SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

30 ta’ Novembru 2009 (*)

“Viżi, ażil, immigrazzjoni u politiki oħra relatati mal-moviment liberu tal-persuni – Direttiva 2008/115/KE – Ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment – Artikolu 15(4) sa (6) – Perijodu ta’ detenzjoni – Teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodu li matulu ġiet sospiża l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ tneħħija – Kunċett ta’ ‘prospett raġonevoli ta’ tneħħija’”

Fil-Kawża C‑357/09 PPU,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikoli 68 KE u 234 KE, imressqa mill-Administrativen sad Sofia-grad (il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tal-10 ta’ Awwissu 2009, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ Settembru 2009, fil-proċedura

Said Shamilovich Kadzoev (Huchbarov),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, A. Tizzano, J. N. Cunha Rodrigues, K. Lenaerts, J.‑C. Bonichot, C. Toader, Presidenti ta’ Awla, C. W. A. Timmermans, P. Kūris, E. Juhász, G. Arestis, L. Bay Larsen (Relatur), T. von Danwitz u A. Arabadjiev, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Mazák,

Reġistratur: N. Nanchev, Amministratur,

wara li rat it-talba tal-qorti tar-rinviju tad-19 ta’ Awwissu 2009, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ Settembru 2009 u ġiet issuplimentata fl-10 ta’ Settembru 2009, sabiex ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi suġġett għal proċedura b’urġenza, skont l-Artikolu 104b tar-Regoli tal-Proċedura,

wara li rat id-deċiżjoni tat-22 ta’ Settembru 2009 tat-Tieni Awla li tilqa’ l-imsemmija talba,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-27 ta’ Ottubru 2009,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal M. Kadzoev, minn D. Daskalova u V. Ilareva, advokati,

–        għall-Gvern Bulgaru, minn T. Ivanov u E. Petranova, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Litwan, minn R. Mackevičienė, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn S. Petrova u M. Condou‑Durande, bħala aġenti,

wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari hija dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15(4) sa (6) tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2008, dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU L 348, p. 98).

2        Din it-talba ġiet imressqa fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva mibdija mid-direttur tal-Direktsia “Migratsia” pri Ministerstvo na vatreshnite raboti (direttorat tal-migrazzjoni fi ħdan il-Ministeru tal-Intern) u intiża sabiex tikseb li l-Administrativen sad Sofia-grad (il-Qorti amministrattiva ta’ Sofia) tiddeċiedi ex officio dwar il-kontinwazzjoni tad-detenzjoni ta’ M. Kadzoev (Huchbarov) fiċ-ċentru speċjali ta’ detenzjoni temporanja ta’ barranin tal-imsemmi direttorat li jinsab f’Busmantsi (iktar ’il quddiem iċ-“ċentru ta’ detenzjoni temporanja”), li jinsab fil-kostitwenza ta’ Sofia.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3        Id-Direttiva 2008/115 ġiet adottata b’mod partikolari abbażi tal-punt (3)(b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 63 KE. Skont it-termini tal-premessa 9 tagħha:

“Skond id-Direttiva tal-Kunsill 2005/85/KE ta’ l-1 ta’ Diċembru 2005 dwar standards minimi għall-proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar ta’ l-istatus ta’ rifuġjat (ĠU L 326, p. 13), ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun applika għal asil fi Stat Membru ma għandux ikun meqjus bħala li qiegħed illegalment fit-territorju ta’ l-Istat Membru sakemm ma tidħolx fis-seħħ deċiżjoni negattiva fir-rigward ta’ l-applikazzjoni jew deċiżjoni li ttemm id-dritt ta’ soġġorn tiegħu jew tagħha biex ifittex asil.”

4        L-Artikolu 15 tad-Direttiva 2008/115, li jaqa’ taħt il-Kapitolu dwar id-detenzjoni għall-għan ta’ tneħħija, huwa fformulat kif ġej:

“1. Dment li ma jistgħux jiġu applikati b’mod effettiv miżuri oħrajn suffiċjenti iżda inqas koersivi fil-każ speċifiku, l-Istati Membri jistgħu biss iżommu f’detenzjoni ċittadin ta’ pajjiż terz, li hu suġġett għal proċeduri ta’ ritorn biex jitħejja r-ritorn u/jew jitwettaq il-proċess ta’ tneħħija, partikolarment meta

a)      jkun hemm riskju ta’ ħarba, jew

b)      iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat jevita jew ifixkel it-tħejjija tar-ritorn jew il-proċess ta’ tneħħija

Kwalunkwe detenzjoni għandha tkun għal perijodu kemm jista’ jkun qasir u għandha tinżamm biss sakemm l-arranġamenti ta’ tneħħija jkunu qed isiru u jitwettqu bid-diliġenza dovuta.

2.      Id-detenzjoni għandha tiġi ordnata minn awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjarji.

Id-detenzjoni għandha tiġi ordnata bil-miktub bir-raġunijiet fil-fatt u fid-dritt.

Meta d-detenzjoni tkun ġiet ordnata minn awtoritajiet amministrattivi, l-Istati Membri għandhom:

a)      jew jipprovdu reviżjoni ġudizzjarja rapida tal-legalità tad-detenzjoni li trid tiġi deċiża malajr kemm jista’ jkun mill-bidu tad-detenzjoni,

b)      jew jagħtu liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat id-dritt li jieħu proċedimenti li permezz tagħhom il-legalità tad-detenzjoni għandha tkun soġġetta għal reviżjoni ġudizzjarja rapida li trid tiġi deċiża malajr kemm jista’ jkun wara l-bidu tal-proċedimenti rilevanti. F’dan il-każ, l-Istati Membri għandhom minnufih jinfurmaw liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat dwar il-possibbiltà li jieħu tali proċedimenti.

Iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat għandu jiġi rilaxxat minnufih jekk id-detenzjoni ma tkunx legali.

3.      F’kull każ, id-detenzjoni għandha tiġi riveduta f’intervalli raġonevoli ta’ żmien jew b’applikazzjoni miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat jew ex officio. Fil-każ ta’ perijodi ta’ detenzjoni mtawla, ir-reviżjonijiet għandhom ikunu soġġetti għas-superviżjoni ta’ awtorità ġudizzjarja.

