KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fl-20 ta’ Mejju 2014 (1)

Kawża C‑202/13

Sean Ambrose McCarthy

Helena Patricia McCarthy Rodriguez

Natasha Caley McCarthy Rodriguez

vs

Secretary of State for the Home Department

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court) (ir-Renju Unit)]

Dritt ta’ dħul u ta’ residenza għal żmien qasir — Ċittadin ta’ Stat terz, membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, li għandu permess ta’ residenza ta’ Stat Membru — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta d-dħul fit-territorju nazzjonali għal kisba minn qabel tal-permess ta’ dħul”





Werrej


I – Introduzzjoni

II – Il-kuntest ġuridiku

A –   Id-dritt tal-Unjoni

1.     It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

2.     Il-Protokoll Nru 20

3.     Id-Direttiva 2004/38

4.     Ir-Regolament (KE) Nru 539/2001

5.     Ir-Regolament (KE) 562/2006

B –   Id-dritt nazzjonali

III – Il-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali

IV – Id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

V –   Analiżi

A –   Dwar l-applikabbiltà tad-Direttiva 2004/38

1.     Osservazzjonijiet preliminari u partikolaritajiet tal-kawża

2.     Analiżi tad-dritt ta’ residenza sekondarju fil-ġurisprudenza riċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja

3.     Applikabbiltà tad-Direttiva 2004/38 fil-każ fejn iċ-ċittadin tal-Unjoni, li għamel użu effettiv u minn qabel mil-libertŕ tiegħu ta’ moviment, imur fi Stat Membru li tiegħu għandu n-nazzjonalitŕ

a)     Ġustifikazzjoni teleoloġika ta’ interpretazzjoni iktar wiesgħa tad-Direttiva 2004/38

i)     Fuq l-assenza ta’ koinċidenza bejn l-Istat Membru li fih għandu l-oriġini tiegħu ċ-ċittadin tal-Unjoni u dak li tiegħu għandu n-nazzjonalità

ii)   Dwar id-direzzjonijiet differenti li fihom imorru ċ-ċittadini tal-Unjoni

b)     Ġabra fil-qosor tal-ġurisprudenza rilevanti li tikkonċerna d-dritt ta’ residenza sekondarju

c)     Konklużjoni intermedjarja

4.     Applikabbiltà tad-Direttiva 2004/38 meta ċ-ċittadin tal-Unjoni, li jagħmel użu effettiv mil-libertŕ tiegħu ta’ moviment billi jirrisjedi fl-Istat Membru ospitanti, jeżerċitaha simultanjament billi jmur fl-Istat Membru li tiegħu għandu n-nazzjonalitŕ: il-każ tad-dritt tad-dħul u ta’ residenza għal żmien qasir

a)     L-eżerċizzju tal-libertŕ ta’ moviment fl-Istat Membru ospitanti, simultanjament mar-residenza fl-Istat Membru li tiegħu ċ-ċittadin tal-Unjoni għandu n-nazzjonalitŕ

b)     L-eżerċizzju tal-libertŕ ta’ moviment wara residenza effettiva fl-Istat Membru ospitanti, imwettaq simultanjament mal-eżerċizzju tad-dritt tad-dħul u ta’ residenza għal żmien qasir fl-Istat Membru li tiegħu ċ-ċittadin tal-Unjoni għandu n-nazzjonalitŕ

c)     Konkużjoni intermedjarja

B –   Fuq l-identifikazzjoni ta’ miżuri li jistgħu jiġu adottati abbażi tal-Artikolu 35 tad-Direttiva 2004/38

1.     Fuq il-kunċett tal-abbuż ta’ dritt fil-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja

2.     Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 35 tad-Direttiva 2004/38 fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja

3.     Fuq l-oġġezzjonijiet allegati mir-Renju Unit

C –   Fuq il-Protokoll Nru 20

VI – Konklużjoni

I –    I – Introduzzjoni

1.        Stat Membru implementa u għadu jżomm fis-seħħ miżura ta’ applikazzjoni ġenerali li teżiġi li ċ-ċittadini ta’ Stati terzi, membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, li jixtiequ jidħlu f’dan l-Istat Membru, għandu jkollhom viża ta’ dħul, maħruġa minn dan tal-aħħar.

2.        Fil-kawża preżenti, il-Qorti tal-Ġustizzja hija adita għall-ewwel darba b’talba għal deċiżjoni preliminari relatata, minn naħa, mal-interpretazzjoni tal-Artikolu 35 tad-Direttiva 2004/38/KE (2) u, min-naħa l-oħra, mal-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 20 anness mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (Trattat FUE) (3).

3.        Sabiex tirrispondi għal din id-domanda, il-Qorti tal-Ġustizzja hija msejħa tippronunċja ruħha, b’mod partikolari, dwar l-applikabbiltà tad-Direttiva 2004/38 għal ċittadina ta’ Stat terz, residenti mal-konjuġi u t-tifla tagħha, ċittadini tal-Unjoni, fi Stat Membru għajr dak li tiegħu dawn tal-aħħar għandhom in-nazzjonalità, li tixtieq takkumpanjahom fl-Istat Membru li tiegħu għandhom in-nazzjonalità, waqt vjaġġi għal żmien qasir. Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ttrattat domanda li hija marbuta mill-viċin ma’ din tal-aħħar fis-sentenza reċenti O. u B. (4), is-soluzzjoni mogħtija f’din is-sentenza ma tidhirx li hija sodisfaċenti fir-rigward taċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ preżenti. Ser nipproponi għalhekk soluzzjoni iktar ġenerali li tippermetti li tiżgura l-koerenza bejn il-kamp tal-applikazzjoni tat-Trattat FUE u dak tad-Direttiva 2004/38.

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt tal-Unjoni

1.      It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

4.        L-Artikolu 20(1) TFUE jistabbilixxi ċ-ċittadinanza tal-Unjoni u jipprovdi li “[k]walunkwe persuna li għandha ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru” hija ċittadina tal-Unjoni. Skont l-Artikolu 20(2)(a), iċ-ċittadini tal-Unjoni għandhom “id-dritt ta’ moviment liberu u d-dritt ta’ residenza libera fit-territorju ta’ l-Istati Membri”.

5.        L-Artikolu 21(1) TFUE jżid li d-dritt japplika “salvi l-limitazzjonijiet u l-kondizzjonijiet stabbiliti fit-Trattati u d-dispożizzjonijiet meħuda sabiex dan jitwettaq”.

2.      Il-Protokoll Nru 20

6.        L-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 20 jipprovdi:

“Ir-Renju Unit għandu jkun intitolat, independentament mill-Artikoli 26 u 77 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta’ l-Unjoni Ewropea, u kull dispożizzjoniji oħra ta’ dak it-Trattat jew tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, kull miżura addottata skond dawk it-Trattati, jew kull ftehim internazzjonali konkluż mill-Unjoni jew mill-Unjoni u l-Istati Membri tagħha ma’ wieħed jew aktar Stati terzi, li jeżerċita fuq il-fruntieri tiegħu ma’ Stati Membri oħra dawk il-kontrolli fuq persuni li jkunu jfittxu li jidħlu fir-Renju Unit bħalma huwa jikkonsidra li jkunu meħtieġa għal dan il-għan:

a)      li jivverifika id-dritt għad-dħul fir-Renju Unit ta’ ċittadini ta’ Stati Membri u tad-dipendenti tagħhom li jeżerċitaw id-drittijiet mogħtija lilhom bil-Liġijiet ta’ l-Unjoni, kif ukoll ta’ ċittadini ta’ Stati oħra li lilhom ingħataw drittijiet bħal dawn bi ftehim li bih huwa marbut ir-Renju Unit, u

b)      li jiddetermina jekk jagħtix jew le lil persuni oħra il-permess li jidħlu fir-Renju Unit.

Xejn fl-Artikoli 26 u 77 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta’ l-Unjoni Ewropea jew f’xi dispożizzjoni oħra ta’ dak it-Trattat jew tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jew f’xi miżura adottata permezz tagħhom m’għandu jippreġudika id-dritt tar-Renju Unit li jadotta jew jeżerċita dawn il-kontrolli. Referenzi għar-Renju Unit f’dan l-Artikolu għandhom jinkludu territorji li r-Renju Unit huwa responsabbli għar-relazzjonijiet esterni tagħhom.”

3.      Id-Direttiva 2004/38

7.        Mill-premessa 5 ta’ din id-direttiva jirriżulta li “[i]d-dritt taċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni li jiċċaqalu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri għandu, jekk se jiġi eżerċitat taħt il-kondizzjonijiet objettivi tal-libertà u d-dinjità, jingħata wkoll lill-membri tal-familja tagħhom, irrispettivament miċ-ċittadinanza”.

8.        Skont il-premessa 28 tad-Direttiva 2004/38, “[b]iex jipproteġu kontra abbuż tad-drittijiet jew ta’ frodi, notevolment żwiġijet ta’ konvenjenza jew kwalunkwe forma oħra ta’ relazzjonijiet kuntrattwali għall-uniku skop biex jitgawda d-dritt ta’ moviment liberu u residenza, l-Istati Membri għandu jkollhom il-possibilità li jadottaw il-miżuri neċessarji”.

9.        Għal dak li għandu x’jaqsam mal-kamp ta’ applikazzjoni personali tad-Direttiva 2004/38, l-Artikolu 3(1), intitolat “Benefiċjarji”, jipprovdi:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għaċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni li jiċċaqilqu jew li jgħixu fi Stat Membru għajr iċ-ċittadini ta’ l-istess Stat Membru, u għall-membri tal-familja tagħhom kif imfissra fil-punt 2 ta’ l-Artikolu 2 li jakkumpanjawhom jew li jingħaqdu magħhom.”

10.      Għal dak li għandu x’jaqsam mad-dritt tad-dħul taċ-ċittadini tal-Unjoni u ta’ membri tal-familja tagħhom, li huma ċittadini ta’ Stati terzi, l-Artikolu 5(1) u (2) tad-Direttiva 2004/38 jipprovdi:

“1.      Mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet dwar dokumenti ta’ vjaġġar applikabbli fil-kontrolli tal-fruntieri nazzjonali, l-Istati Membri għandhom iħallu jidħlu fit-territorju tagħhom iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni li għandhom karta ta’ l-identità jew passaport li huma validi, kif ukoll lill-membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru li għandhom passaport validu.

L-ebda visa ta’ dħul jew formalità ekwivalenti m’għandha tiġi mposta fuq iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni.

2.      Il-membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru għandhom jiġu mitluba biss li jkollhom visa ta’ dħul skond ir-Regolament (KE) Nru 539/2001 jew, fejn xieraq, skond il-liġi nazzjonali. Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, il-pussess ta’ karta ta’ residenza valida msemmija [permess ta’ residenza validu msemmi] fl-Artikolu 10 għandu jeżenta lil dawn il-membri tal-familja mill-ħtieġa ta’ visa.

L-Istati Membri għandhom jawtorizzaw lil dawn il-persuni kull faċilità biex jiksbu l-visas neċessarji. Dawn il-visas għandhom jinħarġu b’xejn kemm jista’ jkun malajr u skond il-proċedura aċċelerata.”

11.      Għal dak li għandu x’jaqsam mad-dritt ta’ residenza u mal-ħruġ tal-permess ta’ residenza lil membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li huma ċittadini ta’ Stat terz, l-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva jistabbilixxi:

“1.      Id-dritt ta’ residenza tal-membri tal-familja ta’ ċittadin ta’ l-Unjoni li m’għandhomx ċittadinanza ta’ Stat membru għandu jissaħħaħ bil-ħruġ ta’ dokument imsejjaħ ‘Karta ta’ residenza [Permess ta’ residenza] ta’ membru ta’ familja taċ-ċittadin ta’ l-Unjoni’ mhux aktar tard minn sitt xhur mid-data li fiha jippreżentaw l-applikazzjoni. Għandu immedjatament jinħareġ ċertifikat ta’ applikazzjoni għall-karta ta’ residenza.

2.      Biex tinħareġ il-karta ta’ residenza [permess ta’ residenza], l-Istati Membri għandhom jippreżentaw id-dokumenti li ġejjin:

a)      passaport validu;

b)      dokument li juri l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ familja jew ta’ unjoni reġistrata;

ċ)      iċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni jew, fin-nuqqas ta’ sistema ta’reġistrazzjoni, kwalunkwe evidenza oħra ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti taċ-ċittadin ta’ l-Unjoni li qiegħdin jakkumpanjaw jew li se jingħaqdu miegħu;

d)      fil-każijiet li jaqgħu taħt il-punti (ċ) u (d) ta’ l-Artikolu 2(2), l-evidenza dokumentata li qed jintlaħqu l-kondizzjonijiet stabbiliti;

e)      fil-każijiet li jaqgħu taħt l-Artikolu 3(2)(a), dokument maħruġ mill-awtorità rilevanti tal-pajjiż ta’ oriġini jew tal-pajjiż li ġejjin minnu li jiċċertifika li huma dipendenti jew membri tan-nukleu familjari taċ-ċittadin ta’ l-Unjoni, jew evidenza ta’ l-eżistenza ta’ raġunijiet serji ta’ saħħa li jeħtieġu l-kura personali tal-membru tal-familja miċ-ċittadin ta’ l-Unjoni jew evidenza ta’ l-eżistenza ta’ raġunijiet serji ta’ saħħa li jeħtieġu l-kura personali tal-membru tal-familja miċ-ċittadin ta’ l-Unjoni;

f)      f’każijiet li jaqgħu taħt l-Artikolu 3(2)(b), evidenza ta’ l-eżistenza ta’ relazzjoni stabbli maċ-ċittadin ta’ l-Unjoni.”

12.      Skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2004/38, il-permess ta’ residenza maħruġ abbażi tal-Artikolu 10(1) għandu, fil-prinċipju, perijodu ta’ validità ta’ ħames snin. L-Artikoli 12 sa 15 jistabbilixxu regoli dwar iż-żamma u t-telf tad-dritt ta’ residenza ta’ membri tal-familja taċ-ċittadin tal-Unjoni.

13.      Għal dak li għandu x’jaqsam mal-adozzjoni ta’ miżuri kontra l-abbuż potenzjali tad-drittijiet konċessi permezz tad-Direttiva 2004/38, l-Artikolu 35 jipprovdi:

“L-Istati Membri jistgħu jadottaw il-miżuri neċessarji biex jirrifjutaw, itemmu jew jirrevokaw kwalunkwe dritt mogħti b’din id-Direttiva f’każ ta’ abbuż jew frodi, bħal żwiġijiet ta’ konvenjenza. Kwalunkwe miżura bħal din għandha tkun proporzjonata u bla ħsara għall-garanziji proċedurali previsti fl-Artikoli 30 u 31.”

4.      Ir-Regolament (KE) Nru 539/2001

14.      Il-premessa 4 tar-Regolament (KE) Nru 539/2001 (5) jistabbilixxi li, “[b]is-saħħa ta’ l-Artikolu 1 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda anness mat-Trattat ta’ l-Unjonu Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, l-Irlanda u r-Renju Unit m’humiex jipparteċipaw fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament. Konsegwentament u mingħajr preġudizzju ta’ l-Artikolu 4 tal-Protokoll imsemmi qabel, id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament ma japplkaw la għall-Irlanda u anqas għar-Renju Unit”.

5.      Ir-Regolament (KE) 562/2006

15.      Ir-Regolament (KE)Nru 562/2006 (6) jistabbilixxi l-assenza ta’ kontrolli fuq il-fruntieri ta’ persuni li jkunu qegħdin jaqsmu l-fruntieri interni bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u jistabbilixxi r-regoli applikabbli għal kontrolli ta’ persuni li jkunu qegħdin jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea. Skont il-premessa 27 tiegħu, dan ir-regolament “jikkostitwixxi żvilupp tad-disposizzjonijiet ta’ l-acquis ta’ Schengen li fihom ir-Renju Unit ma jieħux parti, skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta’ Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq biex jieħu sehem f’xi wħud mid-disposizzjonijiet ta’ l-acquis ta’ Schengen [...]. Ir-Renju Unit għaldaqstant mhux qed jieħu sehem fl-adozzjoni tiegħu u mhux marbut bih jew soġġett għall-applikazzjoni tiegħu”.

B –    Id-dritt nazzjonali

16.      Għal dak li għandu x’jaqsam mad-dritt tad-dħul ta’ ċittadini ta’ Stat terz li huma membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, l-Artikolu 11(2)(3)(4) tar-Regolament tal-2006 dwar l-Immigrazzjoni (Żona Ekonomika Ewropea) [“Immigration (European Economic Area) Regulations 2006/1003”, iktar ʼil quddiem ir-“regolament dwar l-immigrazzjoni”] jipprovdi:

“(2) Persuna li ma hijiex ċittadina taż-ŻEE għadha titħalla tidħol fir-Renju Unit jekk għandha l-kwalità ta’ membru tal-familja ta’ ċittadin taż-ŻEE, ta’ membru tal-familja li żamm id-dritt tar-residenza, jew ta’ persuna li għandha d-dritt tar-residenza permanenti skont l-Artikolu 15 u li mal-wasla tagħha tippreżenta:

a)      passaport validu, u

b)      permess tal-familja ŻEE, permess ta’ residenza jew permess ta’ residenza permanenti.

