KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fis-16 ta’ Lulju 2015 (1)

Kawża C‑74/14

“Eturas” UAB

“Freshtravel” UAB

“Neoturas” UAB

“AAA Wrislit” UAB

“Visveta” UAB

“Baltic Clipper” UAB

“Guliverio kelionės” UAB

“Baltic Tours Vilnius” UAB

“Kelionių laikas” UAB

“Vestekspress” UAB

“Daigera” UAB

“Ferona” UAB

“Kelionių akademija” UAB

“Travelonline Baltics” UAB

“Kelionių gurmanai” UAB

“Litamicus” UAB

“Megaturas” UAB

“TopTravel” UAB

“Zigzag Travel” UAB

“ZIP Travel” UAB

vs

Lietuvos Respublikos konkurencijos taryba

(Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (il-Litwanja))

“Kompetizzjoni – Artikolu 101(1) TFUE – Elementi kostituttivi ta’ prattika miftiehma – Aġenziji tal-ivvjaġġar li jużaw sistema ta’ riżervazzjoni kompjuterizzata komuni – Limitazzjoni tar-rata ta’ skont massima disponibbli għal riżervazzjonijiet online – Messaġġ mill-amministratur tas-sistema li jħabbar dik ir-restrizzjoni – Ftehim – Rabta kawżali bejn il-ftehim u l-aġir fis-suq – Oneru tal-prova – Preżunzjoni ta’ innoċenza”





I –    Introduzzjoni

1.        F’analiżi kkwotata ta’ spiss ta’ “prattika miftiehma” skont l-Artikolu 101(1) TFUE l-Imħallef Vesterdof, fil-funzjoni ta’ Avukat Ġenerali, kiteb: “nemmen li l-problema tista’ tiġi kompriża f’domanda waħda: meta jitwettaq ksur tal-liġi?”. (2)

2.        Il-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (Il-Qorti Amministrattiva Suprema tal-Litwanja) tagħmel domanda simili fl-isfond ta’ kontestazzjoni tal-validità tad-deċiżjoni adottata mill-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni, li sabet illi numru ta’ aġenti tal-ivvjaġġar ikkoordinaw ir-rata ta’ skont applikabbli għall-klijenti tagħhom.

3.        Il-fattur oriġinali tal-każ huwa bbażat fuq il-fatt illi l-prova ta’ ftehim prinċipalment hija marbuta mal-azzjonijiet ta’ parti terza, il-proprjetarja u l-amministratriċi tas-sistema ta’ riżervazzjoni bl-internet użata mill-aġenti tal-ivvjaġġar ikkonċernati, li imponiet restrizzjoni teknika fuq ir-rata ta’ skont u poġġiet messaġġ li jħabbar dik ir-restrizzjoni. Il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar jekk dik il-prova tissodisfax il-livell ta’ prova meħtieġ sabiex jiġi stabbilit ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE.

II – L-isfond fattwali, il-proċeduri u d-domandi preliminari magħmula

4.        ‘Eturas’ UAB hija l-proprjetarja ta’ drittijiet esklużivi għal, u l-amministratriċi tas-sistema ta’ riżervazzjoni tal-ivvjaġġar online E‑TURAS (is-“sistema E‑TURAS”).

5.        Din is-sistema hija kkontrollata minn amministratur waħdieni u tista’ tiġi integrata f’siti tal-internet individwali tal-aġenziji tal-ivvjaġġar li jkunu akkwistaw liċenzja minn Eturas. Il-kuntratt għal-liċenzjar standard ta’ Eturas ma jinkludix provvedimenti li jistgħu jippermettu lill-amministratur sabiex jaltera l-prezzijiet tas-servizzi pprovduti mill-aġenziji tal-ivvjaġġar li jużaw is-sistema.

6.        Fl-2010 il-Lietuvos Respublikos konkurencijos taryba (l-awtorità nazzjonali għall-kompetizzjoni fil-Litwanja, il-“Kunsill għall-kompetizzjoni”) beda investigazzjoni abbażi tal-informazzjoni li rċieva minn wieħed mill-utenti tas-sistema E‑TURAS, fejn ingħad illi l-aġenziji tal-ivvjaġġar li jiddistribwixxu ġiti organizzati kienu qed jikkoordinaw bejniethom l-iskonti li jiġu mogħtija lill-konsumaturi li jixtru ġiti online permezz tas-sistema E‑TURAS.

7.        Din l-investigazzjoni stabbilixxiet li f’xi żmien qabel l-allegata restrizzjoni, id-direttur ta’ Eturas bagħat email lil diversi aġenziji tal-ivvjaġġar jitlobhom jivvotaw favur tnaqqis tar-rati ta’ skont minn 4 % għal 1 %-3 %. Filwaqt li hemm provi fil-proċess illi waħda mill-aġenziji tal-ivvjaġġar ikkonċernata rċeviet din l-email, ma teżisti l-ebda prova jekk aġenziji tal-ivvjaġġar oħrajn irċevewhiex jew irrispondewx għaliha.

8.        Fis-27 ta’ Awwissu 2009, f’12:20, ġiet stabbilita restrizzjoni teknika fis-sistema E‑TURAS, li tillimita għal 3 % l-iskonti disponibbli għal riżervazzjonijiet online.

9.        Din ġiet antiċipata bl-avviż tas-sistema li ġej (l-“avviż tas-sistema tas-27 ta’ Awwissu 2009”) li deher, iktar kmieni fl-istess ġurnata, fis-sezzjoni ta’ “Avviżi ta’ Informazzjoni” tas-sistema E‑TURAS:

“Wara apprezzament tal-istqarrijiet, proposti u xewqat [...] espressi mill-aġenziji tal-ivjaġġar, ser nippermettu skonti online f’firxa ta’ 0 % sa 3 %, li jintagħżlu b’mod individwali [...] Għal aġenziji tal-ivjaġġar li offrew skonti ’il fuq minn 3 %, dawn awtomatikament ser jiġu [...] ridotti għal 3 % [...]”.

10.      Id-direttur ta’ Eturas stqarr li tali avviż intbagħat lill-aġenziji tal-ivvjaġġar kollha li jużaw is-sistema.

11.      Il-possibbiltà li jiġu offerti skonti addizzjonali lil klijenti individwali (eż. li jiġu offerti kodiċi ta’ skont għal-lealtà) ma kinitx ristretta.

12.      L-investigazzjoni stabbilixxiet ukoll illi l-maġġoranza tal-aġenziji tal-ivvjaġġar li applikaw rata ta’ skont ta’ iktar minn 3 % qabel is-27 ta’ Awwissu 2009, minn dakinhar naqqsu r-rata ta’ skont għal 3 %. Madankollu, numru ta’ aġenziji tal-ivvjaġġar kienu diġà offrew rata inqas ta’ skont qabel is-27 ta’ Awwissu 2009, u komplew japplikaw l-istess rata baxxa. Numru ta’ aġenziji tal-ivvjaġġar ma offrewx servizzi permezz tal-E‑TURAS qabel is-27 ta’ Awwissu 2009. Numru ieħor ta’ aġenziji tal-ivvjaġġar ikkonċernati ma biegħux ġita waħda permezz tal-E‑TURAS matul il-perijodu investigat.

