KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fit-3 ta’ Marzu 2011 (1)

Kawża C-506/08 P

Ir-Renju tal-Isvezja

sostnut

mir-Renju tad-Danimarka,

mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u

mir-Repubblika tal-Finlandja

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

sostnuta

mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja,

mir-Repubblika Franċiża, kif ukoll

mir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq

“Appell – Aċċess għad-dokumenti –Regolament (KE) Nru 1049/2001 – Rifjut ta’ aċċess – Eċċezzjoni li tirrigwarda l-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali – Eċċezzjoni li tirrigwarda l-protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji u tal-opinjonijiet legali – Interess pubbliku ikbar li jiġġustifika l-iżvelar – Dokumenti li jirrigwardaw id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fil-qasam tal-konċentrazzjoni – Akkwist ta’ First Choice plc minn Airtours plc”





I –    Introduzzjoni

1.        Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 TUE u l-Artikolu 10(3) TUE, fl-Unjoni Ewropea d-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu kemm jista’ jkun b’mod trasparenti. Għal din ir-raġuni, il-pubbliku ngħatalu d-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti skont l-Artikolu 15(3) TFUE (li qabel kien l-Artikolu 255 KE), l-Artikolu 42 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali kif ukoll skont ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (2).

2.        Madankollu, il-Kummissjoni Ewropea hija obbligata tiżvela d-diskussjonijiet interni li kienu seħħew fi ħdanha fir-rigward tal-konsegwenzi ta’ telfa li sofriet quddiem il-qrati tal-Unjoni fis-sentenza Airtours (3)? Jew daqstant trasparenza tippreġudika l-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-Kummissjoni? Din hija l-kwistjoni li qamet fil-kuntest ta’ dan l-appell kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-kawża MyTravel vs Il-Kummissjoni (4).

3.        Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, mir-Repubblika Franċiża u mir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, qegħda tibbaża ruħha fuq il-ħarsien tal-konsultazzjonijiet interni kif ukoll fuq il-ħarsien tal-opinjonijiet legali li, fil-fehma tagħha, jiġġustifikaw il-kunfidenzjalità ta’ dawn il-konsultazzjonijiet. Min-naħa l-oħra, ir-Renju tal-Isvezja, l-istess bħar-Renju tad-Danimarka, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u r-Repubblika tal-Finlandja, ma humiex jaċċettaw li ssir eċċezzjoni għat-trasparenza jekk ma jintweriex b’mod konkret li dawn l-affarijiet li qegħdin jitħarsu jkunu ser jiddgħajfu.

II – Il-kuntest ġuridiku

4.        Ir-Regolament Nru 1049/2001 jiddefinixxi l-prinċipji, il-kundizzjonijiet u l-limiti tad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet Ewropej, previsti fl-Artikolu 255 KE.

5.        L-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi li:

“Kull ċittadin ta’ l-Unjoni, u kull persuna naturali jew legali residenti jew bl-uffiċċju reġistrat f’Stat Membru, għandu dritt ta’ aċċess għad-dokumenti ta’ l-istituzzjonijiet, bla ħsara għall-prinċipji, kondizzjonijiet u limiti stipulati f’dan ir-Regolament”.

6.        L-Artikolu 4(2) u (3) tar-Regolament Nru 1049/2001 jipprovdi li:

“2.   L-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw aċċess għal dokument meta l-iżvelar tiegħu jista’ jdgħajjef il-ħarsien ta’:

–        [...]

–        proċedimenti fil-qrati u pariri legali,

–        l-iskop ta’ ispezzjonijiet, invesitgazzjoni u verifiki,

jekk ma’ jkunx hemm interess pubbliku akbar fl-iżvelar tiegħu.

3.     Aċċess għad-dokument, miktub minn instituzzjoni għall-użu intern jew irċevut minn instituzzjoni, dwar kwistjoni fejn id-deċiżjoni ma ttiħditx mill-istituzzjoni, għandu jiġi rifjutat jekk l-iżvelar tad-dokument serjament idgħajjef il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ l-istituzzjoni, jekk m’hemmx interess pubbliku akbar fl-iżvelar tiegħu.

Aċċess għad-dokument li fih opinjonijiet għall-użu intern bħala parti minn deliberazzjoni u konsultazzjonijiet preliminarji fl-istituzzjoni kkoncernat għandu jiġi rifjutat anke wara li tittieħed id-deċiżjoni jekk l-iżvelar tad-dokument serjament idgħajjef il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ l-istituzzjoni, jekk m’hemmx interess pubbliku akbar fl-iżvelar tiegħu”.

7.        Barra minn hekk, għandu jsir riferiment għad-dispożizzjonijiet ta’ proċedura fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet. L-Artikolu 18(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004, tal-20 ta’ Jannar 2004, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (5), jipprevedi dritt ta’ aċċess għad-dokumenti:

“Il-Kummissjoni għandha tibbaża d-deċiżjoni tagħha biss fuq oġġezzjonijiet li dwarhom il-partijiet setgħu jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom. Id-drittijiet ta’ difiża għandhom jiġu mħarsa waqt il-proċedimenti. Ta’ l-anqas il-partijiet involuti b’mod dirett għandu jkollhom aċċess għall-fajl. Dan, iżda, bla ħsara għall-interess leġittimu ta’ l-impriżi li s-sigrieti tan-negozju tagħhom ikunu protetti”.

8.        L-Artikolu 17(3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 802/2004, tas-7 ta’ April 2004, li jimplementa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (6), madankollu jeskludi d-dokumenti interni tal-Kummissjoni mill-aċċess għad-dokumenti:

“Id-dritt ta’ l-aċċess lejn file m’għandux jestendi għall-informazzjoni konfidenzali, jew għal dokumenti nterni tal-Kummissjoni jew ta’ l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri. Id-dritt ta’ l-aċċess lejn file għandhu egwalment ma jkunx estiż għall-korresspondenza bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet kompteneti tal-Istati Membri jew bejn dawn ta’ l-aħħar”.

9.        Id-dispożizzjoni li kienet applikabbli qabel, u b’mod partikolari, għall-każ Airtours/First Choice, l-Artikolu 17(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 447/98, tal-1 Marzu 1998, dwar n-notifiki, perijodi ta’ żmien u smiegħ tal-partijiet li hemm provduti fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4064/89 (7), kienet miktuba f’termini simili:

“Informazzjoni, inkluż dokumenti, ma għandhomx jiġu ikkomunikati jew jiġu magħmula aċċessibbli sakemm dawn ikun fihom sigrieti tal-kummerċ ta’ xi persuna jew impriża, inkluż il-partijiet li jagħmlu n-notifika, partijiet oħra nvoluti jew ta’ partijiet terzi, jew informazzjoni oħra kunfidenzali li l-iżvelar tagħha mhux meqjus neċessarju mill-Kummissjoni għall-fini tal-proċedura, jew fejn dokumenti interni ta' l-awtoritajiet huma ikkonċernati”.

III – Il-fatti

10.      Il-fatti tal-kawża, kif jirriżultaw mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali, huma dawn li ġejjin.

11.      B’sentenza tas-6 ta’ Ġunju 2002, Airtours vs Il-Kummissjoni (8), il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni bħala l-awtorità għall-kontroll tal-konċentrazzjonijiet, li pprojbixxiet lill-operatriċi tat-turs Airtours plc, li wara saret MyTravel Group plc (iktar ’il quddiem “MyTravel”), milli takkwista l-impriża kompetitriċi First Choice.

12.      Wara s-sentenza Airtours, il-Kummissjoni stabbilixxiet grupp ta’ ħidma li għaqqad xi uffiċjali tad-direttorat ġenerali (DĠ) “Kompetizzjoni” u tas-servizz legali sabiex jeżaminaw jekk kellux jiġi ppreżentat appell minn din is-sentenza u sabiex jevalwaw il-konsegwenzi tiegħu fuq il-proċedura applikabbli għall-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet jew għal setturi oħra. Ir-rapport tal-grupp ta’ ħidma ġie ppreżentat lill-membru tal-Kummissjoni responsabbli mill-kwistjonijiet ta’ kompetizzjoni fil-25 ta’ Lulju 2002, qabel ma skada t-terminu għall-appell. Il-Kummissjoni ma appellatx.

13.      Fit-18 ta’ Ġunju 2003, MyTravel ippreżentat rikors għad-danni, bla suċċess (9), sabiex tiġi kkumpensata għad-dannu li hija allegat li kienet sofriet minħabba l-mod kif ġiet amministrata u evalwata l-operazzjoni tal-konċentrazzjoni bejn Airtours u First Choice min-naħa tal-Kummissjoni.

14.      Sakemm dan ir-rikors kien għadu pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali, MyTravel talbet lill-Kummissjoni, b’ittra tat-23 ta’ Mejju 2005 skont ir-Regolament Nru 1049/2001, biex ikollha aċċess għal diversi dokumenti. Id-dokumenti inkwistjoni kienu r-rapport tal-grupp ta’ ħidma (iktar ’il quddiem ir-“rapport”), id-dokumenti dwar it-tħejjija ta’ dan ir-rapport (iktar ’il quddiem id-“dokumenti ta’ ħidma”) kif ukoll id-dokumenti li jinsabu fil-fajl tal-każ Airtours/First Choice li dwarhom huwa bbażat ir-rapport jew li jinsabu ċċitati fih (iktar ’il quddiem id-“dokumenti interni l-oħra”).

15.      Il-Kummissjoni ħadet deċiżjoni dwar din it-talba b’ittra tal-5 ta’ Settembru 2005 [D(2005) 8461, iktar ’il quddiem l-“ewwel deċiżjoni”] għal dak li kien jirrigwarda r-rapport u d-dokumenti ta’ ħidma u b’ittra tat-12 ta’ Ottubru 2005 [D(2005) 9763, iktar ’il quddiem it-“tieni deċiżjoni”] għal dak li kien jirrigwarda d-dokumenti interni l-oħra.