(3) L-uffiċjal tad-dipartiment tal-immigrazzjoni ma jistax jagħmel timbru fuq il-passaport ta’ persuna li ma hijiex ċittadina taż-ŻEE li daħlet fir-Renju Unit skont l-artikolu preżenti, jekk din tal-aħħar tippreżenta permess ta’ residenza jew permess ta’ residenza permanenti.

(4) Qabel ma persuna tiġi mċaħħda, bl-applikazzjoni tal-artikolu preżenti, mid-dħul fir-Renju Unit, għar-raġuni li din tal-aħħar ma tkunx ippreżentat, mal-wasla tagħha, wieħed mid-dokumenti msemmija fil-punti (1) u (2), l-uffiċjal tad-dipartiment tal-immigrazzjoni għandu jipprovdi lil din il-persuna l-mezzi kollha possibbli biex jippermettilha tikseb jew biex tkun tista’ takkwista, fi żmien raġonevoli, id-dokumenti, jew biex tipprova, b’mod ieħor, il-kwalità tagħha ta’

a)      ċittadina taż-ŻEE;

b)      membru tal-familja ta’ ċittadin taż-ŻEE li għandu d-dritt li jakkumpanja lil dan iċ-ċittadin jew li jingħaqad miegħu fir-Renju Unit, jew

c)      membru tal-familja li żamm id-dritt ta’ residenza jew persuna li għandha d-dritt tar-residenza permanenti […]”

17.      Għal dak li għandu x’jaqsam mal-ħruġ tal-permess tal-familja ŻEE, imsemmi fl-Artikolu 11 tar-Regolament dwar l-Immigrazzjoni, l-Artikolu 12(1)(4) u (5) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“(1) L-uffiċjal inkarigat mill-eżami tat-talbiet għall-permess tad-dħul, għandu joħroġ il-permess tal-familja ŻEE lil kull persuna, membru tal-familja ta’ ċittadin taż-ŻEE, li jkun qed jitlob dan il-permess, kemm-il darba

a)      iċ-ċittadin taż-ŻEE:

i)      jirrisjedi fir-Renju Unit b’mod konformi mar-regolament preżenti, jew

ii)      ikun sejjer ir-Renju Unit fi żmien sitt xhur minn meta ssir it-talba u huwa ċittadin taż-ŻEE li jirrisjedi fir-Renju Unit skont il-preżenti regolament mal-wasla tiegħu fir-Renju Unit; u kemm-il darba

b)      il-membru tal-familja ikun qed jakkompanja liċ-ċittadin ta-ŻEE fir-Renju Unit jew ikun ser jingħaqad miegħu hemmhekk u

i)      jirrisjedi legalment fi Stat taż-ŻEE, jew

ii)      jissodisfa ir-rekwiżiti, stabbiliti permezz tar-regoli fil-qasam tal-immigrazzjoni (għajr dawk relatati mal-permess tad-dħul), dwar l-awtorizzazzjoni għad-dħul fir-Renju Unit bħala membru tal-familja ta’ ċittadin taż-ŻEE jew, fil-każ ta’ dixxendenti diretti jew ta’ axxendenti diretti tal-konjuġi tiegħu jew tas-sieħeb irreġistrat li minnhom huma nkarigati, bħala membru tal-familja tal-konjuġi tiegħu jew tas-sieħeb tiegħu rreġistrat, għal każ fejn iċ-ċittadin taż-ŻEE jew il-konjuġi jew is-sieħeb irreġistrat, ikun preżenti u stabbilit fir-Renju Unit.

(4) Il-permess tal-familja ŻEE maħruġ skont l-artikolu preżenti huwa mingħajr ħlas u għandu jinħareġ fl-iqsar żmien possibbli.

(5) Madankollu, il-permess tal-familja ŻEE ma jkunx jista’ jinħareġ skont dan l-artikolu jekk il-persuna li tkun qed titlob il-ħruġ jew iċ-ċittadin taż-ŻEE kkonċernat ikollu jitkeċċa mir-Renju Unit għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika skont l-Artikolu 21.”

III – Il-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali

18.      Sean Ambrose McCarthy għandu n-nazzjonalità doppja Britannika u Irlandiża (7). Huwa miżżewweġ lil ċittadina Kolumbjana u l-koppja għandha tifla.

19.      Skont kif ippreċiżat mir-rappreżentanti tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, S. McCarthy għandu l-istatus ta’ “suġġett Britanniku bid-dritt tar-residenza fir-Renju Unit” (8). Dan l-istatus jirriżulta mit-twelid tiegħu fl-Irlanda qabel id-dħul fis-seħħ tal-Liġi dwar in-Nazzjonalità Britannika tal-1948 (9).

20.      Barra minn hekk, mill-osservazzjonijiet ippreżentati waqt is-seduta li S. McCarthy irrisjeda fl-Irlanda għal tnejn u ħamsin sena, filwaqt li rrisjeda fir-Renju Unit għal sitt snin biss, bejn l-1967 u l-1973.

21.      Għal dak li għandu x’jaqsam mat-tifla tiegħu, in-nazzjonalità doppja tagħha Britannika u Irlandiża tirriżulta kemm mill-istatus ta’ missierha kif ukoll mit-twelid tagħha fir-Renju Unit, Stat Membru li fih mandankollu qatt ma rrisjediet.

22.      Helena Patricia McCarthy għandha permess ta’ residenza ta’ membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, maħruġ mill-awtoritajiet Spanjoli abbażi tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/38(10).

23.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ilhom jirrisjedu fi Spanja mix-xahar ta’ Mejju 2010, fejn għandhom dar. Għandhom dar ukoll fir-Renju Unit, fejn imorru regolarment.

24.      Skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali fil-qasam tal-immigrazzjoni, sabiex ikunu jistgħu jidħlu fir-Renju Unit, il-persuni li jkollhom permess ta’ residenza għandhom jitolbu permess tad-dħul (il-“permess tal-familja ŻEE”), li huwa validu għal perijodu ta’ sitt xhur. Dan il-permess tal-familja jista’ jiġġeded bil-kundizzjoni li l-persuna li għandha l-permess tmur personalment f’missjoni diplomatika tar-Renju Unit barra r-Renju Unit u timla formola li jkun fiha d-dettalji relatati mar-riżorsi u mas-sitwazzjoni professjonali tal-applikant.

25.      Fi Spanja, peress li s-sede tal-missjoni diplomatika tar-Renju Unit tinsab f’Madrid, H. McCarthy jkollha tmur minn Marbella, fejn tgħix il-familja, sa Madrid kull darba li tkun tixtieq iġġedded il-permess tagħha tal-familja biex tkun tista’ tmur ir-Renju Unit mal-familja tagħha. Ġralha li hija ma tħallietx titla fuq it-titjiriet għar-Renju Unit meta ppreżentat biss il-permess tagħha ta’ residenza, mingħajr il-permess tal-familja.

26.      Fil-fatt, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, is-Secretary of State for the Home Department (11) (iktar ʼil quddiem “Secretary of State”) ippubblika struzzjonijiet għall-attenzjoni tat-trasportaturi li jittrasportaw persuni lejn ir-Renju Unit. Dawn l-istruzzjonijiet jinċitaw lil dawn tal-aħħar sabiex ma jittrasportawx passiġġieri li huma ċittadini ta’ Stat terz, jekk ma jkollhomx fil-pussess tagħhom permess ta’ residenza maħruġ mill-awtoritajiet tar-Renju Unit jew dokumenti tal-ivvjaġġar, bħalma huwa l-permess tal-familja ŻEE li jkun validu (12).

27.      Fis-6 ta’ Jannar 2012, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw rikors quddiem il-qorti tar-rinviju kontra r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq bl-għan li jiġi ddikjarat li dan tal-aħħar naqas mill-obbligu tiegħu li jittrasponi b’mod korrett, fl-ordinament ġuridiku tiegħu, l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2004/38. Huma saħqu li n-nuqqas tat-traspożizzjoni korretta, mir-Renju Unit, tal-imsemmija dispożizzjoni u l-pubblikazzjoni tal-istruzzjonijiet għall-attenzjoni tat-trasportaturi, kienu jippreġudikaw serjament id-drittijiet tagħhom ta’ moviment liberu.

28.      F’dan ir-rigward, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tal-qorti tar-rinviju, fit-22 ta’ Ġunju 2011 il-Kummissjoni Ewropea indirizzat, skont l-Artikolu 258 TFUE, ittra ta’ intimazzjoni lir-Renju Unit, fejn ikkonkludiet li l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2004/38 ma kienx ġie traspost b’mod korrett. Ir-Renju Unit ta t-tweġiba tiegħu fit-22 ta’ Settembru 2011. Fis-26 ta’ April 2012 il-Kummissjoni indirizzat opinjoni motivata lir-Renju Unit fl-istess sens, li għaliha r-Renju Unit ta tweġiba fl-24 ta’ Lulju 2012.

29.      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta wkoll li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali allegaw, b’mod partikolari, li l-kundizzjonijiet tas-sistema tal-permess tal-familja, applikati fir-rigward tal-persuni li għandhom permessi ta’ residenza, kienu jinvolvu spiża għolja u kienu jġibu magħhom inkonvenjenzi għall-familja (13).

30.      Permezz ta’ ftehim bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali, H. McCarthy kisbet, quddiem il-qorti tar-rinviju, l-adozzjoni ta’ miżuri provviżorji, li jeżiġu t-tiġdid tal-permess tal-familja fuq talba bil-miktub mibgħuta bil-posta lill-missjoni diplomatika ta’ Madrid, mingħajr ma jkun meħtieġ li din tmur hemmhekk personalment.

31.      Min-naħa tiegħu, is-Secretary of State sostna li r-regolament dwar l-immigrazzjoni ma kienx jimplementa l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2004/38 u li kien iġġustifikat bħala miżura meħtieġa abbażi tal-Artikolu 35 ta’ din l-istess direttiva, kif ukoll bħala miżura ta’ kontroll fis-sens tal-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 20. Saħaq li kien meħtieġ li titqies l-assenza ta’ uniformità fil-format applikabbli għal permessi ta’ residenza imsemmija fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/38. B’mod partikolari, dawn il-permessi ta’ residenza ma jkunux tradotti bl-Ingliż u jistgħu jiġu ffalsifikati (14). Barra minn hemm, teżisti “problema sistematika ta’ abbuż tad-dritt u ta’ frodi” kommess miċ-ċittadini ta’ Stati terzi (15). Is-Secretary of State ippreżenta provi f’dan ir-rigward lill-qorti tar-rinviju (16).

32.      Wara li evalwat dawn il-provi, il-qorti tar-rinviju kkonkludiet li kienet tikkondividi l-istess preokkupazzjonijiet tas-Secretary of State dwar abbuż ta’ dritt.

IV – Id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

33.      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-qorti tar-rinviju ddeċidiet, permezz ta’ sentenza tal-25 ta’ Jannar 2013, li waslet fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta’ April 2013, li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 35 [tad-Direttiva 2004/38] jippermetti lil Stat Membru jadotta miżura ta’ applikazzjoni ġenerali sabiex jirrifjuta, jannulla jew jirtira d-dritt, mogħti mill-Artikolu 5(2) ta’ din id-direttiva lill-membri tal-familja li ma għandhomx in-nazzjonalità ta’ Stat Membru u li għandhom permess ta’ residenza [...] li għadu validu maħruġ skont l-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva, li jibbenefikaw mill-eżenzjoni mill-obbligu li jiksbu viża?

2)      L-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 20 dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti aspetti tal-Artikolu 26 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għar-Renju Unit u għall-Irlanda jippermetti lir-Renju Unit jimponi fuq il-proprjetarji ta’ permess ta’ residenza li jkollhom viża tad-dħul li għandha tinkiseb qabel il-wasla mal-fruntiera?

3)      Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel jew għat-tieni domanda, il-pożizzjoni tar-Renju Unit relatata mal-proprjetarji ta’ permessi ta’ residenza hija ġġustifikata f’dan il-każ, fid-dawl tal-elementi miġbura fil-qosor fid-digriet tal-qorti tar-rinviju?”

34.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, mir-Repubblika Ellenika, mir-Renju ta’ Spanja, mir-Repubblika tal-Polonja, mir-Repubblika Slovakka, mir-Renju Unit kif ukoll mill-Kummissjoni.

35.      Saru wkoll sottomissjonijiet orali mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, mir-Repubblika Ellenika, mir-Renju ta’ Spanja, mir-Renju Unit kif ukoll mill-Kummissjoni, waqt is-seduta tal-4 ta’ Marzu 2014.

V –    Analiżi

36.      It-talba għal deċiżjoni preliminari għandha l-għan, fis-sustanza, li tistabbilixxi jekk l-Artikolu 35 tad-Direttiva 2004/38 u l-Protokoll Nru 20 jippermettix lir-Renju Unit jadotta miżuri bħalma huma dawk fil-kawża prinċipali, li jissuġġetaw, b’mod ġenerali, id-dritt tad-dħul fir-Renju Unit ta’ ċittadini ta’ Stat terz, li għandhom permess ta’ residenza ta’ membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, għall-kisba minn qabel ta’ viża tad-dħul.

37.      Iktar ʼil quddiem ser neżamina, l-ewwel nett, jekk persuna li tinsab f’sitwazzjoni bħal dik ta’ H. McCarthy tistax tibbenefika mid-dispożizzjonijiet tad-dritt sekondarju li, taħt ċerti kundizzjonijiet, jeżentaw mill-obbligu li tinkiseb viża tad-dħul lill-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li ma għandhomx in-nazzjonalità ta’ Stat Membru. Jekk tingħata risposta fl-affermattiv għal din id-domanda, ser neżamina sussegwentement il-punt dwar jekk ir-Renju Unit għandux id-dritt li jimponi, abbażi tal-Artikolu 35 tad-Direttiva 2004/38, fuq iċ-ċittadini ta’ Stati terzi li huma membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni u li għandhom permess ta’ residenza fis-sens tal-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva, maħruġ minn Stat Membru ieħor, l-obbligu li jkollhom it-“titolu tal-familja” sabiex ikunu jistgħu jidħlu fir-Renju Unit. Fl-aħħar nett ser niddiskuti din l-istess kwistjoni, iżda din id-darba fir-rigward tal-Protokoll Nru 20.

A –    Dwar l-applikabbiltà tad-Direttiva 2004/38

38.      Irid jiġi ppreċiżat l-ewwel nett li l-partijiet u l-intervenjenti, bl-eċċezzjoni tar-Renju Unit, ma kkontestawx l-applikabbiltà tad-Direttiva 2004/38, la fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom u lanqas fis-sottomissjonijiet orali waqt is-seduta (17). U, anki jekk ir-Renju Unit ċertament li kkontesta b’mod ċirkustanzjali l-applikabbiltà tad-direttiva waqt is-seduta, xorta japplikaha fil-każ preżenti. Il-qorti tar-rinviju lanqas ma tqajjem din il-kwistjoni. Fil-fatt, hija wkoll sejset ir-raġunament tagħha fuq l-applikabbiltà tad-direttiva. Inqis madankollu li din hija kwistjoni li jixirqilha li tiġi eżaminata.

1.      Osservazzjonijiet preliminari u partikolaritajiet tal-kawża

39.      Meta introduċa ċ-ċittadinanza tal-Unjoni fl-1992 (18), it-Trattat ta’ Maastricht kien il-milja ta’ evoluzzjoni twila (19). Bejn l-“Ewropa taċ-ċittadini” (20), dibattuta fis-snin 70 u 80, u ċ-ċittadinanza attwali tal-Unjoni, kien hemm żvilupp twil, li ġie ispirat, b’mod partikolari, mid-drittijiet ta’ moviment liberu u ta’ residenza fit-territorju tal-Istati Membri. Iċ-ċittadinanza tal-Unjoni tirrappreżenta llum il-ġurnata l-istatus tat-totalità taċ-ċittadini, ikunux ekonomikament attivi (21) je le (22). L-introduzzjoni tagħha fit-trattati għalhekk tat leġittimità lill-proċess ta’ integrazzjoni Ewropea billi saħħet il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini.

40.      Minn dak iż-żmien, iċ-ċittadini tal-Unjoni li jiċċaqilqu fit-territorju tal-Istati Membri mhux biss jintegraw iċ-ċaqliq fil-qalba tal-ħajja tagħhom ta’ kuljum, iżda jaraw fiha wkoll element ċentrali tal-idea li jifformaw tagħhom infushom bħala ċittadini tal-Unjoni. Fil-fatt, id-drittijiet u l-obbligi kollha li ngħataw huma jew il-membri tal-familja tagħhom, jiffaċilitaw b’mod partikolari il-moviment tagħhom, ir-residenza tagħhom, l-aċċess għall-istudji, l-impjieg li jfittxu jew ix-xogħol tagħhom. Iċ-ċittadinanza tagħhom tikkostitwixxi għalhekk element essenzjali tal-identità Ewropea tagħhom (23).