4.      Meta jkun jidher li ma għadux jeżisti prospett raġonevoli ta’ tneħħija għal konsiderazzjonijiet legali jew oħrajn jew il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 ma għadhomx aktar jeżistu, id-detenzjoni ma tibqax ġustifikata u l-persuna konċernata għandha tkun rilaxxata minnufih.

5.      Id-detenzjoni għandha titkompla għal tul ta’ perijodu meħtieġ biex il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 jiġu sodisfatti u biex tiġi żgurata t-tneħħija b’suċċess. Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi perijodu limitat ta’ detenzjoni, li ma jistax jeċċedi sitt xhur.

6.      L-Istati Membri jistgħu ma jestendux il-perijodu msemmi fil-paragrafu 5 ħlief għal perijodu limitat li ma jeċċedix it-tnax-il xahar oħra skond il-liġi nazzjonali f’każijiet fejn minkejja l-isforzi raġonevoli kollha tagħhom l-operazzjoni ta’ tneħħija tista’ ddum minħabba:

a)      nuqqas ta’ kooperazzjoni miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat, jew

b)      dewmien fil-kisba tad-dokumentazzjoni neċessarja minn pajjiżi terzi”.

5        Skont l-Artikolu 20 tad-Direttiva 2008/115, l-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex ikunu konformi ma’ din id-direttiva, bla ħsara għall-Artikolu 13(4) tagħha, sa mhux iktar tard mill-24 ta’ Diċembru 2010.

6        Skont l-Artikolu 22 ta’ din id-direttiva, din daħlet fis-seħħ fit-13 ta’ Jannar 2009.

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

7        It-traspożizzjoni tad-Direttiva 2008/115 fid-dritt Bulgaru tirriżulta mil-Liġi dwar il-barranin fir-Repubblika tal-Bulgarija (DV Nru 153, tal-1998), kif emendata fil-15 ta’ Mejju 2009 (DV Nru 36, tal-2009, iktar ’il quddiem il-“liġi dwar il-barranin”).

8        Skont il-qorti tar-rinviju, l-Artikolu 15(4) ta’ din id-direttiva għadu ma huwiex traspost fil-leġiżlazzjoni Bulgara.

9        Skont l-Artikolu 44(6) tal-liġi dwar il-barranin, meta miżura amministrattiva obbligatorja ma tistax tiġi applikata għal barrani peress li l-identità tiegħu ma hijiex stabbilita, jew peress li jkun hemm riskju evidenti ta’ dissimulazzjoni, l-organu li jkun adotta din il-miżura jista’ jordna d-detenzjoni temporanja ta’ dan il-barrani f’ċentru ta’ detenzjoni temporanja ta’ barranin, sabiex tiġi organizzata d-deportazzjoni tiegħu fil-fruntiera tar-Repubblika Bulgara jew it-tkeċċija tiegħu.

10      Qabel it-traspożizzjoni tad-Direttiva 2008/115, id-detenzjoni f’ċentru bħal dan ma kinitx limitata b’ebda perijodu ta’ żmien.

11      Attwalment, skont it-termini tal-Artikolu 44(8) tal-Liġi dwar il-barranin, “[i]d-detenzjoni ddum sakemm jibqgħu jeżistu ċ-ċirkustanzi msemmija fil-paragrafu 6, iżda ma tistax taqbeż is-sitt xhur. Eċċezzjonalment, meta persuna tirrifjuta li tikkoopera mal-awtoritajiet kompetenti, b’tali mod li jkun hemm dewmien sabiex jinksibu d-dokumenti indispensabbli għad-deportazzjoni jew għat-tkeċċija, jew il-persuna tikkostitwixxi theddida għas-sigurtà nazzjonali jew għall-ordni pubbliku, il-perijodu ta’ detenzjoni jista’ jiġi estiż għal tnax-il xhar.”

12      L-Artikolu 46a (3) sa (5) tal-liġi dwar il-barranin jipprovdi:

“(3)      Kull sitt xhur, il-kap taċ-ċentru ta’ detenzjoni temporanja tal-barranin jippreżenta lista tal-barranin li damu fiċ-ċentru għal iktar minn sitt xhur minħabba ostakoli għat-tneħħija tagħhom mit-territorju. Il-lista hija mibgħuta lill-qorti amministrattiva tal-post fejn jinsab iċ-ċentru ta’ detenzjoni.

4)      Fl-aħħar tas-sitt xhur tad-detenzjoni f’ċentru ta’ detenzjoni temporanja, il-qorti tiddeċiedi ex officio,in camera dwar l-estensjoni, is-sostituzzjoni jew it-tmiem tad-detenzjoni. Id-deċiżjoni tal-qorti ma tistax tiġi appellata.

5)      Ladarba l-qorti tannulla l-ordni ta’ detenzjoni kkontestata jew tordna l-liberazzjoni tal-barrani, dan huwa immedjatament illiberat miċ-ċentru ta’ detenzjoni temporanja.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

13      Fil-21 ta’ Ottubru 2006, individwu ġie arrestat mill-forzi tal-ordni Bulgari viċin il-fruntiera mat-Turkija. Dan ma kellux dokumenti ta’ identità u ppreżenta ruħu bl-isem ta’ Said Shamilovich Huchbarov, imwieled fil-11 ta’ Frar 1979 fi Groznyï (iċ-Ċeċenja). Huwa ddikkjara li ma riedx li l-konsulat tar-Russja jiġi informat bl-arrest tiegħu.

14      B’deċiżjoni tat-22 ta’ Ottubru 2006, tas-servizzi tal-pulizija kompetenti, ittieħdet miżura amministrattiva obbligatorja ta’ deportazzjoni ta’ din il-persuna.

15      Il-persuna kkonċernata, fit-3 ta’ Novembru 2006, intbagħtet f’detenzjoni fiċ-ċentru ta’ detenzjoni temporanja, sakemm l-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni ssir possibbli, jiġifieri sakemm jinkisbu d-dokumenti li jippermettulha li tivvjaġġa f’pajjiżi oħra u l-garanzija ta’ mezzi finanzjarji biżżejjed sabiex tuża l-mezzi ta’ trasport sabiex tasal iċ-Ċeċenja. L-imsemmija deċiżjoni saret eżekuttiva fis-17 ta’ April 2008, wara stħarriġ ġudizzjarju.