16.      Fl-ewwel deċiżjoni tagħha, il-Kummissjoni invokat it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 sabiex tiġġustifika r-rifjut li jingħata aċċess għar-rapport sħiħ u għal ċerti dokumenti ta’ ħidma (punti I.3, II u l-Anness intitolat “Inventarju ta’ ‘dokumenti ta’ ħidma’”). Hija ppreċiżat li r-rapport huwa dokument intern, li jirrifletti l-evalwazzjoni tad-dipartimenti tagħha dwar il-possibbiltà li jiġi ppreżentat appell mis-sentenza Airtours u li jiġu eżaminati mill-ġdid il-proċeduri ta’ investigazzjoni fir-rigward tal-konċentrazzjonijiet. Skont il-Kummissjoni, l-iżvelar tiegħu lill-pubbliku jdgħajjef serjament il-proċess deċiżjonali tagħha, sa fejn il-libertà ta’ opinjoni tal-awturi ta’ dawn id-dokumenti tkun mhedda jekk, waqt li jkunu qed jaħdmu fuqhom, ikollhom jikkunsidraw il-possibbiltà li l-evalwazzjonijiet tagħhom jiġu żvelati lill-pubbliku, u dan anki wara li tkun ġiet adottata deċiżjoni fid-dawl tal-evalwazzjonijiet tagħhom.

17.      Fit-tieni deċiżjoni tagħha, il-Kummissjoni invokat it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3), u t-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-regolament imsemmi sabiex tibbaża r-rifjut tagħha li tagħti aċċess għad-dokumenti li ġejjin:

–        l-abbozzi li jirrigwardaw id-deċiżjoni skont l-Artikolu 6(1)(ċ) tar-Regolament Nru 4064/89, għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u għad-deċiżjoni finali fil-każ Airtours/First Choice (iktar ’il quddiem l-“abbozzi tat-test”) (punt II.6 u d-dokumenti msemmija fl-intestatura 6 tal-ewwel anness tat-tieni deċiżjoni), sa fejn kienu jirrigwardaw dokumenti interni ta’ tħejjija li l-iżvelar tagħhom idgħajjef il-proċess deċiżjonali fir-rigward tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet;

–        n-noti indirizzati mid-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Kompetizzjoni” lil membru tal-Kummissjoni responsabbli għall-kwistjonijiet dwar il-kompetizzjoni (iktar quddiem in-“noti lill-Kummissarju”) (punt II.1 u d-dokumenti li għandhom ir-riferenza 1.1 sa 1.8 fl-ewwel anness tat-tieni deċiżjoni), sa fejn kien fihom opinjonijiet ta’ użu intern intiżi għat-tħejjija tad-deċiżjoni Airtours/First Choice u li l-iżvelar tagħhom lill-pubbliku jnaqqas il-kapaċità tad-DĠ “Kompetizzjoni” li tesprimi l-opinjoni tagħha kif ukoll il-kapaċità tal-membri tal-Kummissjoni biex jadottaw deċiżjoni motivata sew. Il-Kummissjoni tindika li din l-analiżi ma hijiex ikkontestata mill-fatt li d-deċiżjoni Airtours/First Choice kienet diġà ġiet adottata filwaqt li l-iżvelar lill-pubbliku ta’ dawn id-dokumenti setgħat tolqot il-proċess deċiżjonali tagħha f’dak li jirrigwarda l-kawżi simili (pereżempju, ir-rifjut ta’ komunikazzjoni tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet fil-kawża EMI vs Time Warner kien ippermettilha li ma tiġix suġġetta għal pressjoni esterna meta ħadet konjizzjoni tal-każ BMG/Sony, li kienet tirrigwarda l-istess settur);

–        in-noti indirizzati mid-DĠ “Kompetizzjoni” lid-dipartimenti l-oħra tal-Kummissjoni, inkluż id-dipartiment legali, sabiex tintbagħat u tintalab l-opinjoni tad-destinatarji dwar l-abbozzi tat-testi (iktar ’il quddiem in-“noti lid-dipartimenti l-oħra”). F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni għamlet distinzjoni bejn, il-kopji tan-noti li kienu ġew indirizzati lid-dipartiment legali (dokumenti b’referenza 2.1 sa 2.5) u l-kopji li kienu ġew indirizzati lid-dipartimenti l-oħra tagħha (dokumenti b’referenza 4.1 sa 4.5). Fir-rigward tal-kopji indirizzati lid-dipartiment legali, il-Kummissjoni indikat li dawn id-dokumenti kienu għal kollox marbuta mal-opinjonijiet legali li jirriżultaw minnhom u li l-iżvelar tagħhom seta’ juri partijiet essenzjali minn din l-opinjoni, u dan kien idgħajjef serjament il-proċess deċiżjonali (punt II.2 tat-tieni deċiżjoni). Fir-rigward tal-kopji indirizzati lid-dipartimenti l-oħra tal-Kummissjoni, din tal-aħħar irrilevat li d-dokumenti kienu tfasslu fil-kuntest ta’ konsultazzjonijiet interni li kienu juru n-natura kollettiva tal-proċess deċiżjonali. Il-Kummissjoni enfasizzat għaldaqstant li kellu jitħares il-proċess deċiżjonali kontra kull periklu serju li jirriżulta mill-iżvelar ta’ din l-informazzjoni (punt II.4 tat-tieni deċiżjoni);

–        in-noti tad-dipartimenti l-oħra tal-Kummissjoni b’risposta għall-ħames noti ċċitati iktar ’il fuq tad-DĠ “Kompetizzjoni” sabiex jesponu l-analiżi tad-dipartimenti kkonċernati dwar l-abbozzi tat-testi (iktar ’il quddiem in-noti ta’ risposta tad-dipartimenti l-oħra ħlief id-dipartimenti legali”) (dokumenti b’referenza 5.1 sa 5.10). Il-Kummissjoni indikat li n-noti tagħha kienu jidħlu f’kuntest ta’ konsulenza inter u intraservizzi proprji għall-proċess deċiżjonali tagħha. Hija enfasizzat li l-kapaċità għal dawn id-dipartimenti biex jesprimu l-opinjonijiet tagħhom kienet indispensabbli fir-rigward tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet u li din il-kapaċità titnaqqas jekk, meta jfasslu dawn it-tipi ta’ noti, id-dipartimenti kkonċernati jkollhom jikkunsidraw li l-opinjonijiet tagħhom jistgħu jiġu żvelati lill-pubbliku, anki wara li tintemm il-kawża (punt II.5 tat-tieni deċiżjoni).

18.      Fit-tieni deċiżjoni, il-Kummissjoni invokat ukoll l-applikazzjoni tat-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 sa fejn jirrigwarda l-ħames noti ppreżentati mid-dipartiment legali bħala risposta għall-ħames noti ċċitati iktar ’il fuq tad-DĠ “Kompetizzjoni”, (iktar ’il quddiem in-“noti ta’ risposta tad-dipartiment legali”) (punt II.3 u d-dokumenti b’riferenza 3.1 sa 3.5). L-aċċess għal dawn id-dokumenti kien ġie rrifjutat mill-Kummissjoni, peress li kienu jesponu l-analiżi tad-dipartiment legali dwar l-abbozzi. Il-Kummissjoni tindika li l-iżvelar ta’ dawn l-opinjonijiet legali seta’ joħloq nuqqas ta’ sigurtà f’dak li jirrigwarda l-legalità tad-deċiżjonijiet dwar il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet, li jkollu effett negattiv fuq l-istabbiltà tal-ordinament ġuridiku Komunitarju u l-funzjonament tajjeb tad-dipartimenti tagħha (10). Hija ppreċiżat li kull nota ta’ risposta tad-dipartiment legali kienet suġġetta għal eżami individwali u l-fatt li lanqas aċċess parzjali ma setgħa jingħata ma jindikax li l-ħarsien tal-opinjonijiet legali ntuża bħala eċċezzjoni ġenerali.

19.      Barra minn hekk, il-Kummissjoni semmiet fit-tieni deċiżjoni s-sitwazzjoni partikolari ta’ ċerti dokumenti interni li għalihom ma ngħatax l-aċċess parzjali jew totali. Dan jirrigwarda b’mod partikolari mar-rapport tal-uffiċjal tas-smigħ rigward il-każ Airtours/First Choice, tan-nota tad-DĠ “Kompetizzjoni” indirizzata lill-kumitat konsultattiv u nota tal-inkartament li tirrigwarda żjara fis-sit ta’ First Choice.

20.      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni rrilevat li l-eċċezzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq kienu japplikaw, sakemm ma jeżistix interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar tad-dokument previst. Hija enfasizzat li, fil-kawża preżenti, MyTravel ma kienet ppreżentat l-ebda argument li jista’ jistabbilixxi interess pubbliku superjuri. Skont il-Kummissjoni, l-interess prinċipali ta’ din il-kawża kien jikkostitwixxi pjuttost il-ħarsien tal-proċess deċiżjonali f’kawżi simili u kif ukoll l-opinjonijiet legali.

21.      MyTravel ippreżentat rikors kontra dawn id-deċiżjonijiet. Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali laqgħet ir-rikors imsemmi f’dak li jikkonċerna dokument wieħed (punt 1 tad-dispożittiv), iżda ċaħditu għall-bqija (punt 2 tad-dispożittiv). Hija ddeċidiet li l-Kummissjoni setgħat tinqeda mill-kunfidenzjalità tal-konsultazzjonijiet interni u mill-ħarsien tal-opinjonijiet legali.

22.      Ir-Renju tal-Isvezja ppreżentat dan l-appell kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali. Dan l-Istat Membru jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

1)     tannulla l-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Settembru 2008 fil-Kawża T‑403/05;

2)     tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Settembru 2005 [D(2005) 8461], skont it-talbiet ta’ MyTravel Group plc quddiem il-Qorti Ġenerali, sa fejn din tirrigwarda r-rifjut ta’ aċċess għar-rapport tal-Kummissjoni u għad-dokumenti ta’ ħidma oħra;

3)     tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Ottubru 2005 [D(2005) 9763], skont it-talbiet ta’ MyTravel Group plc quddiem il-Qorti Ġenerali, sa fejn din tirrigwarda r-rifjut ta’ aċċess għad-dokumenti interni l-oħra tal-Kummissjoni, u

4)     tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż sostnuti mir-Renju tal-Isvezja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

23.      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

1)     tiċħad l-appell,

2)     tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

24.      Permezz ta’ digriet tat-2 ta’ Ġunju 2009, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja awtorizza lir-Renju tad-Danimarka, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u r-Repubblika tal-Finlandja sabiex jintervjenu insostenn tat-talbiet tar-Renju tal-Isvezja, kif ukoll lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Franċiża u lir-Renju Unit sabiex jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

25.      Dawn l-intervenjenti ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub u ħlief għar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Renju Unit, il-partijiet u l-intervenjenti għamlu sottomissjonijiet orali fis-seduta tas-7 ta’ Ottubru 2010.

IV – Kunsiderazzjonijiet

26.      Il-linji ġenerali tal-ġurisprudenza fil-qasam tal-aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet jistgħu jinġabru kif ġej.