41.      Fis-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, H. McCarthy, ċittadina ta’ Stat terz, tixtieq tikseb id-dritt tad-dħul fl-Istat Membru li tiegħu għandhom in-nazzjonalità l-konjuġi tagħha u bintha, jiġifieri fir-Renju Unit, sabiex tkun tista’ takkumpanjahom, b’mod partikolari meta jmorru hemmhekk għal vjaġġi qosra.

42.      Barra minn hekk, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali stabbilixxew ruħhom fi Stat Membru għajr dak li tiegħu S. McCarthy għandu ċ-ċittadinanza, fil-każ preżenti, fi Spanja, u l-awtoritajiet Spanjoli ħarġu, favur H. McCarthy, permess ta’ residenza abbażi tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/38.

43.      Il-vjaġġi inkwistjoni huma għalhekk vjaġġi qosra lejn l-Istat Membru li tiegħu għandhom in-nazzjonalità S. McCarthy u t-tifla tiegħu, ċittadini tal-Unjoni li għamlu użu mid-dritt tagħhom ta’ moviment liberu.

44.      Jeħtieġ li wieħed jinnota hawnhekk li waqt is-seduta ġie ppreċiżat, kif jirriżulta mill-punti 19 sa 21 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li n-nazzjonalità doppja Britannika u Irlandiża ta’ S. McCarthy u ta’ bintu tirriżulta minn ċirkustanzi storiċi partikolari.

45.      Madankollu, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, il-kwistjoni dwar jekk persuna għandhiex jew le n-nazzjonalità ta’ Stat Membru jew ieħor tiddependi biss mill-kontenut tad-dritt nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat (24). F’dan ir-rigward il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li “[i]d-definizzjoni tal-kundizzjonijiet għall-akkwist u għat-telf tan-nazzjonalità taqa’, skond id-dritt internazzjonali, fil-kompetenza ta’ kull Stat Membru” (25).

46.      Konsegwentement, skont id-dikjarazzjoni tal-1983 (26), u għall-finijiet tad-dritt tal-Unjoni, S. McCarthy u t-tifla tiegħu huma ċittadini Britanniċi (27).

2.      Analiżi tad-dritt ta’ residenza sekondarju fil-ġurisprudenza riċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja 

47.      Sabiex jiġi stabbilit jekk dritt ta’ residenza sekondarju jistax jissejjes fuq id-Direttiva 2004/38, jeħtieġ li wieħed jitlaq mill-Artikolu 3 tiegħu. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-ġurisprudenza tagħha, tat interpretazzjoni litterali, sistematika u teleoloġika ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, li kkonfermat fis-sentenza riċenti ħafna tagħha O. U B. (28).

48.      Fil-fatt, fir-raġunament tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li, minn naħa, għalkemm l-Artikolu 21 TFUE jipprovdi li kull ċittadin tal-Unjoni għandu d-dritt li jmur minn post għall-ieħor u li joqgħod liberament fit-territorju tal-Istati Membri, dan id-dritt ma huwiex assolut, iżda għandu jiġi eżerċitat, skont dan l-Artikolu, “salvi l-limitazzjonijiet u l-kondizzjonijiet stabbiliti fit-Trattati u d-dispożizzjonijiet meħuda sabiex dan jitwettaq” (29). Hija fakkret, min-naħa l-oħra, għal dak li għandu x’jaqsam mad-Direttiva 2004/38, li din tal-aħħar għandha l-għan li tiffaċilita l-eżerċizzju tad-dritt fundamentali u individwali li wieħed jiċċaqlaq u jirrisjedi liberament fit-territorju tal-Istati Membri, li jingħata direttament liċ-ċittadini tal-Unjoni permezz tal-Artikolu 21(1) TFUE u li din id-direttiva għandha l-għan, b’mod partikolari, li ssaħħaħ l-imsemmi dritt (30).

49.      B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li la l-Artikolu 21(1) TFUE u lanqas id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38 ma jagħtu xi dritt awtonomu liċ-ċittadini ta’ Stati terzi. Fil-fatt, id-drittijiet eventwali mogħtija liċ-ċittadini ta’ Stati terzi mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jikkonċernaw iċ-ċittadinanza tal-Unjoni ma humiex drittijiet proprji tal-imsemmija ċittadini, iżda drittijiet derivati mill-eżerċizzju tal-moviment liberu minn ċittadin tal-Unjoni (31).

50.      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li, kif jirriżulta minn interpretazzjoni litterali, sistematika u teleoloġika tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38, dawn tal-aħħar ma jippermettux li jiġi msejjes dritt ta’ residenza sekondarju favur ċittadini ta’ Stati terzi, membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, fl-Istat Membru li tiegħu ċ-ċittadin għandu n-nazzjonalità (32). Iktar preċiżament, il-kamp tal-applikazzjoni personali tad-Direttiva 2004/38 huwa ddeterminat mill-Artikolu 3(1) tiegħu, li jipprovdi li din tal-aħħar tapplika għaċ-ċittadini tal-Unjoni li “jiċċaqilqu jew li jgħixu” fi Stat Membru għajr dak li tiegħu għandhom in-nazzjonalità, kif ukoll għall-membri tal-familja tagħhom, kif iddefiniti fl-Artikolu 2(2) li jakkumpanjawh jew jingħaqdu miegħu (33).

51.      Konsegwentement, skont l-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, huwa biss benefiċjarju fis-sens tad-Direttiva 2004/38 li jista’ jgawdi mid-drittijiet li jiċċaqlaq u li jirrisjedi liberament abbażi tal-imsemmija direttiva. Tali benefiċjarju jista’ jkun ċittadin tal-Unjoni jew membru tal-familja tiegħu, kif iddefinit fl-Artikolu 2(2) (34).

52.      B’applikazzjoni għall-każ preżenti, dan ifisser li s-sitwazzjoni ta’ H. McCarthy, bħala konjuġi ta’ ċittadin tal-Unjoni, taqa’ fl-ambitu tal-kunċett ta’ “membru tal-familja”, imsemmi fl-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2004/38 (35). Madankollu, kif innota l-gvern tal-Polonja fil-kitbiet tiegħu, S. McCarthy u bintu “jmorru” fl-Istat Membru li tiegħu għandhom in-nazzjonalità, u mhux, kif jipprevedi l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2004/38, fi Stat Membru għajr dak li tiegħu għandhom in-nazzjonalità. Fi kliem ieħor, jidher, fil-prinċipju, li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38 ma jistgħux jikkonkorru meta ċ-ċittadin tal-Unjoni jmur fl-Istat Membru li tiegħu għandu n-nazzjonalità.

53.      Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilta tal-Qorti tal-Ġustizzja, in-natura għall-inqas raġonevoli ta’ tali interpretazzjoni hija kkonfermata mill-fatt li d-dispożizzjonijiet l-oħra tad-Direttiva 2004/38, b’mod partikolari l-Artikoli 6, 7(1) u (2) u 16(1) u (2), jirreferu għad-dritt ta’ residenza (36) ta’ ċittadin tal-Unjoni u għad-dritt ta’ residenza sekondarju tal-membri tal-familja tiegħu, kemm fi “Stat Membru ieħor”, kif ukoll fl-“Istat Membru ospitanti”. Konsegwentement, minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li ċittadin ta’ Stat terz, membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, ma jistax, fil-prinċipju, jipprevalixxi ruħu, abbażi ta’ din id-direttiva, minn dritt ta’ residenza sekondarju fl-Istat Membru li tiegħu għandu n-nazzjonalità dan iċ-ċittadin (37).

54.      Għalhekk, għal dak li għandu x’jaqsam mal-għan aħħari tad-drittijiet sekondarji tad-dħul u ta’ residenza li tistabbilixxi d-Direttiva 2004/38 għall-membri tal-familja ta ċittadini tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li din tal-aħħar għandha l-għan li tiffaċilita l-eżerċizzju tad-dritt fundamentali u individwali li wieħed jiċċaqlaq u jirrisjedi liberament fit-territorju tal-Istati Membri (38). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża li l-għan tad-direttiva jikkonċerna, kif jirriżulta mill-Artikolu 1(a) tagħha, il-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ dan id-dritt (39). F’dan ir-rigward, dejjem skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, peress li, skont prinċipju tad-dritt internazzjonali (40), Stat ma jistax jirrifjuta liċ-ċittadini tiegħu d-dritt li jidħlu fit-territorju tiegħu u li jgħixu hemm, id-Direttiva 2004/38 tirregola biss il-kundizzjonijiet ta’ dħul u ta’ residenza ta’ ċittadin tal-Unjoni fi Stati Membri għajr dak li tiegħu għandu n-nazzjonalità(41).

55.      Għandu jitqies, għalhekk, li d-Direttiva 2004/38 ma tapplikax għal sitwazzjonijiet bħalma hija dik fil-kawża prinċipali?

56.      Ma jienx konvint minn dan. Naħseb, kuntrarjament, li għandha tingħata interpretazzjoni usa’ tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/38, b’mod li din tal-aħħar ma tiċċaħadx mill-effettività tagħha.

57.      Għalhekk, biex ikun jista’ jiġi ddeterminat jekk, fis-sitwazzjoni deskritta fil-punti 41 sa 43 ta’ dawn il-konklużjonijiet, H. McCarthy tistax tibbenefika mill-eżenzjoni tal-obbligu li tikseb viża tad-dħul bħala membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, jidher li huwa meħtieġ li tiġi magħmula d-domanda segwenti: id-Direttiva 2004/38, interpretata fid-dawl tal-Artikolu 21 TFUE, tippermetti li tali dritt jiġi stabbilit abbażi tal-eżerċizzju minn qabel u simultanju tal-libertà ta’ moviment ta’ S. McCarthy?

58.      Sabiex nirrispondi għal din id-domanda, hemm lok l-ewwel nett li jiġi ppreċiżat li, abbażi tat-trattati, il-Qorti tal-Ġustizzja akkordat żewġ tipi ta’ dritt ta’ residenza lill-membri tal-familja fl-Istat li tiegħu ċ-ċittadin tal-Unjoni għandu n-nazzjonalità (42). Tal-ewwel għandu fil-mira tiegħu d-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja mogħti liċ-ċittadin wara l-eżerċizzju minn qabel jew simultanju tal-libertà ta’ moviment, u msejjes fuq il-projbizzjoni tal-ostakoli (43). It-tieni jirriżulta mill-effettività tal-Artikolu 20 TFUE u għandu l-għan li jimpedixxi li ċittadin jiġi mċaħħad mit-tgawdija tal-essenza tad-drittijiet li tagħtih iċ-ċittadinanza tal-Unjoni (44).

59.      Fil-kuntest ta’ dawn il-konklużjonijiet, hemm lok li jiġi analizzat biss l-ewwel tip ta’ dritt ta’ residenza msemmi iktar ʼil fuq. Fl-opinjoni tiegħi, dan l-ewwel tip jikkonċerna żewġ ġeneri ta’ sitwazzjonijiet, li ser jiġu analizzati iktar ʼl isfel. L-ewwel wieħed jikkonċerna dik ta’ ċittadin li “eżerċita” id-dritt tiegħu ta’ moviment liberu u jmur fl-Istat Membru li tiegħu għandu n-nazzjonalità (eżerċizzju minn qabel) u t-tieni, dik ta’ ċittadin li “jeżerċita” id-dritt tiegħu ta’ moviment liberu fil-mument meta jmur fl-imsemmi Stat Membru (eżerċizzju simultanju).

3.      Applikabbiltà tad-Direttiva 2004/38 fil-każ fejn iċ-ċittadin tal-Unjoni, li għamel użu effettiv u minn qabel mil-libertà tiegħu ta’ moviment, imur fi Stat Membru li tiegħu għandu n-nazzjonalità

60.      Huwa meħtieġ li tiġi adottata interpretazzjoni wiesgħa tad-Direttiva 2004/38, li tippermetti li din tiġi applikata għaċ-ċittadini tal-Unjoni u għal ċittadini ta’ Stat terz li huma membri tal-familja tagħhom u li jmorru fl-Istat Membru li tiegħu l-imsemmija ċittadini għandhom in-nazzjonalità. Tali interpretazzjoni jidhirli li hija ġġustifikata mhux biss fir-rigward tar-rwol li għandha ċ-ċittadinanza fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet tiegħi fil-punti 39 u 40 ta’ dawn il-konklużjonijiet, iżda wkoll fid-dawl tal-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja.

a)      Ġustifikazzjoni teleoloġika ta’ interpretazzjoni iktar wiesgħa tad-Direttiva 2004/38

61.      L-istatus taċ-ċittadin tal-Unjoni “huwa intiż sabiex ikun l-istatus fundamentali taċ-ċittadini tal-Istati Membri” (45). Għalhekk, meta dawn iċ-ċittadini jmorru minn Stat Membru għal ieħor, inkluż dak li tiegħu għandhom in-nazzjonalità, ma jkunu qed jagħmlu xejn ħlief jeżerċitaw id-drittijiet ta’ moviment liberu u ta’ residenza mogħtija mid-dritt tal-Unjoni.

62.      Fl-Unjoni Ewropea ta’ llum, ċittadin jista’ jkollu l-oriġini tiegħu fi Stat Membru mingħajr ma jkollu n-nazzjonalità tiegħu (46) jew ikollu n-nazzjonalità ta’ Stat Membru (jew bosta Stati Membri) mingħajr qatt ma jkun għex fih (jew fihom) (47). Jista’ wkoll ikollu iktar minn nazzjonalità waħda, saħansitra jirrisjedi f’żewġ Stati Membri jew iktar, u dan filwaqt li jżomm rabtiet reali, kemm professjonali kif ukoll personali, ma’ dawn l-Istati kollha.

i)      Fuq l-assenza ta’ koinċidenza bejn l-Istat Membru li fih għandu l-oriġini tiegħu ċ-ċittadin tal-Unjoni u dak li tiegħu għandu n-nazzjonalità

63.      Ma jidhirlix li huwa konformi mar-realtà kontemporanja tal-Unjoni li wieħed iqis il-pajjiż li fih ċittadin għandu l-oriġini tiegħu u dak li tiegħu għandu n-nazzjonalità bħala l-istess Stat Membru.

64.      F’dan ir-rigward, ippermettuli nuri permezz ta’ żewġ eżempji s-sitwazzjoni ta’ għadd ta’ ċittadini tal-Unjoni fil-bidu ta’ dan is-seklu XXI.

65.      Nieħdu l-ewwel nett il-każ ta’ koppja Franko-Ġermaniża, F. u A. ilhom joqogħdu r-Renju Unit għal 25 sena. It-tifel tagħhom, FA, twieled Londra u għandu n-nazzjonalità doppja Ġermaniża u Franċiża. Għal bosta snin dan tal-aħħar għex Berlin, fejn, wara li spiċċa t-taħriġ tiegħu fis-settur tal-lukandi u tar-ristoranti, kellu diversi impjiegi. Min-naħa l-oħra, qatt ma għex fi Franza ħlief għal xi vjaġġi qosra ħafna, b’mod partikolari waqt xi vaganzi tas-sajf. FA huwa miżżewweġ Arġentina. Għandhom wild, ċittadin tal-Unjoni, u ilhom joqogħdu f’Lyon sena.

66.      F’din l-ipoteżi, għandu jitqies li meta FA beda joqgħod f’Lyon, huwa mar lura Franza (Stat Membru li tiegħu għandu n-nazzjonalità), meta dan qatt ma kien jirrisjedi hemmhekk? Risposta fl-affermattiv tkun imsejsa fuq l-idea żbaljata li FA telaq minn Franza f’mument partikolari fil-ħajja tiegħu biex imur fi Stat Membru ieħor.

67.      Nieħdu issa t-tieni eżempju, dak ta’ koppja Litwana-Pollakka, L. u P. ilhom joqogħdu l-Litwanja għal 30 sena u għandhom tifla, LP. Din tal-aħħar, li twieldet Vilnius, għandha n-nazzjonalità Litwana u, konsegwentement, ma jistax ikollha n-nazzjonalità Pollakka (48). LP għexet f’diversi Stati Membri matul is-snin tal-istudji universitarji tagħha, inkluża l-Polonja fejn iltaqgħet mal-konjuġi tagħha ta’ nazzjonalità Ċilena. Riċentement il-koppja marret toqgħod fi Krakovja.

68.      Fid-dawl ta’ dawn iż-żewġ eżempji, għandi awtomatikament inqis, mingħajr l-ebda mistoqsija, li dejjem hemm konkordanza bejn l-Istat Membru li fih ċittadin tal-Unjoni għandu l-oriġini tiegħu u dak li tiegħu għandu n-nazzjonalità? Għal dak li għandu x’jaqsam ma’ FA, minkejja n-nazzjonalità doppja tiegħu Franko-Ġermaniża, qatt ma kien għex Franza qabel ma mar joqgħod f’Lyon. Ma hemmx dubju madankollu, li dan l-Istat Membru huwa wieħed mill-pajjiżi li fih FA għandu l-oriġini tiegħu.