13.      Fid-deċiżjoni tiegħu tas-7 ta’ Ġunju 2012, il-Kunsill għall-Kompetizzjoni sab li 30 aġenzija tal-ivvjaġġar kif ukoll Eturas ipparteċipaw, bejn is-27 ta’ Awwissu 2009 u l-aħħar ta’ Marzu 2010, fi prattika anti-kompetittiva fir-rigward ta’ skontijiet applikabbli għal riżervazzjonijiet permezz tas-sistema E‑TURAS.

14.      Skont dik id-deċiżjoni, il-ksur beda fid-data li fiha deher l-avviż rigward it-tnaqqis ta’ skontijiet fuq is-sistema E‑TURAS u r-rata tal-iskontijiet ġiet ristretta b’mezzi tekniċi. L-aġenziji tal-ivvjaġġar, bħala operaturi ekonomiċi prudenti, kellhom ikunu konxji minn dik il-limitazzjoni sa minn dik id-data.

15.      Il-Kunsill għall-kompetizzjoni kkunsidra li l-aġenziji tal-ivvjaġġar li użaw is-sistema E‑TURAS matul il-perijodu rilevanti, u li ma esprimew l-ebda oġġezzjoni, kienu responsabbli għal ksur. Dawk l-aġenziji setgħu raġonevolment jassumu illi l-utenti l-oħra kollha tas-sistema wkoll jillimitaw l-iskontijiet tagħhom għal massimu ta’ 3 %. Għalhekk, huma kienu informaw lil xulxin bir-rati ta’ skont li kellhom ħsieb japplikaw fil-futur u b’hekk indirettament – b’approvazzjoni impliċita jew taċita – esprimew il-qbil komuni tagħhom fir-rigward ta’ aġir fis-suq rilevanti. Osserva wkoll illi tali aġir min-naħa tal-aġenziji tal-ivvjaġġar fis-suq rilevanti kellu jiġi kkunsidrat bħala prattika miftiehma. Il-Kunsill għall-kompetizzjoni kkonkluda li, għalkemm Eturas ma kinitx attiva fis-suq rilevanti, hija kellha rwol fl-iffaċilitar tal-ksur.

16.      Għaldaqstant, il-Kunsill għall-kompetizzjoni sab li Eturas u l-aġenziji tal-ivvjaġġar ikkonċernati kienu kisru l-Artikolu 101(1) TFUE, kif ukoll l-Artikolu 5 tal-Lietuvos Respublikos konkurencijos įstatymas (Liġi dwar il-Kompetizzjoni fir-Repubblika tal-Litwanja), u impona fuqhom multi. L-aġenzija tal-ivvjaġġar li pprovdiet lill-Kunsill għall-kompetizzjoni bl-informazzjoni dwar il-ksur, ġiet mogħtija immunità mill-multa skont il-programm ta’ klemenza.

17.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kkontestaw id-deċiżjoni tal-Kunsill għall-kompetizzjoni quddiem il-Vilniaus apygardos administracinis teismas (Il-Qorti Amministrattiva distrettwali ta’ Vilnius). Permezz ta’ sentenza tat-8 ta’ April 2013, dik il-qorti laqgħet it-talbiet parzjalment u naqqset il-multi imposti.

18.      Kemm ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kif ukoll il-Kunsill għall-kompetizzjoni appellaw quddiem il-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas.

19.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jikkontendu illi ma kinux parti minn prattiċi miftiehma skont it-tifsira fl-Artikolu 101(1) TFUE jew dispożizzjoni nazzjonali. L-aġenziji tal-ivvjaġġar ikkonċernati jsostnu li ma ġietx stabbilita l-intenzjoni tagħhom li jnaqqsu l-iskontijiet, u li r-restrizzjoni teknika kienet att unilaterali ta’ Eturas. Uħud mir-rikorrenti jsostnu li lanqas kienu qraw l-avviż tas-sistema. Minħabba l-importanza baxxa tas-sistema – bid-dħul mill-ġiti mibjugħa permezz tal-E‑TURAS jirrappreżenta biss frazzjoni mid-dħul totali tagħhom (eż: 0.12 %, 0.2 % jew 0.0025 %) – l-aġenziji tal-ivvjaġġar ma segwuhiex mill-qrib. Huma jispjegaw illi użaw is-sistema minħabba l-konvenjenza tagħha għal bejgħ online, l-assenza ta’ xi sistemi alternattivi fis-suq u l-ispiża li jiffrankaw sabiex jiżviluppaw sistemi elettroniċi tagħhom infushom. Fil-prinċipju, l-iskontijiet ma kinux ristretti, billi l-aġenziji tal-ivvjaġġar żammew il-possibbiltà li japplikaw skontijiet addizzjonali għal-lealtà lil klijenti individwali.

20.      Il-Kunsill għall-kompetizzjoni jikkontendi illi s-sistema E‑TURAS kienet isservi bħala għodda għar-rikorrenti sabiex jikkordinaw l-azzjonijiet tagħhom u din eliminat il-ħtieġa ta’ laqgħat, billi l-kundizzjonijiet għall-użu tas-sistema kienet tippermettilhom jilħqu “qbil ta’ intenzjonijiet” dwar restrizzjonijiet ta’ skont mingħajr il-ħtieġa ta’ kuntatti diretti. In-nuqqas ta’ oppożizzjoni għal-limitazzjonijiet tal-iskont hija kkunsidrata bħala approvazzjoni taċita. Is-sistema E‑TURAS iffunzjonat taħt kundizzjonijiet uniformi, u kienet faċilment rikonoxxibbli fuq is-siti tal-internet tal-aġenziji tal-ivvjaġġar, li inkludew informazzjoni dwar l-iskontijiet applikabbli. L-aġenziji tal-ivvjaġġar ma oġġezzjonawx għar-restrizzjoni imposta, u għalhekk, għamluha ċara ma’ xulxin li kienu qed japplikaw skontijiet limitati, sabiex b’hekk jeliminaw kwalunkwe inċertezza fuq ir-rati ta’ skont. Ir-rikorrenti kienu obbligati li jkunu prudenti u responsabbli u ma setgħux jinjoraw jew iwarrbu avviżi rigward prattiċi li jaffettwaw l-attivitajiet ekonomiċi tagħhom.

21.      Il-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas għandha dubji dwar l-interpretazzjoni korretta tal-Artikolu 101(1) TFUE u, b’mod partikolari, dwar l-allokazzjoni tal-oneru tal-prova għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dik id-dispożizzjoni.

