika tagħhom ta’ aċċess għal akkomodazzjoni.

40      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda f’kull waħda mill-kawżi prinċipali għandha tkun li l-Artikolu 33 tad-Direttiva 2011/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li obbligu ta’ residenza impost fuq benefiċjarju ta’ status ta’ protezzjoni sussidjarja, bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, jikkostitwixxi restrizzjoni fuq il-moviment liberu ggarantit b’dan l-artikolu, anki jekk din il-miżura ma tipprojbixxix lil dan il-benefiċjarju milli jiċċaqlaq b’mod ħieles fit-territorju tal-Istat Membru li jkun ta din il-protezzjoni u milli jirrisjedi temporanjament f’dan it-territorju barra mill-post indikat mill-obbligu ta’ residenza.

 Fuq it-tieni domanda

41      Permezz tat-tieni domanda tagħha f’kull waħda mill-kawżi prinċipali, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 29 u 33 tad-Direttiva 2011/95 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-impożizzjoni ta’ obbligu ta’ residenza, bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, fuq benefiċjarju ta’ status ta’ protezzjoni sussidjarja li qed jirċievi ċerti benefiċċji soċjali speċifiċi, bil-għan li tinkiseb distribuzzjoni xierqa tal-piż li jirriżulta mill-għoti ta’ dawn il-benefiċċji bejn id-diversi istituzzjonijiet kompetenti f’dan il-qasam.

42      Fir-rigward tal-Artikolu 33 ta’ din id-direttiva, għalkemm mir-risposta għall-ewwel domanda jirriżulta li l-impożizzjoni ta’ obbligu ta’ residenza bħal dak inkwistjoni tikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu ggarantit minn dan l-Artikolu, huwa importanti, madankollu, li jiġi rrilevat li l-imsemmi artikolu jittollera ċerti restrizzjonijiet fuq dik il-libertà.

43      Madankollu, l-Artikolu 33 tad-Direttiva 2011/95 jispeċifika li d-dritt tal-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali li jiċċaqalqu liberament għandu jiġi eżerċitat taħt l-istess kundizzjonijiet u l-istess restrizzjonijiet previsti għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi oħra li jirrisjedu legalment fit-territorju tal-Istat Membru li jkun ta din il-protezzjoni.

44      L-Artikolu 26 tal-Konvenzjoni ta’ Genève, li, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 28 sa 37 ta’ din is-sentenza, huwa rilevanti għad-determinazzjoni tal-portata tal-moviment liberu tal-benefiċjarji tal-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja, jipprevedi, min-naħa tiegħu, li l-moviment liberu għandu jingħata lir-refuġjati bla ħsara għar-riżervi stabbiliti mill-leġiżlazzjoni applikabbli għall-barranin ġeneralment fl-istess ċirkustanzi.

45      Minn dan isegwi li, skont l-Artikolu 33 tad-Direttiva 2011/95, il-benefiċjarji ta’ status ta’ protezzjoni sussidjarja ma jistgħux, bħala prinċipju, jiġu sottomessi, f’dak li jirrigwarda l-għażla tal-post tar-residenza tagħhom, għal sistema iktar restrittiva minn dik applikabbli għal ċittadini oħra ta’ pajjiżi terzi residenti legalment fl-Istat Membru li jkun ta din il-protezzjoni.

46      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li obbligu tar-residenza huwa impost, sabiex tintlaħaq distribuzzjoni xierqa tal-piżijiet li jirriżultaw mill-għoti ta’ ċerti benefiċċji soċjali speċifiċi (iktar ’il quddiem l-“assistenza soċjali”) bejn id-diversi istituzzjonijiet kompetenti f’dan il-qasam, fuq dawk iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li, minn naħa, huma awtorizzati jirrisjedu fil-pajjiż għal raġunijiet umanitarji, politiċi jew taħt il-liġi internazzjonali, bl-eċċezzjoni tar-refuġjati, u, min-naħa l-oħra li jirċievu assistenza soċjali.

47      Il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawżi prinċipali għalhekk tissuġġetta, f’dan ir-rigward, il-benefiċjarji tal-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja għal sistema iktar restrittiva minn dik applikabbli, b’mod ġenerali, għal refuġjati u għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu legalment fit-territorju Ġermaniż għal raġunijiet oħra għajr dawk umanitarji, politiċi jew taħt il-liġi internazzjonali.