16      Fl-14 ta’ Diċembru 2006, il-persuna kkonċernata ddikkjarat, quddiem l-awtoritajiet taċ-ċentru ta’ detenzjoni temporanja, li l-isem veru tagħha ma kienx Huchbarov, iżda Kadzoev.

17      Matul iż-żewġ proċeduri amministrattivi quddiem l-Administrativen sad Sofia-grad, ġie imressaq att ta’ twelid minn fejn irriżulta li Kadzoev twieled fil-11 ta’ Frar 1979 f’Moska, (l-ex Unjoni Sovjetika), minn missier Ċeċen, Shamil Kadzoev, u omm Ġeorġjana, Loli Elihvari. Madankollu, tressqet ukoll karta tal-identitià provviżorja ta’ ċittadin tar-Repubblika taċ-Ċeċenja‑Ichkeria, valida sal-3 ta’ Frar 2001, li kienet inħarġet f’isem Said Shamilovich Kadzoev, imwieled fil-11 ta’ Frar 1979 fi Groznyï. Minkejja dan, il-persuna kkonċernata baqgħet tippreżenta ruħha quddiem l-awtoritajiet taħt l-ismijiet ta’ Kadzoev jew ta’ Huchbarov.

18      Matul il-perijodu bejn ix-xahar ta’ Jannar tas-sena 2007 u x-xahar ta’ April tas-sena 2008, kien hemm skambju ta’ ittri bejn l-awtoritajiet Bulgari u Russi. Kuntrarjament għall-konvinzjonijiet tal-awtoritajiet Bulgari, l-awtoritajiet Russi sostnew li l-karta tal-identità provviżorja maħruġa f’isem Said Shamilovich Kadzoev inħarġet minn persuni u awtortitajiet mhux magħrufa fil-Federazzjoni tar-Russja u għalhekk, ma setgħetx tiġi kkunsidrata bħala dokument li jipprova ċ-ċittadinanza Russa tal-persuna kkonċernata.

19      Fil-31 ta’ Mejju 2007, matul is-soġġorn tiegħu fiċ-ċentru ta’ detenzjoni temporanja, Kadzoev ressaq talba sabiex jikseb l-istatus ta’ refuġjat. Ir-rikors tiegħu kontra r-rifjut tal-awtoritajiet amministrattivi Bulgari li jilqgħu din it-talba ġie miċħud permezz ta’ deċiżjoni tal-Administrativen sad Sofia-grad tad-9 ta’ Ottubru 2007. Fil-21 ta’ Marzu 2008, il-persuna kkonċernata ressqet it-tieni talba għal ażil, li madankollu rtirat fit-2 ta’ April ta’ wara. Fl-24 ta’ Marzu 2009, Kadzoev ressaq it-tielet talba f’dan is-sens. B’deċiżjoni tal-10 ta’ Lulju 2009, l-Administrativen sad Sofia‑grad ċaħdet it-talba ta’ Kadzoev u rrifjutatlu l-ażil. Din l-aħħar deċiżjoni ma tistax tiġi appellata.

20      Fl-20 ta’ Ġunju 2008, l-avukat ta’ Kadzoev ressaq talba għas-sostituzzjoni tal-miżura ta’ detenzjoni b’miżura iktar ljevi, jiġifieri l-obbligu għal Kadzoev li jiffirma perjodikament reġistru miżmum mill-awtoritajiet tal-pulizija tal-post tar-residenza tiegħu. Meta qiesu li dan ma kellux indirizz effettiv fil-Bulgarija, l-awtoritajiet kompetenti ċaħdu din it-talba minħabba li l-kundizzjonijiet meħtieġa ma kinux sodisfatti.

21      Fit-22 ta’ Ottubru 2008, tressqet talba simili, li wkoll ġiet miċħdua.

22      Waqt proċedura amministrattiva li nbdiet fuq talba ta’ Kadzoev quddiem il-Kummissjoni għall-protezzjoni kontra d-diskriminazzjonijiet u li wasslet għal proċedura quddiem il-Varhoven administrativen sad (Qorti suprema amministrattiva), din tal-aħħar, bħall-imsemmija kummissjoni, ammettiet, fid-deċiżjoni tagħha tat-12 ta’ Marzu 2009, li kien impossibbli li tiġi stabbilita b’mod ċert l-identità u ċ-ċittadinanza ta’ Kadzoev, b’mod li hija kkunsidratu bħala persuna apolida.

23      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, skont iċ-Ċentru ta’ assistenza għas-superstiti tat-tortura, il-Kummissarjat Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-refuġjati u Amnesty International, huwa possibbli li Kadzoev kien vittima ta’ tortura kif ukoll ta’ trattamenti umiljanti u diżumani fil-pajjiż ta’ oriġni tiegħu.

24      Minkejja l-isforz li sar mill-awtoritajiet Bulgari, ċerti organizzazzjonijiet mhux governattivi u Kadzoev stess sabiex jinstab pajjiż terz mhux perikoluż li jista’ jilqgħu, ma ntlaħaq ebda ftehim, u sa issa, għadu ma rċiviex dokumenti sabiex ikun jista’ jivvjaġġa. Fil-fatt, ir-Repubblika tal-Awstrija u l-Ġeorġja, li l-awtoritajiet Bulgari kienu għamlu t-talba lilhom, irrifjutaw li jilqgħu lil Kadzoev. Ir-Repubblika tat-Turkija, li l-awtoritajiet Bulgari kienu għamlu t-talba lilha wkoll, lanqas irrispondiet.

25      L-Administrativen sad Sofia‑grad tippreċiża li Kadzoev għadu miżmum f’detenzjoni fiċ-ċentru ta’ detenzjoni temporanja.

26      Il-kawża prinċipali nbdiet permezz tad-depożitu ta’ att amministrattiv tad-direttur tad-direttorat tal-migrazzjoni fi ħdan il-Ministeru tal-Intern, li jitlob lil din il-qorti sabiex tiddeċiedi ex officio, abbażi tal-Artikolu 46a(3) tal-liġi dwar il-barranin, dwar it-tkomplija tad-detenzjoni ta’ Kadzoev.