22.      Il-qorti tar-rinviju tindika li dan l-aspett huwa deċiżiv fl-evalwazzjoni dwar jekk il-Kunsill għall-kompetizzjoni stabbilixxiex jew le fatti suffiċjenti sabiex jikkonkludi li kien hemm ksur u sabiex jiddetermina l-mument minn meta għandu jiġi kkalkolat il-perijodu ta’ ksur. Mill-motivi tad-deċiżjoni kkontestata jidher illi sabiex jistabbilixxi l-ksur, il-Kunsill għall-kompetizzjoni straħ prinċipalment fuq l-avviż tas-sistema tas-27 ta’ Awwissu 2009. Għalhekk, fil-fatt, il-Kunsill għall-kompetizzjoni applika l-preżunzjoni li l-aġenziji tal-ivvjaġġar li rċevew l-avviż kienu jafu, jew kellhom ikunu jafu dwar ir-restrizzjoni.

23.      Skont il-qorti tar-rinviju, minn naħa, huwa possibbli jingħad illi r-rikorrenti użaw is-sistema E‑TURAS flimkien mal-kompetituri tagħhom u, għalhekk, kienu obbligati li jaġixxu b’diliġenza u jagħtu każ ta’ notifiki mibgħuta mis-sistema. Tabilħaqq, uħud minnhom ammettew illi kienu jafu dwar ir-restrizzjoni tal-iskont u li osservaw dik ir-restrizzjoni fil-prattika. Bil-ħsieb tan-natura klandestina ta’ prattiċi anti-kompetittivi, provi bbażati fuq sistema setgħu forsi, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, ikunu ikkunsidrati bħala suffiċjenti. Min-naħa l-oħra, ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni huwa suġġett għall-preżunzjoni tal-innoċenza. F’dan il-każ, ma hemm l-ebda prova li r-rikorrenti effettivament qraw l-avviż tas-sistema u rrealizzaw li dak kien jirrappreżenta azzjoni ta’ prattika miftiehma antikompetittiva implementata mill-utenti kollha tas-sistema.

24.      Għalhekk, il-qorti tar-rinviju tfittex li tistabbilixxi jekk is-sempliċi fatt li jintbagħat avviż tas-sistema rigward restrizzjoni ta’ skont setax, fil-kuntest taċ-ċirkustanzi ta’dan il-każ, jikkostitwixxi prova suffiċjenti li tikkonferma jew tagħti lok għal preżunzjoni li l-operaturi ekonomiċi parteċipanti fis-sistema kienu jafu jew kellhom ikunu jafu dwar ir-restrizzjoni tal-iskont, anki jekk uħud minnhom jiddikjaraw li ma kellhomx għarfien tar-restrizzjoni, u uħud ma biddlux ir-rata ta’ skont attwali jew ma biegħu ebda ġita permezz tas-sistema E‑TURAS matul il-perijodu rilevanti.

25.      F’dan il-kuntest, il-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas, b’digriet tas-17 ta’ Jannar 2014, li wasal fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-10 ta’ Frar 2014, għamlet id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“(1)      L-Artikolu 101(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’każ fejn operaturi ekonomiċi jipparteċipaw f’sistema ta’ informazzjoni komuni bħal dik deskritta f’dan il-każ u fejn il-Kunsill għall-kompetizzjoni jipprova li avviż tas-sistema fuq [restrizzjoni] tal-iskontijiet ixxandar fi ħdan din is-sistema u restrizzjoni teknika stabbilita għad-dħul informatiku tar-rata tal-iskontijiet, jista’ jiġi [preżunt] li dawn l-operaturi kienu jafu jew kellhom neċessarjament ikunu jafu bl-avviż imxandar u li, billi ma opponewx ruħhom għal-limitazzjoni tal-iskontijiet imwettqa, huma qablu magħha b’mod taċitu, u dan jippermetti li huma jinżammu responsabbli għal prattika mifthiema fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE?

(2)      Fil-każ li tingħata risposta negattiva għall-ewwel domanda, liema huma l-fatturi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi deċiż jekk operaturi ekonomiċi li jipparteċipaw f’sistema komuni ta’ informazzjoni f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali jipparteċipawx fi prattika miftiehma fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE?’’

26.      Fil-kawża preżenti ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn diversi rikorrenti fil-kawża prinċipali (3), mill-Gvernijiet tal-Litwanja u tal-Awstrija, kif ukoll mill-Kummissjoni. Uħud mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali (4), il-Kunsill għall-kompetizzjoni, il-Gvern Litwanjan u l-Kummissjoni nstemgħu waqt is-seduta li nżammet fis-7 ta’ Mejju 2015.

III – Analiżi

 Introduzzjoni

27.      Dan il-każ jagħti opportunità rari lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tinterpreta l-kunċett ta’ prattika miftiehma, separatament mill-kunċetti relatati ta’ qbil jew deċiżjoni adottata minn assoċjazzjoni bejn impriżi (5).

28.      Bħala punt ta’ tluq, nagħmel referiment għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar prattiċi miftiehma.

29.      L-Artikolu 101(1) TFUE jipprovdi li s-segwenti għandhom ikunu pprojbiti bħala inkompatibbli mas-suq komuni: il-ftehim kollu bejn l-impriżi, deċiżjonijiet minn assoċjazzjonijiet ta’ impriżi u prattiċi miftiehma li jistgħu jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri u li għandhom bħala għan jew effett tagħhom il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni.

30.      Id-definizzjonijiet ta’ “ftehim”, ta’ “deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjonijiet ta’ impriżi” u ta’ “prattika miftiehma” huma, mil-lat suġġettiv, huma intiżi li jkopru forom ta’ kollużjoni tal-istess natura li jistgħu jiġu distinti minn xulxin biss mill-intensità tagħhom u mill-forom li fihom huma jimmanifestaw ruħhom (6).

31.      F’diversi okkażjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja pprovdiet li l-kunċett ta’ prattika miftiehma tirreferi għal forma ta’ koordinazzjoni bejn impriżi li, mingħajr ma tkun waslet għall-istadju fejn ikun ġie konkluż ftehim fil-veru sens tal-kelma, tissostitwixxi intenzjonalment kooperazzjoni prattika bejniethom għar-riskji tal-kompetizzjoni (7).

32.      Fir-rigward tal-kriterju ta’ koordinazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet illi d-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jirrigwardaw il-kompetizzjoni huma bbażati fuq il-kunċett li kull operatur ekonomiku għandu jiddetermina b’mod indipendenti l-politika li jkollu ħsieb jadotta fis-suq komuni. Dak ir-rekwiżit tal-indipendenza jipprekludi kull kuntatt dirett jew indirett bejn l-operaturi ekonomiċi li bih impriża tinfluwenza l-aġir fis-suq tal-kompetituri tagħha jew tiżvela lilhom id-deċiżjonijiet jew id-deliberazzjonijiet tagħha dwar l-aġir tagħha fis-suq, jekk bħala riżultat ta’ dan jistgħu japplikaw kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni li ma jikkorrispondux mal-kundizzjonijiet normali tas-suq inkwistjoni (8).

