SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
(L-Ewwel Awla)

15 ta’ Frar 2011

Kawża F-76/09

AH

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Sigurtà soċjali — Artikoli 72 u 76a tar-Regolamenti tal-Persunal — Dispożizzjonijiet ġenerali ta’ eżekuzzjoni — Stat ta’ dipendenza — Konjuġi superstiti ta’ uffiċjal irtirat — Ċaħda tat-talba għat-teħid tar-responsabbiltà sħiħa tal-ispejjeż ta’ preżenza ta’ infermiera u għall-għoti ta’ għajnuna finanzjarja — Rikors tardiv — Inammissibbiltà”

Suġġett:      Rikors ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu AH titlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, fil-kwalità tagħha ta’ Awtorità tal-Ħatra, tat-22 ta’ Ġunju 2009, li tiċħad it-talba tagħha intiża għar-rimbors tal-ispejjeż għal kura fid-dar.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud bħala inammissibbli. AH għandha tbati l-ispejjeż kollha.

Sommarju

1.      Proċedura — Rikors promotur — Rekwiżiti proċedurali

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-tielet paragrafu tal-Artikolu 19 u Anness I, Artikolu 7(1) u (3); Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 35(1)(e))

2.       Uffiċjali — Rikors — Ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel — Termini — Natura ta’ ordni pubbliku

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

3.      Uffiċjali — Rikors — Ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel — Kunċett

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 90(2))

1.      Skont l-Artikolu 35(1)(e) tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, ir-rikors għandu jinkludi espożizzjoni tal-motivi u tal-argumenti fattwali u legali invokati. Dawn l-elementi għandhom ikunu ċari u preċiżi biżżejjed sabiex il-konvenut ikun jista’ jipprepara d-difiża tiegħu u l-imsemmi Tribunal ikun jista’ jiddeċiedi dwar ir-rikors, jekk ikun il-każ mingħajr informazzjoni addizzjonali. Sabiex tiġi ggarantita ċ-ċertezza legali u amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, huwa meħtieġ, sabiex rikors ikun ammissibbli, li l-elementi essenzjali ta’ fatt u ta’ dritt li jkun ibbażat fuqhom ir-rikors jirriżultaw b’mod koerenti u komprensibbli mit-test tar-rikors stess.

Dan huwa a fortiori l-każ peress li, skont l-Artikolu 7(3) tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-fażi bil-miktub tal-proċedura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tinkludi, fil-prinċipju, skambju wieħed biss ta’ noti, ħlief jekk ikun hemm deċiżjoni kuntrarja mill-imsemmi Tribunal.

It-tielet paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku skont l-Artikolu 7(1) tal-Anness I tal-istess statut, jipprovdi li l-partijiet minbarra l-Istati Membri, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, l-Istati partijiet kontraenti fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) u l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Kummerċ Ħieles (EFTA) li hija koperta mill-imsemmi ftehim, għandhom jiġu rrappreżentati minn avukat. L-irwol prinċipali ta’ dan tal-aħħar, bħala rappreżentant legali, huwa li jiżgura li l-kapijiet tat-talbiet tar-rikors ikunu bbażati fuq argumentazzjoni legali li hija suffiċjentement komprensibbli u koerenti, fid-dawl preċiżament tal-fatt li l-proċedura bil-miktub quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tinkludi, fil-prinċipju, skambju wieħed biss ta’ noti.

Fil-każ li r-rikors ma jkun jippreżenta ebda motiv jew argument insostenn tal-annullament tad-deċiżjoni kkontestata u saħansitra lanqas isemmi d-dispożizzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal li fuqha huwa bbażat, tali rikors, b’mod manifest, ma jissodisfax il-kundizzjonijiet minimi ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni ta’ natura li tippermetti lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jiddeċiedi dwar dan il-kap tat-talbiet.

(ara l-punti 29 sa 33)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 28 ta’ April 1993, De Hoe vs Il‑Kummissjoni, T‑85/92, punt 20; 21 ta’ Mejju 1999, Asia Motor Franza et vs Il‑Kummissjoni, T‑154/98, punt 42; 15 ta’ Ġunju 1999, Ismeri Europa vs Il‑Qorti tal-Awdituri, T‑277/97, punt 29; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 26 ta’ Ġunju 2008, Nijs vs Il‑Qorti tal-Awdituri, F‑1/08, punt 25

2.      It-terminu ta’ tliet xhur għat-tressiq ta’ lment kontra att li jikkawża preġudizzju kif ukoll dak ta’ tliet xhur għall-preżentata ta’ rikors minn deċiżjoni espliċita jew impliċita ta’ ċaħda tal-ilment, previsti fl-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, huma ta’ natura ta’ ordni pubbliku u ma humiex suġġetti għad-diskrezzjoni tal-partijiet u tal-qorti, peress li dawn ġew stabbiliti bil-għan li tiġi żgurata ċ-ċarezza u ċ-ċertezza tas-sitwazzjonijiet ġuridiċi. Dawn it-termini għandhom jitqiesu li japplikaw għal kull kontestazzjoni ta’ att li jkun suġġett għall-istħarriġ mill-qorti tal-Unjoni, indipendentement min-natura tiegħu.

(ara l-punt 35)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 4 ta’ Frar 1987, Cladakis vs Il‑Kummissjoni, 276/85, punt 11; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 17 ta’ Ottubru 1991, Offermann vs Il‑Parlament, T‑129/89, punti 31 u 34; 8 ta’ Marzu 2006, Lantzoni vs Il‑Qorti tal-Ġustizzja, T‑289/04, punti 40 u 41