SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tielet Awla)

18 ta’ Settembru 2013

Kawża F‑76/12

Sabine Scheidemann

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku – Uffiċjal – Trasferiment interistituzzjonali – Artikoli 43 u 45 tar-Regolamenti tal-Persunal – Promozzjoni– Punti ta’ mertu – Ugwaljanza fit-trattament – Awtonomija tal-istituzzjonijiet”

Suġġett :      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu S. Scheidemann titlob, essenzjalment, min-naħa, l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tat-13 ta’ Ottubru 2011, dwar it-trasformazzjoni tal-punti ta’ mertu akkwistati mir-rikorrenti fi ħdan il-Parlament Ewropew, u dik tal-lista tal-uffiċjali promossi fil-kuntest tal-proċedura ta’ evalwazzjoni u ta’ promozzjoni 2011, (ippubblikata fin-Nota Amministrattiva Nru 48/2011 tas-27 ta’ Ottubru 2011) li ma tinkludix isimha u, min-naħa l-oħra, jikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ħlas ta’ danni, stmati b’mod provviżorju u ex aequo et bono għal EUR 20 000, bħala kumpens għad-dannu materjali li hija sostniet minħabba din id-deċiżjoni;

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud. S. Scheidemann għandha tbati l-ispejjeż tagħha u hija kkundannata tbati l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.


Sommarju

Uffiċjali – Promozzjoni – Eżami komparattiv tal-merti – Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni – Portata – Awtonomija tal-istituzzjonijiet – Uffiċjal li eżerċita l-mobbiltà interistituzzjonali – Kompetenza kondiviża fil-qasam tal-evalwazzjoni tal-merti u ta’ promozzjoni – Assenza – Obbligu li jiġu applikati d-dispożizzjonijiet interni tal-istituzzjoni l-antika li jikkonċernaw l-allokazzjoni ta’ punti ta’ mertu u l-promozzjoni – Assenza

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 43, 45 u 110)

Għalkemm, skont il-prinċipju tal-uniċità tas-servizz pubbliku, kif stabbilit fl-Artikolu 9(3) tat-Trattat ta’ Amsterdam, l-uffiċjali kollha tal-istituzzjonijiet kollha tal-Unjoni huma suġġetti għall-istess Regolamenti tal-Persunal, tali prinċipju ma jimplikax li l-istituzzjonijiet għandhom neċessarjament jużaw b’mod identiku s-setgħa diskrezzjonali li ngħatatilhom mir-Regolamenti tal-Persunal. Kuntrarjament, fil-ġestjoni tal-persunal tagħhom, dawn tal-aħħar ibbenefikaw minn prinċipju ta’ awtonomija. L-Artikolu 43 tar-Regolamenti tal-Persunal jirreferi wkoll f’dan ir-rigward għad-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni għal kull istituzzjoni bil-għan li jiffissa l-kundizzjonijiet li fihom il-kompetenza, l-effiċjenza u l-kondotta fis-servizz ta’ kull uffiċjal ikunu s-suġġett ta’ rapport ta’ evalwazzjoni. Barra minn hekk, b’mod ġenerali, l-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal jippermetti lill-istituzzjonijiet, skont ċerti kundizzjonijiet formali, li jistabbilixxu d-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni li jistabbilixxu l-modalitajiet adegwati sabiex jiggarantixxu l-implementazzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal, u b’mod eċċezzjonali, jiġifieri meta d-dispożizzjonijiet tagħha ma humiex ċari u preċiżi sa tali punt li dawn ma jwasslux għal applikazzjoni mhux arbitrarja. Kif jirriżulta wkoll mill-Artikolu 2(2) tiegħu, ir-Regolamenti tal-Persunal ma jipprovdux għal kompetenza kondiviża fil-qasam tal-evalwazzjoni tal-merti u ta’ promozzjoni tal-persunal, b’mod partikolari fil-każ ta’ trasferiment interistituzzjonali, u kull istituzzjoni għandha d-dritt li tadotta, sabiex timplementa l-Artikoli 43 u 45 tar-Regolamenti tal-Persunal, il-qafas leġiżlattiv tagħha permezz tad-dispożizzjonijiet ġenerali tal-implementazzjoni adotatti skont l-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal.

Fil-każ ta’ uffiċjal li jkun ġie ttrasferit f’istituzzjoni oħra, billi jiġi impost fuq l-istituzzjoni l-ġdida l-obbligu li tapplika d-dispożizzjonijiet interni tal-istituzzjoni l-antika li jikkonċernaw l-allokazzjoni ta’ punti ta’ mertu u tal-promozzjoni, u b’mod partikolari l-miżuri ta’ applikazzjoni, għad-determinazzjoni tal-punti ta’ promozzjoni, dan għandu bħala effett li joħloq, fl-evalwazzjoni tal-merti, differenza ta’ trattament bejn uffiċjali tal-istituzzjoni l-ġdida, skont jekk jipprattikawx jew le l-mobbiltà bejn l-istituzzjonijiet. F’dan ir-rigward, huma l-istituzzjonijiet li għandhom jiżguraw, min-naħa, li l-mobbiltà ma toħloqx dannu għall-iżvolġiment tal-karriera tal-uffiċjali li jkunu qed jipprattikawha u, min-naħa l-oħra, li l-uffiċjali ttrasferiti ma jkunux ġew penalizzati taħt il-proċedura ta’ promozzjoni.

(ara l-punti 26 sa 28 u 32)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 9 ta’ Lulju 1997, Echauz Brigaldi et vs Il-Kummissjoni, T‑156/95, punt 53

It-Tribuanl għas-Servizz Pubbliku: 5 ta’ Lulju 2011, V vs Il‑Parlament, F‑46/09, punt 135