33.      Skont ġurisprudenza stabbilita, prattika miftiehma timplika, minbarra l-ftehim bejn l-impriżi, aġir fis-suq skont dawk il-prattiċi miftiehma, u relazzjoni ta’ kawża u effett bejniethom it-tnejn. Huwa preżunt illi – suġġett għal prova kuntrarja, li għandha titressaq mill-operaturi ekonomiċi kkonċernati – l-impriżi li jipparteċipaw fi prattiċi miftiehma u li jibqgħu attivi fis-suq jieħdu nota tal-informazzjoni skambjata mal-kompetituri tagħhom meta jiddeterminaw l-aġir tagħhom f’dak is-suq, partikolarment meta jiftiehmu bejniethom fuq bażi regolari fuq tul ta’ żmien (il-“preżunzjoni Anic”). (9)

34.      Mill-ġurisprudenza jista’ jiġi dedott illi l-“preżunzjoni Anic” – li hija l-preżunzjoni ta’ rabta kawżali bejn il-ftehim u l-aġir tas-suq tal-impriżi parteċipanti – tista’ tapplika wkoll f’każ ta’ kuntatt wieħed bejn il-kompetituri. (10)

35.      Kif irrimarkat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża T-Mobile Netherlands et, in-numru, il-frekwenza, u l-forma tal-laqgħat bejn il-kompetituri meħtieġa sabiex ikun hemm prattika miftiehma bejniethom fuq l-aġir tagħhom fis-suq jiddependu kemm mis-suġġett ta’ dik il-prattika miftiehma u fuq il-kundizzjonijiet partikolari tas-suq. Jekk l-impriżi kkonċernati jistabbilixxu kartell b’sistema kumplessa ta’ aġir miftiehem fuq numru kbir ta’ aspetti tal-aġir tagħhom fis-suq, huma jista’ jkollhom bżonn ta’ kuntatti regolari fuq perijodu twil. Min-naħa l-oħra, jekk l-għan tal-eżerċizzju huwa biss ta’ azzjoni miftiehma fuq bażi selettiva fir-rigward ta’ bidla waħda fl-aġir fis-suq fir-rigward ta’ parametru wieħed tal-kompetizzjoni, kuntatt ta’ darba bejn il-kompetituri jista’ jikkostitwixxi bażi suffiċjenti sabiex jintlaħaq l-għan antikompetittiv imfittex mill-impriżi parteċipanti (11).

36.      Barra minn hekk, l-istess kif inhu l-każ fi ftehim antikompetittiv, ma hemmx bżonn li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-effetti attwali ta’ prattika miftiehma ġaladarba jkun jidher li l-ksur kellu bħala għan tiegħu l-prevenzjoni, restrizzjoni jew distorsjoni tal-kompetizzjoni (12).

 Interpretazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE

37.      Permezz ta’ żewġ domandi, li nipproponi li neżaminahom flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 101(1) TFUE għandux jiġi interpretat li jfisser li l-kunċett ta’ prattika miftiehma tkoprix sitwazzjoni meta numru ta’ aġenti tal-ivvjaġġar jipparteċipaw f’sistema ta’ riżervazzjoni komuni u li l-amministratur ta’ dik is-sistema joħroġ avviż li jinforma lill-utenti tagħha li l-iskontijiet applikabbli għall-klijenti ser jiġu limitati għal rata massima uniformi, b’dan l-avviż ikun segwit minn restrizzjoni teknika fuq l-għażla tar-rata ta’ skont.

38.      Għalhekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk u, jekk inhu l-każ, taħt liema ċirkustanzi jkunu responsabbli għal ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE dawk l-aġenti tal-ivvjaġġar li jsiru konxji ta’ dik l-inizjattiva illeċita u li jkomplu jużaw is-sistema ta’ riżervazzjoni.

39.      Skont ġurisprudenza stabbilita (13), prattika miftiehma tkopri tliet elementi kostituttivi: l-ewwel, ftehim bejn impriżi, it-tieni, aġir fis-suq u, it-tielet, rabta kawżali bejniethom it-tnejn.

40.      Primarjament, dan il-każ jikkonċerna l-ewwel element minn fosthom – ftehim bejn impriżi.

41.      Fil-fatt, kemm-il darba tiġi stabbilita l-konċertazzjoni, ma għandux ikun hemm diffikultà, abbażi tal-fatti ta’ dan il-każ, sabiex jiġu stabbiliti ż-żewġ elementi rimanenti – aġir fis-suq u r-rabta kawżali. Skont il-“preżunzjoni Anic”, l-aġir attwali fis-suq jista’ jiġi preżunt fir-rigward ta’ dawk l-impriżi li jipparteċipaw fi prattiċi ta’ kollużjoni u li jibqgħu attivi fis-suq. Barra minn hekk, f’dan il-każ, l-aġir fis-suq jista’ jiġi dedott mill-fatt li l-limitazzjoni tar-rata ta’ skont ġiet implementata b’mezzi tekniċi u għalhekk kienet applikata b’mod awtomatiku fir-rigward tal-aġenziji tal-ivvjaġġar kollha li komplew jużaw is-sistema E‑TURAS.

42.      Nirrimarka illi d-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju ma jikkonċernawx ir-responsabbiltà ta’ Eturas innifisha bħala faċilitatur ta’ kartell. Il-Qorti tal-Ġustizzja għad trid tiddeċiedi jekk parti terza li ma hijiex attiva fis-suq rilevanti iżda li sservi biss bħala segretarjat ta’ kartell, tistax tinżamm responsabbli għall-ksur skont l-Artikolu 101(1) TFUE. Din id-domanda ġiet indirizzata reċentement fil-kawża AC Treuhandv Commission mill-Avukat Ġenerali Wahl li argumenta illi l-Artikolu 101(1) TFUE ma jkoprix ir-responsabbiltà ta’ kumpannija purament konsultattiva li ma hijiex preżenti fis-suq rilevanti jew f’suq relatat (14). Nillimita ruħi għall-osservazzjoni li dan il-każ huwa differenti mix-xenarju aħħari, billi Eturas hija sieħeb kuntrattwali tal-aġenziji tal-ivvjaġġar kollha kkonċernati, li magħhom iffirmat kuntratti ta’ liċenzjar, u hija wkoll impriża attiva fis-suq ta’ liċenzjar ta’ sistemi ta’ riżervazzjoni online, li hija relatata mas-suq tal-aġenziji tal-ivvjaġġar.

43.      Fl-analiżi segwenti ser neżamina l-kundizzjonijiet legali li jistabbilixxu ftehim bejn impriżi u nikkunsidra wkoll numru ta’ kwistjonijiet relatati: l-allegat atteġġjament unilaterali ta’ parti terza, il-possibbiltà għal impriża kkonċernata li titbiegħed mill-ksur u l-kompatibbiltà tal-livell ta’ prova korrispondenti mal-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza.

–       Ftehim bejn impriżi

44.      Il-Qorti tal-Ġustizzja għadu ma kellhiex l-opportunità li tikkjarifika ċ-ċirkustanzi li taħthom komunikazzjoni unilaterali tista’ tirriżulta fi prattika miftiehma bejn id-destinatarji u l-mittent.

45.      Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti Ġenerali, il-kunċett ta’ prattika miftiehma ma jimplikax l-eżistenza ta’ kuntatti reċiproċi. Dik il-kundizzjoni tiġi ssodisfatta meta kompetitur wieħed jiżvela l-intenzjonijiet jew l-aġir fis-suq futuri tiegħu lil kompetitur ieħor meta dan tal-aħħar jitlobha jew, għall-inqas, jaċċettaha (15).