27.      Skont il-premessa 1 tar-Regolament Nru 1049/2001, dan ir-regolament huwa bbażat fuq it-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 UE, fejn jingħad li t-Trattat huwa stadju ġdid fil-proċess tal-ħolqien ta’ għaqda dejjem eqreb fost il-popli tal-Ewropa, fejn id-deċiżjonijiet jittieħdu bl-iktar mod trasparenti u l-eqreb possibbli taċ-ċittadini. Kif tfakkar il-premessa 2 tar-regolament imsemmi, id-dritt ta’ aċċess lill-pubbliku għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet huwa marbut man-natura demokratika tal-istess istituzzjonijiet. Għal dan il-għan, ir-Regolament Nru 1049/2001 jikkontempla, kif jindikaw il-premessa 4 u l-Artikolu 1 tiegħu, id-dritt ta’ aċċess l-iktar wiesa’ possibbli (11) lill-pubbliku għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet li huwa. Dan id-dritt illum huwa stabbilit bħala dritt ċivili bl-Artikolu 42 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

28.      Madankollu, dan id-dritt huwa xorta waħda suġġett għal ċerti limiti bbażati fuq raġunijiet ta’ interess pubbliku jew privat. B’mod iktar speċifiku, u skont il-premessa 11, ir-Regolament Nru 1049/2001 fl-Artikolu 4 tiegħu jipprovdi li l-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw l-aċċess għal dokument fil-każ fejn l-iżvelar tiegħu jkun ta’ preġudizzju għal wieħed mill-interessi mħarsa b’dan l-artikolu. Għaldaqstant, meta istituzzjoni tiddeċiedi li tirrifjuta l-aċċess għal dokument li ntalab l-iżvelar tiegħu, fil-prinċipju, l-istituzzjoni kkonċernata għandha tipprovdi spjegazzjonijiet fir-rigward ta’ kif l-aċċess għal dan id-dokument jista’ konkretament u effettivament iwassal għall-ħsara lill-interess imħares minn eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 invokata minnha (12).

29.      Huwa veru illi, peress li jidderogaw mill-prinċipju ta’ aċċess l-iktar wiesa’ possibbli tal-pubbliku għad-dokumenti, dawn l-eċċezzjonijiet, għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod strett. Madankollu, huwa mixtieq li l-istituzzjoni kkonċernata tibbaża ruħha fuq preżunzjonijiet ġenerali li japplikaw għal ċerti kategoriji ta’ dokumenti, peress li kunsiderazzjonijiet ta’ natura ġenerali simili jistgħu japplikaw għal talbiet għal żvelar li jirrigwardaw dokumenti tal-istess natura (13).

30.      Il-Qorti Ġenerali għarfet dawn il-prinċipji fis-sentenza appellata u dawn ma ġewx ikkontestati f’din il-kawża.

31.      L-aggravji invokati mir-Renju tal-Isvezja insostenn tal-appell tagħha huma, min-naħa l-oħra, is-segwenti: fil-fehma tiegħu, il-Qorti Ġenerali applikat b’mod żbaljat l-eċċezzjoni dwar il-ħarsien tal-konsultazzjonijiet interni (iktar ’il quddiem taħt it-Taqsima A), l-istess bħall-eċċezzjoni dwar il-ħarsien tal-opinjonijiet legali (iktar ’il quddiem fit-Taqsima B). Bl-istess mod, isostni r-Renju tal-Isvezja, il-verifika tal-eżistenza eventwali ta’ interess ikbar fl-iżvelar tad-dokument huwa vvizzjat bi żbalji (iktar ’il quddiem fit-Taqsima Ċ). Ir-Renju tal-Isvezja, fl-aħħar nett, jakkuża lill-Qorti Ġenerali li ma eżaminatx biżżejjed jekk il-Kummissjoni kinitx tat aċċess xieraq għal partijiet mid-dokumenti (iktar ’il quddiem fit-Taqsima D). Min-naħa l-oħra, ma hemmx bżonn li jiġi kkunsidrat il-ħarsien tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni, li dwaru l-Kummissjoni kienet ibbażat id-deċiżjonijiet tagħha wkoll.

A –    Dwar il-ħarsien tal-konsultazzjonijiet interni

32.      L-ewwel aggravju tal-appell jirrigwarda l-ħarsien tal-konsultazzjonijiet interni wara l-għeluq tal-proċedura kkonċernata.

33.      L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 iħalli li jiġi rrifjutat l-aċċess għal dokumenti dwar kwistjoni fejn id-deċiżjoni tkun għadha ma ttiħditx mill-istituzzjoni. It-tieni subparagrafu tad-dispożizzjoni msemmija jippreċiża li l-aċċess għal opinjonijiet għall-użu intern bħala parti minn deliberazzjonijiet u konsultazzjonijiet preliminari fl-istituzzjoni kkonċernata għandu jiġi rrifjutat anki wara li tittieħed id-deċiżjoni jekk l-iżvelar tad-dokument ikun ser idgħajjef serjament il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-istituzzjoni, sakemm ma jkunx hemm interess pubbliku ikbar fl-iżvelar tiegħu.

34.      Huwa stabbilit li d-dokumenti inkwistjoni f’dan il-każ jikkostitwixxu opinjonijiet intiżi għall-użu intern fil-kuntest ta’ deliberazzjonijiet u konsultazzjonijiet preliminari fil-Kummissjoni.

35.      Essenzjalment, il-Qorti Ġenerali għarfet tnejn mir-riskji invokati mill-Kummissjoni bħala li jdgħajfu serjament il-proċessi ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet: l-awtoċensura u l-bidla għal konsultazzjonijiet informali. Issa sejjer neżamina dawn l-aspetti f’iktar dettall.

36.      Fl-ewwel deċiżjoni, il-Kummissjoni esprimiet l-opinjoni li l-iżvelar tar-rapport lill-pubbliku jdgħajjef serjament il-proċess deċiżjonali tagħha, sa fejn il-“libertà ta’ opinjoni” tal-awturi ta’ dawn id-dokumenti tkun mhedda jekk, waqt li jkunu qed jaħdmu fuqhom, ikollhom jikkunsidraw il-possibbiltà li l-evalwazzjonijiet tagħhom jiġu żvelati lill-pubbliku, u dan anki wara li tkun ġiet adottata deċiżjoni fid-dawl tal-evalwazzjonijiet tagħhom. Id-dokumenti l-oħra milquta b’din id-deċiżjoni kienu servew biex jitfassal dan ir-rapport u għaldaqstant kienu mħarsa a fortiori.

37.      Fit-tieni deċiżjoni, il-Kummissjoni esponiet, inter alia, li l-iżvelar tad-dokumenti kien ser inaqqas il-kapaċità tad-DĠ “Kompetizzjoni” biex jesprimi l-fehma tiegħu u kien ser jhedded il-kapaċità tal-membri tal-Kummissjoni biex jadottaw deċiżjoni motivata tajjeb.

38.      Il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li din il-pożizzjoni hija ġġustifikata. Fil-punt 48 tas-sentenza appellata, hija tiddikjara li l-grupp ta’ ħidma kien responsabbli b’xogħol ta’ analiżi, riflessjoni u kritika. Kif tenfasizza l-Qorti Ġenerali fil-punt 49, dan ix-xogħol ma kienx jaqa’ f’kuntest leġiżlattiv, iżda kellu funzjonijiet purament amministrattivi. L-iżvelar tad-dokumenti kien ser iħalli li jitqabblu l-miżuri meħudin mill-Kummissjoni mar-rakkomandazzjonijiet tal-grupp ta’ ħidma (punt 51). F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tindika li l-Kummissjoni għandha tkun ħielsa li ma timxix mar-rakkomandazzjonijiet tad-dipartimenti tagħha (punt 53). Jekk l-iżvelar ta’ dan it-tip ta’ dokumenti kien possibbli, l-uffiċjali, fil-futur, ma jibqgħux jagħtu opinjonijiet li jistgħu jheddu l-ħelsien ta’ deċiżjoni tad-destinatarju tal-opinjoni. Il-kwalità tal-konsultazzjonijiet, f’dan il-każ, tkun dubjuża (punt 52). Skont il-Qorti Ġenerali, deher loġiku u probabbli li l-membru tal-Kummissjoni responsabbli mill-kompetizzjoni jitħajjar li ma jibqax jitlob opinjoni bil-miktub, potenzjalment kritika, tal-fehmiet tal-persunal tiegħu. Issa, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li ż-żamma ta’ diskussjonijiet orali u informali biss, li ma jeħtiġux it-tfassil ta’ “dokument” fis-sens tal-Artikolu 3(a) tar-Regolament Nru 1049/2001, idgħajjef b’mod kunsiderevoli l-effikaċja tal-proċess deċiżjonali intern tal-Kummissjoni. Skont il-Qorti Ġenerali, dan jiġri, b’mod partikolari, fis-setturi li fihom il-Kummissjoni jkollha twettaq evalwazzjonijiet ġuridiċi, fattwali u ekonomiċi kumplessi u teżamina inkartamenti partikolarment kbar (punt 54).

39.      Il-Qorti Ġenerali tiddeskrivi l-konsegwenzi eventwali ta’ aċċess għad-dokumenti inkwistjoni; madankollu, ir-Renju tal-Isvezja jilmenta ġustament li dawn il-kunsiderazzjonijiet huma wisq ġenerali. Kif tammetti l-Qorti Ġenerali fis-sentenzi l-iktar reċenti tagħha (14), dawn ma jiġġustifikawx, fl-aħħar mill-aħħar, is-sentenza appellata u d-deċiżjoni kkontestata tal-Kummissjoni. Dan jirriżulta mill-eżami, fid-dawl tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, tal-kwistjoni ta’ dak li jista’ jikkostitwixxi tidgħjif serju tal-proċess deċiżjonali.

1.      Fuq l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001

40.      Jirriżulta, mill-ewwel, mill-kliem tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 li għandha tittieħed attenzjoni partikolari meta jiġu biex ikunu applikati ż-żewġ eċċezzjonijiet li jissemmew hemmhekk: ma huwiex biżżejjed li l-iżvelar tad-dokumenti jdgħajjef il-proċess deċiżjonali tal-istituzzjoni, dak li jeħtieġ hu li l-iżvelar irid idgħajjef serjament.

