SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

17 ta’ Lulju 2014 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja — Direttiva 2003/86/KE — Artikolu 4(5) — Leġiżlazzjoni nazzjonali li titlob li l-isponsor u l-konjuġi jkunu għalqu l-età ta’ 21 sena fil-mument tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni għar-riunifikazzjoni — Interpretazzjoni konformi”

Fil-Kawża C‑338/13,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ Mejju 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-20 ta’ Ġunju 2013, fil-proċedura

Marjan Noorzia

vs

Bundesministerin für Inneres,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta (Relatur), President tal-Awla, J. L. da Cruz Vilaça, G. Arestis, J.‑C. Bonichot u A. Arabadjiev, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. P. Mengozzi,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal M. Noorzia, minn L. Binder, avukat,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer, bħala aġent,

–        għall-Gvern Elleniku, minn M. Michelogiannaki, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Condou-Durande u W. Bogensberger, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-30 ta’ April 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(5) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE, tat-22 ta’ Settembru 2003, dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 224).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn M. Noorzia u l-Bundesministerin für Inneres (Ministru Federali tal-Intern, iktar ’il quddiem il-“Bundesministerin”) dwar iċ-ċaħda minn din tal-aħħar tal-applikazzjoni tagħha intiża sabiex tinkiseb awtorizzazzjoni ta’ stabbiliment għall-finijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2003/86 jipprevedi li:

“1.      [L]-Istati Membri għandhom jawtorizzaw id-dħul u r-residenza, skond din id-Direttiva u suġġetti għal konformita mal-kondizzjonijiet preskritti fil-Kapitolu IV, kif ukoll l-Artikolu 16, tal-membri tal-familja li ġejjin:

a)      il-konjugi ta’ l-isponsor;

[...]

5.      Biex tkun żgurata integrazzjoni aħjar u jkunu impeduti żwiġijiet furzati Stati Membri jistgħu jirrikjedu l-isponsor u l-mara tiegħu/r-raġel tagħha li jkunu ta’ età minima, u għal massimu ta’ 21 sena, qabel ma l-konjugi ikun jista’ jingħaqad miegħu/magħha.

[...]”

 Id-dritt Awstrijak

4        Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li liġi applikabbli għall-kawża prinċipali hija l-Liġi dwar l-istabbiliment u r-residenza tal-barranin (Niederlassungs- und Aufenthaltsgesetz, BGBl. I, 100/2005, iktar ’il quddiem in-“NAG”), li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2006.

5        Fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti tal-kawża prinċipali (BGBl. I, 111/2010), l-Artikolu 46(4) tan-NAG jipprevedi li għandha tingħata, taħt ċerti kundizzjonijiet, awtorizzazzjoni ta’ stabbiliment lill-membri tal-familja ta’ ċittadini ta’ Stati terzi.

6        Il-punt 9 tal-Artikolu 2(1) tan-NAG jiddefinixxi l-kunċett ta’ “membru tal-familja” kif ġej:

“Membru tal-familja: il-konjuġi, il-wild minorenni mhux miżżewweġ, inkluż il-wild adottat, l-iben tar-rispett jew il-bint tar-rispett (nukleu tal-familja); kif ukoll l-imsieħba rreġistrati; il-konjuġi u l-imsieħba rreġistrati jridu jkunu diġà għalqu 21 sena meta jissottomettu l-applikazzjoni; fil-każ ta’ żwieġ poligamu, jekk wieħed mill-konjuġi diġà jgħix mal-isponsor fit-territorju federali, il-konjuġi l-oħra ma humiex membri tal-familja li għandhom id-dritt għal permess ta’ residenza.”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

7        M. Noorzia, li twieldet fl-1 ta’ Jannar 1989, hija ċittadina Afgana li applikat, fit-3 ta’ Settembru 2010, għal awtorizzazzjoni ta’ stabbiliment għall-finijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja ma’ żewġha, li twieled fl-1 ta’ Jannar 1990 u li huwa wkoll ċittadin Afgan u residenti fl-Awstrija.

8        Il-Bundesministerin ċaħdet din l-applikazzjoni permezz ta’ deċiżjoni tad-9 ta’ Marzu 2011 peress li, minkejja li r-raġel ta’ M. Noorzia għalaq 21 sena fl-1 ta’ Jannar 2011, fid-data tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni, fl-ambaxxata tal-Awstrija f’Islamabad (il-Pakistan), huwa ma kienx għadu għalaq din l-età u li, konsegwentement, ma ġietx issodisfatta kundizzjoni speċifika għar-riunifikazzjoni tal-familja.

9        Il-Bundesministerin sostniet li l-kundizzjoni li persuna tkun għalqet l-età ta’ 21 sena fid-data tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni kienet konformi mad-Direttiva 2003/86.

10      Il-qorti tar-rinviju, adita bl-appell ta’ M. Noorzia kontra d-deċiżjoni tal-Bundesministerin, tqis li l-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 2003/86 ma tindikax b’mod ċar il-mument li mill-perspettiva tiegħu għandu jiġi evalwat jekk persuna tkun għalqitx l-età minima ta’ 21 sena prevista f’din id-dispożizzjoni.