48      F’dak li jirrigwarda l-Artikolu 29 tad-Direttiva 2011/95, għandu jiġi rrilevat li l-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu jistabbilixxi regola ġenerali li l-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali jirċievu, fl-Istat Membru li ta din il-protezzjoni, l-istess assistenza soċjali bħal dik prevista għaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat Membru. Din ir-regola timplika, b’mod partikolari, li l-aċċess ta’ dawn il-benefiċjarji għall-assistenza soċjali ma għandux ikun suġġett għat-twettiq ta’ kundizzjonijiet li ma humiex imposti fuq ċittadini tal-Istat Membru li jkun ta din il-protezzjoni.

49      L-Artikolu 29(2) tal-istess direttiva jipprevedi li l-Istati Membri jistgħu jidderogaw minn din ir-regola billi jillimitaw għall-benefiċċji essenzjali l-assistenza soċjali mogħtija lil benefiċjarji tal-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja. Mandankollu, minn din id-dispożizzjoni jirriżulta b’mod ċar li meta Stat Membru jiddeċiedi li jidderoga mill-istess regola, dawn il-benefiċċji essenzjali għandhom jingħataw taħt l-istess kundizzjonijiet ta’ aċċess li japplikaw għal ċittadini ta’ dak l-Istat Membru.

50      Minn dan isegwi li fiż-żewġ każijiet imsemmija fl-Artikolu 29 tad-Direttiva 2011/95, il-kundizzjonijiet ta’ aċċess tal-benefiċjarji tal-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja għall-assistenza soċjali mogħtija lilhom mill-Istat Membru li jkun ta din il-protezzjoni għandhom ikunu l-istess bħall-dawk li għalihom huwa suġġett l-għoti ta’ din l-assistenza liċ-ċittadini ta’ dan l-Istat Membru.

51      L-Artikolu 23 tal-Konvenzjoni ta’ Genève, li, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 28 sa 37 ta’ din is-sentenza, huwa rilevanti għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 29(1) tad-Direttiva 2011/95, jikkonferma din l-analiżi, sa fejn jispeċifika li l-Istati kontraenti għandhom jagħtu lir-refuġjati residenti legalment fit-territorju tagħhom l-istess trattament fil-qasam ta’ assistenza pubblika u tas-sokkors pubbliku bħal ma jagħtu liċ-ċittadini tagħhom.

52      Madankollu, mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punt 46 ta’ din is-sentenza jirriżulta li obbligi ta’ residenza bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali huma imposti fuq il-benefiċjarji tal-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja meta jirċievu l-assistenza soċjali.

53      Kuntrarjament għaċ-ċittadini Ġermaniżi li għalihom ma japplikax tali obbligu ta’ residenza, benefiċjarju ta’ status ta’ protezzjoni sussidjarja, għalhekk, ikun jista’ jaċċedi għall-assistenza soċjali biss jekk ikun lest jaċċetta l-impożizzjoni ta’ obbligu ta’ residenza.

54      Madankollu, leġiżlazzjoni nazzjonali tista’ b’mod validu tipprevedi li timponi obbligu ta’ residenza fuq il-benefiċjarji tal-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja mingħajr ma timponi tali miżura fuq ir-refuġjati, fuq iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu legalment fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat għal raġunijiet oħra għajr dawk umanitarji, politiċi jew taħt il-liġi internazzjonali u fuq iċ-ċittadini ta’ dak l-Istat Membru jekk dawn il-kategoriji ma jitqegħdux f’sitwazzjoni oġġettivament komparabbli fir-rigward tal-għan imfittex minn din il-leġiżlazzjoni.

55      F’dan ir-rigward, huwa importanti madankollu, li jiġi rrilevat li l-għoti ta’ benefiċċji soċjali lil persuna partikolari jimplika piż għall-istituzzjoni msejħa tagħti dawn il-benefiċċji, irrispettivament minn jekk din il-persuna tkunx benefiċjarja ta’ status ta’ protezzjoni sussidjarja, refuġjat, ċittadin ta’ pajjiż terz residenti legalment fit-territorju Ġermaniż għal raġunijiet umanitarji, politiċi jew taħt il-liġi internazzjonali jew ċittadin Ġermaniż. L-ispostament ta’ nies li jirċievu dawn il-benefiċċji jew il-konċentrazzjoni mhux indaqs tagħhom fit-territorju tal‑Istat Membru kkonċernat għalhekk tkun x’aktarx tinvolvi distribuzzjoni mhux xierqa ta’ dan il-piż fost id-diversi istituzzjonijiet kompetenti f’dan il-qasam, mingħajr ma l-eventwali kwalità ta’ benefiċjarju tal-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja ta’ dawn il-persuni ma tkun partikolarment rilevanti f’dan ir-rigward.