69.      Min-naħa l-oħra, għal dak li għandu x’jaqsam ma’ LP, ħadd ma jiddubita li din taf l-oriġini tagħha lil żewġ Stati Membri. Fil-fatt mhux biss il-ġenituri tagħha għandhom, wieħed in-nazzjonalità Pollakka u l-oħra n-nazzjonalità Litwana, iżda hija stess titkellem sewwa biż-żewġ lingwi u wettqet l-istudji tagħha f’dawn iż-żewġ Stati Membri. Madankollu, LP ma għandhiex in-nazzjonalità Pollakka.

70.      Konsegwentement, teżisti koinċidenza bejn il-pajjiżi li tagħhom FA għandu n-nazzjonalitajiet u dawk li fihom għandu l-oriġini tiegħu, li mhux il-każ għal LP.

71.      Dawn iż-żewġ eżempji jirriflettu, fl-opinjoni tiegħi, ir-realtà ta’ parti mhux negliġibbli miċ-ċittadini tal-Unjoni. Ser nerġa’ mmur lura issa għad-Direttiva 2004/38.

72.      F’dan ir-rigward, jekk id-drittijiet ta’ moviment liberu u ta’ residenza huma, fil-prinċipju, mogħtija biss liċ-ċittadini tal-Unjoni jew lil membri tal-familja tagħhom li jmorru fi Stat Membru li tiegħu ma għandhomx in-nazzjonalità, ma jkunx, tal-inqas, paradossali li LP tista’ tinvoka d-Direttiva 2004/38, filwaqt li FA ma jistax jagħmel dan?

73.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jkunx jidher li ċ-ċittadinanza tal-Unjoni hija parzjalment vittma tas-suċċess tagħha stess?

ii)    Dwar id-direzzjonijiet differenti li fihom imorru ċ-ċittadini tal-Unjoni

74.      B’hekk, id-Direttiva 2004/38 titlaq mill-ipoteżi li, sabiex jiċċaqlaq fi ħdan l-Unjoni, iċ-ċittadin tal-Unjoni dejjem imur mill-Istat Membru li tiegħu għandu n-nazzjonalità lejn Stat Membru ieħor, meta dan mhux dejjem huwa l-każ, kif juru l-eżempji mogħtija iktar ʼil fuq. Fl-opinjoni tiegħi, lanqas ma jkun adattat għar-realtà attwali taċ-ċittadinanza tal-Unjoni li wieħed jelenka b’mod eżawrjenti d-direzzjonijiet differenti li fihom imorri ċ-ċittadini tal-Unjoni fi ħdanha (49). Ma jidhirx li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jintroduċi numru limitat ta’ ipoteżijiet ta’ ċaqliq (numerus clausus), b’mod li jelimina dawk imwettqa bejn l-Istat Membru ospitanti u dak li tiegħu ċ-ċittadin tal-Unjoni għandu n-nazzjonalità. Kif spjegajt fil-punt 62 ta’ dawn il-konklużjonijiet, huwa diffiċli li jiġi identifikat t-tip kollu ta’ ċaqliq li ċittadin tal-Unjoni jista’ jwettaq. Konsegwentement, ma naħsibx li huwa rilevanti li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38 jiġi interpretat fis-sens li l-leġiżlatur ried jintroduċi numru limitat ta’ ipoteżijiet ta’ ċaqliq (numerus clausus) u b’hekk jelimina mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva l-każijiet imsemmija fil-punti 64 sa 73 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

75.      Fil-każ preżenti, tali interpretazzjoni twassal għal dan ir-riżultat paradossali, li għall-inqas iġegħelni nirrifletti li H. McCarthy tista’ takkumpanja lil konjuġi tagħha fiċ-ċaqliq kollu tiegħu fl-Istati Membri kollha ħlief dak li tiegħu għandu n-nazzjonalità! Fi kliem ieħor, id-dritt ta’ moviment liberu ta’ ċittadin tal-Unjoni li jkun akkumpanjat minn membri tal-familja tiegħu, ċittadini ta’ Stat terz jonqos skont in-numru ta’ nazzjonalitajiet li għandu! Barra minn hekk, nistgħu naċċettaw interpretazzjoni tad-Direttiva 2004/38 li tippermetti trattament differenti tal-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni skont l-Istat Membru li fih ser imorru?

76.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ninsab persważ li d-Direttiva 2004/38 trid tingħata interpretazzjoni iktar koerenti mar-realtà taċ-ċittadini tal-Unjoni jekk irridu nżommu l-effettivà tagħha. Sabiex nasal għal din l-interpretazzjoni, l-ewwel nett ser neżamina fil-qosor il-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja għal dak li għandu x’jaqsam mad-dritt ta’ residenza sekondarju.

b)      Ġabra fil-qosor tal-ġurisprudenza rilevanti li tikkonċerna d-dritt ta’ residenza sekondarju

77.      Kif ġie mfakkar fil-punt 58 ta’ dawn il-konklużjonijiet, id-dritt, ċittadin ta’ Stat terz li jkun akkumpanjat minn membru tal-familja, huwa mogħti, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, liċ-ċittadin tal-Unjoni, sew jekk ikun qed attiv (50) kif ukoll jekk ikun inattiv (51), li jmur lura fl-Istat Membru li tiegħu għandu n-nazzjonalità wara li jkun eżerċita l-libertà tiegħu ta’ moviment (eżerċizzju minn qabel) fi Stat Membru ieħor fejn ikun irrisjeda mal-imsemmi membru tal-familja tiegħu. F’dan ir-rigward ippermettuli infakkar fil-qosor ħafna r-riżultat li waslet għalih il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi Singh (52) u Eind (53).

78.      Fis-sentenza Singh (54), il-Qorti tal-Ġustizzja qieset fil-fatt li ċittadin li jmur lura fl-Istat Membru li tiegħu għandu n-nazzjonalità, sabiex iwettaq attività għal rasu, wara li kien impjegat għal ċertu żmien fi Stat Membru ieħor, kellu, abbażi tat-trattati u tad-dritt sekondarju, id-dritt li jkun akkumpanjat mill-konjuġi tiegħu, ċittadina ta’ Stat terz, fl-istess kundizzjonijiet bħal dawk previsti fid-dritt sekondarju (55). Fil-każ kuntrarju, jista’ jkun skuraġġut milli jitlaq minn pajjiżu sabiex jeżerċita attività bħala persuna impjegata jew xi attività oħra fi Stat Membru ieħor (56). Għal dak li għandu x’jaqsam mal-bażi legali li fuqha hija msejsa din is-sentenza, irrid nippreċiża li d-dispożittiv tas-sentenza Singh hija s-segwenti: “[i]d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 52 tat-Trattat KEE u dawk tad-Direttiva 73/148/KEE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jobbligaw lil Stat Membru li jawtorizza d-dħul u r-residenza fit-territorju tiegħu tal-konjuġi, tkun xi tkun in-nazzjonalità tiegħu, taċ-ċittadin ta’ dak l-Istat Membru li mar, ma’ dan il-konjuġi, fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor biex jeżerċita attività bħala persuna impjegata […], u li jmur lura sabiex jistabbilixxi ruħu […] fit-territorju tal-Istat Membru li tiegħu għandu n-nazzjonalità […]” (57). Madankollu, jidher li l-Qorti tal-Ġustizzja applikat id-Direttiva73 /148 biss b’analoġija, kif għamlet sussegwentement, b’mod espress, fis-sentenzi tagħha Eind (58) u O. u B. (59).

79.      Fis-sentenza Eind (60), il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li ċittadin ta’ Stat Membru li ġab lit-tifla tiegħu minn Stat terz, meta kien qed jaħdem fi Stat Membru ieħor, kellu d-dritt li jkun akkumpanjat minn din tal-aħħar mar-ritorn tiegħu, bħala pensjonant, fl-Istat Membru li tiegħu kellu n-nazzjonalità. Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset l-effett dissważiv li jirriżulta mis-sempliċi perspettiva li wieħed ma jkunx jista’ jaqsam ħajtu mal-membri tal-familja tiegħu, wara r-ritorn tiegħu fl-Istat Membru li tiegħu għandu n-nazzjonalità. Għalhekk, il-motivazzjoni tas-sentenza Eind (61) hija msejsa kemm fuq id-dispożizzjonijiet tat-trattat kif ukoll fuq dawk tar-Regolament (KEE) tal-Kunsill Nru 1612/68, tal-15 ta’ Ottubru 1968, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 15). F’dan ir-rigward, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, “id-dritt ta’ ħaddiem emigrant li jirritorna u jirrisjedi fl-Istat Membru li tiegħu għandu ċ-ċittadinanza, wara li jkun eżerċita attività bħala impjegat fi Stat Membru ieħor, jingħata mid-dritt Komunitarju, inkwantu meħtieġ biex jassigura l-effettività tad-dritt għall-moviment liberu li l-ħaddiema għandhom skond l-Artikolu 39 KE u d-dispożizzjonijiet adottati biex l-imsemmi dritt jiġi implementat, bħal dawk tar-Regolament Nru 1612/68. Din l-interpretazzjoni hija sostnuta mill-introduzzjoni ta’ l-istat ta’ ċittadin ta’ l-Unjoni li hu intiż biex ikun l-istat fundamentali taċ-ċittadini ta’ l-Istat Membri” (62). Madankollu il-Qorti tal-Ġustizzja qalet b’mod ċar li r-Regolament 1612/68 kien japplika “b’analoġija” (63).

80.      Iktar riċentement, fis-sentenza tagħha O. u B., il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-Artikolu 21(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li d-Direttiva 2004/38 tapplika b’analoġija (64) f’sitwazzjoni li fiha ċittadin tal-Unjoni żviluppa jew ikkonsolida ħajja tal-familja ma’ ċittadin ta’ Stat terz waqt residenza effettiva, skont u bl-osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli7 (1) u (2) jew 16(1) u (2) tad-Direttiva 2004/38, fi Stat Membru għajr dak li tiegħu għandu n-nazzjonalità u jirritorna mal-membru tal-familja kkonċernat fl-Istat Membru li tiegħu għandu n-nazzjonalità (65).

81.      Fl-ewwel lok, minn din il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta r-rikonoxximent, fid-dawl mhux biss tad-dritt primarju iżda wkoll tad-dritt sekondarju, tad-dritt ta’ residenza ta’ ċittadin tal-Unjoni u ta’ membri tal-familja tiegħu, li huma ċittadini ta’ Stat terz, fl-Istat Membru li tiegħu għandu n-nazzjonalità, sussegwentement għall-eżerċizzju “minn qabel” tad-dritt ta’ moviment liberu. Fi kliem ieħor, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat dan id-dritt ta’ residenza fil-każ tar-ritorn definittiv fl-Istat Membru tal-oriġini wara residenza fi Stat ieħor.

82.      Fit-tieni lok, minn din l-istess ġurisprudenza jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja mmotivat dawn is-sentenzi pjuttost abbażi tat-trattati milli abbażi tad-dritt sekondarju. Madankollu, anki jekk naqbel mar-riżultat li waslet għalih il-Qorti tal-Ġustizzja, ninsab xettiku dwar ir-raġunament li mxiet miegħu. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja, f’dawn is-sentenzi, tat interpretazzjoni tat-trattati fid-dawl tad-dritt sekondarju, b’mod partikolari tad-Direttiva 2004/38 (66). F’dan id-dawl, ippermettuli, għall-inqas, li jkolli d-dubji tiegħi għal dak li għandu x’jaqsam ma’ tali interpretazzjoni, meta wieħed iqis il-prinċipju tal-ġerarkija bejn id-dritt primarju u d-dritt sekondarju. Fil-fatt jidhirli li huwa d-dritt sekondarju li għandu jiġi interpretat fid-dawl tat-trattati, u mhux bil-kontra. Fin-nuqqas ta’ dan, ma hemmx il-biża’ li att jew prattika tal-istituzzjonijiet jew tal-Istati Membri ġġib magħha reviżjoni tat-trattati, barra mill-proċeduri previsti għal dan il-għan?

83.      Naħseb għalhekk li interpretazzjoni inqas restrittiva tad-Direttiva 2004/38 tkun iktar xierqa u jkollha, b’mod evidenti, l-effett li taċċerta l-koerenza bejn il-kamp ta’ applikazzjoni tat-trattat u dak tad-direttiva.

c)      Konklużjoni intermedjarja

84.      Fl-opinjoni tiegħi din il-kawża toffri okkażjoni privileġġjata lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex teżamina l-kwistjoni tal-applikabbiltà tad-Direttiva 2004/38 wara l-eżerċizzju minn qabel tal-libertà ta’ moviment, minn ċittadin tal-Unjoni, li jiċċaqlaq lejn l-Istat Membru li tiegħi għandu n-nazzjonalità, akkumpanjat minn membru tal-familja tiegħu li huwa ċittadin ta’ Stat terz.

85.      Inqis li huwa meħtieġ, l-ewwel nett, li tingħata interpretazzjoni iktar koerenti ta’ din id-direttiva fid-dawl tas-sistema tas-sorsi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tar-rwol li għandha llum il-ġurnata ċ-ċittadinanza tal-Unjoni, fl-Unjoni. Tali interpretazzjoni tkun tista’ tevita, b’mod partikolari, kif jirriżulta mill-punt 75 ta’ dawn il-konklużjonijiet, riżultati illoġiċi, bħalma huwa l-fatt li H. McCarthy tista’ takkumpanja lil konjuġi tagħha fiċ-ċaqliq tiegħu fl-Istati Membri kollha, bl-eċċezzjoni ta’ dak li tiegħu għandu n-nazzjonalità.

86.      Sussegwentement, il-kawża preżenti toffri okkażjoni sabiex tevolvi l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja relatata mad-dritt taċ-ċittadin tal-Unjoni li jkun akkumpanjat fiċ-ċaqliq tiegħu minn membru tal-familja tiegħu, ċittadin ta’ Stat terz, sabiex iktar tkun riflessa r-realtà tal-migrazzjonijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni fl-Unjoni tal-ġurnata ta’ llum, fejn il-kunċett tal-pajjiż tal-oriġini qed isir inqas ċar. Minn din il-perspettiva, is-sentenza O. u B. (67) tirrappreżenta l-ewwel pass f’din id-direzzjoni, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ppronunċjat ruħha favur l-applikazzjoni, b’analoġija, tad-Direttiva 2004/38. Issa, faċli li wieħed jimmaġina li l-applikazzjoni b’analoġija ta’ din id-direttiva fit-totalità tagħha tippreżenta għadd ta’ inkonvenjenzi.

87.      Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ħaditx inkunsiderazzjoni sitwazzjonijiet oħra li mingħajr dubju ser iqumu fil-ġejjieni, b’mod partikolari dawk ta’ ċittadini tal-Unjoni li qatt ma għexu fl-Istat Membru li tiegħu għandhom in-nazzjonalità. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ għalhekk tieħu din l-opportunità biex tippreċiża li d-Direttiva 2004/38 tapplika għal membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, ikun xi jkun l-Istat Membru ta’ destinazzjoni.

88.      Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li jiġi ddikjarat li d-Direttiva 2004/38 tapplika għal ċittadini ta’ Stati terzi, membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 2(2) tagħha, meta, wara l-eżerċizzju minn qabel tad-dritt ta’ moviment liberu miċ-ċittadin tal-Unjoni u wara li jkun irrisjeda b’mod effettiv fi Stat Membru ieħor, iċ-ċittadin u l-membri tal-familja tiegħu jmorru fl-Istat Membru li tiegħu ċ-ċittadin għandu n-nazzjonalità.

4.      Applikabbiltà tad-Direttiva 2004/38 meta ċ-ċittadin tal-Unjoni, li jagħmel użu effettiv mil-libertà tiegħu ta’ moviment billi jirrisjedi fl-Istat Membru ospitanti, jeżerċitaha simultanjament billi jmur fl-Istat Membru li tiegħu għandu n-nazzjonalità: il-każ tad-dritt tad-dħul u ta’ residenza għal żmien qasir

89.      Issuġġerejt lill-Qorti tal-Ġustizzja twessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/38 għad-dritt ta’ residenza sekondarju, li jkun ta’ benefiċċju għaċ-ċittadin tal-Unjoni, li, wara li jkun eżerċita, minn qabel, il-libertà ta’ moviment tiegħu, imur fl-Istat Membru li tiegħu għandu n-nazzjonalità, akkumpanjat mill-membri tal-familja tiegħu, ċittadini ta’ Stat terz. Fl-ipoteżi fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ma ssegwix dan ir-raġunament, ser nanalizza wkoll, iktar ʼil quddiem, l-applikabbiltà ta’ din id-direttiva fil-każ fejn iċ-ċittadin tal-Unjoni jeżerċita simultanjament il-libertà tiegħu ta’ moviment, billi jmur fl-Istat Membru li tiegħu għandu n-nazzjonalità, u dan għal dak li għandu x’jaqsam esklużivament mad-dritt tad-dħul u ta’ residenza għal żmien qasir.