27      L-imsemmija qorti tirreleva li, qabel l-emenda tal-liġi dwar il-barranin fir-Repubblika tal-Bulgarija minħabba t-traspożizzjoni tad-Direttiva 2008/115, il-perijodu tad-detenzjoni fiċ-ċentru ta’ detenzjoni temporanja ma kien limitat b’ebda terminu ta’ żmien. Hija tindika li ma jeżistux regoli tranżitorji li jirregolaw is-sitwazzjonijiet fejn deċiżjonijiet ikunu ttieħdu qabel din l-emenda. Għalhekk, il-kwistjoni tal-applikabbiltà tar-regoli l-ġodda li jirriżultaw minn din id-direttiva għat-termini u għar-raġunijiet tal-proroga ta’ dawn it-termini ta’ żmien għandha tiġi interpretata, b’mod partikolari minħabba li, fil-kawża prinċipali, id-dewmien massimu ta’ detenzjoni preskritta mill-imsemmija direttiva kien inqabeż qabel l-adozzjoni tagħha.

28      Barra minn hekk, l-ebda dispożizzjoni espressa ma tippreċiża jekk, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, it-termini ta’ żmien imsemmija fl-Artikolu 15(5) u (6) tad-Direttiva 2008/115 għandhomx jinftiehmu fis-sens li jinkludu l-perijodu li matulu l-barrani kien jinsab f’detenzjoni, meta kienet teżisti projbizzjoni legali ta’ eżekuzzjoni ta’ miżura amministrattiva ta’ “deportazzjoni obbligatorja”, minħabba li kienet inbdiet proċedura minn Kadzoev sabiex jingħata status umanitarju u ta’ refuġjat.

29      Fl-aħħar, l-imsemmija qorti tindika li, jekk jiġi aċċettat il-fatt li ma jeżisti l-ebda “prospett raġonevoli ta’ tneħħija” fis-sens tal-Artikolu 15(4) tad-Direttiva 2008/115, il-kwistjoni tqum dwar jekk għandhiex tiġi ordnata l-liberazzjoni immedjata ta’ Kadzoev.

30      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Administrativen sad Sofia-grad iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)      L-Artikolu 15(5) u (6) tad-Direttiva 2008/115 [...], għandu jiġi interpretat fis-sens li:

a)      meta d-dritt nazzjonali tal-Istat Membru ma jistabbilixxix perijodu massimu ta’ detenzjoni jew motivi għall-estensjoni ta’ detenzjoni qabel it-traspożizzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ din id-direttiva, u meta wara t-traspożizzjoni [tagħha], ma jiġix stabbilit li d-dispożizzjonijiet il-ġodda ser ikollhom effett retroattiv, il-kundizzjonijiet tal-imsemmija direttiva japplikaw biss u jwasslu sabiex il-perijodu jibda jiddekorri minn meta jiġu trasposti fid-dritt nazzjonali tal-Istat Membru?

b)      fil-perijodi stabbiliti ta’ detenzjoni f’ċentru speċjalizzat bil-għan ta’ tneħħija, fis-sens tal-imsemmija direttiva, ma għandux jiġi inkluż il-perijodu li matulu tkun ġiet sospiża l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ tneħħija [mit-territorju] tal-Istat Membru skont dispożizzjoni speċifika, minħabba proċedura pendenti fir-rigward ta’ talba għal ażil magħmula minn ċittadin ta’ pajjiż terz, minkejja li matul din il-proċedura huwa jkun baqa’ jirrisjedi f’dan iċ-ċentru speċjalizzat ta’ detenzjoni, jekk dan ikun permess mil-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru?

2)      L-Artikolu 15(5) u (6) tad-Direttiva 2008/115 […] għandu jiġi interpretat fis-sens li fil-perijodi stabbiliti ta’ detenzjoni f’ċentru speċjalizzat bil-għan ta’ tneħħija, fis-sens tal-imsemmija direttiva, ma għandux jiġi inkluż il-perijodu li matulu tkun ġiet sospiża l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ tneħħija [mit-territorju] tal-Istat Membru skont dispożizzjoni speċifika, minħabba appell pendenti kontra l-imsemmija deċiżjoni, minkejja li matul din il-proċedura huwa jkun baqa’ jirrisjedi f’dan l-istess ċentru speċjalizzat ta’ detenzjoni, meta ċ-ċittadin ma jkollux dokumenti tal-identità validi, u konsegwentement ikun jeżisti dubju dwar l-identità tiegħu jew meta ma jkollux mezzi ta’ għixien jew inkella meta jkollu mġiba aggressiva?

3)      L-Artikolu 15(4) tad-Direttiva 2008/115 […] għandu jiġi interpretat fis-sens li t-tneħħija ma hijiex raġonevolment possibbli meta:

a)      fil-mument li fih ikun qed isir l-istħarriġ tad-detenzjoni mill-qorti, l-Istat li l-persuna kkonċernata tkun ċittadina tiegħu jkun irrifjuta li joħroġilha dokument tal-ivvjaġġar għar-ritorn tagħha u, sa dak il-mument, ma jkunx hemm ftehim ma’ pajjiż terz sabiex il-parti kkonċernata tintlaqa’ hemmhekk, minkejja li l-organizzazzjonijiet amministrattivi tal-Istat Membru jkunu qed jistinkaw sabiex jagħmlu dan?

b)      fil-mument li fih ikun qed isir l-istħarriġ tad-detenzjoni mill-qorti, ikun jeżisti ftehim ta’ riammissjoni konkluż bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istat li l-persuna kkonċernata tkun ċittadina tiegħu, iżda minħabba l-eżistenza ta’ provi ġodda – jiġifieri ċertifikat tat-twelid tal-persuna kkonċernata – l-Istat Membru ma jkunx irrefera għad-dispożizzjonijiet tal-imsemmi ftehim jekk il-persuna kkonċernata ma tkunx tixtieq tirritorna?

c)      il-possibbiltajiet li jiġu estiżi l-perijodi ta’ detenzjoni stabbiliti fl-Artikolu 15(6) tad-Direttiva [2008/115] jkunu ġew eżawriti, fil-każ li ma jkun intlaħaq ebda ftehim ta’ riammissjoni mal-pajjiżi terzi fil-mument li fih ikun qed isir l-istħarriġ tad-detenzjoni mill-qorti, fid-dawl tal-Artikolu 15(6)(b) tal-imsemmija direttiva?