46.      Hekk ukoll, fl-opinjoni tiegħi, il-kunċett ta’ prattika miftiehma jimplika reċiproċità. Azzjoni miftiehma hija neċessarjament riżultat ta’ kunsens (16). Madankollu, il-livell ta’ formalizzazzjoni ta’ dak il-kunsens ma għandux ikun suġġett għal rekwiżiti riġidi żżejjed, billi dan jimmina l-versatilità inerenti fil-kunċett ta’ prattika miftiehma.

47.      B’mod partikolari, ir-reċiproċità għandha ugwalment tinkludi approvazzjoni taċita.

48.      Madankollu, il-possibbiltà li tiġi dedotta approvazzjoni taċita, u għalhekk, li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ kunsens għal kooperazzjoni iktar milli għal kompetizzjoni, tiddependi fuq il-kuntest tal-komunikazzjoni.

49.      L-ewwel nett, meta impriża tirċievi informazzjoni marbuta ma’ inizjattiva illeċita u ma topponihiex, il-kunsens tagħha f’dik l-inizjattiva jista’ jiġi dedott mill-assenza ta’ rispons, kemm-il darba ċ-ċirkustanzi jkunu propizji għall-formazzjoni ta’ kunsens taċitu. L-assenza ta’ oppożizzjoni għal komunikazzjoni illeċita hija kundannabbli għaliex, taħt ċerti ċirkustanzi, is-sempliċi nuqqas ta’ reazzjoni mid-destinatarju twassal lill-parti jew partijiet oħra li jemmnu li d-destinatarju jissottoskrivi għall-inizjattiva illeċita u sejjer josservaha (17). Għalhekk, sabiex tiddeduċi parteċipazzjoni konxja tad-destinatarju fi prattika miftiehma, il-kuntest tal-interazzjoni għandu jkun tali li d-destinatarju jkun f’pożizzjoni li jifhem li l-kompetitur ser jikkunsidra s-silenzju tiegħu bħala approvazzjoni u jistrieħ fuq azzjoni reċiproka, anki fl-assenza ta’ rispons.

50.      It-tieni nett, meta l-mittent tal-informazzjoni ma huwiex kompetitur iżda parti terza, tali interazzjoni tista’ biss twassal għal kollużjoni orizzontali bejn kompetituri biss jekk id-destinatarju jista’ jitqies li japprezza li l-informazzjoni trażmessa minn parti terza toriġina minn kompetitur jew tal-inqas hija kkomunikata wkoll lil kompetitur.

51.      Għaldaqstant, sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ konċertazzjoni f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali li tinvolvi kemm komunikazzjoni indiretta permezz ta’ parti terza u l-assenza ta’ rispons espliċitu, il-kuntest tal-interazzjoni għandu jkun tali li d-destinatarju jista’ jitqies li japprezza li l-inizjattiva illeċita toriġina minn kompetitur jew tal-inqas hija wkoll ikkomunikata lil kompetitur jew kompetituri, li jibbażaw fuq azzjoni reċiproka, anki fin-nuqqas ta’ rispons.

52.      Hija kompetenza tal-qorti tar-rinviju li tistabbilixxi jekk din l-analiżi legali tapplikax għall-fatti ta’ dan il-każ.

53.      B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju għandha l-ewwel tistabbilixxi jekk, meta tieħu inkunsiderazzjoni l-metodu mhux tas-soltu ta’ komunikazzjoni, l-impriżi kkonċernati jistgħux jitqiesu li ffamiljarizzaw ruħhom mal-kontenut tal-avviż tas-sistema tas-27 ta’ Awwissu 2009.

54.      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk jistax jiġi preżunt illi l-utenti tas-sistema E‑TURAS kienu konxji mill-avviż tas-sistema.

55.      Nosserva illi l-użu ta’ preżunzjonijiet fid-dritt tal-kompetizzjoni huwa ġġustifikat meta l-inferenza hija probabbli ħafna abbażi ta’ esperjenza komuni u kemm-il darba li l-preżunzjoni tibqa’ konfutabbli (18).

56.      Jekk il-qorti tar-rinviju ssib li hija probabbli ħafna, tenut kont tal-karatteristiċi tas-sistema ta’ riżervazzjoni u t-tul tal-ksur, li operatur ekonomiku raġonevolment attent u prudenti jkun kien isir konxju mill-avviż tas-sistema u mir-restrizzjoni relatata, dik il-qorti tista’ tikkonkludi wkoll li l-probabbiltà għolja ta’ dik l-inferenza tiġġustifika l-applikazzjoni ta’ preżunzjoni konfutabbli li l-aġenziji tal-ivvjaġġar ikkonċernati saru konxji mill-inizjattiva illeċita fis-27 ta’ Awwissu 2009. Tibqa’ l-possibbiltà li xi impriża ma kinitx immedjatament saret konxja mill-avviż tas-sistema tas-27 ta’ Awwissu 2009 jew, f’każijiet eċċezzjonali, li għal kollox ma saritx konxja. Madankollu, f’dan il-każ, l-oneru ta’ konfutazzjoni għandu jibqa’ jispetta lill-impriża kkonċernata, li hija fl-aħjar pożizzjoni li tagħti dawl fuq il-kwistjoni.

57.      Madankollu, l-applikazzjoni ta’ preżunzjonijiet evidenzjali minn awtoritajiet nazzjonali hija kwistjoni li taqa’ taħt id-dritt nazzjonali, sakemm il-preżunzjoni ma tirriżultax mill-Artikolu 101(1) TFUE, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, u konsegwentement tifforma parti integrali mid-dritt tal-UE applikabbli (19). Fl-opinjoni tiegħi, preżunzjonijiet evidenzjali marbuta mal-fatt dwar jekk impriża tistax tiġi meqjusa li rċeviet u qrat ċertu komunikazzjoni, ma jirriżultawx mill-kunċett ta’ prattika miftiehma kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja, u lanqas huma intrinsikament relatati għal dak il-kunċett, u għalhekk l-imsemmija preżunzjonijiet huma kwistjonijiet li jaqgħu taħt id-dritt nazzjonali.

58.      Iktar minn hekk, il-qorti tar-rinviju għandha tistabbilixxi jekk l-impriżi jistgħux jitqiesu li japprezzaw li l-informazzjoni li tirrigwarda restrizzjoni fuq rati ta’ skont oriġinat mill-kompetituri tagħhom jew tal-inqas kienet ukoll ikkomunikata lill-kompetituri tagħhom, u li kienet kredibbli li dawk il-kompetituri jibbażaw ruħhom fuq azzjoni reċiproka, anki fl-assenza ta’ approvazzjoni espliċita.

59.      Fl-opinjoni tiegħi, il-mezz ta’ komunikazzjoni fih innifsu ma huwiex rilevanti, speċjalment billi l-parteċipanti f’kollużjoni jistgħu japprofittaw mill-possibbiltajiet offruti mill-avvanz tat-teknoloġija. Il-forma ta’ komunikazzjoni tista’, madankollu, tkun sinifikanti fl-evalwazzjoni tal-kuntest ta’ interazzjoni.