11      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgerichtshof (qorti amministrattiva) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“L-Artikolu 4(5) tad-Direttiva [2003/86] [...] għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni [tad-dritt nazzjonali] li tipprevedi li l-konjuġi u l-imsieħba [rreġistrati] għandhom ikunu għalqu 21 sena fil-mument li fih tiġi ppreżentata l-applikazzjoni sabiex jitqiesu bħala membri tal-familja eliġibbli għal riunifikazzjoni?”

 Fuq id-domanda preliminari

12      Qabelxejn, għandu jiġi osservat li, sabiex tiġi żgurata integrazzjoni aħjar u jiġu evitati żwiġijiet furzati, l-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 2003/86 jippermetti lill-Istati Membri li jiffissaw età minima, li ma tistax tkun iktar minn 21 sena, u li trid tkun intlaħqet mill-isponsor u mill-konjuġi tiegħu qabel ma l-konjuġi jkun jista’ jingħaqad mal-isponsor.

13      Madankollu, sa fejn din id-dispożizzjoni ma tiddefinixxix id-data li mill-perspettiva tagħha l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jistabbilixxu jekk il-kundizzjoni dwar din l-età minima hijiex issodisfatta, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 2003/86 għandux jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li l-konjuġi u l-imsieħba rreġistrati għandhom ikunu għalqu 21 sena fil-mument tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni sabiex jitqiesu bħala membri tal-familja eliġibbli għal riunifikazzjoni.

14      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, billi ma ppreċiżax jekk l-awtoritajiet nazzjonali għandhomx, sabiex jiddeterminaw jekk il-kundizzjoni dwar din l-età minima hijiex issodisfatta, jikkunsidraw il-kwistjoni mill-perspettiva tad-data tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni għall-finijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja jew tad-data li fiha tittieħed id-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni, il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jħalli lill-Istati Membri marġni ta’ diskrezzjoni, bil-kundizzjoni li ma tiġix ippreġudikata l-effettività tad-dritt tal-Unjoni.

15      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-età minima ffissata mill-Istati Membri bis-saħħa tal-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 2003/86 tikkorrispondi, fl-aħħar mill-aħħar, għall-età li fiha, skont l-Istat Membru kkonċernat, persuna titqies li kisbet maturità suffiċjenti mhux biss sabiex tirrifjuta żwieġ furzat iżda wkoll sabiex tagħżel volontarjament li tistabbilixxi ruħha f’pajjiż ieħor mal-konjuġi tagħha, sabiex hemmhekk tgħix miegħu ħajja tal-familja u tintegra ruħha.

16      Minn din il-perspettiva, għandu jiġi kkonstatat li miżura bħal dik fil-kawża prinċipali, li tirrikjedi li l-isponsor u l-konjuġi tiegħu jkunu għalqu l-età minima mitluba fid-data tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni, ma twaqqafx l-eżerċizzju tad-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja u lanqas ma tirrendi dan l-eżerċizzju eċċessivament diffiċli. Barra minn hekk, tali miżura ma taffettwax l-għan tal-prevenzjoni ta’ żwiġijiet furzati peress li hija tippermetti li jiġi preżunt li, minħabba maturità ikbar, ser ikun inqas faċli li l-persuni kkonċernati jiġu influwenzati sabiex jikkonkludu żwieġ furzat u jaċċettaw ir-riunifikazzjoni tal-familja jekk jiġi mitlub li jkunu għalqu l-età ta’ 21 sena fid-data tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni milli jekk ikunu għadhom ma għalqux din l-età fid-data msemmija.

17      Barra minn hekk, it-teħid inkunsiderazzjoni tad-data tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja sabiex jiġi ddeterminat jekk il-kundizzjoni tal-età minima hijiex issodisfatta huwa konformi mal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ ċertezza legali.

18      Fil-fatt, hekk kif osserva l-Gvern Awstrijak, il-kriterju marbut mad-data tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni jippermetti li jiġi ggarantit trattament identiku lill-applikanti kollha li jinsabu kronoloġikament fl-istess sitwazzjoni, billi jiġi żgurat li s-suċċess tal-applikazzjoni jkun jiddependi prinċipalment minn ċirkustanzi imputabbli lill-applikant u mhux lill-amministrazzjoni, bħal pereżempju ż-żmien meħud għall-ipproċessar tal-applikazzjoni.

19      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula hija li l-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 2003/86 għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li l-konjuġi u l-imsieħba rreġistrati għandhom ikunu għalqu 21 sena fil-mument tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni sabiex jitqiesu li huma membri tal-familja eliġibbli għal riunifikazzjoni.

 Fuq l-ispejjeż

20      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 4(5) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE, tat-22 ta’ Settembru 2003, dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja, għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li l-konjuġi u l-imsieħba rreġistrati għandhom ikunu għalqu 21 sena fil-mument tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni sabiex jitqiesu li huma membri tal-familja eliġibbli għal riunifikazzjoni.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.