Rikors ippreżentat fl-1 ta’ April 2019 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq

(Kawża C-276/19)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: A. X. P. Lewis, J. Jokubauskaitė, aġenti)

Konvenut: Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiddikjara li billi introduċa miżuri ġodda ta’ simplifikazzjoni li estendew ir-rata zero u l-eċċezzjoni għar-rekwiżit normali ta’ żamma ta’ reġistri tat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud previst mit-Terminal Markets Order 1973 inizjali mingħajr ma applika mall-Kummissjoni bil-għan li tinkiseb l-awtorizzazzjoni tal-Kunsill, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 395(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE 1 tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem id-“Direttiva tal-VAT”;

tikkundanna lir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Fit-28 ta’ Diċembru 1977, ir-Renju Unit innotifika miżuri speċjali li kienu jinkludu l-Value Added Tax (Terminal Markets) Order 1973 li jippermetti li, taħt ċerti kundizzjonijiet, kuntratti ta’ xiri fil-futur ta’ prodotti jiġu nnegozjati f’ċerti swieq fir-Renju Unit mingħjr VAT u mingħajr ir-rekwiżit ta’ żamma ta’ reġistri tal-VAT.

Il-Value Added Tax (Terminal Markets) Order 1973 ġie emendat diversi drabi sabiex numru ta’ swieq ta’ prodotti li ma kinux elenkati fin-notifika oriġinali jiġu inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu.

Il-Kummissjoni tallega li l-emendi għall-Value Added Tax (Terminal Markets) Order 1973 jestendu l-portata tad-deroga oriġinali li r-Renju Unit kien innotifika fl-1977. Dawn kellhom għalhekk jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 395(1) tad-Direttiva tal-VAT, iżda dan ma seħħx.

____________

1 ĠU 2006, L 347, p. 1.