4)      L-Artikolu 15(4) u (6) tad-Direttiva 2008/115 […] għandu jiġu interpretat fis-sens li jekk, fil-mument li fih ikun qed isir l-istħarriġ tad-detenzjoni bil-għan tat-tneħħija taċ-ċittadin lejn pajjiż terz, jiġi kkonstatat li ma jkunx jeżisti motiv raġonevoli għat-tneħħija tagħha u li l-motivi għall-estensjoni tad-detenzjoni tiegħu jkunu ġew eżawriti, f’każ bħal dan:

a)      madankollu ma għandux jiġi ordnat il-ħelsien immedjat tagħha, jekk il-kundizzjonijiet li ġejjin ikunu kollha sodisfatti: il-persuna kkonċernata ma jkollhiex dokument validu tal-identità, irrispettivament mill-perijodu tal-validità tiegħu, bil-konsegwenza li jkun hemm dubju dwar l-identità tagħha, ikollha mġiba aggressiva, ma jkollha ebda mezzi ta’ għixien u ma jkun hemm l-ebda persuna terza li ntrabtet li tiggarantixxi l-għixien tagħha?

b)      fid-dawl tad-deċiżjoni dwar il-ħelsien, għandu jiġi eżaminat jekk iċ-ċittadin tal-pajjiż terz ikollux, b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali tal-Istat Membru, il-mezzi neċessarji sabiex jirrisjedi fit-territorju tal-Istat Membru kif ukoll indirizz li fih ikun jista’ jirrisjedi?”

 Fuq il-proċedura b’urġenza

31      L-Administrativen sad Sofia‑grad talbet li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jkun suġġett għall-proċedura b’urġenza msemmija fl-Artikolu 104b tar-Regoli tal-Proċedura.

32      Il-qorti tar-rinviju mmotivat din it-talba billi sostniet li l-kawża hija dwar jekk Kadzoev għandux jinżamm f’detenzjoni fiċ-ċentru ta’ detenzjoni temporanja jew jekk għandux jiġi liberat. Fid-dawl tas-sitwazzjoni ta’ din il-persuna, l-imsemmija qorti indikat li jkun jaqbel li l-proċedura ma tkunx sospiża għal żmien twil.

33      It-Tieni Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja, wara li semgħet lill-avukat ġenerali, laqgħet it-talba tal-qorti tar-rinviju intiża sabiex tissuġġetta r-rinviju preliminari għall-proċedura b’urġenza u li tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tassenjaha lill-Awla Manja.

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq il-punt (a) tal-ewwel domanda

34      Permezz tal-punt (a) tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment jekk l-Artikolu 15(5) u (6) tad-Direttiva 2008/115, għandux jiġi interpretat fis-sens li l-perijodu massimu ta’ detenzjoni li huwa stabbilit għandux jinkludi wkoll il-perijodu ta’detenzjoni skontat qabel ma s-sistema ta’ din id-direttiva ma tkunx bdiet tiġi applikata.

35      Għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 15(5) u (6) tad-Direttiva 2008/115 jistabbilixxi l-perijodu massimu ta’ detenzjoni għal raġunijiet ta’ tneħħija.

36      Li kieku l-perijodu ta’ detenzjoni għal raġunijiet ta’ tneħħija, skontat qabel ma s-sistema tad-Direttiva 2008/115 ma bdiet tiġi applikata, ma kellux jittieħed inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-perijodu massimu tad-detenzjoni, persuni f’sitwazzjoni bħal dik ta’ Kadzoev ikunu jistgħu jinżammu f’detenzjoni li taqbeż il-limiti massimi stabbiliti fl-Artikolu 15(5) u (6) ta’ din id-direttiva.

37      Tali sitwazzjoni ma hijiex konformi mal-għan intiż mill-imsemmija dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/115, li tikkonsisti fil-garanzija, fi kwalunkwe każ, li d-detenzjoni għal raġunijiet ta’ tneħħija ma taqbiżx it-tmintax-il xahar.

38      Barra minn hekk, l-Artikolu 15(5) u (6) tad-Direttiva 2008/115 japplika immedjatament għall-effetti futuri ta’ sitwazzjoni li nħolqot taħt is-sistema tal-leġiżlazzjoni preċedenti.

39      Għalhekk, ir-risposta għall-punt (a) tal-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 15(5) u (6) tad-Direttiva 2008/115, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-perijodu massimu ta’ detenzjoni msemmi fid-direttiva għandu jinkludi l-perijodu ta’ detenzjoni skontat fil-kuntest ta’ proċedura ta’ tneħħija mibdija qabel ma s-sistema ta’ din id-direttiva ma tkun bdiet tiġi applikata.

 Fuq il-punt (b) tal-ewwel domanda

40      Permezz tal-punt (b) tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, fil-kalkolu tal-perijodu ta’ detenzjoni għal raġunijiet ta’ tneħħija stabbilit fl-Artikolu 15(5) u (6) tad-Direttiva 2008/115, għandux jiġi inkluż il-perijodu li matulu l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ tneħħija ġiet sospiża minħabba l-eżami ta’ talba għal ażil imressqa minn ċittadin ta’ pajjiż terz, meta dan, matul il-proċedura fir-rigward ta’ din it-talba, kompla joqgħod f’dan iċ-ċentru ta’ detenzjoni temporanja.

41      Għandu jiġi mfakkar li l-premessa 9 tad-Direttiva 2008/115 tistabbilixxi li, “Skond id-Direttiva tal-Kunsill 2005/85/KE [...], ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun applika għal asil fi Stat Membru ma għandux ikun meqjus bħala li qiegħed illegalment fit-territorju ta’ l-Istat Membru sakemm ma tidħolx fis-seħħ deċiżjoni negattiva fir-rigward ta’ l-applikazzjoni jew deċiżjoni li ttemm id-dritt ta’ soġġorn tiegħu jew tagħha biex ifittex asil”.