90.      F’dan ir-rigward, hemm lok li jingħad, l-ewwel nett, li d-dritt tad-dħul huwa ggarantit favur iċ-ċittadini kollha fl-Artikolu 21 TFUE. L-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2004/38 jippreċiża l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ dan id-dritt, li huwa msejjes unikament fuq il-pussess taċ-ċittadinanza tal-Unjoni. B’hekk, huwa marbut mill-viċin mad-dritt ta’ residenza ta’ mill-inqas tliet xhur, previst fl-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva.

a)      L-eżerċizzju tal-libertà ta’ moviment fl-Istat Membru ospitanti, simultanjament mar-residenza fl-Istat Membru li tiegħu ċ-ċittadin tal-Unjoni għandu n-nazzjonalità

91.      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, iċ-ċittadin tal-Unjoni li, filwaqt li jirrisjedi fl-Istat Membru li tiegħu għandu n-nazzjonalità ma’ membru tal-familja tiegħu ċittadin ta’ Stat terz, jeżerċita simultanjament il-libertà tiegħu ta’ moviment fi Stat Membru ieħor, jibbenefika mid-dritt tar-riunifikazzjoni tal-familja għall-imsemmi membru tal-familja tiegħu fl-Istat Membru li tiegħu għandu n-nazzjonalità. Huwa b’mod partikolari l-każ fis-sentenza Carpenter (68).

92.      Din is-sentenza tikkonċerna fornitur ta’ servizzi, stabbilit fi Stat Membru li tiegħu għandu n-nazzjonalità, li kien jipprovdi s-servizzi tiegħu lil destinatarji li kienu jirrisjedu fi Stati Membri oħra. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li r-rifjut tal-awtorizzazzjoni għar-residenza tal-konjuġi tiegħu “tkun ta’ detriment għall-ħajja tal-familja tagħhom, u, għaldaqstant, għall-kundizzjonijiet li fihom P. Carpenter jeżerċita libertà fundamentali”(69). B’hekk, abbażi tal-Artikolu 49 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 56 TFUE), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li bl-applikazzjoni tat-trattati, l-Istat Membru li tiegħu P. Carpenter kellu n-nazzjonalità ma setax jirrifjuta d-dritt ta’ residenza lil konjuġi tiegħu, iktar u iktar meta d-deċiżjoni għat-tkeċċija ta’ din tal-aħħar kienet tikkostitwixxi indħil fl-eżerċizzju minn P. Carpenter tad-dritt tiegħu għar-rispett tal-ħajja tal-familja tiegħu (70).

93.      Fl-istess linja ta’ ħsieb, iktar riċentement, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset, fis-sentenza tagħha S. u G., li l-Artikolu 45 TFUE jagħti lil membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, li huwa ċittadin ta’ Stat terz, dritt tar-residenza sekondarju fl-Istat Membru li tiegħu dan iċ-ċittadin għandu n-nazzjonalità, meta l-imsemmi ċittadin jirrisjedi f’dan l-aħħar Stat, iżda jmur regolarment fi Stat Membru ieħor sabiex jaħdem fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, kemm-il darba r-rifjut għall-għoti ta’ tali dritt ta’ residenza għandu effett dissważiv fuq l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet li l-ħaddiem ikkonċernat għandu abbażi tal-Artikolu 45 TFUE (71).

94.      Minn dawn is-sentenzi jirriżulta li, fil-każ tal-użu simultanju tal-libertà ta’ moviment, b’mod partikolari għal ċaqliq regolari li ma jimplikax l-istabbiliment ta’ ċittadin tal-Unjoni fi Stat Membru ieħor, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet, prinċipalment fid-dawl tad-dritt primarju, id-dritt ta’ residenza sekondarju ta’ ċittadini ta’ Stat terz, membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni.

b)      L-eżerċizzju tal-libertà ta’ moviment wara residenza effettiva fl-Istat Membru ospitanti, imwettaq simultanjament mal-eżerċizzju tad-dritt tad-dħul u ta’ residenza għal żmien qasir fl-Istat Membru li tiegħu ċ-ċittadin tal-Unjoni għandu n-nazzjonalità

95.      Preliminarjament, irid jiġi osservat li, meta ċittadin tal-Unjoni ma jagħmilx użu mid-dritt tiegħu tal-moviment liberu (72), jew fl-assenza ta’ kundizzjonijiet oħra rikjesti mill-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38, il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-ġurisprudenza tagħha, ma akkordatx id-dritt tar-residenza sekondarju lil membri tal-familja tiegħu, ċittadini ta’ Stat terz, la fil-kuntest tad-direttiva u lanqas fid-dawl tat-trattat.

96.      Jidhirli li huwa interessanti, f’dan ir-rigward, li jiġi enfasizzat li huwa eżattament fil-kuntest ta’ din il-ġurisprudenza li l-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat ir-rekwiżit tal-konkorrrenza tal-kundizzjonjiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38, meta ċittadin tal-Unjoni jmur fl-Istat Membru li tiegħu għandu n-nazzjonalità (73). Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li mhux iċ-ċittadini kollha ta’ Stati terzi jgawdu, abbażi tad-Direttiva 2004/38, mid-drittijiet ta’ dħul u ta’ residenza fi Stat Membru, iżda biss dawk li huma “membri tal-familja”, fis-sens tal-Artikolu 2(2) ta’ din id-direttiva, ta’ ċittadin tal-Unjoni li eżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu billi stabbilixxa ruħu fi Stat Membru li ma huwiex l-Istat Membru li tiegħu għandu n-nazzjonalità (74).

97.      Niddubita madankollu dwar ir-rilevenza li din il-ġurisprudenza tiġi trasposta għal każijiet bħalma huwa dak fil-kawża prinċipali. B’mod partikolari, id-dubju tiegħi jikkonċernaw l-esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/38 ta’ ċittadin tal-Unjoni li eżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu fi Stat Membru ieħor simultanjament maċ-ċaqliq tiegħu lejn l-Istat Membru li tiegħu għandu n-nazzjonalità, u ta’ membri tal-familja tiegħu, ċittadini ta’ Stat terz, li jakkumpanjawh.

98.      Fil-fatt, kuntrarjament għall-każ preżenti, iċ-ċittadini tal-Unjoni kkonċernati, b’mod partikolari, fil-kawżi li taw lok għas-sentenzi McCarthy (75), Dereci et (76), O. et (77), Ymeraga u Ymeraga Tafarshiku (78) jew Iida (79), (i) jew qatt ma kienu eżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu, peress li dejjem kienu għexu fl-Istat Membru li tiegħu kellhom in-nazzjonalità, (ii) jew ma kinux la akkumpanjati u lanqas ma ngħaqad magħhom, meta dawn iċċaqilqu fi Stat Membru ieħor, il-membru tal-familja tagħhom li huwa ċittadin ta’ Stat terz. F’dawn il-kawżi, iċ-ċittadini tal-Unjoni kkonċernati ma kinux jissodisfaw għalhekk l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38.

99.      Il-kuntest fattwali tat-tilwima fil-kawża prinċipali jiddistingwi ruħu wkoll minn dak tal-kawżi li taw lok għas-sentenzi riċenti O. u B. (80), għaliex iċ-ċittadini tal-Unjoni ddomiċiljati fl-Istat Membru li tiegħu għandhom in-nazzjonalità (i) jew għexu fl-Istat Membru ospitanti, mhux bħala ħaddiema iżda fil-kwalità ta’ ċittadini tal-Unjoni skont l-Artikolu 21(1) TFUE jew fil-kwalità ta’ benefiċjarji ta’ provvisti ta’ servizzi fis-sens tal-Artikolu 56 TFUE (81); (ii) jew iċċaqilqu lil hinn mill-fruntieri sabiex imorru fi Stat Membru ieħor bħala ħaddiema ta’ persuna li timpjega stabbilita fi Stat Membru ieħor, jew fil-kwalità ta’ ħaddiema li, fil-kuntest tal-attivitajiet tagħhom imwettqa għal persuna li timpjega stabbilita fl-Istat Membru li tiegħu għandhom in-nazzjonalità, imorru regolarment fi Stat Membru ieħor. Fi kliem ieħor, kif kien, barra minn hekk, il-każ fis-sentenza Carpenter, f’dawn is-sentenzi, iċ-ċittadin tal-Unjoni ma kienx stabbilixxa ruħu fl-Istat Membru ospitanti.

100. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kawża preżenti, S. McCarthy u bintu eżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu peress li “stabbilixxew ruħhom fi Stat Membru għajr dak li tiegħu għandhom in-nazzjonalità”, jiġifieri fi Spanja. H. McCarthy akkumpanjathom f’dan l-aħħar Stat Membru, fejn kisbet għalhekk permess ta’ residenza fis-sens tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/38. Il-fatt li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali jirrisjedu “attwalment” fi Spanja, huwa xhieda tal-istabbiliment u konsegwentement tan-natura effettiva tar-residenza tagħhom. Din in-natura effettiva tar-residenza tagħhom hija, skont il-ġurisprudenza riċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja, element rilevanti biex jitqies li d-Direttiva 2004/48 hija applikabbli (82), anke jekk din l-applikazzjoni saret biss b’analoġija.

101. Simultanjament għal din ir-residenza effettiva fi Spanja bħala membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, H. McCarthy riedet teżerċita id-dritt tagħha sekondarju tad-dħul u ta’ residenza għal żmien qasir, sabiex takkumpanja lill-familja tagħha fir-Renju Unit. Fl-opinjoni tiegħi, għalhekk, fil-każ preżenti, ma jidhirlix li hemm dubju dwar l-applikabbiltà tad-Direttiva 2004/38.

102. Favur din l-interpretazzjoni wieħed isib il-formulazzjoni tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38. Dan tal-aħħar jistabbilixxi żewġ kundizzjonijiet: a) li ċ-ċittadin tal-Unjoni imur jew jirrisjedi fl-Istat Membru għajr dak li tiegħu għandu n-nazzjonalità, u b) li l-membru tal-familja, ċittadin ta’ Stat terz, jakkumpanjah jew jingħaqad miegħu.

103. Fl-opinjoni tiegħi għalhekk, il-kwistjoni hija waħda ta’ kundizzjonijiet kumulattivi li għandhom jiġu ssodisfatti fil-mument meta jintalab id-dritt tad-dħul u ta’ residenza għal żmien qasir, mill-membri tal-familja taċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat. Konsegwentement, kemm-il darba S. McCarthy u bintu jirrisjedu legalment fi Spanja ma’ H. McCarthy fil-mument meta jiċċaqilqu sabiex imorru fir-Renju Unit għal żmien qasir, inqis li l-kawża taqa’ fl-ambitu ta’ din id-direttiva. Fil-fatt S. McCarthy “jirrisjedi” fi Stat Membru, jiġifieri fi Spanja, fil-mument meta jipprevalixxi ruħu mid-drittijiet hekk konċessi mid-direttiva sabiex “imur” fir-Renju Unit.

104. Issa, peress li l-moviment liberu tal-persuni jikkostitwixxi wieħed mill-fundamenti tal-Unjoni, id-derogi għal din il-libertà fundamentali għandhom jiġu interpretati b’mod strett (83). Meta wieħed iqis il-kuntest u l-għanijiet aħħarin fil-mira tad-Direttiva 2004/38, kif ukoll il-libertà fundamentali ta’ moviment u ta’ residenza rrikonoxxuta fl-Artikolu 21(1) TFUE, id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva ma jistgħux jiġu interpretati b’mod ristrettiv u ma jistgħux, fi kwalunkwe każ, jiġu mċaħħda mill-effettività tagħhom (84).

c)      Konkużjoni intermedjarja

105. Fl-ipoteżi fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ma timxix mal-ewwel proposta tiegħi (85), u peress li l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2004/38 ma jipprevedix ħlief id-dritt ta’ dħul, li huwa marbut mill-viċin mar-residenza għal żmien qasir (residenza ta’ inqas minn tliet xhur) (86), nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tapplika d-Direttiva 2004/38, għall-inqas għaċ-ċittadini tal-Unjoni u għall-membri tal-familja tagħhom, ċittadini ta’ Stat terz, li jeżerċitaw b’mod effettiv il-libertà tagħhom ta’ moviment billi jirrisjedu fi Stat Membru ieħor simultanjament maċ-ċaqliq għal żmien qasir lejn Stat Membru li tiegħu ċ-ċittadini kkonċernati għandhom in-nazzjonalità. F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja teskludi biss mill-kamp tal-applikazzjoni tal-imsemmija direttiva s-sitwazzjonijiet li fihom, wara l-eżerċizzju minn qabel tal-libertà ta’ moviment minn ċittadin tal-Unjoni, dan iċ-ċittadin imur mal-membri tal-familja tiegħu, ċittadini ta’ Stat terz, fl-Istat Membru li tiegħu għandu n-nazzjonalità, għal residenza li ma hijiex waħda għal żmien qasir.

B –    Fuq l-identifikazzjoni ta’ miżuri li jistgħu jiġu adottati abbażi tal-Artikolu 35 tad-Direttiva 2004/38

106. L-ewwel u t-tielet domandi preliminari, li ser jiġu eżaminati flimkien, jikkonċernaw il-punt dwar jekk, u f’liema kundizzjonijiet, l-Artikolu 35 tad-Direttiva 2004/38 jippermetti li Stat Membru, li jqis li għandu quddiemu “abbuż ta’ dritt sistematiku”, fil-mument tal-ħruġ ta’ permessi ta’ residenza fis-sens tal-Artikolu 10 ta’ din l-istess direttiva, jadotta miżura partikolari bħalma hija dik fil-kawża prinċipali. Din il-miżura tapplika b’mod ġenerali u preventiv, u ma hijiex imsejsa fuq id-dikjarazzjoni minn qabel tal-abbuż ta’ dritt f’każ konkret.

107. Biex nirrispondi għal dawn id-domandi, ser nibda billi nanalizza fil-qosor il-kunċett tal-abbuż tad-dritt fil-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja. Ser neżamina sussegwentement, fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, l-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-Artikolu 35 tad-Direttiva 2004/38 fir-rigward, b’mod partikolari, tal-argumenti mressqa mill-Gvern tar-Renju Unit.

1.      Fuq il-kunċett tal-abbuż ta’ dritt fil-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja

108. Nixtieq nibda billi nindika l-ewwel nett li l-kunċett tal-abbuż ta’ dritt huwa kunċett magħruf mill-biċċa l-kbira tal-Istati Membri. Bħala eżempju, id-definizzjoni klassika tal-abbuż ta’ dritt skont id-duttrina Franċiża hija s-segwenti: “użu eċċessiv ta’ prerogattiva ġuridika; azzjoni fejn id-detentur ta’ dritt, ta’ setgħa, ta’ funzjoni, jislet, fl-użu li jagħmel minnu, normi li jirregolaw l-użu leċitu tiegħu” ‘(87). Għalhekk huwa meħtieġ li jiġi ppreċiżat li l-funzjoni ta’ dan il-kunċett jippresupponi li l-awtur tal-abbuż huwa detentur ta’ xi dritt (88).

109. Id-definizzjoni mogħtija fid-duttrina Ġermaniża hija s-segwenti: “eżerċizzju ta’ dritt suġġettiv li jwieġeb b’mod formali għar-rekwiżiti ta’ liġi, iżda li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ partikolari, jirriżulta li jmur kontra l-bona fide” (89).

110. Fid-dritt Pollakk, kwalunkwe att jew ommissjoni ta’ detentur ta’ dritt li, għalkemm jikkorrispondu formalment mal-użu ta’ dan id-dritt, huma eżerċitati b’mod li jmur kontra r-regoli ta’ koeżistenza soċjali jew l-għan soċjo-ekonomiku tiegħu, ma jistgħux jitqiesu bħala l-eżerċizzju tad-dritt inkwistjoni u ma jistax ikollhom il-protezzjoni ġudizzjarja (90).

111. Għal dak li għandu x’jaqsam mad-dritt tal-Unjoni, peress li dan il-kunċett ma jirriżultax fid-dritt sekondarju ħlief b’mod irregolari (91), l-istudju tiegħu jippresupponi referenza għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Din tal-aħħar tara fih, minn naħa, prinċipju tad-dritt nazzjonali, fil-kuntest fejn suġġett tad-dritt jipprevalixxi ruħu mid-dritt tal-Unjoni “bl-uniku għan li jaħrab mill-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali” (92), u, min-naħa l-oħra, prinċipju tad-dritt tal-Unjoni, fil-kuntest fejn suġġett tad-dritt “juża b’mod frawdolenti jew eċċessiv dritt konċess lilu mid-dritt tal-Unjoni” (93).

112. Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kunċett tal-abbuż ta’ dritt jikkostitwixxi kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni, skont liema kunċett “id-dikjarazzjoni li l-kwistjoni hija waħda ta’ prattika abbużiva tenħtieġ, minn naħa, il-konkorrenza ta’ ċirkustanzi oġġettivi, minn fejn jirriżulta li, minkejja l-osservanza formali tal-kundizzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni [tal-Unjoni], l-għan fil-mira ta’ din il-leġiżlazzjoni ma ntlaħaqx. Hija meħtieġa, min-naħa l-oħra, element suġġettiv li jikkonsisti fil-volontà li jinkiseb xi benefiċċju li jirriżulta mil-leġiżlazzjoni [tal-Unjonia] billi jinħolqu b’mod artifiċjali l-kundizzjonijiet mitluba għall-kisba tiegħu” (94).

113. Għall-iskopijiet tad-direttiva, il-Kummissjoni tqis li l-abbuż huwa “imġieba artifiċjali li ssir biss bl-iskop li jinkiseb id-dritt ta’ moviment u reżidenza liberi skont il-liġi tal-Komunità li, għalkemm formalment ikun josserva l-kundizzjonijiet imfissra mir-regoli tal-Komunità, ma jkunx konformi ma’ dawk ir-regoli” (95).

114. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li huwa l-kompitu tal-qorti nazzjonali li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ dawn iż-żewġ elementi oġġettivi u suġġettivi, li l-prova tagħhom trid tiġi prodotta skont ir-regoli tad-dritt nazzjonali, “kemm-il darba ma tiġix ippreġudikata l-effikaċja tad-dritt [tal-Unjoni]” (96). Fakkret ukoll li l-implementazzjoni tar-regola nazzjonali relatata mal-abbuż ta’ dritt ma tistax tippreġudika l-effett sħiħ u l-applikazzjoni uniformi tad-dispożizzjonijiet tal-Unjoni fl-Istati Membri u, b’mod partikolari, il-qrati nazzjonali ma jistgħux, fl-evalwazzjoni tal-eżerċizzju ta’ dritt li jirriżulta minn dispożizzjoni tal-Unjoni, ibiddlu l-portata ta’ din id-dispożizzjoni jew jikkompromettu l-għanijiet fil-mira tagħha (97).

115. F’dan ir-rigward, ma jidhirlix li hemm dubju li r-Renju Unit ma pproduċiex il-prova tal-abbuż ta’ dritt, peress li l-ebda element, la oġġettiv u lanqas suġġettiv, ma jista’ jiġi identifikat fil-każ preżenti. Madankollu, jidhirli li iktar huwa xieraq li tiġi approfondita l-pożizzjoni esposta fl-analiżi tiegħi tal-Artikolu 35 tad-Direttiva 2004/38 fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u b’qies għall-argumenti mressqa mir-Renju Unit.

2.      Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 35 tad-Direttiva 2004/38 fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja

116. L-Artikolu 35 tad-Direttiva 2004/38 jippermetti lill-Istati Membri, f’każ ta’ abbuż tad-dritt jew ta’ frodi, bħaż-żwiġijiet ta’ konvenjenza, li jadottaw il-miżuri meħtieġa sabiex jirrifjutaw, jannullaw, jew jirtiraw kwalunkwe dritt mogħti permezz ta’ din id-direttiva.

117. F’dan ir-rigward, tqum il-kwistjoni dwar it-tip ta’ miżuri li l-Istati Membri jistgħu jadottaw sabiex jipproteġu lilhom infushom kontra l-abbuż ta’ dritt abbażi ta’ dan l-artikolu: huma biss miżuri individwali li jistgħu jiġu adottati jew anki miżuri ta’ applikazzjoni ġenerali u preventiva?

118. Sabiex wieħed iwieġeb għal din il-mistoqsija, huwa meħtieġ li l-Artikolu 35 jiġi moqri fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punti 112 u 114 iktar ʼil fuq li tiddikjara li sabiex jiġi stabbilit hemmx abbuż ta’ dritt għall-finijiet tal-imsemmi artikolu, huwa meħtieġ li jsir eżami f’żewġ stadji sabiex jiġu vverifikati l-imsemmija elementi oġġettivi u suġġettivi (98).

119. Qabel ma nipproċedi għal tali eżami, huwa meħtieġ li wieħed jistaqsi liema huwa l-għan aħħari tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2004/38.

120. F’dan ir-rigward, mill-qari tal-premessa 5 ta’ din id-direttiva jirriżulta li “[i]d-dritt taċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni li jiċċaqalu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri għandu, jekk se jiġi eżerċitat taħt il-kondizzjonijiet objettivi tal-libertà u d-dinjità, jingħata wkoll lill-membri tal-familja tagħhom, irrispettivament miċ-ċittadinanza […]”.

121. Għal dak li għandu x’jaqsam, fl-ewwel lok, mat-totalità taċ-ċirkustanzi oġġettivi, li minnhom ikun jirriżulta li, minkejja l-osservanza formali tal-kundizzjonijiet previsti fid-Direttiva 2004/38, l-għan tal-Artikolu 5(2) tiegħu ma jkunx intlaħaq, l-awtoritajiet tar-Renju Unit naqsu, għal kollox, mill-obbligu tagħhom li jeżaminawhom. Infakkar li minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-eżami tal-aġir implikat fil-kuntest ta’ abbuż ta’ dritt għandu jsir in concreto (99). Għalhekk, kif jirriżulta mill-biċċa l-kbira tal-osservazzjonijiet bil-miktub sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 35 tad-Direttiva 2004/38 jeżiġi l-konstatazzjoni ta’ abbuż ta’ dritt f’każ konkret, sabiex id-detenturi ta’ permess ta’ residenza jkunu jistgħu jiġu mċaħħda, fis-sens tal-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva, mid-dritt mogħti mill-Artikolu 5 ta’ dħul mingħajr viża.

122. Nista’ nikkonferma mingħajr tlaqliq għalhekk li, fil-kawża preżenti, l-element oġġettiv tal-abbuż ta’ dritt allegat mis-Secretary of State huwa nieqes, peress li l-għan aħħari tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2004/38, fl-opinjoni tiegħi, intlaħaq. Fil-fatt, l-eżerċizzju tad-dritt ta’ moviment tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali wassal de facto għall-istabbiliment tagħhom fi Stat Membru, jiġifieri Spanja, bl-intenzjoni li jirrisjedu hemmhekk flimkien u l-volontà li jmorru r-Renju Unit għal perijodi qosra ta’ residenza. Fi kliem ieħor, l-osservanza ta’ din id-dispożizzjoni ma hijiex biss formali. Iċ-ċaqliq tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma huwiex artifiċjali iżda reali. Dan iċ-ċaqliq jikkorrispondi għal użu leġittimu tad-dritt tagħhom tal-moviment liberu, peress li la riedu jaħarbu mil-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit, lanqas jużaw b’mod frawdolenti u eċċessiv id-drittijiet mogħtija mill-imsemmija direttiva, u dan mhux qed jiġi kkontestat mir-Renju Unit.

123. Għal dak li għandu x’jaqsam, fit-tieni lok, mal-element suġġettiv li jikkonsisti fil-volontà li jinkiseb vantaġġ abbażi tad-Direttiva 2004/38, huwa evidenti li dan tal-aħħar huwa wkoll nieqes. Fil-fatt, l-awtoritajiet tar-Renju Unit ma sejsux ruħhom fuq l-aġir individwali tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali sabiex jissospendu l-applikazzjoni tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2004/38.

124. Min-naħa l-oħra, kemm fl-osservazzjonijiet tagħhom bil-miktub kif ukoll waqt is-seduta tas-sottomisssjonijiet orali, l-awtoritajiet tar-Renju Unit ma kkontestawx l-awtentiċità taż-żwieġ ta’ S. u H. McCarthy u lanqas il-fatt li l-koppja effettivament tgħix bħala familja fi Spanja. F’dan ir-rigward, iż-żwieġ ma jistax jiġi kkwalifikat bħala wieħed ta’ konvenjenza għall-finijiet tad-Direttiva 2004/38 ħlief meta dan iż-żwieġ ikun seħħ “unikament bl-għan li wieħed jibbenefika mil-libertà ta’ moviment u ta’ residenza bis-saħħa ta’ din id-direttiva, li minnha l-persuna kkonċernata ma setgħatx tibbenefika b’mod ieħor” (100).

125. Infakkar sussegwentement li l-miżuri previsti mill-Artikolu 35 tad-Direttiva 2004/38 huma suġġetti għall-Artikoli 30 u 31 ta’ din tal-aħħar. B’hekk, kif jirriżulta mill-biċċa l-kbira tal-osservazzjonijiet sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja, miżura ta’ applikazzjoni ġenerali xxejjen mis-sustanza tagħhom il-garanziji proċedurali previsti minn dawn l-artikoli. Konsegwentement, il-miżuri stabbiliti mill-Artikolu 35 huma miżuri individwali li ma jiġġustifikawx sospensjoni sistematika tad-drittijiet mogħtija minn din id-direttiva. Għall-kuntrarju, sospensjoni sistematika tal-imsemmija drittijiet ma tagħtix, la lil qorti nazzjonali u lanqas lill-Qorti tal-Ġustizzja, il-possibbiltà li jiġi vverifikat jekk il-kundizzjonijiet li wasslu lill-awtoritajiet tar-Renju Unit sabiex iwarrbu dan id-dritt fil-każ preżenti effettivament jikkonkorrux.

126. Skont il-linji gwida, is-sistema tad-Direttiva 2004/38 hija msejsa biss fuq deċiżjonijiet individwali u l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jagħtu importanza liċ-ċirkustanzi kollha tal-każ partikolari. Iktar preċiżament, għandhom jeżaminaw l-aġir tal-persuni kkonċernati fid-dawl tal-għanijiet fil-mira tad-dritt tal-Unjoni u jibbażaw ruħhom fuq elementi oġġettivi (101).

127. Fil-fatt, kif ġustament tiddikjara l-Kummissjoni fl-imsemmija linji gwida, fl-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ abbuż ta’ dritt fil-kuntest tad-Direttiva 2004/38, huwa meħtieġ li l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni jingħata kull attenzjoni li jistħoqqlu. Skont il-prinċipju tas-supremazija tad-dritt tal-Unjoni, l-eżami tal-użu, potenzjalment abbużiv, tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni għandu jsir fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni, u mhux fir-rigward tal-leġiżlazzjoni nazzjonali relatata mal-migrazzjoni. Id-direttiva ma timpedixxix lill-Istati Membri milli jinvestigaw każijiet individwali fejn ikun hemm suspetti leġittimi ta’ abbuż ta’ dritt. Madankollu, id-dritt tal-Unjoni jimpedixxi l-verifiki sistematiċi. Barra minn hekk, il-miżuri meħuda mill-Istati Membri fil-ġlieda kontra ż-żwiġijiet ta’ konvenjenza ma għandhomx ikunu ta’ natura dissważiva għaċ-ċittadini tal-Unjoni u għall-membri tal-familja tagħhom sabiex jeżerċitaw id-dritt tagħhom tal-moviment liberu, jew tali li jtellfuhom inġustament mit-tgawdija tad-drittijiet leġittimi tagħhom. Ma għandhomx jikkompromettu l-effikaċja tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u lanqas iwasslu għal diskriminazzjonijiet imsejsa fuq in-nazzjonalità (102).

128. Fl-aħħar nett, ma jidhirlix li hemm dubju li r-Renju Unit, fl-evalwazzjoni tal-eżerċizzju tad-dritt tad-dħul ta’ H. McCarthy, li joħroġ mill-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2003/38, biddel il-portata ta’ din id-dispożizzjoni billi ikkomprometta l-għanijiet fil-mira tagħha. F’dan ir-rigward, ir-Renju Unit jippretendi li abbuż ta’ dritt jista’ jiġi riżolt sempliċiment billi tiġi eliminata d-dispożizzjoni fil-mira ta’ abbuż potenzjali tad-dritt, li, fl-opinjoni tiegħi, imur kontra l-kunċett stess ta’ abbuż ta’ dritt u jikkomprometti l-għanijiet fil-mira tad-Direttiva 2004/38.

3.      Fuq l-oġġezzjonijiet allegati mir-Renju Unit

129. Kuntrarjament għall-partijiet l-oħra u l-intervenjenti li ppreżentaw osservazzjonijiet, ir-Renju Unit saħaq, fil-kitbiet tiegħu kif ukoll waqt is-seduta tas-sottomissjonijiet orali, li kien attwalment ikkonfrontat minn numru sinjifikattiv ta’ użi abbużivi tad-dritt ta’ dħul ta’ membri tal-familja, ċittadini ta’ Stat terz, sabiex jiġu evitati l-kontrolli fil-qasam tal-immigrazzjoni u dawk fil-fruntieri. Huwa kkwalifika din is-sitwazzjoni ta’ “abbuż ta’ dritt sistematiku”.

130. Skont ir-Renju Unit, kieku kellu jaċċetta li l-permessi kollha ta’ residenza, allegatament maħruġa skont l-Artikolu 10 tad-direttiva, jeżoneraw liċ-ċittadini ta’ Stati terzi minn kwalunkwe kontroll tal-viżi, dawn il-permessi jkunu jippermettu dħul iktar faċli fit-territorju tiegħu. F’dan ir-rigward, il-Gvern tar-Renju Unit jindika li ressaq biżżejjed provi insostenn tal-eżistenza ta’ abbuż ta’ dritt sistematiku.

131. Anki jekk l-użu tal-aġġettiv “sistematiku” ma jidhirlix li huwa kompatibbli mal-kunċett tal-abbuż ta’ dritt fil-kuntest tad-dritt tal-Unjoni, huwa meħtieġ madankollu li jiġi eżaminat jekk il-provi prodotti minn dan l-Istat Membru jissodisfawx il-kundizzjonijiet rikjesti minn dan il-kunċett.

132. Id-dokumenti ppreżentati mir-Renju Unit bħala prova jikkonċernaw, b’mod partikolari, studju li twettaq fl-2011 mis-servizz tal-kontrolli transkonfinali ta’ dan l-Istat Membru, li identifika 1 494 “tentattiv” ta’ użu ta’ dokumenti foloz miksuba b’mod frawdolenti permezz ta’ żwiġijiet fittizji jew ta’ provi foloz ġustifikattivi (103). B’mod partikolari, ir-Renju Unit iħabbat wiċċu mal-użu ta’ dokumenti foloz jew dokumenti miksuba b’mod frawdolenti permezz ta’ żwiġijiet ta’ konvenjenza jew provi foloz ġustifikattivi (104). Analiżi ta’ permessi ta’ residenza maħruġa mill-Istati Membri l-oħra, imwettqa minn awtorità fir-Renju Unit, żvelat li dawk maħruġa minn tnax-il Stat Membru ma kinux jissodisfaw ir-regoli minimi tas-sigurtà stabbiliti mill-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, għad-dokumenti tal-ivvjaġġar tal-Unjoni. Barra minn hekk, il-frodi u l-abbuż ta’ drittijiet tal-moviment liberu minn ċittadini ta’ Stati terzi ġew irrikonoxxuti bħala problema serja mill-Istati Membri (105). L-assenza ta’ regoli minimi uniformi għall-permessi ta’ residenza previsti fl-Artikolu 10 u r-riskju ta’ użu abbużiv li jirriżulta minnhom sabiex jiġu evitati l-kontrolli fil-qasam tal-imigrazzjoni huma ta’ preokkupazzjoni, b’mod partikolari għar-Renju Unit.

133. Jidher b’mod ċar li l-provi ppreżentati mir-Renju Unit ma jistgħux jitqiesu bħala provi konkreti marbuta mal-aġir individwali tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali. Dawn il-provi ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet oġġettivi u suġġettivi rikjesti għall-finijiet tal-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ abbuż ta’ dritt f’każ konkret, kif jirriżultaw mill-punti 121 sa 127 ta’ dawn il-kundizzjonijiet. F’dan ir-rigward, infakkar li ma ġiex ikkontestat li l-aġir tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma jikkostitwixxix abbuż ta’ dritt fis-sens tad-dritt tal-Unjoni.

134. Għandu jitfakkar ukoll li preżunzjoni ġenerali ta’ frodi ma tistax tkun suffiċjenti sabiex tiġġustifika miżura li tippreġudika l-għanijiet tat-Trattat FUE (106). L-evalwazzjoni tal-aġir abbużiv taqa’, fil-prinċipju, fl-ambitu tal-qrati nazzjonali, iżda l-evalwazzjoni tagħhom ma għandha, fl-ebda każ tpoġġi fil-perikolu l-uniformità u l-effikaċja tad-dritt tal-Unjoni (107).

135. Barra minn hekk, għal dak li għandu x’jaqsam mal-assenza ta’ osservanza tar-regoli minimi tas-sigurtà, stabbiliti mill-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, li għaliha jirreferi r-Renju Unit, ir-rappreżentant tar-Renju ta’ Spanja enfasizza waqt is-seduta li l-permessi ta’ residenza tal-membri tal-familja tal-Unjoni ta’ ċittadin tal-Unjoni maħruġa mill-awtoritajiet Spanjoli kienu josservaw ir-regoli ta’ din l-organizzazzjoni.