60.      F’dan is-sens, ma naqbilx mal-perspettiva tal-Kummissjoni li t-trażmissjoni ta’ messaġġ permezz ta’ sezzjoni għall-avviżi ta’ informazzjoni ta’ sistema kompjuterizzata tista’ tkun trattata fl-intier tagħha bħala ekwivalenti għal metodi oħra ta’ komunikazzjoni fid-dinja tal-kummerċ, bħal parteċipazzjoni f’laqgħa jew skambju ta’ emails. Avviżi tal-amministratur tas-sistema ma humiex mezz li s-soltu jintuża għal komunikazzjoni kummerċjali. Iktar minn hekk, impriżi li jużaw l-istess sistema elettronika ma humiex sieħba fi djalogu kummerċjali: ir-rabta bejniethom hija ċertament iktar debboli mir-rabta bejn impriżi li jżommu kuntatti permezz ta’ email jew jikkonduċu laqgħat komuni.

61.      Madankollu, f’dan il-każ, in-natura mhux tas-soltu tal-metodu ta’ komunikazzjoni jidher li huwa kontrabilanċjat minn ċirkustanzi oħra.

62.      L-avviż tas-sistema tas-27 ta’ Awwissu 2009 tgħaddi messaġġ ċar li ma jistax jinftiehem mod ieħor ħlief li huwa inizjattiva li tinvolvi prattika illeċita antikompetittiva. Mit-termini ta’ dak l-avviż u mill-metodu ta’ komunikazzjoni jista’ jiġi dedott illi huwa simultanjament indirizzat lill-kompetituri kollha li jużaw is-sistema E‑TURAS. L-inizjattiva kienet partikolarment kredibbli billi ġiet minn parti terza li, bħala sieħba kuntrattwali komuni u amministratriċi ta’ sistema ta’ riżervazzjoni komuni, kellha rabtiet mal-utenti l-oħra kollha tas-sistema, u kellha wkoll mezzi tekniċi għad-dispożizzjoni tagħha sabiex tinforza r-riżultat tal-ftehim. L-użu ta’ dawk il-mezzi tekniċi mill-amministratriċi tas-sistema hija prattika faċilitattiva effettiva, li indirettament iġġib prova ta’ eżistenza ta’ ftehim.

63.      Għaldaqstant, l-impriżi li saru konxji mill-avviż tas-sistema, kellhom japprezzaw illi – fin-nuqqas ta’ reazzjoni immedjata tagħhom – l-inizjattiva tkun implementata awtomatikament u immedjatament fil-konfront tal-utenti kollha tas-sistema.

64.      Barra minn hekk, huwa ċar li r-restrizzjoni tal-kompetizzjoni inkwistjoni hija ta’ natura orizzontali. L-applikazzjoni ta’ rata ta’ skont massima uniformi minn kompetituri tirrikjedi d-dipendenza reċiproka tagħhom, u impriża tkun konformi ma’ tali inizjattiva biss bil-kundizzjoni li l-istess restrizzjoni tapplika orizzontalment għall-kompetituri tagħha. Meta jissottoskrivu għal dik ir-restrizzjoni, l-impriżi kkonċernati ma humiex jaġixxu bħala atturi kompetittivi tas-suq. B’hekk, fl-opinjoni tiegħi, ir-rikorrenti ma jistgħux jisiltu analoġija utli mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja speċifika għal restrizzjonijiet vertikali, li skont dawn, meta manifattur unilateralment jimponi miżura li tirrestrinġi l-kompetizzjoni, is-sempliċi kontinwazzjoni tar-relazzjonijiet kummerċjali ma tammontax għal kunsens taċitu għal dik il-miżura mid-distributuri (20).

65.      Iktar minn hekk, kuntrarju għal dak li ġie ssuġġerit mir-rikorrenti waqt is-seduta, il-każ quddiem il-qorti tar-rinviju ma jixbahx il-każ hekk imsejjaħ kollużjoni hub and spoke, li tinvolvi skambju ta’ informazzjoni bejn kompetituri permezz ta’ sħab fin-negozju komuni f’relazzjonijiet vertikali, bħal ma huma skambji bejn distributuri permezz ta’ fornitur komuni (21). Skambju indirett bħal dan jirrikjedi kunsiderazzjoni addizzjonali fir-rigward tal-istat mentali tal-partijiet involuti, billi l-iżvelar ta’ informazzjoni sensittiva tas-suq bejn distributur u fornitur tiegħu jista’ jiġi kkunsidrat bħala prattika kummerċjali leġittima. B’kuntrast ma’ sitwazzjonijiet bħal dawn, dan il-każ jikkonċerna messaġġ li ġie trażmess simultanjament lill-impriżi kollha kkonċernati mis-sieħeb kummerċjali komuni tagħhom u li, abbażi tal-kontenut tal-messaġġ, taħt l-ebda ċirkustanza ma jista’ jiġi kkunsidrat li jifforma parti minn djalogu kummerċjali leġittimu.

66.      Billi l-allegata restrizzjoni kkonċernat alterazzjoni ta’ darba fl-aġir tas-suq inkonnessjoni ma’ parametru wieħed ta’ kompetizzjoni, skont is-sentenza T-Mobile, istanza waħda ta’ interazzjoni kienet kjarament suffiċjenti sabiex jintlaħaq dan l-għan. (22)

67.      Taħt dawn iċ-ċirkustanzi – li għandhom jiġu stabbiliti mill-qorti nazzjonali – l-impriża li tkun saret konxja mill-avviż tas-sistema tas-27 ta’ Awwissu 2009 u li kompliet tuża s-sistema, mingħajr ma pubblikament tbiegħdet mill-inizjattiva illeċita jew irraportata lill-awtoritajiet amministrattivi, għandha tiġi kkunsidrata li ssottoskriviet għal dik l-inizjattiva u għalhekk li pparteċipat fi ftehim.

68.      Barra minn hekk, billi l-prattika miftiehma inkwistjoni tikkostitwixxi attentat sabiex tinfluwenza l-formazzjoni ħielsa tal-prezzijiet, hija manifestament għandha bħala l-għan tagħha r-restrizzjoni tal-kompetizzjoni.

69.      B’hekk, ma huwiex rilevanti jekk fil-fatt dik l-azzjoni kellhiex effetti antikompetittivi fis-suq.

70.      Għaldaqstant, kuntrarju għall-argument ta’ uħud mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, huwa rrilevanti jekk l-aġenzija tal-ivvjaġġar ikkonċernata kinitx applikat rata ta’ skont ikbar qabel ġiet imposta r-restrizzjoni jew, tabilħaqq, jekk l-aġenzija kkonċernata fil-fatt biegħetx xi ġiti permezz tas-sistema E‑TURAS wara li ġiet imposta r-restrizzjoni. Huwa wkoll irrilevanti li l-aġenziji tal-ivvjaġġar żammew il-possibbiltà li japplikaw skontijiet addizzjonali lil klijenti individwali lil hinn mis-sistema E‑TURAS. Għal kwalunkwe impriża li baqgħet toffri s-servizzi tagħha fis-suq permezz tas-sistema E‑TURAS matul il-perijodu rilevanti, dik ir-restrizzjoni setgħet potenzjalment taffettwa l-aġir tagħha fis-suq, li huwa suffiċjenti biex jistabbilixxi l-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur.