42      Skont l-Artikolu 7(1) u (3) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/9/KE, tas-27 ta’ Jannar 2003, li tistabbilixxi standards minimi għall-akkoljenza ta’ dawk li jfittxu ażil (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 101) dawk li jfittxu ażil jistgħu jiċċaqalqu b’mod liberu fit-territorju tal-Istat Membru li jilqagħhom jew f’żona assenjata lilhom minn dak l-Istat Membru, iżda, jekk ikun neċessarju, l-Istati Membri jistgħu jirrestrinġu applikant għal post partikolari skont il-liġi nazzjonali tagħhom, pereżempju għal raġunijiet ġuridiċi jew raġunijiet ta’ ordni pubbliku.

43      L-Artikolu 21 tad-Direttiva 2003/9 jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li deċiżjonijiet negattivi konnessi mal-għoti ta’ benefiċċji taħt din id-direttiva jew deċiżjonijiet meħuda taħt l-Artikolu 7 tagħha li jolqtu individwalment lil dawk li jfittxu ażil jistgħu jkunu suġġetti għal appell ġewwa l-proċedura pprovduta fil-liġi nazzjonali. Mill-inqas fl-aħħar istanza għandha tingħata l-possibbiltà ta’ appell jew reviżjoni quddiem qorti.

44      Skont l-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2005/85, l-Istati Membri ma għandhomx iżommu persuna f’detenzjoni għas-sempliċi raġuni li huwa jkun applikant għall-ażil u, skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-istess artikolu, fejn applikant għal ażil ikun miżmum f’detenzjoni, l-Istati Membri għandhom jiżguraw il-possibbiltà ta’ reviżjoni ġudizzjarja aċċellerata.

45      Għalhekk, id-detenzjoni għal raġunijiet ta’ tneħħija rregolata mid-Direttiva 2008/115 u d-detenzjoni ordnata fil-konfront ta’ applikant għal ażil, b’mod partikolari skont id-Direttiva 2003/9 u 2005/85 u d-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli, jaqgħu taħt sistemi legali differenti.

46      Hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina jekk is-soġġorn ta’ Kadzoev fiċ-ċentru ta’ detenzjoni temporanja matul il-perijodu fejn kien applikant għal ażil kienx konformi mal-kundizzjonijiet stabbiliti mid-dispożizzjonijiet Komunitarji u nazzjonali fil-qasam tal-ażil.

47      Jekk jirriżulta li l-ebda deċiżjoni ma ttieħdet dwar id-detenzjoni ta’ Kadzoev fiċ-ċentru ta’ detenzjoni temporanja fil-kuntest tal-proċeduri mibdija wara l-applikazzjonijiet għal ażil min-naħa tiegħu, imsemmija fil-punt 19 ta’ din is-sentenza, u li għalhekk id-detenzjoni tiegħu baqgħet ibbażata fuq is-sistema nazzjonali preċedenti ta’ detenzjoni għal raġunijiet ta’ tneħħija jew fuq is-sistema tad-Direttiva 2008/115, il-perijodu ta’ detenzjoni ta’ Kadzoev li jikkorrispondi għall-perijodu meta kienu għaddejjin l-imsemmija proċeduri ta’ ażil għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-perijodu ta’ detenzjoni għal raġunijiet ta’ tneħħija msemmi fl-Artikolu 15(5) u (6) tad-Direttiva 2008/115.

48      Għalhekk, ir-risposta għall-punt (b) tal-ewwel domanda preliminari għandha tkun li l-perijodu li matulu pesuna tkun tqiegħdet f’ċentru ta’ detenzjoni temporanja abbażi ta’ deċiżjoni meħuda skont dispożizzjonijiet nazzjonali u Komunitarji dwar l-applikanti għal ażil m’għandux jiġi kkunsidrat bħala detenzjoni għal raġunijiet ta’ tneħħija skont l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2008/115.

 Fuq it-tieni domanda

49      Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 15(5) u (6) tad-Direttiva 2008/115 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-perijodu li matulu l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ deportazzjoni obbligatorja ġiet sospiża, minħabba proċedura ta’ azzjoni ġudizzjarja ppreżentata mill-persuna kkonċernata kontra din id-deċiżjoni, għandux jittieħed inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-perijodu ta’ detenzjoni għal raġunijiet ta’ tneħħija, peress li filwaqt li kienet għaddejja din il-proċedura, il-persuna kkonċernata kompliet toqgħod f’ċentru ta’ detenzjoni temporanja.

50      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 13(1) u (2) tad-Direttiva 2008/115 jipprovdi, b’mod partikolari, li ċittadin ikkonċernat ta’ pajjiż terz għandu jingħata dritt għal rimedju effettiv li jappella kontra jew li jitlob reviżjoni tad-deċiżjonijiet relatati mar-ritorn quddiem awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva kompetenti jew korp kompetenti, magħmul minn membri imparzjali u li jgawdu minn salvagwardji ta’ indipendenza. Din l-awtorità jew il-korp għandhom is-setgħa li jirrivedu deċiżjonijiet relatati mar-ritorn u jistgħu b’mod partikolari jissospendu temporanjament l-eżekuzzjoni tagħhom, sakemm ma tkunx diġà applikabbli sospensjoni temporanja taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali.

51      Issa, la l-Artikolu 15(5) u (6) tad-Direttiva 2008/115, u l-ebda dispożizzjoni oħra ta’ din id-direttiva ma jippermettu li jiġi kkunsidrat li l-perijodi ta’ detenzjoni għal raġunijiet ta’ deportazzjoni ma jistgħu jiġu inklużi fid-dewmien massimu tad-detenzjoni stabbilita fl-imsemmi Artikolu 15(5) u (6) minħabba s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ tneħħija.

52      B’mod partikolari, għandu jiġi rrilevat li s-sospensjoni tad-deċiżjoni ta’ tneħħija minħabba proċedura ta’ azzjoni ġudizzjarja ppreżentata kontra din id-deċiżjoni ma hijiex fost ir-raġunijiet tal-proroga tal-perijodu ta’ detenzjoni msemmi fl-Artikolu 15(6) tad-Direttiva 2008/115.

53      Għalhekk, il-perijodu ta’ detenzjoni skontat mill-persuna kkonċernata filwaqt li kienet għaddejja l-proċedura li permezz tagħha l-legalità tad-deċiżjoni ta’ tneħħija kienet is-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-iskop tal-kalkolu tal-perijodu massimu ta’ detenzjoni msemmi fl-Artikolu 15(5) u (6) tad-Direttiva 2008/115.