41.      L-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 huma differenti, għaldaqstant, minn dawk stabbiliti fl-ewwel żewġ paragrafi tal- artikolu msemmi, li għalihom kwalunkwe djgħufija hija biżżejjed, anki jekk ma tkunx “serja”. Issa, dawn l-eċċezzjonijiet għandhom jiġu interpretati b’mod strett (15). Għaldaqstant, il-prinċipju ta’ interpretazzjoni stretta terġa’ tieħu iktar importanza għall-finijiet tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001.

42.      L-istorja tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 tikkonferma din il-konstatazzjoni.

43.      Il-Kummissjoni kienet ipproponiet li mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001 teskludi testi għall-użu intern bħalma huma d-dokumenti ta’ diskussjoni u l-opinjonijiet tad-dipartimenti, kif ukoll il-messaġġi informali (16). Hija xtaqet għaldaqstant toffri lill-istituzzjonijiet l-ispazju meħtieġ għall-ħsieb (“space to think”) (17). Kieku din il-proposta ġiet adottata, il-Kummissjoni kienet tkun ġustifikata tirrifjuta l-aċċess għad-dokumenti inkwistjoni.

44.      Peress li l-leġiżlatur irrifjuta, madankollu, milli jeskludi dawn id-dokumenti mir-Regolament Nru 1049/2001, dawn għandhom, fil-prinċipju, jiġu żvelati bħal kull dokument ieħor (18). Iktar minn hekk, l-aċċess għalihom għandu jingħata b’mod iktar ġeneruż, u dan peress li l-eċċezzjoni dwar il-ħarsien tal-konsultazzjonijiet interni hija mfassla f’termini iktar ristrettivi mill-eċċezzjonijiet l-oħra. Il-leġiżlatur ried għaldaqstant jagħti inqas ħarsien lill-“ispazju għall-ħsieb” milli lil interessi oħra.

45.      Barra minn hekk, probabbilment il-ħarsien tal-proċess deċiżjonali mhux ser jiżdied fil-futur. Fil-kuntest tal-proċedura ta’ reviżjoni tar-Regolament Nru 1049/2001 li hija pendenti, il-Kummissjoni pproponiet biss li tagħmel emendi fil-kitba tal-Artikolu 4(3) tal-istess regolament (19), waqt li r-relatur tal-Parlament jixtieq żvelar ħafna iktar ġeneruż tal-proċessi deċiżjonali (20).

2.      Dwar it-tidgħjif serju tal-proċess deċiżjonali

46.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, madankollu, x’għandu jinftiehem permezz tat-tidgħjif serju tal-proċess deċiżjonali? Huwa biżżejjed li l-awturi jesprimu ruħhom b’iktar prekawzjoni fil-konsultazzjonijiet interni jew li, eventwalment, il-proċeduri informali jibdew ikunu mixtieqa, li jħallu inqas, jew ebda traċċi bil-miktub?

47.      Biex tingħata tweġiba lil din il-mistoqsija, għandna nitilqu mill-premessa 2 tar-Regolament Nru 1049/2001. Skont din il-premessa, it-trasparenza tiggarantixxi li l-amministrazzjoni tgawdi iktar leġittimità u tkun iktar kontabbli liċ-ċittadin f’sistema demokratika.

48.      Għaldaqstant, il-leġiżlatur jixtieq li ċ-ċittadini tal-Unjoni jifhmu b’liema mod u għal-liema raġunijiet l-amministrazzjoni tieħu d-deċiżjonijiet tagħha. Ir-Regolament Nru 1049/2001 għandu l-għan li jara li ċ-ċittadini jkollhom informazzjoni dwar il-pożizzjonijiet li l-istituzzjoni tkun ikkunsidrat fil-kuntest tad-diskussjonijiet interni u li mbagħad twarbu. B’dan il-mod, huma jkunu f’pożizzjoni li jifformaw opinjoni dwar il-kwalità tal-azzjoni tal-amministrazzjoni, b’mod partikolari dwar il-proċessi deċiżjonali tagħha, li jieħdu sehem fid-diskussjoni pubblika dwar l-azzjoni tal-amministrazzjoni u, jekk ikun il-każ, jieħdu spunti biex ikunu jistgħu jivvutaw fl-elezzjonijiet demokratiċi.

49.      Il-beżgħat espressi mill-Kummissjoni u mill-Qorti Ġenerali jirrigwardaw l-istrateġiji potenzjali biex tiġi evitata din ir-responsabbiltà. Flok iċ-ċittadini jiġu awtorizzati jiksbu l-informazzjoni dwar l-azzjoni tal-amministrazzjoni, din tista’ tipprova tipprekludi li tinħoloq din l-informazzjoni jew li, tal-inqas, tiġi dokumentata.

50.      Ma hemmx dubju li jeżisti ċertu riskju li l-istituzzjonijiet jew uffiċjali individwali jinqdew b’dan it-tip ta’ strateġiji. L-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ma tistax madankollu tkun ibbażata fuq il-biża’ li dawn jiġu evitati mill-istituzzjonijiet. Kieku dawn il-beżgħat kienu minnhom, jeħtieġ, min-naħa l-oħra, li jittieħdu miżuri biex dan jitwaqqaf.

51.      Barra minn hekk, minbarra r-riskji ta’ awtoċensura u ta’ bidla lejn tipi informali ta’ konsultazzjoni, it-trasparenza tħajjar ukoll biex id-deċiżjonijiet jibdew jitħejjew b’mod partikolarment bir-reqqa u sħiħ sabiex tiġi evitata kwalunkwe kritika ulterjuri.

52.      Naturalment huwa konċepibbli li l-opinjoni mogħtija titfassal b’iktar prekawzjoni, imma l-possibbiltà stess li jkun hemm żvelar sussegwenti tista’ twassal ukoll għal opinjonijiet onesti ħafna jew kritiċi. Fil-fatt, huwa ħafna iktar diffiċli għal min jieħu d-deċiżjonijiet li jwarrab opinjoni motivata tajjeb tal-persunal tiegħu jew ta’ dipartimenti oħra li tkun saret pubblika, mingħajr ma jkollu argumenti konvinċenti.

53.      It-tajjeb tal-bidla lejn forom informali ta’ konsultazzjoni ma huwiex assolut. F’dan ir-rigward, għandha tissemma, l-ewwel nett, il-kwalità tal-azzjoni tal-amministrazzjoni, kwalità li – kif tenfasizza ġustament il-Qorti tal-Ġustizzja – tirriskja li tbati jekk l-opinjonijiet ma jibqgħux jingħataw bil-miktub. Il-parteċipanti kollha fl-amministrazzjoni għandhom interess li jieħdu deċiżjonijiet ta’ livell għoli ta’ kwalità, peress li jekk ma jkunx hekk, huma jesponu iktar ruħhom għall-kritika.

54.      Madankollu, anki indipendentement mill-kwalità tad-deċiżjoni stess, in-nuqqas ta’ dokumenti biex jiġu żvelati f’każ ta’ talba għall-aċċess għall-inkartament jista’ jagħti l-impressjoni li hemm il-ħabi jew, tal-inqas, li d-deċiżjoni ma tħejjietx biżżejjed (21). Iktar minn hekk, jekk ikunu jeżistu biss dokumenti li minnhom ma jirriżultax li ġew eżaminati opinjonijiet oħra, tqum il-kwistjoni dwar kemm huma kkwalifikati l-konsulenti. It-trasparenza tista’ għaldaqstant tikkontribwixxi wkoll biex il-konsultazzjonijiet jitfasslu, dokumentati u għaldaqstant verifikabbli, sabiex tiġi evitata l-kritika u jiġu ġġustifikati d-deċiżjonijiet.

55.      Barra minn hekk, anki l-interessi konfliġġenti li għadni kif iddeskrivejt juru li r-riskji ta’ awtoċensura u l-bidla lejn forom informali ta’ konsultazzjoni ma jistgħux jikkostitwixxu tidgħjif serju, raġonevolment prevedibbli, tal-proċessi deċiżjonali, iżda huma purament ipotetiċi. F’dan il-każ, tidgħjif purament ipotetiku ma jwasslux biex tkun tista’ tiġi invokata l-eċċezzjoni (22).

56.      Għaldaqstant, jeħtieġu provi konkreti oħra li bihom ikun jista’ jiġi stabbilit, fil-każ ineżami, li hemm riskji partikolari, jiġifieri mhux normali, li jolqtu t-trasparenza. Riskji ta’ dan it-tip jistgħu jirriżultaw, pereżempju, mill-fatt li kawża tkun partikolarment kontroversjali u li l-impjegati tal-istituzzjoni kkonċernata jkollhom, minħabba f’hekk, żvantaġġi konkreti jekk l-opinjonijiet tagħhom jiġu żvelati.

57.      Konsegwentement, għandu jiġi vverifikat jekk, fil-każ preżenti, il-Kummissjoni invokatx ċirkustanzi ta’ dan it-tip. Għal dan il-għan, għandha ssir distinzjoni bejn, minn naħa, id-dokumenti jew partijiet mid-dokumenti li esklużivament dwar il-każ Airtours/First Choice (iktar ’il quddiem fit-Taqsima 3) u min-naħa l-oħra, l-opinjonijiet dwar ir-riperkussjonijiet tas-sentenza Airtours fuq il-proċeduri applikabbli għall-kontroll tal-konċentrazzjonijiet jew għal oqsma oħra (iktar ’il quddiem fit-Taqsima 4).

3.      Dwar id-dokumenti dwar il-każ Airtours/First Choice

58.      Id-dokumenti li jirrigwardaw il-każ Airtours/First Choice huma magħmula f’dokumenti intiżi li jservu ta’ tħejjija għad-deċiżjoni Airtours/First Choice, inkluż ir-rapport tal-uffiċjal tas-seduta (23), in-nota indirizzata lill-Kumitat Konsultattiv (24), kif ukoll dokumenti li tħejjew wara s-sentenza Airtours biex jiġi deċiż x’ser jiġri wara. Iż-żewġ deċiżjonijiet tal-Kummissjoni kellhom bħala suġġett ir-rifjut li jiġu żvelati dawn id-dokumenti.