136. Fi kwalunkwe każ, għal dak li għandu x’jaqsam man-nuqqas ta’ osservanza potenzjali tar-regoli ta’ sigurtà implementati mir-Renju ta’ Spanja fit-territorju tiegħu, nixtieq nenfasizza li n-nuqqas ta’ osservanza potenzjali tad-Direttiva 2004/38 minn Stat Membru ma jaqax fl-ambitu tal-abbuż ta’ dritt u għalhekk ma huwiex kopert mill-Artikolu 35 ta’ din tal-aħħar (108).

137. Għal dak li għandu x’jaqsam mal-permess tal-familja, inqis li dan tal-aħħar huwa sempliċiment ekwivalenti għal obbligu ta’ viża, li mhux biss tmur kontra l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2004/38, iżda wkoll kontra l-għanijiet u s-sistema ta’ din tal-aħħar. Ċertament li l-permess ta’ residenza maħruġ skont l-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva huwa ta’ natura dikjaratorja u ma jikkostitwixxix dritt, peress li dan ma jagħmel xejn ħlief jikkonferma dritt li diġà jeżisti. Madankollu, jista’ jiġi affermat li, meta l-kundizzjonijiet li jippermettu li wieħed jibbenefika mid-dritt tal-moviment liberu skont id-dritt tal-Unjoni huma ssodisfatti miċ-ċittadin ta’ Stat terz, membru tal-familja taċ-ċittadin tal-Unjoni, dan il-permess għandu jiġi aċċetat mill-Istati Membri (109).

138. Fl-aħħar nett, naħseb li l-awtorizzazzjoni ta’ Stat Membru sabiex jinjora permess ta’ residenza maħruġ minn Stat Membru ieħor, tmur kontra l-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku. Għandu jingħad li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-eżistenza ta’ drittijiet li jirriżultaw mill-moviment liberu ma hijiex possibbli mingħajr il-preżentazzjoni tad-dokumenti relatati mal-istat tal-persuni, li ġeneralment huma maħruġa mill-Istat tal-oriġini tal-ħaddiem. Minn dan isegwi li l-awtoritajiet amministrattivi u ġudizzjarji ta’ Stat Membru huma marbuta jirrispettaw iċ-ċertifikati u atti analogi relatati mal-istat tal-persuni li joħorġu mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra, sakemm l-eżattezza tagħhom ma hijiex serjament kompromessa permezz ta’ indikazzjonijiet konkreti relatati mal-każ individwali inkwistjoni (110).

139. F’dan ir-rigward, l-aċċettazzjoni li r-Renju Unit jista’ jimplementa miżuri ta’ applikazzjoni ġenerali tkun tfisser li Stat Membru jista’ jdur mad-dritt tal-moviment liberu u din għandha l-konsegwenza li Stati Membri oħra jkunu wkoll jistgħu jieħdu tali miżuri u jissospendu b’mod unilaterali l-applikazzjoni tad-direttiva.

140. Fl-opinjoni tiegħi għalhekk, il-provi prodotti mir-Renju Unit ma humiex suffiċjenti sabiex isostnu l-allegazzjoni tiegħu għal dak li għandu x’jaqsam mal-abbuż potenzjali ta’ dritt sistematiku.

141. Għal dawn ir-raġunijiet kollha, naħseb li jeħtieġ li tingħata risposta għall-ewwel u t-tielet domandi fis-sens li l-Artikolu 35 tad-Direttiva 2004/38 ma jippermettix li Stat Membru jadotta miżura ta’ applikazzjoni ġenerali li tikkonsisti fl-irtirar, għall-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li għandhom permess ta’ residenza li għadu validu u li nħareġ minn Stat Membru ieħor, tad-dritt tal-eżenzjoni mill-obbligu li jinkiseb il-viża, sakemm din il-miżura hija preventiva u ma hijiex ibbażata fuq il-konstatazzjoni preliminari ta’ abbuż ta’ dritt f’każ konkret.

C –    Fuq il-Protokoll Nru 20

142. Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qed tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, dwar il-kwistjoni jekk l-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 20 jippermettix lir-Renju Unit jimponi fuq ċittadini ta’ Stati terzi, detenturi ta’ permess ta’ residenza ta’ membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, maħruġ skont id-Direttiva 2004/38, li jkollhom fil-pusses tagħhom viża ta’ dħul li trid tinkiseb qabel ma jaslu fuq il-fruntiera.

143. Irid jingħad l-ewwel nett li l-valur legali ta’ protokolli ma jqajjem l-ebda dubju. Skont l-Artikolu 51 TUE, “[i]l-Protokolli u l-Annessi mat-Trattati għandhom jiffurmaw parti integrali minnu”. Għalhekk, fil-ġerarkija tar-regoli, il-protokolli ċertament li jiġu qabel id-dritt sekondarju tal-Unjoni.

144. Iktar preċiżament, il-Protokoll Nru 20 jikkostitwixxi deroga mill-obbligi li għandu r-Renju Unit u l-Irlanda skont l-Artikoli 26 TFUE u 77 TFUE, ibbażata fuq il-volontà tagħhom li jiġu esklużi mill-implementazzjoni tat-Titolu V tat-tielet parti tat-Trattat FUE, dwar l-ispazju ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja (111). Madankollu, kif indikat espressament il-Kummissjoni, dan il-protokoll ma għandux l-għan li jagħti xi privileġġi partikolari lir-Renju Unit, iżda ġie adottat sabiex jieħu konjizzjoni tax-xewqa ta’ dan l-Istat Membru li jżomm, minn naħa, il-kontrolli fil-fruntieri mal-biċċa kbira tal-Istati Membri u, min-naħa l-oħra, iż-“Żona Komuni għall-Ivjaġġar” li teżisti bejn ir-Renju Unit u l-Irlanda (112).

145. F’dan ir-rigward, skont l-Artikolu 2 tiegħu, il-Protokoll Nru 20 jippermetti lil dawn iż-żewġ Stati Membri jkomplu jikkonkludu bejniethom arranġamenti li jikkonċernaw il-moviment tal-persuni bejn it-territorji tagħhom (iż-“żona komuni tal-ivjaġġar”), bl-osservanza sħiħa tad-drittijiet tal-persuni msemmija fil-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 tal-imsemmi protokoll. Fil-fatt, jekk ir-Renju Unit jiddeċiedi li ma jipprevalixxix iktar ruħu mill-fakultà partikolari tan-nuqqas ta’ parteċipazzjoni fl-ispazju ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja, l-Irlanda tadotta l-istess deċiżjoni, għaliex il-pożizzjoni tagħha hija iġġustifikata biss bil-fatt li dan l-aħħar Stat Membru huwa marbut mar-Renju Unit permezz tal-imsemmija żona ta’ vvjaġġar komuni (113).

146. Barra minn hekk, l-Artikolu 3 jipprovdi li l-Istati Membri l-oħra huma intitolati jeżerċitaw fuq il-fruntieri tagħhom, jew fi kwalunkwe punt tad-dħul fit-territorju tagħhom, tali kontrolli fuq il-persuni li jfittxu li jidħlu fit-territorju tagħhom, li jkunu ġejjin mir-Renju Unit jew mill-Irlanda.

147. Fl-opinjoni tiegħi, l-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 20 għandu jiġi interpretat fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet.

148. L-ewwel nett, huwa “biss” fuq il-fruntieri tiegħu li r-Renju Unit jista’, permezz ta’ dan l-artikolu, jeżerċita l-kontrolli li huwa jqis li huma meħtieġa sabiex jivverifika l-eżistenza ta’ drittijiet ta’ dħul fit-territorju tiegħu, ta’ ċittadini ta’ Stati Membri jew ta’ dipendenti tagħhom li jkunu qed jeżerċitaw drittijiet mogħtija permezz tad-dritt tal-Unjoni.

149. Ċertament, la t-Trattat FUE u lanqas il-Protokoll Nru20 ma jipproponu definizzjoni tal-kunċett ta’ “kontroll fuq il-fruntieri”. Madankollu, l-Artikolu 2(9) tar-Regolament Nru 562/2006 jiddefinixxi il-“kontroll fuq il-fruntiera” bħala “l-attività mwettqa fuq fruntiera, skond u għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, bħala risposta esklussivament għal xi intenzjoni ta’ qsim jew l-att ta’ qsim ta’ dik il-fruntiera, irrispettivament minn kull konsiderazzjoni oħra, li tikkonsisti f’verifiki fuq il-fruntiera u sorveljanza fuq il-fruntiera”. Għalhekk, ċertament, fil-kawża preżenti, l-obbligu li jinkiseb permess tal-familja ma jikkostitwixxix verifika fuq il-fruntieri, b’mod partikolari, għaliex il-permess tal-familja għandu jiġu mitlub qabel il-vjaġġ fir-rappreżentanzi diplomatiċi tar-Renju Unit stabbiliti fl-Istati Membri.

150. Sussegwentement, ma hemmx dubju li d-Direttiva 2004/38 tkompli tapplika, kif jirriżulta b’mod ċar mill-Artikolu 1(a) tal-Protokoll Nru 20, li jirreferi għaċ-ċittadini ta’ Stati Membri jew dipendenti tagħhom li jkunu qed jeżerċitaw id-“drittijiet mogħtija lilhom bil-Liġijiet ta’ l-Unjoni”. Għalhekk, huwa fid-dawl tal-Artikolu 5(2) ta’ din id-direttiva, li tistabbilixxi d-dokumenti li jippermettu d-dħul ta’ membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni fit-territorju tal-Istati Membri, li d-drittijiet ta’ dħul tagħhom għandhom jiġu evalwati.

151. Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 1(a) tal-Protokoll Nru 20, il-kontrolli fuq il-fruntieri jinkludu, b’mod partikolari, l-eżami tad-dokumenti li jippermettu l-verifiki tal-eżistenza ta’ drittijiet tad-dħul tal-persuni kkonċernati fit-territorju tar-Renju Unit. Din il-verifika ma tawtorizzax madankollu lil dan l-Istat Membru li jirrifjuta, b’mod unilaterali, id-dħul taċ-ċittadini tal-Unjoni u ta’ membri tal-familja tagħhom li għandhom permess ta’ residenza abbażi tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/38, billi jimponi fuqhom, b’mod ġenerali, il-kisba u l-preżentazzjoni, fuq il-fruntieri, ta’ dokument supplimentari li mhux previst mid-dritt tal-Unjoni.

152. Nipproponi għalhekk li r-risposta għat-tieni domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 20 ma jippermettix lir-Renju Unit jimponi fuq iċ-ċittadini ta’ Stat terz, detenturi ta’ permess ta’ residenza ta’ membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, maħruġ skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/38, l-obbligu li jkollhom fil-pussess tagħhom viża tad-dħul li għandha tinkiseb qabel il-wasla tagħhom fuq il-fruntiera.

VI – Konklużjoni

153. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi magħmula mill-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court):

1)      L-Artikolu 35 tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE ma jippermettix li Stat Membru jadotta miżura ta’ applikazzjoni ġenerali, li tikkonsisti fl-irtirar, għall-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li għandhom permess ta’ residenza li għadu validu u li nħareġ minn Stat Membru, tad-dritt tal-eżenzjoni mill-obbligu li jinkiseb viża, sakemm din il-miżura hija preventiva u ma hijiex ibbażata fuq il-konstatazzjoni preliminari ta’ abbuż ta’ dritt f’każ konkret.

2)      L-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 20 dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti aspetti tal-artikolu 26 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għar-Renju Unit u għall-Irlanda ma jippermettix lir-Renju Unit jimponi fuq ċittadini ta’ Stat terz, detenturi ta’ permess ta’ residenza ta’ membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, maħruġ skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/38, l-obbligu li jkollhom fil-pussess tagħhom viża ta’ dħul li għandha tinkiseb qabel il-wasla tagħhom fuq il-fruntiera.


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46).


3 –      Protokoll dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti aspetti tal-artikolu 26 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għar-Renju Unit u għall-Irlanda.


4 – C‑456/12, EU:C:2014:135.


5 –      Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 tal-15 ta’ Marzu 2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti minn dik il-ħtieġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 65).


6 – Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 562/2006 tal-15 ta’ Marzu 2006 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (ĠU L 105, p. 1).


7 – Bl-użu tal-espressjoni “nazzjonalità Britannika”, ser nirreferi, hawnhekk u iktar ʼil quddiem, għar-redazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju.


8 – British subject with a right of abode in the United Kingdom.


9 – British Nationality Act 1948. An Act to make provision for British nationality and for citizenship of the United Kingdom and Colonies and for purposes connected with the matters aforesaid, 30th July 1948. Madankollu, skont id-dikjarazzjoni l-ġdida tar-Renju Unit tal-1 ta’ Jannar 1983, li tikkonċerna d-definizzjoni tat-terminu “ċittadini” (ĠU 1983, C 23, p. 1, iktar ’il quddiem id-“dikjarazzjoni tal-1983”), id-definizzjoni tat-terminu “ċittadini” għandha tinftiehem li tirreferi mhux biss għaċ-ċittadini Britanniċi stricto sensu, iżda wkoll għas-suġġetti Britanniċi li għandhom id-dritt ta’ residenza fir-Renju Unit u li huma, minħabba f’hekk, eżentati mill-kontroll tal-immigrazzjoni ta’ dan l-Istat Membru, bħal fil-każ ta’ S. McCarthy [id-dikjarazzjoni tal-1983 ġiet magħmula meta daħlet fis-seħħ, fl-1 ta’ Jannar 1983, il-Liġi tal-1981 dwar in-Nazzjonalità Britannika (British Nationality Act 1981)].


10 –      Mill-proċess jirriżulta li l-imsemmi permess ta’ residenza skada fil-25 ta’ April 2015.


11 – Il-Ministru tal-Intern tar-Renju Unit.


12 – Skont l-Artikolu 40 tal-Liġi tal-1999 relatata mal-Immigrazzjoni u l-Ażil (Immigration and Asylum Act 1999), fil-każ tan-nuqqas ta’ osservanza ta’ din l-obbligazzjoni, it-trasportaturi huma marbuta jħallsu multa.


13 – Qed jirreferu, f’dan ir-rigward, għall-proċedura ta’ tiġdid tal-“permess tal-familja”, li jobbligahom li jmorru u li joqogħdu Madrid.


14 – Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li s-Secretary of State jirreferi, b’mod partikolari, għall-analiżi imwettqa mill-aġenzija tal-protezzjoni u tal-fruntieri tar-Renju Unit fl-2011, dwar il-permessi ta’ residenza maħruġa minn Stati Membri oħra fir-rigward tar-regoli minimi għas-sigurtà, stabbiliti mill-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali għad-dokumenti tal-ivvjaġġar li jinqraw mekkanikament.


15 – Din ir-redazzjoni kif ukoll dik tal-“abbuż sistematiku” huma użati fid-deċiżjoni tar-rinviju biex jirreferu għall-użu abbużiv, minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi, tad-drittijiet ta’ moviment liberu, u b’mod partikolari, tad-dritt ta’ dħul li minnu jibbenefika l-membru tal-familja li ma huwiex ċittadin tal-EEE, sabiex jipprova jevita l-kontrolli nazzjonali fil-qasam tal-immigrazzjoni.


16 – Irid jiġi ppreċiżat, f’dan ir-rigward, li l-permessi ta’ residenza maħruġa mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u mir-Repubblika tal-Estonja jissodisfaw, fil-prinċipju, ir-regoli rilevanti tas-sigurtà, b’mod partikolari dawk stabbiliti mill-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, tant li hija prevista l-emenda tar-regolament dwar l-immigrazzjoni għal persuni li għandhom permess ta’ residenza maħruġ minn wieħed minn dawn l-Istati.


17 – Għal dak li għandu x’jaqsam mar-Repubblika tal-Polonja, hija qajmet biss il-kwistjoni tal-applikabbiltà ta’ din id-direttiva għall-kawża preżenti.


18 – Għandu jiġi osservat li l-Artikolu 17(1) preċedenti tat-Trattat KE kien jistabbilixxi li “ċ-Ċittadinanza ta’ l-Unjoni għandha tikkumplimenta u mhux tissotitwixxi iċ-ċittadinanza nazzjonali”. Din is-sentenza, li kienet ġiet miżjuda mit-Trattat ta’ Amsterdam (ĠU C 340, p. 1), kienet ġiet emendata permezz tat-Trattat ta’ Lisbona, li l-Artikolu 20(1) tiegħu jipprovdi li ċ-ċittadinanza “għandha tiżdied maċ-ċittadinanza nazzjonali u ma tissostitwihiex”. Ara wkoll Artikolu 9 tat-Trattat UE. Għal analiżi ta’ din l-emenda, ara H. De Waele, “EU citizenship: Revisiting its Meaning, Place and Potential”, European Journal of Migration and Law, 12 (2010), p. 319 sa 336, p. 320.


