Rikors imressaq fis-6 ta' Awwissu 2007 - Dittert vs Il-Kummissjoni

(Kawża F-82/07)

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Daniel Dittert (il-Lussemburgu, il-Lussemburgu) (rappreżentant: B. Cortese u C. Cortese, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrent

l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej li tagħti promozzjoni lir-rikorrent għall-grad AD 9, u mhux għall-grad AD 10, bħala parti mill-proċedura ta' promozzjoni 2006, kif ikkonfermata mid-deċiżjoni ta' din l-istess istituzzjoni tat-23 ta' April 2007, li tiċħad l-oġġezzjoni tar-rikorrent Nru R/132/07;

tikkundanna lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej tbati l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrent, uffiċjal permanenti tal-Kummissjoni, peress li ġie promoss għall-grad qadim A 7 b'effett mill-1 ta' April 2002, kien promovibbli fit-30 ta' April 2004 għall-grad A 6. Fl-1 ta' Mejju 2004, l-Awtorità tal-Ħatra ssostiwiet il-grad A 7 fil-fajl personali tar-rikorrent għall-grad il-ġdid A*8 filwaqt li indikat bħala raġuni għall-emenda "riforma fil-karrieri ta' l-1 ta' Mejju 2004". Sussegwentement, il-grad A*8 ingħata l-isem ta' AD 8 b'effett mill-1 ta' Mejju 2006.

Ir-rikorrent isostni li kemm l-uffiċjali promossi fl-2004 kif ukoll dawk promossi fl-2005 jew fl-2006 mill-grad il-qadim A 7 ġew promossi wara li daħlu fis-seħħ emendi għar-Regolamenti tal-Persunal, fejn ta' l-ewwel ġew innominati għall-grad A*10/AD 10 filwaqt li l-oħrajn, fosthom ir-rikorrent, ġew innominati għall-grad A*9/AD 9. Ir-rikorrent jinvoka ksur tal-prinċipji ta' trattament ugwali u ta' possibbiltajiet ugwali għall-karriera.

____________