59.      Biex tikkonstata tidgħjif serju għall-proċess deċiżjonali, il-Qorti Ġenerali tibbaża ruħha, minn naħa, fuq il-fatt li dawn huma attivitajiet amministrattivi fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet (iktar ’il quddiem fit-Taqsima a), u min-naħa l-oħra, dwar ir-riperkussjonijiet fuq proċeduri oħra ta’ kontroll ta’ konċentrazzjonijiet (iktar ’il quddiem fit-Taqsima b).

a)      Fuq it-trasparenza tal-attivitajiet amministrattivi, b’mod partikolari fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet

60.      Fil-punt 49 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrilevat li d-dokumenti jikkonċernaw l-attività amministrattiva tal-Kummissjoni. Dan il-punt ġie enfasizzat ukoll fil-kuntest tal-proċedura ta’ appell mill-Kummissjoni u mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

61.      Fil-fatt, skont il-ġurisprudenża l-iktar reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-attività amministrattiva ma teħtieġx l-istess portata ta’ aċċess għad-dokumenti bħalma teħtieġ l-attività leġiżlattiva ta’ istituzzjoni Komunitarja (25). Minħabba l-portata ġenerali tal-liġijiet, l-interess tal-pubbliku fil-konsultazzjonijiet li jiġu qabilhom huwa naturalment ikbar milli fit-tħejjija tad-deċiżjonijiet meħudin mill-amministrazzjoni dwar każijiet individwali. Iktar minn hekk, peress li l-marġni ta’ diskrezzjoni tal-amministrazzjoni huwa definit u delimitat mil-leġiżlazzjoni, il-ħtieġa li l-pubbliku jieħu sehem u jikkontrolla ma tinħassx bl-istess mod.

62.      Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ġustament tiddikjara li l-interess tal-pubbliku biex jikkomunikawlu dokument ma għandux l-istess piż għal dak li jikkonċerna dokument li jaqa’ fil-proċedura amministrattiva li tolqot l-applikazzjoni tar-regoli li jirregolaw il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet jew id-dritt tal-kompetizzjoni inġenerali milli għal dak li jikkonċerna dokument dwar proċedura li fil-kuntest tagħha l-istituzzjoni taġixxi fil-kwalità tagħha ta’ leġiżlatur.

63.      Dan ma jfissirx madankollu li l-aċċess għad-dokumenti jiġi eskluż fil-qasam tal-attività amministrattiva. Għalkemm ir-Regolament Nru 1049/2001 huwa intiż li jrendi l-proċess leġiżlattiv dejjem iktar trasparenti, huwa jipprevedi espressament madankollu, fl-Artikolu 2(3) tiegħu, l-aċċess għad-dokumenti fl-oqsma kollha ta’ attività tal-Unjoni Ewropea. Anki l-premessa 2 tar-Regolament Nru 1049/2001 tenfasizza li t-trasparenza tħalli li tiġi ggarantita iktar leġittimità, effikaċità u kontabbiltà min-naħa tal-amministrazzjoni – u għaldaqstant mhux min-naħa tal-leġiżlatur biss – fir-rigward taċ-ċittadini f’sistema demokratika. Illum il-ġurnata, anki l-Qorti tal-Ġustizzja hija, skont l-Artikolu 15(3) TFUE, suġġetta għall-obbligi ta’ trasparenza meta hija teżerċita funzjonijiet amministrattivi (26).

64.      Għal dak li jikkonċerna speċifikament il-ħarsien tal-konsultazzjonijiet interni, l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 ma jagħmilx distinzjoni bejn attività amministrattiva u attività leġiżlattiva. Għaldaqstant, f’dak li jikkonċerna l-attività amministrattiva, ma jistgħux jiġu dedotti preżunzjonijiet ġenerali fir-rigward tat-tidgħjif fil-proċess deċiżjonali.

65.      Għandu jintgħaraf madankollu li l-proċeduri amministrattivi pendenti jistħoqqilhom ħarsien aktar b’saħħitu. Sakemm id-deċiżjoni tkun għadha ma ttiħditx, jeżisti riskju ikbar li l-aċċess għad-dokumenti interni li jirrigwardaw il-proċedura kkonċernata jkollu riperkussjonijiet negattivi. Din l-informazzjoni tista’ tintuża minn persuni interessati biex jippruvaw jeżerċitaw influwenza b’mod selettiv, ħaġa li tista’ tolqot b’mod partikolari l-kwalità tad-deċiżjoni finali.

66.      Barra minn hekk, il-proċeduri amministrattivi, b’mod speċjali fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet, huma suġġetti għal termini stretti li jkun mhedda jekk il-Kummissjoni, fil-proċedura, jkollha teżamina u tirrispondi għal reazzjonijiet għad-diskussjonijiet li jseħħu fi ħdanha.

67.      Għal din ir-raġuni, l-istess bħall-proċeduri ġudizzjarji, għandu jiġi ggarantit ukoll li l-proċeduri amministrattivi jkunu jistgħu “jipproċedu mingħajr problemi” (27). Għandu jiġi prekluż li jiġu eżerċitati pressjonijiet esterni – anki jekk biss mill-perspettiva tal-pubbliku – fuq l-attività amministrattiva u li ma jiġix ikkawżat preġudizzju għas-serenità tal-proċeduri (28).

68.      Għal din ir-raġuni, fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet, l-aċċess għall-fajl ma jestendix għad-dokumenti interni tal-Kummissjoni, skont l-Artikolu 17(3) tar-Regolament Nru 802/2004 (29). Dan jirriżulta indirettament mill-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 447/98, li kien japplika għall-każ Airtours/First Choice, inkwantu dan jeskludi mid-dritt ta’ aċċess għall-fajl, id-dokumenti interni tal-amministrazzjoni, jiġifieri anki dawk tal-Kummissjoni.

69.      Għandha tittieħed inkunsiderazzjoni din iċ-ċirkustanza għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001. Fil-fatt, skont ir-Regolament Nru 1049/2001, kieku l-partijiet fil-proċedura setgħu jiksbu aċċess għad-dokumenti interni tal-Kummissjoni, ir-restrizzjoni fuq l-aċċess għall-fajl fil-kuntest tal-proċedura tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet tkun preġudikata (30).

70.      Dawn il-kunsiderazzjonijiet, marbutin mal-attività amministrattiva u b’mod partikolari mar-regoli li jirregolaw il-proċeduri tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet ma jistgħux jibqgħu japplikaw wara li l-proċedura inkwistjoni ngħalqet b’mod definittiv, jiġifieri meta d-deċiżjoni li qatgħatha b’mod finali ma għadhiex tista’ tiġi kkontestata quddiem il-qrati. Kif juri l-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 139/2004, id-dritt ta’ aċċess għall-fajl fil-kuntest tal-proċeduri ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet huwa fil-fatt korollarju tad-drittijiet tad-difiża (31). Meta deċiżjoni ma tkunx għadha tista’ tiġi kkontestata, id-drittijiet tad-difiża marbutin ma’ dik id-deċiżjoni ma jibqgħux rilevanti.

71.      Għaldaqstant, mid-dispożizzjonijiet fil-qasam tal-aċċess għall-fajl fil-kuntest tal-proċeduri tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet ma jistax jiġi dedott li, wara t-tmiem definittiv ta’ dik il-proċedura, l-aċċess għad-dokumenti interni jdgħajjef serjament il-proċess deċiżjonali tal-Kummissjoni.

72.      Il-kunsiderazzjonijiet prinċipali fir-rigward tal-ħarsien ta’ proċess deċiżjonali li jkun għaddej – it-teħid ta’ deċiżjoni mingħajr problemi (32) – jitilfu kull rilevanza wara li jintemm dak il-proċess. Ġustament ma jibqax possibbli li dak il-proċess deċiżjonali jiġi influwenzat billi jintużaw id-dokumenti interni (33). Kif esponejt diġà, ir-riskji astratti ta’ awtoċensura u ta’ qalba lejn forom informali ta’ konsultazzjoni ma jistgħux, fin-nuqqas ta’ prova speċifika ta’ xi riskju ikbar f’xi każ partikolari, jiġġustifikaw ir-rifjut għal żvelar ta’ dokumenti interni wara l-għeluq tal-proċedura (34).

73.      F’dan il-każ, il-proċedura li tikkonċerna l-operazzjoni tal-konċentrazzjoni Airtours/First Choice ngħalqet b’mod definittiv fid-data tal-iskadenza tat-terminu li fih il-Kummissjoni setgħat tappella kontra s-sentenza Airtours, u għaldaqstant ħafna qabel it-talba għall-aċċess għall-fajl. Il-proċedura preżenti hija differenti f’dan ir-rigward mill-fatti li wasslu għas-sentenza Il-Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, fejn l-għeluq definittiv tal-proċedura ta’ għajnuna dwar id-dokumenti inkwistjoni kienu jirrigwardaw ma seħħx ħlief ħafna wara d-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar it-talba għall-aċċess għall-fajl (35).

74.      Il-Qorti Ġenerali, fil-punt 45 tas-sentenza appellata, tgħid naturalment li huwa possibbli li l-proċessi deċiżjonali jitħarsu anki wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni inkwistjoni. Kif jenfasizza r-Renju tal-Isvezja, huwa ċar li l-proċess deċiżjonali, madankollu, jeħtieġ inqas ħarsien wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni milli jeħtieġ qabel.

75.      Fil-fatt, filwaqt li l-interess biex jitħarsu l-proċessi deċiżjonali jonqos wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni, l-interess biex tiġi żvelata l-informazzjoni dwar il-proċess deċiżjonali jiżdied. Jekk ma jkunx hemm trasparenza fil-proċess deċiżjonali, il-kontabbiltà tal-amministrazzjoni fil-konfront taċ-ċittadin tista’ tissaħħaħ biss billi jkun hemm trasparenza tal-inqas a posteriori. Il-fatt li din it-trasparenza tiġi posposta għal iktar tard iwassal biex inaqqas b’mod inġenerali il-kontabbiltà tal-amministrazzjoni fil-proċess deċiżjonali. Għaldaqstant teħtieġ ġustifikazzjoni partikolari.

76.      Wara kollox dan jirriżulta wkoll mill-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001. Fil-fatt, l-ewwel subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni, li japplika qabel ma tiġi adottata d-deċiżjoni, ikopri iktar dokumenti mit-tieni subparagrafu li japplika għal wara li tittieħed id-deċiżjoni. Qabel id-deċiżjoni, id-dokumenti kollha li l-istituzzjoni tindika li huma għall-użu intern tagħha jew li hija tirċievi jaqgħu fl-eċċezzjoni, waqt li wara d-deċiżjoni, hemm biss id-dokumenti li jkun fihom opinjonijiet intiżi għall-użu intern fil-kuntest ta’ deliberazzjonijiet u konsultazzjonijiet preliminari fl-istituzzjoni kkonċernata.