19 – Għal rakkont storiku tal-kostruzzjoni taċ-ċittadinanza Ewropea ara S. O’Leary, The evolving Concept of Community Citizenship, From the Free Movement of Persons to Union Citizenship, Den Haag, Londra, Boston (Kluwer), 1996, p. 4, u M. Carabot Benlolo, Les fondements juridiques de la citoyenneté européenne, Bruylant, 2007, p. 1.


20 – Ara rapport Tindemans tad-29 ta’ Diċembru 1975, Bulletin des Communautés européennes, suppliment 1/76, u rapport tal-Kumitat ad hoc “Europe des citoyens” tad-29 ta’ Marzu 1985, Bulletin des Communautés européennes, 85/3.


21 – Ara l-Artikoli 26 TFUE, 45TFUE, 49 TFUE u 56 TFUE. Id-drittijiet li minnhom jibbenefikaw il-ħaddiema impjegati, indipendenti jew li jipprovdu s-servizzi jippreċedu l-introduzzjoni taċ-ċittadinanza tal-Unjoni u jaqgħu fl-ambitu tas-suq intern.


22 – L-Artikolu 21 TFUE.


23 – Sondaġġi mwettqa fl-2010 wrew li kważi disa’ ċittadini minn kull għaxra jafu li għandhom id-dritt tal-moviment liberu. Ara rapport tal-2010 tal-Kummissjoni dwar iċ-ċittadinanza tal-Unjoni, “Inżarmaw l-ostakoli għad-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE, COM (2010) 603 finali, p. 16. Iċ-ċittadinanza tal-Unjoni hija kważi sinonima mal-libertà ta’ moviment. Ara proposta tad-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Awwissu 2011, dwar is-Sena Ewropea taċ-Ċittadini (2013), [COM (2011) 489 finali, p. 1].


24 – Ara, b’mod partikolari, dikjarazzjoni Nru 2 relatata man-nazzjonalità ta’ Stat Membru, annessa mill-Istati Membri mal-att finali dwar l-Unjoni Ewropea (ĠU 1992, C 191, p. 98), u Artikolu 3 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar in-Nazzjonalità, li l-Kunsill tal-Ewropa adotta fis-6 ta’ Novembru 1997 u li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Marzu 2000. Ir-Renju ta’ Spanja u r-Renju Unit la ffirmaw u lanqas irrattifikaw din il-konvenzjoni.


25 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Micheletti et (C‑369/90, EU:C:1992:295, punt 10); Kaur (C‑192/99, EU:C:2001:106, punt 19), u Zhu u Chen (C‑200/02, EU:C:2004:639, punt 37).


26 – Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 9.


27 – Għandu jiġi osservat li l-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-moviment liberu tal-persuni, il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi ma jkunux għal kollox imwettqa jekk Stat Membru jkun jista’ jirrifjuta l-benefiċċju tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni lil dawk minn fost iċ-ċittadini tiegħu li, stabbiliti fi Stat Membru ieħor li tiegħu għandhom ukoll in-nazzjonalità, jagħmlu użu mill-fakultà offruta mid-dritt tal-Unjoni li jeżerċitaw, fit-territorju tal-ewwel Stat, l-attivitajiet tagħhom fil-forma ta’ provvista ta’ servizzi. Ara s-sentenza Gullung (292/86, EU:C:1988:15, punt 12).


28 – EU:C:2014:135.


29 – Ibidem (punt 34).


30 – Ibidem (punt 35).


31 – Ibidem (punt 36).


32 – Ibidem (punt 37).


33 – L-enfasi hija tiegħi.


34 – Ara, b’mod partikolari, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża O. U B. ( EU:C:2013:837, punt 68).


35 – Ara s-sentenza Iida (C‑40/11, EU:C:2012:691, punt 57).


36 – L-enfasi hija tiegħi


37 – Ara s-sentenza O. u B. (EU:C:2014:135, punt 40).


38 – Ara s-sentenzi Metock et (C‑127/08, EU:C:2008:449, punti 59 u 82); McCarthy (C‑434/09, EU:C:2011:277, punt 28), u Dereci et (C‑256/11, EU:C:2011:734, punt 50).


39 – Ara s-sentenzi McCarthy (EU:C:2011:277, punt 33) u O. u B. (EU:C:2014:135, punt 41).


40 – Dan il-prinċipju huwa kkodifikat fl-Artikolu 3 tal-Protokoll Nru 4 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, tas-16 ta’ Settembru 1963, li jistabbilixxi li “[ħ]add ma għandu jiġi pprivat mid-dritt li jidħol fit-territorju tal-Istat li jkun ċittadin tiegħu”. Ninnota, madankollu, li r-Renju Unit ma rrattifikax dan il-protokoll. L-imsemmi protokoll daħal fis-seħħ fit-2 ta’ Mejju 1968.


41 – Sentenzi McCarthy (EU:C:2011:277, punt 29) u O. u B. (EU:C:2014:135, punti 41 u 42).


42 – Ara G. Gastaldi, “Citoyenneté de l’Union et libre circulation: du critère économique au statut unique”, Dossiers de droit européen, 28, 2013, p. 127.


43 – Ara s-sentenzi Singh (C‑370/90, EU:C:1992:296); Carpenter (C‑60/00, EU:C:2002:434) u Eind (C‑291/05, EU:C:2007:771).


44 – Ara s-sentenza Ruiz Zambrano (C‑34/09, EU:C:2011:124).


45 – Sentenza Grzelczyk (C‑184/99, EU:C:2001:458). Din il-ġurisprudenza ġiet ikkonfermata minn għadd ta’ sentenzi sussegwenti tal-Qorti tal-Ġustizzja, ara b’mod partikolari s-sentenza Huber (C‑524/06, EU:C:2008:724).


46 – Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, taċ-ċittadini tal-Unjoni li l-ġenituri tagħhom għandhom nazzjonalità differenti, iżda li huma għandhom biss in-nazzjonalità ta’ wieħed minn dawn l-Istati Membri.


47 – Huwa wkoll il-każ taċ-ċittadini tal-Unjoni li l-ġenituri tagħhom għandhom nazzjonalità differenti u li l-wild tagħhom twieled fi Stat Membru għajr dawk li tagħhom għandhom in-nazzjonalità.


48 – Id-dritt Litwan ma jipprevedix in-nazzjonalità doppja.


49 – F’sens kuntrarju, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston, O. u B. (EU:C:2013:837, punt 77).


50 – Ara sentenza Singh (EU:C:1992:296).


51 – Ara sentenza Eind (EU:C:2007:771).


52 – EU:C:1992:296.


53 – EU:C:2007:771.


54 – EU:C:1992:296.


55 – Id-drittijiet ta’ residenza sekondarji ġew rikonoxxuti mill-Qorti tal-Ġustizzja abbażi tal-Artikolu 52 tat-Trattat KEE (li sar l-Artikolu 49 TFUE) u tad-Direttiva tal-Kunsill 73/148/KEE tal-21 ta’ Mejju 1973 dwar l-abolizzjoni ta’ restrizzjonijiet fuq il-moviment u r-residenza fil-Komunità għal ċittadini ta’ Stati Membri f’dak li għandu x’jaqsam mal-istabbiliment u l-proviżjoni tas-servizzi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 167), li ġiet imħassra permezz tad-Direttiva 2004/38.


56 – Ara sentenza Singh (EU:C:1992:296, punti 19 u 20).


57 – Ibidem (punt 25).


58 – EU:C:2007:771.


59 – EU:C:2014:135..


60 – EU:C:2007:771.


61Ibidem.


62Ibidem (punt 32).


63 – Ibidem (dispożittiv).


64 – L-enfasi hija tiegħi.


65 – Sentenza O. u B. (EU:C:2014:135, punt 61 u dispożittiv).


66 – Sentenza O. u B. (EU:C:2014:135).


67Ibidem.


68 – EU:C:2002:434.


69 – Ibidem (punt 39).


70 – Ibidem (punt 41).


71 – C-457/12, EU:C:2014:136, punt 46 u d-dispożittiv.


72 – Li mhux il-każ fil-kawża preżenti.


73 – Ara, b’mod partikolari, sentenzi McCarthy (EU:C:2011:277); Dereci et (EU:C:2011:734), O et (C‑356/11 u C‑357/11, EU:C:2012:776) kif ukoll Ymeraga u Ymeraga Tafarshiku (C‑87/12, EU:C:2013:291).


74 – Ara s-sentenzi Dereci et (EU:C:2011:734, punt 56); Iida (EU:C:2012:691, punt 51); O et (EU:C:2012:776, punt 41), kif ukoll O. u B. (EU:C:2014:135, punt 39).


75 – EU:C:2011:277, punti 31 u 39.


76 – EU:C:2011:734, punt 54.


77 – EU:C:2012:776, punt 42.


78 – EU:C:2013:291, punt 30.


79 – EU:C:2012:691, punt 65.


80 – EU:C:2014:135 u EU:C:2014:136.


81 – Dawn iċ-ċittadini ma stabbilixxewx ruħhom fi Stat Membru ieħor, kif inhu l-każ ta’ S. McCarthy.


82 – Ara s-sentenza O. u B. (EU:C:2014:135, punt 53).


83 – Ara, b’analoġija, is-sentenzi Kempf (139/85, EU:C:1986:223, punt 13) u Jipa (C‑33/07, EU:C:2008:396, punt 23). Ara, ukoll, il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lil Parlament Ewropew u lill-Kunsill, dwar gwida għal traspożizzjoni u applikazzjoni aħjar tad-Direttiva 2004/38/KE [COM (2009) 313 finali, p. 3 (iktar ʼil quddiem il-“linji gwida”)].


84 – Sentenza Metock et (EU:C:2008:449, punt 84).


85 – Ara s-sottotitolu 3 tat-titolu A ta’ dawn il-konklużjonijiet.


86 – Irid jingħad hawnhekk li minbarra l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Artikolu 5 tad-Direttiva 2004/38, l-Istati Membri ma jistgħu jimponu l-ebda rekwiżit ieħor għad-dħul taċ-ċittadini, bħal viża tad-dħul. Ara s-sentenza Yiadom (C‑357/98, EU:C:2000:604, punt 23). Ara wkoll C. Barnard, The Substantive Law of the EU. The Four Freedoms, Oxford (Oxford University Press), 2010, p. 424.


87 – G. Cornu, Vocabulaire juridique, Paris, PUF, it-tmien edizzjoni, Ġunju 2009.


88 – D. Simon u A. Rigaux, “La technique de consécration d’un nouveau principe général du droit communautaire : l’exemple de l’abus de droit”, Mélanges en hommage à Guy Isaac : 50 ans de droit communautaire, tome 2 (2004), p. 559 sa 587, p. 563.


89 – “Die Ausübung eines subjektiven Rechts ist missbräuchlich, wenn sie zwar formell dem Gesetz entspricht, die Geltendmachung jedoch wegen der besonderen Umstände des Einzelfalls treuwidrig ist”. Ara Creifelds, Rechtswörterbuch, 20 edizzjoni, München 2011, p. 977.


90 – Ara l-Artikolu 5 tal-Kodiċi Ċivili Pollakk u P. Machnikowski, Kodeks cywilny – komentarz, E. Gniewek (editur), Varsavja, 2006, p. 14.


91 – Dan huwa, b’mod partikolari, il-każ tal-Artikolu 35 tad-Direttiva 2004/38.


92 – Kif preċiżat, dan il-kunċett jinkludi muntaturi purament artifiċjali jew frodi li hija kompetenza tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri l-abbuż li jista’ jikkonċerna l-applikabbiltà tad-dritt tal-Unjoni permezz tal-ħolqien artifiċjali ta’ element ta’ rabta ma’ dan id-dritt, F. Lagondet, loc. cit., p. 8.


93 – D. Simon u A. Rigaux, loc. cit., p. 564. Ara wkoll D. Waelbroeck, “La notion d’abus de droit dans l’ordre juridique communautaire”, Mélanges en hommage à Jean Victor Louis, vol. I (2003), p. 565 sa 616, p. 597.


94 – Sentenza Emsland-Stärke (C‑110/99, EU:C:2000:695, punti 52 u 53).


95 – Ara COM (2009) 313 finali, p. 15 u 16


96 – L-enfasi hija tiegħi. Sentenzi Emsland-Stärke (EU:C:2000:695, punti 52 sa 54) u, iktar riċentement, L-Ungerija vs Is-Slovakkja (C‑364/10, EU:C:2012:630, punt 58).


97 – Sentenzi Pafitis et (C‑441/93, EU:C:1996:92, punt 68) u Kefalas et (C‑367/96, EU:C:1998:222, punt 22).


98 – Ara konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża Bozkurt (C‑303/08, EU:C:2010:413, punt 67).


99 – Ara sentenzi Kefalas et (EU:C:1998:222, punt 28) u Diamantis, (C‑373/97, EU:C:2000:150, punt 34).


100 – Ara COM (2009) 313 finali, p. 16.


101 – Ara COM (2009) 313 finali, punt 4.3. Ara, ukoll, sentenza Metock et (EU:C:2008:449, punti 74 u 75).


102 – COM (2009) 313 finali, p. 16.


103 – Għandu jiġi nnutat li r-Renju Unit jikkwalifika bħala abbuż ta’ dritt, żewġ sitwazzjonijiet ġuridiċi għal kollox differenti, iż-żwiġijiet fittizji u l-użu ta’ provi foloz ġustifikattivi. Il-kunċett tal-abbuż ta’ dritt ma japplikax ħlief għal tal-ewwel.


104 – Skont dokument tal-Kummissjoni, wara talba tal-Kunsill, hija stiednet lill-Istati Membri jikkomunikawlha l-informazzjoni dwar l-eżerċizzju abbużiv tal-moviment liberu permezz ta’ żwiġijiet ta’ konvenjenza. Tnax-il Stat Membru pprovdew statistiċi li jikkonċernaw il-każijiet “identifikati”. Skont dan id-dokument, ir-Renju Unit ċaħad, billi bbaża ruħu fuq preokkupazzjonijiet marbuta mal-awtentiċità taż-żwiġijiet, 176 talba għall-permess tal-familja (minn 256 każ fejn kien hemm suspett ta’ abbuż u li jirrappreżentaw madwar 2 % tat-talbiet magħmula matul dan il-perijodu). Ara komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni tal-25 ta’ Novembru 2013 dwar il-moviment liberu taċ-ċittadini tal-UE u l-familji tagħhom: Ħames azzjonijiet li jagħmlu differenza, [COM (2013) 837 finali, p. 9].


105 – F’April 2012, il-Kunsill approva dokument li jistabbilixxi miżuri li għandhom jittieħdu, intitolat “L-azzjoni tal-UE dwar Pressjonijiet Migratorji - Rispons Strateġiku”, li waħda mill-prijoritajiet tar-risposta strateġika tiegħu hija s-“salvagwardja tal-moviment liberu billi jiġi pprevenuti l-abbużi minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi”.


106 – Ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C‑577/10, EU:C:2012:814, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata.


107 – D. Simon u A. Rigaux, Le système juridique communautaire, it-tielet edizzjoni, 2001, p. 582.


108 – Infakkar f’dan ir-rigward li, skont l-Artikoli 258 u 259 tat-Trattat FUE, fil-każ fejn Stat Membru jkun naqas minn wieħed mill-obbligazzjonijiet imposti fuqu skont it-trattati, huwa l-kompitu tal-Kummissjoni jew ta’ Stat Membru ieħor li jippreżenta rikors eventwali għall-konstatazzjoni tan-nuqqas ta’ twettieq ta’ obbligu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.


109 – Ara, f’dan is-sens, sentenza Dias (C‑325/09, EU:C:2011:498, punt 54).


110 – Ara, f’dan is-sens, sentenza Dafeki (C‑336/94, EU:C:1997:579, punt 19).


111 – Din il-volontà hija espressa wkoll għal dak li għandu x’jaqsam mal-acquis ta’ Schengen, integrat fil-kuntest tal-Unjoni Ewropea. Ara l-Protokoll Nru 19 dwar il-ftehim ta’ Schengen integrat fil-kuntest tal-Unjoni Ewropea.


112 – Dwar l-emendi mwettqa mit-Trattat ta’ Lisbona għall-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja, ara, b’mod partikolari, C. Chevallier-Govers “Le traité de Lisbonne et la différenciation dans l’espace de liberté, de sécurité et de justice”, Le traité de Lisbonne. Reconfiguration ou déconstitutionnalisation de l’Union européenne?, Bruylant, 2009, p. 271 et seq.


113 – Ara A.G. Toth, The legal effects of the protocols relating to the United Kingdom, Ireland and Denmark, in The European Union after Amsterdam. A legal analysis, 1998, p. 227 sa 252, p. 233 u C. Guillard, L’intégration différenciée dans l’Union européenne, thèse, Bruylant, 2006, p. 466.