54      Li kieku kien mod ieħor, il-perijodu ta’ detenzjoni għal raġunijiet ta’ tneħħija jista’ jvarja, jekk ikun il-każ b’mod kunsiderevoli, minn każ għall-ieħor fl-istess Stat Membru jew minn Stat għal ieħor, minħabba partikolaritajiet u ċirkustanzi tal-proċeduri ġudizzjarji nazzjonali, liema fatt imur kontra l-għan intiż mill-Artikolu 15(5) u (6) tad-Direttiva 2008/115, li huwa li jiġi ggarantit tul massimu ta’ detenzjoni li jkun komuni għall-Istati Membri.

55      Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mis-sentenza tad-29 ta’ Jannar 2009, Petrosian et (C‑19/08, Ġabra p. I‑495), invokata mill-Gvern Bulgaru. Fil-fatt, f’din is-sentenza dwar l-interpretazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003, tat-18 ta’ Frar 2003, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Stat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6 p. 109), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, meta, fil-kuntest tal-proċedura ta’ trasferiment tal-applikant għal ażil, il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru applikant tipprovdi għall-effett sospensiv ta’ rikors, it-terminu ta’ eżekuzzjoni tat-trasferiment imsemmi fl-Artikolu 20(1)(d) ta’ dan ir-regolament jibda jiddekorri, mhux mid-deċiżjoni ġudizzjarja provviżorja li tissospendi l-applikazzjoni tal-proċedura ta’ trasferiment, iżda sempliċement mid-deċiżjoni ġudizzjarja li tiddeċiedi fuq il-fondatezza tal-proċedura u li ma hijiex suxxettibbli li tostakola din l-applikazzjoni.

56      Tali interpretazzjoni tal-Artikolu 20(1)(d) tar-Regolament Nru 343/2003 ma tistax tiġi trasposta fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 15(5) u (6) tad-Direttiva 2008/115. Fil-fatt, sakemm it-terminu inkwistjoni fis-sentenza Petrosian, iċċitata iktar ’il fuq, jiddetermina ż-żmien disponibbli għall-Istat Membru applikant sabiex jeżegwixxi t-trasferiment ta’ applikant għal ażil lejn l-Istat Membru ospitanti, it-termini massimi msemmija fl-Artikolu 15(5) u (6) tad-Direttiva 2008/115 għandhom l-għan li jillimitaw iċ-ċaħda mil-libertà ta’ individwu. Barra minn hekk, dawn l-aħħar termini jimponu limitu għad-dewmien massimu ta’ detenzjoni għal raġunijiet ta’ tneħħija, u mhux għall-bidu tal-proċedura ta’ tneħħija bħala tali.

57      Għaldaqstant, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 15(5) u (6) tad-Direttiva 2008/115 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-perijodu li matulu l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ deportazzjoni obbligatorja tiġi sospiża, minħabba proċedura ta’ azzjoni ġudizzjarja ppreżentata mill-persuna interessata kontra din id-deċiżjoni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-perijodu ta’ detenzjoni għal raġunijiet ta’ tneħħija, peress li matul il-proċedura, il-persuna interessata kompliet toqgħod f’ċentru ta’ detenzjoni temporanja.

 Fuq it-tielet domanda

58      Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tfittex li jiġi ċċarat, fid-dawl tal-elementi fattwali tal-każ inkwistjoni fil-kawża prinċipali, is-sens tal-Artikolu 15(4) tad-Direttiva 2008/115 u, b’mod partikolari, il-kunċett tal-“prospett raġonevoli ta’ tneħħija”.

 Fuq il-punt (ċ) tat-tielet domanda

59      Permezz tal-punt (ċ) tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 15(4) tad-Direttiva 2008/115 għandux jiġi interpretat fis-sens li ma jeżistix prospett raġonevoli ta’ tneħħija meta l-possibbiltajiet ta’ proroga tat-termini ta’ żmien ta’ detenzjoni msemmija fil-paragrafu (6) tal-istess artikolu jiskadu, fl-ipoteżi fejn l-ebda ftehim ta’ riammissjoni ma jkun ġie konkluż mal-pajjiż terz fil-mument tal-istħarriġ ġudizzjarju tad-detenzjoni tal-persuna kkonċernata.

60      Għandu jiġi rrilevat li, meta t-tul massimu ta’ detenzjoni msemmi fl-Artikolu 15(6) tad-Direttiva 2008/115 jintlaħaq, il-kwistjoni dwar jekk ikunx għadu jeżisti “prospett raġonevoli ta’ tneħħija”, fis-sens tal-paragrafu 4 tal-istess artikolu, ma tqumx. Fil-fatt, f’tali każ, il-persuna kkonċernata għandha, fi kwalunkwe każ, tiġi immedjatament liberata.

61      Għalhekk, l-Artikolu 15(4) tad-Direttiva 2008/115 jista’ jiġi applikat biss sakemm it-termini massimi ta’ detenzjoni msemmija fl-Artikolu 15(5) u (6) ma jkunux skadew.

62      Konsegwentement, ir-risposta għall-punt (ċ) tat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 15(4) tad-Direttiva 2008/115 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma japplikax meta l-possibbiltajiet ta’ proroga tat-termini ta’ żmien ta’ detenzjoni msemmija fl-Artikolu 15(6) tad-Direttiva 2008/115 jiskadu fil-mument tal-istħarriġ ġudizzjarju tad-detenzjoni tal-persuna kkonċernata.

 Fuq il-punti (a) u (b) tat-tielet domanda

63      Fir-rigward tal-punti (a) u (b) tat-tielet domanda, għandu jiġi enfasizzat li, skont l-Artikolu 15(4) tad-Direttiva 2008/115, id-detenzjoni ma tibqax iġġustifikata u l-persuna kkonċernata għandha tiġi immedjatament liberata meta jkun jidher li ma jkunx jeżisti prospett raġonevoli ta’ tneħħija minħabba raġunijiet relatati mas-sistema legali jew raġunijiet oħrajn.