77.      Għaldaqstant, il-fatt li l-opinjonijiet interni magħmula fil-kuntest tal-proċeduri ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet jaqgħu fl-attività amministrattiva tal-Kummissjoni ma jistgħux jiġġustifikaw ir-rifjut tal-iżvelar wara l-għeluq definittiv tal-proċedura.

b)      Dwar it-tidgħjif ta’ proċeduri oħra

78.      Favur il-ħarsien ta’ proċedura ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet il-Kummissjoni, fit-tieni deċiżjoni targumenta, madankollu, li l-informazzjoni tista’ ddgħajjef serjament il-proċess deċiżjonali fi proċeduri simili ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet. Il-Qorti Ġenerali taċċetta dan l-argument fil-punti 96 u 98 sa 100 tas-sentenza appellata.

79.      Fil-punt 100 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tikkonstata b’mod partikolari li deher ukoll raġonevoli li jiġi preżunt li dawn id-dokumenti jistgħu jintużaw – għalkemm ma jirriferux neċessarjament għall-pożizzjoni definittiva tal-Kummissjoni – biex jinfluwenzaw il-pożizzjoni tas-servizzi taghha, li għandhom jibqgħu ħielsa u indipendenti minn kull pressjoni esterna, fl-eżami ta’ kawżi simili li jinteressaw l-istess setturi ta’ attività jew l-istess kunċetti ekonomiċi.

80.      Jien ma narax, madankollu, kif dawn id-dokumenti jistgħu jintużaw biex tiġi eżerċitata pressjoni illeġittima f’kawżi simili.

81.      F’każ fejn dawn id-dokumenti jikkorroboraw id-deċiżjoni meħuda fl-ewwel kawża, huma ma jistgħux jintużaw ħlief biex jintwera li d-deċiżjoni tifforma parti minn prattika deċiżjonali koerenti. Madankollu, huma ma jkunu ta’ ebda importanza oħra meta mqabbla mad-deċiżjoni ppubblikata.

82.      Jekk l-argumenti li jinstabu fid-dokumenti interni jkunu f’sens differenti minn dak tad-deċiżjoni ppubblikata, għandu jkun faċli li dawn jinċaħdu billi jsir riferiment għal dik id-deċiżjoni u għall-motivi tagħha.

83.      Ma jista’ jkun hemm ebda pressjoni li toħroġ minn dan it-tip ta’ dokumenti ħlief jekk ma jkunx fihom argumenti li d-deċiżjoni ppubblikata ma ċaħditx b’mod motivat biżżejjed. Dan jikkostitwixxi madankollu vizzju li jolqot l-ewwel deċiżjoni, li wieħed ikun assolutament iġġustifikat li jikkonfronta bih lill-Kummissjoni. Xejn ma jiġġustifika li hija titħalla titkompla tinjora argumenti validi fid-deċiżjonijiet li sussegwentement hija tkun ser tieħu f’każijiet simili.

84.      Naturalment, ma għandux jiġi eskluż li jeżistu każijiet speċifiċi ħafna fejn il-każijiet ikunu tant marbutin mill-qrib li d-dokumenti interni ta’ każ minnhom ikunu jistgħu jdgħajjfu serjament id-deċiżjoni fuq il-każ l-ieħor. F’dan il-każ, il-Kummissjoni ma ssemmi ebda ħjiel ta’ rabta daqshekk mill-qrib u dan ma jidhirx li hu probabbli peress li kienu għaddew iktar minn ħames snin mid-deċiżjoni oriġinali Airtours/First Choice minn meta ttieħdet id-deċiżjoni dwar it-talba għall-aċċess għall-fajl.

c)      Konklużjoni intermedjarja

85.      Għaldaqstant il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ dritt meta hija qablet mal-Kummissjoni u ddikjarat li r-rifjut għall-aċċess għad-dokumenti tal-każ Airtours/First Choice, ibbażat fuq it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, kien legali.

4.      Dwar l-opinjonijiet li jikkonċernaw ir-riperkussjonijiet tas-sentenza Airtours dwar il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet

86.      L-ewwel deċiżjoni tal-Kummissjoni kienet tikkonċerna wkoll dawk il-partijiet mir-rapport li kienu taw opinjonijiet dwar is-suġġett tar-riperkussjonijiet tas-sentenza Airtours dwar il-proċeduri li japplikaw għall-kontroll tal-konċentrazzjonjiet jew għal oqsma oħra, kif ukoll id-dokumenti ta’ tħejjija dwarhom.

87.      Din l-informazzjoni tikkonċerna hija wkoll, ovvjament, dwar l-attività amministrattiva tal-Kummissjoni fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet, iżda terġa’ l-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq jistgħu jiġġustifikaw rifjut ta’ aċċess f’dan ir-rigward inqas milli fir-rigward tad-dokumenti li jirrigwardaw il-kawża Airtours/First Choice stess. Fil-fatt, l-informazzjoni ma kinitx tikkonċerna proċedura amministrattiva konkreta, iżda l-evalwazzjoni tar-riperkussjonijiet tas-sentenza Airtours fuq il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet inġenerali. Konsegwentement, din ma kinitx attività amministrattiva tipika, iżda pjuttost attività biex tiġi stabbilita l-politika jew l-istrateġija. Skont l-Artikolu 12(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, dokumenti ta’ dan it-tip, l-istess bħad-dokumenti leġiżlattivi, għandhom ikunu kemm jista’ jkun direttament aċċessibbli mill-pubbliku.

88.      Għaldaqstant, is-sentenza appellata hija vvizzjata wkoll bi żball ta’ dritt f’dak li jikkonċerna dawn id-dokumenti u partijiet minn dokumenti.

B –    Dwar il-kunfidenzjalità tal-opinjoni tad-dipartiment legali

89.      Ir-Renju tal-Isvezja jikkritika wkoll l-applikazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. Skont din id-dispożizzjoni, l-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw l-aċċess għal dokument meta l-iżvelar tiegħu jolqot il-ħarsien tal-proċedimenti fil-qrati u tal-opinjonijiet legali, sakemm interess pubbliku superjuri ma jiġġustifikax l-aċċess tad-dokument inkwistjoni.

90.      Il-Kummissjoni invokat din l-eċċezzjoni fit-tieni deċiżjoni fir-rigward ta’ ħames noti ppreżentati mid-dipartiment legali bi tweġiba għal ħames noti tad-DĠ “Kompetizzjoni”. Hija ddikjarat li l-aċċess għal dawn id-dokumenti ġie rrifjutat mill-Kummissjoni, peress li kienu jesponu l-analiżi tad-dipartiment legali dwar l-abbozzi tad-deċiżjoni. Il-Kummissjoni indikat li l-iżvelar ta’ dawn l-opinjonijiet legali jista’ jwassal għal inċertezza f’dak li jikkonċerna l-legalità tad-deċiżjonijiet fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet, ħaġa li jkollha effett negattiv fuq l-istabbiltà tal-ordinament ġuridiku Komunitarju u l-funzjonament tajjeb tad-dipartimenti tagħha.

91.      Fis-sentenza L-Isvezja u Turco vs Il-Kunsill, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ċaħdet dan l-argument f’dak li jikkonċerna l-opinjonijiet legali fil-qasam leġiżlattiv: hija preċiżament it-trasparenza li, billi tħalli li d-diverġenzi bejn diversi fehmiet jiġu diskussi fil-miftuħ, tikkontribwixxi sabiex tagħti lill-istituzzjonijiet leġittimità dejjem ikbar f’għajnejn iċ-ċittadini Ewropej u sabiex iżżid il-fiduċja tagħhom. Fil-fatt, huwa pjuttost in-nuqqas ta’ informazzjoni u ta’ dibattitu li jistgħu jqajmu dubji f’moħħ iċ-ċittadini, mhux biss fir-rigward tal-legalità ta’ att iżolat, iżda wkoll fir-rigward tal-leġittimità tal-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet fl-intier tiegħu. Barra minn hekk, ir-riskju li dubji jitqajmu f’moħħ iċ-ċittadini Ewropej fir-rigward tal-legalità ta’ att adottat mil-leġiżlatur Komunitarju mill-fatt li d-dipartiment legali tal-Kunsill kien ħareġ parir mhux favorevoli fir-rigward ta’ dan l-att l-iktar spiss ma jitwettaqx jekk il-motivazzjoni ta’ dan l-att issaħħet b’mod li turi r-raġunijiet li għalihom ma kienx ġie segwit dan il-parir mhux favorevoli (36).

92.      Dawn il-ħsibijiet japplikaw mhux biss għal-leġiżlazzjoni, imma bħala prinċipju, għall-amministrazzjoni wkoll. Għar-raġunijiet mogħtija diġà, jista’ jkun effettivament meħtieġ li jitħarsu proċeduri li jkunu għadhom għaddejjin li jkunu ta’ natura amministrattiva (37), iżda anki l-argument ibbażat fuq dan l-interess ma jibqax japplika wara l-għeluq definittiv tal-proċedura kkonċernata.

93.      Fil-punti 124 sa 127 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tibbaża ruħha, madankollu, fuq aspetti supplimentari biex tiddikjara valida d-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Anki din l-estensjoni tal-motivazzjoni tal-Kummissjoni li għamlet il-Qorti Ġenerali hija dubjuża, iżda din ma hemmx aggravju dwarha fil-kuntest tal-appell u għaldaqstant ma hemmx bżonn għal eżami ulterjuri.

94.      Fil-punt 125 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali testendi r-riskju ta’ awtoċensura għall-opinjonijiet tad-dipartiment legali. Diġà wrejt fir-rigward tal-ħarsien tal-proċessi deċiżjonali li din il-kunsiderazzjoni ma tikkonvinċinix (38). L-istess kunsiderazzjoni hija inqas b’saħħitha fir-rigward tal-opinjonijiet legali, u dan peress li d-dipartiment legali tal-Kummissjoni huwa indipendenti mid-DĠ “Kompetizzjoni”. Minħabba dan il-fatt, il-membri tad-dipartiment imsemmi ma għandhom xejn x’jibżgħu talli jkunu esprimew opinjonijiet kritiċi, anki f’każ li l-pubbliku jsir jaf bihom. Barra minn hekk, jekk id-dipartiment legali jneħħi kull kritika mill-opinjonijiet tiegħu, huwa jkun qiegħed ineħħi kull sens minnhom. Dawn l-opinjonijiet huma intiżi preċiżament biex juru l-problemi u dgħjufijiet eventwali.

95.      Hemm iktar possibbiltà li ssir bidla lejn forom informali ta’ konsultazzjoni, li pereżempju jibdew isiru b’mod orali biss. Il-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq fir-rigward tal-ħarsien tal-proċessi deċiżjonali huma validi wkoll f’dan ir-rigward. Spiss il-kumplessità tal-proċeduri fil-qasam tal-kompetizzjoni ma tħallix li jsiru biss opinjonijiet bil-miktub.