56      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-risposta għat-tieni domanda f’kull waħda mill-kawżi prinċipali hija li l-Artikoli 29 u 33 tad-Direttiva 2011/95 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-impożizzjoni ta’ obbligu ta’ residenza, bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, fuq benefiċjarju ta’ status ta’ protezzjoni sussidjarja li qed jirċievi ċerti benefiċċji soċjali speċifiċi, sabiex tinkiseb distribuzzjoni xierqa tal-piż li jirriżulta mill-għoti ta’ dawn il-benefiċċji bejn id-diversi istituzzjonijiet kompetenti f’dan il-qasam, meta l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli ma tipprevedix l-impożizzjoni ta’ tali miżura fuq ir-refuġjati, fuq iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti legalment fl-Istat Membru kkonċernat għal-raġunijiet oħra għajr dawk umanitarji, politiċi jew taħt il-liġi internazzjonali u fuq iċ-ċittadini ta’ dak l-Istat Membru li jirċievu dawn il-benefiċċji.

 Fuq it-tielet domanda

57      Permezz tat-tielet domanda tagħha f’kull waħda mill-kawżi prinċipali, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 29 u/jew 33 tad-Direttiva 2011/95 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-impożizzjoni ta’ obbligu ta’ residenza, bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, fuq benefiċjarju ta’ status ta’ protezzjoni sussidjarja li jirċievi ċerti benefiċċji soċjali speċifiċi, bil-għan li tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fl-Istat Membru li ta din il-protezzjoni.

58      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, taħt il-kopertura tal-għan imsemmi fil-punt preċedenti, l-obbligu ta’ residenza previst mid-dritt Ġermaniż għandu l-għan, minn naħa, li jevita l-konċentrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirċievu l-assistenza soċjali f’ċerti territorji u l-ħolqien ta’ tensjonijiet soċjali li jinvolvu effetti negattivi fuq l-integrazzjoni tagħhom, u min-naħa l-oħra, li jorbot liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi bi bżonn speċjali ta’ integrazzjoni ma post speċifiku ta’ residenza, sabiex hemmhekk huma jkunu jistgħu jużaw is-servizzi ta’ appoġġ fil-qasam tal-integrazzjoni.

59      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 29 tad-Direttiva 2011/95 ma huwiex rilevanti fil-kuntest tal-eżami tat-tielet domanda, peress li l-benefiċjarji tal-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja u ċ-ċittadini Ġermaniżi ma jinsabux f’sitwazzjoni paragunabbli, fid-dawl tal-għan li tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi.

60      Fir-rigward tal-Artikolu 33 ta’ din id-direttiva, mill-informazzjoni li tinsab fil-punti 12 u 13 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawżi prinċipali timponi fuq il-benefiċjarji tal-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja li jirċievu l-assistenza soċjali trattament differenti minn dak applikabbli, b’mod ġenerali, għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti legalment fil-Ġermanja għal raġunijiet oħra għajr dawk umanitarji, politiċi jew taħt il-liġi internazzjonali u għaċ-ċittadini Ġermaniżi.

61      Issa, mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punt 54 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-Artikolu 33 tad-Direttiva 2011/95 jipprekludi l-impożizzjoni, b’tali leġiżlazzjoni, ta’ obbligu ta’ residenza fuq benefiċjarju ta’ status ta’ protezzjoni sussidjarja li jirċievi l-assistenza soċjali biss jekk il-benefiċjarji tal-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja ma jitqegħdux f’sitwazzjoni oġġettivament paragunabbli, fid-dawl tal-għan imfittex minn din il-leġiżlazzjoni, għal dik taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti legalment fit-territorju Ġermaniż għal raġunijiet oħra għajr dawk umanitarji, politiċi jew taħt il-liġi internazzjonali.

62      Għalhekk, għandha tkun il-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk il-fatt li ċittadin ta’ pajjiż terz li jirċievi l-assistenza soċjali huwa benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali, f’dan il-każ sussidjarja, jimplikax li ser ikun ikkonfrontat b’iktar diffikultajiet ta’ integrazzjoni minn ċittadin ieħor ta’ pajjiż terz residenti legalment fil-Ġermanja u li qed jirċievi l-assistenza soċjali.

