Kawża C‑404/13

The Queen, fuq talba ta’:
ClientEarth

vs

The Secretary of State for the Environment, Food and Rural Affairs

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Supreme Court of the United Kingdom)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Ambjent — Kwalità tal-arja — Direttiva 2008/50/KE — Valuri limitu għad-diossidu tan-nitroġenu — Obbligu li jintalab posponiment tat-terminu ffissat billi jiġi ppreżentat pjan dwar il-kwalità tal-arja — Sanzjonijiet”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tad-19 ta’ Novembru 2014

1.        Ambjent — Tniġġis atmosferiku — Kwalità tal-arja fl-ambjent — Direttiva 2008/50 — Valuri limitu għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem — Diossidu tan-nitroġenu — Impossibbiltà li jiġu osservati l-valuri limitu f’żoni u f’agglomerazzjonijiet speċifiċi — Posponiment tat-termini — Kundizzjonijiet — Stabbiliment ta’ pjan dwar il-kwalità tal-arja — Tressiq ta’ talba — Eċċezzjonijiet għal dawn l-obbligi — Assenza

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2008/50, Artikolu 22(1) u Anness XI)

2.        Ambjent — Tniġġis atmosferiku — Kwalità tal-arja fl-ambjent — Direttiva 2008/50 — Valuri limitu għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem — Diossidu tan-nitroġenu — Impossibbiltà li jiġu osservati l-valuri limitu f’żoni u f’agglomerazzjonijiet speċifiċi — Assenza ta’ talba mill-Istat Membru kkonċernat sabiex jiġi pospost it-terminu ffissat mid-Direttiva — Stabbiliment ta’ pjan dwar il-kwalità tal-arja — Ċirkustanza insuffiċjenti sabiex tirrimedja n-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi li jirriżultaw mid-Direttiva

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2008/50, Artikoli 13 u 22(1), it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(1) u Anness XI)

3.        Ambjent — Tniġġis atmosferiku — Kwalità tal-arja fl-ambjent — Direttiva 2008/50 — Valuri limitu għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem — Diossidu tan-nitroġenu — Impossibbiltà li jiġu osservati l-valuri limitu f’żoni u f’agglomerazzjonijiet speċifiċi — Pjanijiet dwar il-kwalità tal-arja — Dritt għall-individwi kkonċernati direttament li jiksbu mingħand l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti l-istabbiliment ta’ tali pjan

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2008/50, Artikoli 13 u 22(1))

4.        Ambjent — Tniġġis atmosferiku — Kwalità tal-arja fl-ambjent — Direttiva 2008/50 — Valuri limitu għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem — Diossidu tan-nitroġenu — Nuqqas ta’ osservanza minn Stat Membru — Assenza ta’ talba sabiex jiġi pospost it-terminu ffissat mid-Direttiva — Obbligu għall-Istati Membri li jistabbilixxu pjan dwar il-kwalità tal-arja — Obbligu għall-qrati nazzjonali li jieħdu kwalunkwe miżura neċessarja sabiex jiżguraw li dan l-obbligu jiġi osservat

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2008/50, Artikoli 13 u 22(1) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(1))

1.        L-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2008/50, dwar il-kwalità tal-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa, għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex ikun jista’ jipposponi, għal massimu ta’ ħames snin, it-terminu ffissat minn din id-direttiva għall-osservanza tal-valuri limitu tad-diossidu tan-nitroġenu indikati fl-Anness XI tagħha, Stat Membru huwa obbligat iressaq talba għal tali posponiment u jistabbilixxi pjan dwar il-kwalità tal-arja, meta jkun jidher b’mod oġġettiv, fid-dawl tad-data eżistenti, u minkejja l-applikazzjoni minn dan l-Istat ta’ miżuri adegwati ta’ tnaqqis tat-tniġġis, li dawn il-valuri ma jistgħux jiġu osservati f’żona jew f’agglomerazzjoni partikolari fit-terminu indikat. Id-Direttiva 2008/50 ma tinkludi ebda eċċezzjoni għall-obbligu li jirriżulta mill-imsemmi Artikolu 22(1).

(ara l-punt 35 u d-dispożittiv 1)

2.        Fil-każ li jkun jidher li l-valuri limitu tad-diossidu tan-nitroġenu ffissati fl-Anness XI tad-Direttiva 2008/50, dwar il-kwalità tal-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa, ma jistgħux jiġu osservati, f’żona jew f’agglomerazzjoni partikolari ta’ Stat Membru, wara d-data tal-1 ta’ Jannar 2010 indikata f’dan l-anness, mingħajr ma dan tal-aħħar ikun talab il-posponiment ta’ din l-iskadenza skont l-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2008/50, it-tħejjija ta’ pjan dwar il-kwalità tal-ajru li jkun konformi mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2008/50 ma tistax tippermetti, fiha nfisha, li jiġi kkunsidrat li dan l-Istat madankollu ssodisfa l-obbligi imposti fuqu taħt l-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva.

F’dan ir-rigward, interpretazzjoni differenti tkun ta’ natura li tippreġudika l-effettività tal-Artikoli 13 u 22 tad-Direttiva 2008/50 billi tippermetti li Stat Membru jevita li josserva l-iskadenza imposta mill-Artikolu 13 taħt kundizzjonijiet inqas stretti minn dawk imposti mill-Artikolu 22.

Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni hija kkonfermata wkoll mill-konstatazzjoni li l-Artikoli 22 u 23 tad-Direttiva 2008/50 huma intiżi, bħala prinċipju, sabiex japplikaw għal sitwazzjonijiet differenti u għandhom portata differenti.

(ara l-punti 44, 46, 49 u d-dispożittiv 2)

3.        Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 52‑56)

4.        Meta Stat Membru ma jkunx osserva r-rekwiżiti li jirriżultaw mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/50, dwar il-kwalità tal-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa, filwaqt li ma jkunx talab il-posponiment tat-terminu taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 22 ta’ din id-direttiva, hija l-qorti nazzjonali li għandha ġurisdizzjoni, li tiġi eventwalment adita, li għandha tieħu kwalunkwe miżura neċessarja, bħal ordni, fil-konfront tal-awtorità nazzjonali, bil-għan li din l-awtorità tistabbilixxi l-pjan li teżiġi l-imsemmija direttiva taħt il-kundizzjonijiet previsti minnha.

F’dak li jirrigwarda l-kontenut ta’ dan il-pjan, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2008/50 jirriżulta li minkejja li l-Istati Membri għandhom ċertu marġni ta’ diskrezzjoni sabiex jiddeterminaw il-miżuri li għandhom jadottaw, dawn tal-aħħar għandhom, fi kwalunkwe każ, jippermettu li l-perijodu li matulu jinqabżu l-valuri limitu jkun l-iqsar possibbli.

(ara l-punti 57, 58 u d-dispożittiv 3)