Appell ippreżentat fit-12 ta’ Mejju 2020 minn Claudio Necci mid-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) fil-25 ta’ Marzu 2020 fil-Kawża T-129/19, Necci vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-202/20 P)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellant: Claudio Necci (rappreżentanti: S. Orlandi, T. Martin, avukati)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

L-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla d-digriet mogħti fil-25 ta’ Marzu 2020 mill-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea fil-kawża Necci vs Il-Kummissjoni, T-129/19;

tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea sabiex hija tiddeċiedi mill-ġdid fuq l-imsemmija kawża;

tirriżerva l-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appellant jitlob l-annullament tad-digriet mogħti fil-25 ta’ Mejju 2020 fil-Kawża T-129/19, li permezz tiegħu l-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea ċaħdet ir-rikors tiegħu għal annullament bħala inammissibbli u kkundannatu għall-ispejjeż.

L-appellant iqajjem, insostenn ta’ dan, tliet aggravji:

L-ewwel aggravju bbażat fuq żnaturament tas-suġġett tat-tilwima sa fejn il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea qieset li d-deċiżjoni tat-18 ta’ Lulju 2011 kienet tippreġudika lill-appellant.

It-tieni aggravju bbażat fuq ksur tad-dritt tiegħu għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva peress li, jekk ir-rikors tiegħu huwa inammissibbli, l-appellant ma jkollu l-ebda rimedju sabiex jikkontesta l-fatt li huwa ma għadux jibbenefika minn kopertura soċjali, minkejja l-fatt li huwa ħadem ħajtu kollha.

It-tielet aggravju huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ uniċità ta’ leġiżlazzjoni applikabbli peress li l-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea ddeċidiet li t-telf ta’ kull kopertura soċjali fl-Italja wara t-trasferiment “jirriżulta mir-regoli legali tad-dritt nazzjonali inkwistjoni u huwa bla rilevanza għas-sitwazzjoni tiegħu fir-rigward tal-JSIS”.

____________