96.      Fil-punt 126 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ssemmi r-riskju li jkun hemm kuntrast bejn l-opinjoni espressa mid-dipartiment legali intern u l-pożizzjoni li l-membri tiegħu jkollhom eventwalment jiddefendu quddiem il-qrati; dan ir-riskju ma jibqax jeżisti tal-inqas wara li l-qrati jkunu ddeċidew b’mod finali dwar l-att ġuridiku kkonċernat. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali hija żbaljata meta tiddikjara, fil-punt 127 tas-sentenza appellata, li s-sentenza Airtours hija irrilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-eċċezzjoni favur l-opinjonijiet legali.

97.      Il-proċedura għall-kumpens għad-dannu li rriżulta minħabba d-deċiżjoni Airtours/First Choice, li dwarha l-Qorti Ġenerali kienet għadha ma ddeċidietx dak iż-żmien, ma twassalx biex tinbidel din l-evalwazzjoni.

98.      Dik il-proċedura essenzjalment qajmet il-kwistjoni dwar jekk il-ksur tal-obbligi min-naħa tal-Kummissjoni, bil-fatt li adottat id-deċiżjoni li kienet diġà ġiet ikkonstatata bħala li hija irregolari, kienx serju biżżejjed biex iwassal għal dritt ta’ kumpens (39). L-opinjonijiet tad-dipartiment legali dwar deċiżjoni ta’ dan it-tip kellhom juru biss, bħala regola ġenerali, il-kumplessità tal-kwistjonijiet inkwistjoni u, għaldaqstant, jimmilitaw kontra li l-ksur jiġi kklassifikat bħala serju. Dawn l-opinjonijiet jistgħu jiġġustifikaw biss din il-klassifikazzjoni jekk juru nuqqasijiet serji li jivvizzjaw il-proċedura amministrattiva. F’dak il-każ, madankollu, il-Kummissjoni ma jkollhiex interess leġittimu biex iżżomm dawk id-dokumenti. Min-naħa l-oħra, ikun fl-interess pubbliku li dan it-tip ta’ nuqqasijiet jiġu żvelati sabiex jiġi evitat li jerġgħu jiġu rripetuti.

99.      Għaldaqstant, l-evalwazzjoni dwar l-applikazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 hija bbażata, anki hi, fuq żball ta’ dritt tal-Qorti Ġenerali.

C –    Dwar l-eżami tal-interess pubbliku ikbar li jiġġustifika l-iżvelar

100. Ir-Renju tal-Isvezja jikkritika barra minn hekk il-mod li bih il-Qorti Ġenerali eżaminat il-punt dwar jekk il-Kummissjoni kellhiex dritt teskludi l-eżistenza ta’ interess pubbliku ikbar li jiġġustifika l-iżvelar tad-dokumenti inkwistjoni.

101. It-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) u l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 jipprovdu, t-tnejn li huma, li l-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw aċċess għal dokument meta l-iżvelar tiegħu jista’ jdgħajjef jew jista’ jdgħajjef serjament interess imħares jekk ma jkunx hemm interess pubbliku ikbar fl-iżvelar tad-dokument inkwistjoni.

102. Fil-punti 60 et seq, 118 et seq u 129 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tillimita ruħha biex teżamina l-argumenti ta’ MyTravel u biex tiċħadhom.

103. Ir-Renju tal-Isvezja jsostni li ma huwiex l-applikant li għandu juri l-eżistenza ta’ interess pubbliku.

104. Dan l-argument tar-Renju tal-Isvezja għandu jintlaqa’ f’dak li jikkonċerna l-punt tat-tluq tiegħu. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li hija l-istituzzjoni kkonċernata li għandha tivverifika, fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 4(2) u (3) tar-Regolament Nru 1049/2001, jekk jeżistix interess pubbliku ikbar li jiġġustifika madankollu l-iżvelar tad-dokument ikkonċernat (40). Għaldaqstant, tal-inqas l-aspetti l-iktar importanti tal-każ għandhom jiġu eżaminati ex officio (41).

105. Fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja, il-kwistjoni tal-ksur tal-Artikolu 4(2) jew (3) tar-Regolament Nru 1049/2001, imwettaq fil-kuntest tal-verifika tal-eżistenza ta’ interess pubbliku ikbar, ma għandhiex madankollu tiġi eżaminata ħlief jekk din titressaq mir-rikorrent. Meta r-rikorrent ma jilmentax min nuqqas assolut tal-verifika, l-obbligu li jindika l-aspetti li ma ġewx evalwati b’mod xieraq jaqa’ fuqu. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma twettaq ebda żball ta’ dritt jekk tikkonċentra fuq l-argumenti tiegħu.

106. Madankollu, ir-Renju tal-Isvezja huwa korrett isostni li MyTravel semmiet aspetti li minnhom jista’ jirriżulta biżżejjed interess pubbliku.

107. Huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-dritt tal-pubbliku li jiġi informat dwar kwistjonijiet importanti tad-dritt tal-Unjoni, bħal dawk fil-qasam tal-kompetizzjoni, kif ukoll dwar kwistjonijiet li huma ta’ interess politiku ċert, minħabba li jitqajmu permezz tar-rikorsi għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, ma jipprevalix, bħala prinċipju, dwar il-ħarsien tal-proċeduri ġudizzjarji pendenti (42).

108. Madankollu, din il-kawża tirrigwarda proċeduri amministrattivi magħluqa. Fuq kollox, madankollu, skont dak li qalet il-Qorti Ġenerali fil-punt 38 tas-sentenza appellata, MyTravel kienet sostniet li s-severità tal-kritiki esposti mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza Airtours wasslu biex il-Kummissjoni wettqet investigazzjoni interna sabiex titgħallem xi affarijiet minn din is-sentenza u sabiex tiddetermina l-bidliet li kellha twettaq fil-prattika deċiżjonali tagħha. F’dan il-kuntest, ikun hemm interess pubbliku superjuri sabiex jinftiehem x’ġara, kif dan setgħa jiġi evitat u xi twettaq sabiex jiġi evitat li dan isir mill-ġdid. It-trasparenza tħalli lill-pubbliku biex jivverifika jekk il-miżuri li ttieħdu sabiex issewwi nuqqas ta’ amministrazzjoni hijiex biżżejjed u xierqa.

109. Dan l-interess ikbar tal-pubbliku li jiġi informat bil-konsegwenzi tas-sentenza Airtours imur lil hinn mill-interess ġenerali fi kwistjonijiet tad-dritt tal-kompetizzjoni jew fir-rikorsi għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Dan kellu jirriżulta ċar fl-eżami tat-talba għall-aċċess għad-dokumenti inkwistjoni. Madankollu, il-Kummissjoni naqset milli ssemmi dan fiż-żewġ deċiżjonijiet tagħha dwar it-talba għall-aċċess għall-fajl. Għaldaqstant, ma jistax jiġi preżunt li hija ħaditu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tagħha.

110. Huwa iktar diffiċli li jinftiehem għaliex il-Qorti Ġenerali tiddikjara, fil-punt 63 tas-sentenza appellata, li r-rikorrenti (hawnhekk appellanti) ma tispjegax, fil-fehma tagħha, ir-raġunijiet għalfejn hija ssostni li dak huwa interess pubbliku ikbar u tinsisti biss, fil-punti 64 et seq, dwar l-interessi personali ta’ MyTravel. Dawk l-ispjegazzjonijiet u eventwali interessi personali ma jistgħux ikunu determinanti jekk il-Kummissjoni lanqas biss tibda tikkunsidra interess pubbliku straordinarju ċar.

111. Konsegwentement, l-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ interess pubbliku ikbar hija wkoll ivvizzjata bi żball ta’ dritt.

D –    Dwar l-aċċess parzjali

112. Ir-Renju tal-Isvezja jilmenta fl-aħħar nett li l-Kummissjoni ma eżaminatx biżżejjed fid-dettall il-possibbiltà li d-dokumenti miżmuma jiġu żvelati b’mod parzjali. Dan l-argument jikkonċerna madankollu kwistjoni li ma kinitx is-suġġett tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali. Peress li skont l-Artikolu 113(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-appell ma jistax ibiddel is-suġġett tal-kwistjoni quddiem il-Qorti Ġenerali, dan l-aggravju huwa inammissibbli (43).

E –    Konklużjoni tal-eżami tal-appell

113. Is-sentenza appellata hija vvizzjata bi żbalji ta’ dritt f’dak li jikkonċerna l-evalwazzjoni tal-applikazzjoni tat-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) u tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001. Għaldaqstant hija għandha tiġi annullata fuq dan il-punt.

F –    Dwar ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali

114. Skont it-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, din tal-aħħar tista’, f’każ li tiġi annullata s-sentenza appellata, tiddeċiedi definittivament il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża. Dan huwa l-każ attwali.

115. MyTravel kienet talbet l-annullament taż-żewġ deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li ċaħdu t-talba tagħha għall-aċċess għall-fajl.

116. Wara l-eżami tal-ewwel żewġ aggravji invokati insostenn tal-appell, huwa ċar li f’dawk id-deċiżjonijiet il-Kummissjoni invokat b’mod ħażin eċċezzjonijiet dwar il-ħarsien tal-proċess deċiżjonali u tal-opinjonijiet legali (44). Madankollu hija bbażat ukoll id-deċiżjonijiet dwar il-ħarsien tal-proċeduri ġudizzjarji (45), kif ukoll dwar il-ħarsien tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni u ta’ verifiki (46).

117. Għalkemm il-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod finali fuq l-applikazzjoni ta’ din l-aħħar eċċezzjoni, hija għamlet dan biss fir-rigward ta’ dokument wieħed. Min-naħa l-oħra, il-kwistjoni dwar jekk dawn iż-żewġ eċċezzjonijiet jiġġustifikawx li jiġi rrifjutat l-aċċess għad-dokumenti l-oħra għadha ma ġietx eżaminata. Madankollu, iż-żewġ eċċezzjonijiet jippreżumu li l-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni l-interess partikolari tal-pubbliku fir-reazzjoni tagħha għas-sentenza Airtours, ħaġa li hija ma għamlitx (47). Għaldaqstant, huma lanqas ma jistgħu jiġġustifikaw ir-rifjut tal-aċċess.