71.      Għalhekk nikkunsidra illi, fiċ-ċirkustanzi kif deskritti fid-deċiżjoni tar-rinviju, l-impriżi li jużaw sistema ta’ riżervazzjoni komuni li kienu konxji mill-inizjattiva illeċita, kif imħabbra fl-avviż tas-sistema tas-27 ta’ Awwissu 2009, u li komplew jużaw is-sistema għandhom jinżammu responsabbli għall-parteċipazzjoni fi prattika miftiehma.

–       L-allegat aġir unilaterali ta’ parti terza

72.      Numru ta’ rikorrenti fil-kawża prinċipali jikkontendu fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom illi l-allegata restrizzjoni antikompetittiva hija riżultat ta’ azzjoni unilaterali minn Eturas.

73.      Nammetti illi fil-każ ta’ inizjattiva illeċita kkomunikata minn parti terza, li hija wkoll impriża attiva f’suq relatat, wieħed ma għandux jeskludi l-possibbiltà li r-restrizzjoni li tirriżulta tiġi attribwita għal aġir unilaterali ta’ dik il-parti terza. Fl-opinjoni tiegħi, dan jista’ jkun il-każ jekk l-inizjattiva illeċita fiha nnifisha kif ukoll l-azzjonijiet relatati fl-implementazzjoni tagħha jistgħu esklużivament jiġu attribwiti lil dik il-parti terza, li aġixxiet fl-interess awtonomu tagħha (23).

74.      Madankollu, f’dan il-każ, kontenzjoni bħal din ma tidhirx li hija kkorroborata mil-fatti deskritti fid-deċiżjoni tal-qorti tar-rinviju.

75.      Għalkemm id-domanda preliminari tirreferi biss għar-restrizzjoni teknika imposta minn Eturas fis-27 ta’ Awwissu 2009 u l-avviż tas-sistema relatat, madankollu huwa ċar mid-deċiżjoni tar-rinviju illi dawn l-azzjonijiet kienu preċeduti minn kuntatti preparatorji bejn Eturas u tal-inqas uħud mill-impriżi kkonċernati.

76.      L-ewwel nett, l-avviż tas-sistema tas-27 ta’ Awwissu 2009 espliċitament jirreferi, bħala raġuni għall-azzjoni tal-Eturas, għall-“apprezzament tal-istqarrijiet, proposti u xewqat [...] espressi mill-aġenziji tal-ivjaġġar”. Fit-tieni nett, mid-deċiżjoni tar-rinviju jidher li, qabel imponiet ir-restrizzjoni fuq ir-rati ta’ skont, Eturas bagħtet email lil numru ta’ aġenziji tal-ivvjaġġar tistaqsihom sabiex jivvotaw favur tnaqqis ġenerali tar-rati ta’ skont kif ukoll fuq rata speċifika ta’ skontijiet mixtieqa, għalkemm ma hemm l-ebda prova – ħlief għal kumpannija waħda – dwar jekk l-aġenziji tal-ivvjaġġar ikkonċernati rċevewx jew irrispondewx għal dik l-email. Fit-tielet nett, id-direttur ta’ Eturas xehed illi kkonduċa stħarriġ fuq skont bażiku għal riżervazzjonijiet online, għalkemm din it-testimonjanza ġiet modifikata fi stadju ulterjuri.

77.      Nosserva illi fattur importanti ħafna fil-każijiet li jinvolvu prattiċi sigrieti antikompetittivi huwa l-apprezzament ħolistiku tal-provi. L-elementi tal-prova li fuqhom tibbaża l-awtorità amministrattiva sabiex tipprova l-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE ma għandha qatt tittieħed f’iżolament iżda għandha tiġi evalwata b’mod sħiħ (24).

78.      Għaldaqstant, anki jekk il-prova ta’ kuntatti preparatorji bejn aġenziji tal-ivvjaġġar u Eturas hija frammentarja u parti minnha hija fil-forma ta’ indizja, ma tistax tkun kompletament imħollija barra mill-korp sħiħ tal-prova użat bħala bażi sabiex jiġi stabbilit il-ksur

79.      Iktar minn hekk, għalkemm waqt is-seduta r-rikorrenti fil-kawża prinċipali pproponew spjegazzjoni alternattiva għall-azzjonijiet ta’ Eturas, fost l-oħrajn, li Eturas aġixxiet f’attentat li żżomm is-sistema attraenti għal numru ta’ aġenziji tal-ivvjaġġar kbar, din l-ispjegazzjoni ma teskludix il-kontenzjoni illi l-inizjattiva ġiet mill-aġenziji tal-ivvjaġġar infushom u Eturas aġixxiet biss bħala għodda tal-membri tal-kartell, kif donnhom jindikaw il-provi fil-proċess tal-qorti tar-rinviju.

80.      Anki jekk wieħed jissoponi illi sieħeb kummerċjali komuni li ffaċilita l-kartell aġixxa fuq inizjattiva tiegħu f’attentat sabiex isaħħaħ il-lealtà tal-klijenti tiegħu, billi jaspira li jiżguralhom profitti ikbar permezz ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni, dan ma jeskludix ir-responsabbiltà tal-membri tal-kartell li b’mod taċitu approvaw dik l-inizjattiva illeċita.

81.      B’hekk, f’dan il-każ, anki jekk tissoponi illi Eturas aġixxiet fuq inizjattiva tagħha sabiex tiżgura l-lealtà tal-aġenziji tal-ivvjaġġar li jużaw is-sistema E‑TURAS, dan ma jeskludix is-sejba ta’ prattika miftiehma bejn dawk l-aġenziji tal-ivvjaġġar, billi – anki skont din l-ispjegazzjoni alternattiva – l-azzjonijiet ta’ Eturas kienu jkunu mmotivati bl-interessi tal-klijenti tagħha li b’mod taċitu approvaw l-inizjattiva.