64      Kif jirriżulta mill-Artikolu 15(1) u (5) tad-Direttiva 2008/115, id-detenzjoni ta’ persuna għal raġunijiet ta’ tneħħija tista’ tkompli sakemm id-deċiżjoni ta’ tneħħija tkun għadha teżisti u tkun infurzata bid-diliġenza kollha meħtieġa, sa fejn ikun neċessarju sabiex jiġi ggarantit li t-tneħħija ssir sewwa.

65      Għalhekk, fil-mument tar-rieżami tal-legalità tad-detenzjoni mill-qorti nazzjonali, jidher li jeżisti prospett li t-tneħħija tista’ ssir b’suċċess fid-dawl tat-termini ta’ żmien stabbiliti fl-Artikolu 15(5) u (6) tad-Direttiva 2008/115 sabiex ikun jista’ jiġi kkunsidrat li jeżisti “prospett raġonevoli ta’ tneħħija” fis-sens tal-Artikolu 15(4) ta’ din id-direttiva.

66      Għalhekk, ma jeżistix prospett raġonevoli ta’ tneħħija meta jidher li ma tantx huwa probabbli li l-persuna interessata tintlaqa’ f’pajjiż terz fid-dawl ta’ dawn it-termini ta’ żmien.

67      Għaldaqstant, ir-risposta għall-punti (a) u (b) tat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 15(4) tad-Direttiva 2008/115 għandu jiġi interpretat fis-sens li prospett raġonevoli li t-tneħħija tista’ ssir b’suċċess fid-dawl tat-termini stabbiliti fil-paragrafi 5 u 6 ta’ dan l-istess artikolu jikkorrispondi għal prospett raġonevoli ta’ tneħħija u li dan tal-aħħar ma jkunx jeżisti meta jkun jidher li ma tantx huwa probabbli li l-persuna interessata tintlaqa’ f’pajjiż terz fid-dawl tal-imsemmija termini ta’ żmien.

 Fuq ir-raba’ domanda

68      Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 15(5) u (6) tad-Direttiva 2008/115 jippermettix, minkejja li l-perijodu massimu ta’ detenzjoni previst minn din id-direttiva jkun skada, li l-persuna interessata ma tiġix immedjatament liberata minħabba li ma jkollhiex dokumenti validi, taġixxi b’mod aggressiv u li ma għandhiex mezzi ta’ għixien tagħha u lanqas post fejn toqgħod jew mezzi pprovduti mill-Istat Membru għal dan il-għan.

69      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punti 37, 54 u 61 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 15(5) u (6) tad-Direttiva 2008/115 ma jawtorizza fl-ebda każ li jinqabeż it-terminu ta’ żmien massimu stabbilit f’din id-dispożizzjoni.

70      Il-possibbiltà li persuna tinżamm f’detenzjoni għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku u ta’ sigurtà pubblika ma ssibx bażi fid-Direttiva 2008/115. Għalhekk, l-ebda waħda miċ-ċirkustanzi invokati mill-qorti tar-rinviju ma tista’ tikkostitwixxi fiha nfisha raġuni ta’ detenzjoni skont id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva.

71      Għalhekk, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 15(4) u (6) tad-Direttiva 2008/115 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jippermettix, minkejja li l-perijodu massimu ta’ detenzjoni previst minn din id-direttiva jkun skada, li l-persuna interessata ma tiġix illiberata immedjatament minħabba li ma jkollhiex dokumenti validi, taġixxi b’mod aggressiv u li ma għandhiex mezzi ta’ għixien tagħha u lanqas post fejn toqgħod jew mezzi pprovduti mill-Istat għal dan il-għan.

 Fuq l-ispejjeż

72      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija parti, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 15(5) u (6) tad-Direttiv 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2008, dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-perijodu massimu ta’ detenzjoni msemmi fid-direttiva għandu jinkludi l-perijodu ta’ detenzjoni skontat fil-kuntest ta’ proċedura ta’ tneħħija mibdija qabel ma s-sistema ta’ din id-direttiva ma tkun bdiet tiġi applikata

2)      Il-perijodu li matulu pesuna tkun tqiegħdet f’ċentru ta’ detenzjoni temporanja abbażi ta’ deċiżjoni meħuda skont dispożizzjonijiet nazzjonali u Komunitarji dwar l-applikanti għal ażil m’għandux jiġi kkunsidrat bħala detenzjoni għal raġunijiet ta’ tneħħija skont l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2008/115.

3)      L-Artikolu 15(5) u (6) tad-Direttiva 2008/115 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-perijodu li matulu l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ deportazzjoni obbligatorja tiġi sospiża, minħabba proċedura ta’ azzjoni ġudizzjarja ppreżentata mill-persuna interessata kontra din id-deċiżjoni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-perijodu ta’ detenzjoni għal raġunijiet ta’ tneħħija, peress li matul il-proċedura, il-persuna interessata kompliet toqgħod f’ċentru ta’ detenzjoni temporanja.

4)      L-Artikolu 15(4) tad-Direttiva 2008/115 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma japplikax meta l-possibbiltajiet ta’ proroga tal-perijodi ta’ detenzjoni msemmija fl-Artikolu 15(6) tad-Direttiva 2008/115 jiskadu fil-mument tal-istħarriġ ġudizzjarju tad-detenzjoni tal-persuna kkonċernata.

5)      L-Artikolu 15(4) tad-Direttiva 2008/115 għandu jiġi interpretat fis-sens li prospett raġonevoli li t-tneħħija tista’ ssir b’suċċess fid-dawl tat-termini stabbiliti fil-paragrafi 5 u 6 ta’ dan l-istess artikolu jikkorrispondi għal prospett raġonevoli ta’ tneħħija u li dan tal-aħħar ma jkunx jeżisti meta jkun jidher li ma tantx huwa probabbli li l-persuna interessata tintlaqa’ f’pajjiż terz fid-dawl tal-imsemmija termini ta’ żmien.

6)      L-Artikolu 15(4) u (6) tad-Direttiva 2008/115 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jippermettix, minkejja li l-perijodu massimu ta’ detenzjoni previst minn din id-direttiva jkun skada, li l-persuna interessata ma tiġix illiberata immedjatament minħabba li ma jkollhiex dokumenti validi, taġixxi b’mod aggressiv u li ma għandhiex mezzi ta’ għixien tagħha u lanqas post fejn toqgħod jew mezzi pprovduti mill-Istat għal dan il-għan.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.