63      Dan jista’ jkun il-każ, b’mod partikolari, jekk, minħabba d-dispożizzjoni nazzjonali msemmija mill-qorti tar-rinviju li tgħid li r-residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti legalment fil-Ġermanja għal raġunijiet oħra għajr dawk umanitarji, politiċi jew taħt il-liġi internazzjonali hija ġeneralment suġġetta għal kundizzjoni li dawn ikunu f’pożizzjoni li jipprovdu għall-bżonnijiet tagħhom stess, dawn iċ-ċittadini jistgħu jibbenefikaw minn assistenza soċjali biss wara residenza legali kontinwa ta’ ċertu żmien fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti. Fil-fatt, tali residenza tista’ twassal għall-preżunzjoni li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi kkonċernati huma integrati biżżejjed f’dan l-Istat Membru, b’tali mod li dawn ma jinsabux f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik tal-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali fid-dawl tal-għan li tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi.

64      Minn dak li jippreċedi jirriżulta li r-risposta għat-tielet domanda f’kull waħda mill-kawżi prinċipali għandha tkun li l-Artikolu 33 tad-Direttiva 2011/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix l-impożizzjoni ta’ obbligu ta’ residenza, bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, fuq benefiċjarju ta’ status ta’ protezzjoni sussidjarja li jirċievi ċerti benefiċċji soċjali speċifiċi, bil-għan li tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi fl-Istat Membru li ta din il-protezzjoni, meta l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli ma tipprevedix l-impożizzjoni ta’ tali miżura fuq iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi legalment residenti f’dan l-Istat Membru għal raġunijiet oħra għajr dawk umanitarji, politiċi jew taħt liġi internazzjonali li jirċievu l-imsemmija benefiċċji, jekk il-benefiċjarji ta’ status ta’ protezzjoni sussidjarja ma jkunux f’sitwazzjoni oġġettivament paragunabbli, fid-dawl ta’ dan il-għan, għal dik ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz residenti legalment fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat għal raġunijiet oħra għajr dawk umanitarji, politiċi jew taħt il-liġi internazzjonali, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

 Fuq l-ispejjeż

65      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawżi prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 33 tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Diċembru 2011, dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħal benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija għandu jiġi interpretat fis-sens li obbligu ta’ residenza impost fuq benefiċjarju ta’ status ta’ protezzjoni sussidjarja, bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, jikkostitwixxi restrizzjoni fuq il-moviment liberu ggarantit b’dan l-artikolu, anki jekk din il-miżura ma tipprojbixxix lil dan il-benefiċjarju milli jiċċaqlaq b’mod ħieles fit-territorju tal-Istat Membru li jkun ta din il-protezzjoni u milli jirrisjedi temporanjament f’dan it-territorju barra mill-post indikat mill-obbligu ta’ residenza.

2)      L-Artikoli 29 u 33 tad-Direttiva 2011/95 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-impożizzjoni ta’ obbligu ta’ residenza, bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, fuq benefiċjarju ta’ status ta’ protezzjoni sussidjarja li qed jirċievi ċerti benefiċċji soċjali speċifiċi, sabiex tinkiseb distribuzzjoni xierqa tal-piż li jirriżulta mill-għoti ta’ dawn il-benefiċċji bejn id-diversi istituzzjonijiet kompetenti f’dan il-qasam, meta l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli ma tipprevedix l-impożizzjoni ta’ tali miżura fuq ir-refuġjati, fuq iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti legalment fl-Istat Membru kkonċernat għal-raġunijiet oħra għajr dawk umanitarji, politiċi jew taħt il-liġi internazzjonali u fuq iċ-ċittadini ta’ dak l-Istat Membru li jirċievu dawn il-benefiċċji.

3)      L-Artikolu 33 tad-Direttiva 2011/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix l-impożizzjoni ta’ obbligu ta’ residenza, bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, għal benefiċjarju ta’ status ta’ protezzjoni sussidjarja li qed jirċievi servizzi soċjali speċifiċi, bil-għan li tiffaċilita l-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fl-Istat Membru li jkun ta din il-protezzjoni, fejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli ma tipprovdix għall-impożizzjoni ta’ tali miżura għaċ-ċittadini ta’ pajjiż terz legalment residenti f’dan l-Istat Membru għal raġunijiet oħra għajr dawk umanitarji, politiċi jew taħt liġi internazzjonali li qed jirċievu dawn is-servizzi, jekk il-benefiċjarji ta’ status ta’ protezzjoni sussidjarja ma jitqegħdux f’sitwazzjoni oġġettivament paragunabbli fir-rigward ta’ dan il-għan, dik ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz residenti legalment fuq it-territorju tal-Istat Membru kkonċernat għal raġunijiet oħra għajr dawk umanitarji, politiċi jew taħt il-liġi internazzjonali, li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.