118. Konsegwentement, iż-żewġ deċiżjonijiet tal-Kummissjoni għandhom jiġu annullati kollha kemm huma.

V –    Fuq l-ispejjeż

119. Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 122 tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. L-Artikolu 69 tal-istess regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 118 tagħhom, jipprovdi fis-subparagrafu 2 tiegħu li l-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu. L-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 4 tal-Artikolu 69 jipprovdi li l-Istati Membri intervenjenti fil-kawża, għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

120. Peress li l-appell tar-Renju tal-Isvezja għandu jintlaqa’, il-Kummissjoni għandha tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż tar-Renju tal-Isvezja f’dan l-appell, u dan skont it-talbiet li hu għamel.

121. Ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju Unit għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

122. Peress li r-Renju tal-Isvezja ma talabx l-annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali dwar l-ispejjeż, din ma għandhiex tinbidel.

VI – Konklużjoni

123. Għalhekk nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi kif ġej:

“1)      Il-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Settembru 2008, MyTravel vs Il-Kummissjoni (T‑403/05) huwa annullat.

2)     Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Settembru 2005 [D(2005) 8461] hija annullata.

3)     Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Ottubru 2005 [D(2005) 9763] hija annullata.

4)      Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mir-Renju tal-Isvezja f’dan l-appell.

5)      Ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom”.


1 – Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol 3, p. 331.


3 – Din kienet it-telfa “storika” li sofriet il-Kummissjoni f’kawża dwar kontroll ta’ konċentrazzjonijiet, ara s-sentenza tas-6 ta’ Ġunju 2002, Airtours vs Il-Kummissjoni (T‑342/99, Ġabra p. II‑2585, iktar ’il quddiem is-“sentenza Airtours”). Telfiet oħra segwew bis-sentenzi tat-22 ta’ Ottubru 2002, Schneider Electric vs Il-Kummissjoni (T‑310/01, Ġabra p. II‑4071, u T‑77/02, Ġabra p. II‑4201) u tal-25 ta’ Ottubru 2002, Tetra Laval vs Il-Kummissjoni (T‑5/02, Ġabra p. II‑4381, u T‑80/02, Ġabra p. II‑4519). Dawn l-aħħar żewġ sentenzi kienu ġew appellati, u wasslu għas-sentenzi tal-15 ta’ Frar 2005, Il-Kummissjoni vs Tetra Laval (C‑12/03 P, Ġabra p. I‑987, u C‑13/03 P, Ġabra p. I‑1113).


4 – Sentenza tad-9 ta’ Settembru 2008 (T‑403/05, Ġabra p. II‑2027).


5 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 40. L-Artikolu 18(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4064/89, tal-21 ta’ Diċembru 1989, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 31) li kien applikabbli għall-każ Airtours/First Choice, intalab f’termini identiċi.


6 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol 3, p. 88.


7 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol 1, p. 284.


8 – Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3.


9 – Sentenza tad-9 ta’ Settembru 2008, MyTravel vs Il-Kummissjoni (T‑212/03, Ġabra p. II‑1967).


10 – Sentenza tat-23 ta’ Novembru 2004, Turco vs Il-Kunsill (T‑84/03, Ġabra p. II‑4061, punti 54 sa 59).


11 – Sentenza tal-21 ta’ Settembru 2010, L-Isvezja et vs API u Il-Kummissjoni (C‑514/07 P, C‑528/07 P u C‑532/07 P, p. I‑8533, punti 68 et seq, u l-ġurisprudenza ċċitata).


12 – Ara s-sentenzi tad-29 ta’ Ġunju 2010, Il-Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau (C‑139/07 P, p. I‑5885, punt 53) u L-Isvezja et vs API u Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, punti 70 et seq).


13 – Ara s-sentenza L-Isvezja et vs API u Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, punti 73 et seq u l-ġurisprudenza ċċitata).


14 – Sentenzi tat-18 ta’ Diċembru 2008, Muñiz vs Il-Kummissjoni (T‑144/05, pubblikazzjoni sommarja Ġabra p. II‑355, punt 75); tal-11 ta’ Marzu 2009, Borax Europe vs Il-Kummissjoni (T‑121/05, pubblikazzjoni sommarja Ġabra p. II‑27, punti 66 et seq, u T‑166/05, pubblikazzjoni sommarja Ġabra p. II‑28, punti 101 et seq); tad-9 ta’ Ġunju 2010, Éditions Jacob vs Il-Kummissjoni (T‑237/05, p. II‑2245, punt 141, li ġiet ikkontestata fl-appell C‑404/10 P, Komunikazzjoni ĠU C 274, p. 19), u tas-7 ta’ Lulju 2010, Agrofert Holding vs Il-Kummissjoni (T‑111/07, p. II‑128, punt 142, ikkontestata bl-appell C‑477/10 P, Komunikazzjoni ĠU C 328, p. 22).


15 – Ara l-punt 29 iktar ’il fuq.


16 – Artikolu 3(a) tal-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni [COM(2000)30 finali].


17 – COM(2000)30 finali, p. 4.


18 –      Ara ż-żewġ sentenzi Borax Europe vs Il-Kummissjoni ċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14 (T‑121/05, punt 66, u T‑166/05, punt 101).


19 – Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni [KUMM(2008) 229 finali], p. 14 et seq (premessa 17) u 19 et seq [Artikolu 4(3) u (4)].


20 – Abbozz ta’ rapport dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni, tat-12 ta’ Mejju 2010 (PE 439.989v01-00), p. 14 (premessa 12b), 18 et seq (premessa 17) u 34 et seq.


21 – Ara l-ħsibijiet tiegħi fil-konklużjonijiet ippreżentati fis-6 ta’ Mejju 2010 fil-kawża Afton Chemical (sentenza tat-8 ta’ Lulju 2010, C‑343/09, p. I‑7027, punti 43 et seq). Fis-sentenza tagħha (iċċitata iktar ’il fuq, punti 38 et seq), il-Qorti tal-Ġustizzja ma qablitx mad-dubji tiegħi fir-rigward tar-reqqa tal-eżami tal-kwistjoni, iżda din turi biss li fil-kawża msemmija dawn id-dubji ma kinux biżżejjed biex jippreġudikaw il-legalità tad-deċiżjoni.


22 – Sentenza tal-1 ta’ Lulju 2008, L-Isvezja u Turco vs Il-Kunsill (C‑39/05 P u C‑52/05 P, Ġabra p. I‑4723, punt 43); ara wkoll is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12.


23 – Ara l-punti 102 et seq tas-sentenza appellata.


24 – Ara l-punti 108 et seq tas-sentenza appellata.


25 – Sentenza L-Isvezja et vs API u Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, punt 77); ara wkoll is-sentenza Il-Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punt 60).


26 – Ara s-sentenza L-Isvezja et vs API u Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, punt 81).


27 – Ara, fir-rigward tal-ħarsien tal-attività ġudizzjarja, is-sentenza L-Isvezja et vs API u Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, punt 92).


28 –      Ara, fir-rigward tal-ħarsien tal-attività ġudizzjarja, is-sentenza L-Isvezja vs API u Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, punt 93).


29 – F’dan is-sens, fir-rigward tad-dokumenti interni fil-kuntest tal-proċeduri dwar akkordju, is-sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2008, Hoechst vs Il-Kummissjoni (T‑410/03, Ġabra p. II‑881, punt 165), li tagħmel riferiment għall-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali u, indirettament, għad-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Ġunju 1986, British American Tobacco u Reynolds Industries vs Il-Kummissjoni (142/84 u 156/84, Ġabra 1899, p. punt 11). Ara wkoll, is-sentenza tas-6 ta’ April 1995, BPB Industries u British Gypsum vs Il-Kummissjoni (C‑310/93 P, Ġabra, p. I‑865, punt 22).


30 – Sentenzi Il-Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punt 58) dwar l-aċċess għall-fajl ta’ proċedura ta’ għajnuna, u L-Isvezja et vs API u Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, punt 100), fir-rigward tal-aċċess għall-iskritturi mibdula fil-kuntest tal-proċeduri ġudizzjarji.


31 – Ara, fir-rigward tad-dritt dwar l-akkordji, is-sentenzi tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni (C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, Ġabra p. I‑8375, punt 321); tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni (C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, Ġabra p. I‑123, Punt 68); tal-1 ta’ Lulju 2010, Knauf Gips vs Il-Kummissjoni (C‑407/08 P, p. I‑6375, punt 22), u, fil-qasam tal-proċeduri dixxiplinarji, tal-11 ta’ Lulju 2006, Il-Kummissjoni vs Cresson (C‑432/04, Ġabra p. I‑6387, punt 110).


32 – Ara l-punti 65 et seq iktar ’il fuq.


33 – Ara, fir-rigward tal-ħarsien tal-attività ġudizzjarja, is-sentenza L-Isvezja et vs API u Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, punt 130 et seq).


34 – Ara l-punti 46 et seq, iktar ’il fuq.


35 – Sentenza Il-Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punti 1 u 14 et seq).


36 – Sentenza L-Isvezja u Turco vs Il-Kunsill (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22, punti 59 et seq).


37 – Ara l-punti 65 et seq iktar ’il fuq.


38 – Ara l-punti 46 et seq iktar ’il fuq.


39 – Ara s-sentenza MyTravel vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, b’mod partikolari l-punti 37 et seq).


40 – Sentenza L-Isvezja u Turco vs Il-Kunsill (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22, punt 49).


41 – Ara s-sentenza L-Isvezja et vs API u Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, punt 152) u, fir-rigward tal-opinjonijiet legali fil-kuntest tal-proċeduri leġiżlattivi, is-sentenza L-Isvezja u Turco vs Il-Kunsill (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22, punt 67). F’dan ir-rigward, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punti 62 u 70) tista’ twassal għal konfużjoni.


42 – Ara s-sentenza L-Isvezja et vs API u Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, punti 157 et seq).


43 – Ara s-sentenzi tal-1 ta’ Ġunju 1994, Il-Kummissjoni vs Brazzelli Lualdi et (C‑136/92 P, Ġabra p. I‑1981, punt 59); tal-24 ta’ Settembru 2002, Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il-Kummissjoni (C‑74/00 P u C‑75/00 P, p. I‑7869, punt 177), u tal-14 ta’ Ottubru 2010, Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni (C‑280/08 P, p. I‑9555, punt 34).


44 – It-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001. F’dan ir-rigward, ara t-Taqsimiet A u B iktar ’il fuq.


45 – It-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.


46 – It-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.


47 – F’dan ir-rigward, ara l-punti 108 et seq iktar ’il fuq.