–       Tbiegħed minn prattika miftiehma

82.      Kwistjoni relatata tikkonċerna l-possibbiltà għall-impriżi kkonċernati sabiex jitbiegħdu mill-ksur.

83.      Skont ġurisprudenza stabbilita, huwa biżżejjed li l-awtorità amministrattiva turi li l-impriża kkonċernata pparteċipat f’laqgħat li matulhom ġew konklużi akkordji ta’ natura antikompetittiva, mingħajr ma opponiethom manifestament, sabiex tipprova l-parteċipazzjoni tal-imsemmija impriża fil-kartell. Jispetta mbagħad lil dik l-impriża li tipproduċi prova sabiex tistabbilixxi li l-parteċipazzjoni tagħha f’dawk il-laqgħat kienu mingħajr intenzjoni antikompetittiva billi turi li kienet indikat lill-kompetituri tagħha li kienet qed tipparteċipa f’dawk il-laqgħat fi spirtu li kien differenti minn tagħhom. (25)

84.      Ir-raġuni wara dan il-prinċipju tad-dritt hija li, peress li pparteċipat fl-imsemmija laqgħat mingħajr ma tbiegħdet pubblikament mill-kontenut tagħhom, l-impriża tat x’tifhem lill-parteċipanti l-oħra li hija kienet qed taqbel ma’ dak li ġie deċiż fihom u li kienet ser tosservahom. Xi parti li b’mod taċitu tapprova inizjattiva illegali, mingħajr ma titbiegħed pubblikament mill-kontenut tagħha jew mingħajr ma tirrappurtaha lill-entitajiet amministrattivi, għandha l-effett li tinkoraġġixxi l-kontinwazzjoni tal-ksur u tikkomprometti l-iskoperta tiegħu. Dik il-kompliċità tikkostitwixxi modalità passiva ta’ parteċipazzjoni fil-ksur li hija għalhekk kapaċi li tirrendi lill-impriża responsabbli (26).

85.      Il-fatt li impriża ma taġixxix fuq l-eżitu ta’ dawk il-laqgħat ma huwiex biżżejjed sabiex jiskolpaha mir-responsabbiltà, sakemm ma tkunx pubblikament tbiegħdet minn dak li jkun ġie maqbul fihom. Barra minn hekk, ir-rwol ta’ impriża fi skema antikompetittiva ma hijiex rilevanti sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà tagħha, u għandha tittieħed inkunsiderazzjoni biss meta l-gravità tal-ksur hija evalwata, meta tiġi ddeterminata l-multa (27).

86.      Fl-opinjoni tiegħi, din il-ġurisprudenza, għalkemm oriġinarjament tikkonċerna parteċipazzjoni mhux intenzjonata f’laqgħa dwar kollużjoni, tista’ tiġi trasposta għaċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ.

87.      Tabilħaqq, impriża li tuża sistema ta’ riżervazzjoni online li hija użata bħala pjattaforma għal prattiċi antikompetittivi, jista’ jkollha rimedju effettiv għaż-żewġ possibbiltajiet li jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddiżassoċja ruħha minn dik il-prattika: tista’ pubblikament titbiegħed mill-kontenut tal-inizjattiva illeċita jew, minflok, tiddenunzjaha lill-awtoritajiet amministrattivi.

88.      Ninnota li jkun bla dubju irraġonevoli li impriża tiġi rikjesta li tesprimi l-oppożizzjoni tagħha lill-parteċipanti kollha fi prattika miftiehma. B’mod partikolari, tenut kont taċ-ċirkustanzi f’dan il-każ, huwa pjuttost possibbli illi l-identitajiet tal-kompetituri kkonċernati ma setgħux ikunu magħrufa immedjatament. Fil-fatt, uħud mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali stqarrew li ma kinux konxji mill-identitajiet ta’ utenti oħra tas-sistema E‑TURAS.

89.      Madankollu, l-oppożizzjoni għandha ssir pubblika fi kwalunkwe manjiera raġonevolment disponibbli għall-impriża kkonċernata, jiġifieri, tal-inqas, billi tinforma lill-amministratur tas-sistema li ħabbar ir-restrizzjoni u lil dawk il-kumpanniji l-oħra li l-identità tagħhom tista’ tkun magħrufa.

90.      L-impriża kkonċernata għandha tesprimi, b’ċarezza suffiċjenti, in-nuqqas ta’ qbil tagħha mal-inizjattiva u l-intenzjoni tagħha li ma ssegwix dik il-prattika. Għalhekk, huwa insuffiċjenti, pereżempju, li l-impriża kkonċernata tinjora l-komunikazzjoni jew li tagħti ordni lill-impjegati tagħha sabiex ma jikkonformawx ma’ dik il-prattika. Ikun ukoll insuffiċjenti li topponi l-prattika b’sempliċi aġir fis-suq – pereżempju, kif ġie ssuġġerit minn uħud mir-rikorrenti f’dan il-każ, billi jingħataw skontijiet individwali sabiex tiġi kkontrabilanċjata r-restrizzjoni ġenerali. Fil-fatt, mingħajr oppożizzjoni pubblika, dan l-aġir ma setax jiġi faċilment distint minn sempliċi qerq fuq membri oħra tal-kartell.

91.      Min-naħa l-oħra – u kuntrarjament għall-opinjoni mogħtija mill-Kunsill għall-kompetizzjoni waqt is-seduta – ir-rekwiżit ta’ oppożizzjoni tar-restrizzjoni ma jistax jestendi għall-obbligu ta’ tluq mis-sistema ta’ riżervazzjoni online.

92.      Naqbel li l-impriża kkonċernata ma għandhiex biss timmanifesta l-oppożizzjoni tagħha, iżda wkoll tadotta aġir indipendenti fis-suq. F’dan il-każ, tbegħid pubbliku jinkludi r-rekwiżit li l-impriża kkonċernata tuża l-mezzi raġonevoli kollha sabiex ma tapplikax ir-restrizzjoni, billi pereżempju tinforma lill-klijenti permezz tas-sit tal-internet tagħha u, jekk dawk il-mezzi ma humiex effettivi, tiddenunzja lill-awtoritajiet amministrattivi. Dan l-obbligu ma jistax jiġi mġebbed għar-rekwiżit tat-terminazzjoni tar-relazzjonijiet kummerċjali ma’ Eturas, billi dan jaqta’ l-aċċess tal-aġenzija tal-ivvjaġġar għal sistema li altrimenti hija kanal ta’ distribuzzjoni legali.

93.      Fl-aħħarnett, l-oppożizzjoni għandha tiġi espressa malajr u f’kull każ sa perijodu raġonevoli ta’ żmien wara li ssir konxja mill-inizjattiva illeċita. Jekk ma ssirx sa żmien raġonevoli, ir-responsabbiltà tal-impriża tibda mill-mument li kienet saret – jew preżunta li saret – konxja ta’ dik l-inizjattiva.

–       Il-livell ta’ prova u l-preżunzjoni tal-innoċenza

94.      Tenut kont tad-dubji espressi mill-qorti tar-rinviju, nixtieq ngħaddi xi rimarki konklużivi dwar il-kompatibbiltà tal-livell ta’ prova meħtieġ sabiex tistabbilixxi prattika miftiehma mal-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza.

95.      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza, li issa jinsab fl-Artikolu 48(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, japplika għall-proċeduri li jirrigwardaw ksur tar-regoli ta’ kompetizzjoni applikabbli għall-impriżi (28).

96.      Fi ħdan il-mekkaniżmu tal-infurzar pubbliku tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-UE, huwa l-kompitu tal-Kummissjoni li tipproduċi provi li kapaċi juru sal-grad rikjest mil-liġi, l-eżistenza ta’ ċirkustanzi li jikkostitwixxu ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE. Il-Kummissjoni għandha tressaq prova preċiża u konsistenti f’dan is-sens (29). L-eżistenza ta’ dubju f’moħħ il-qorti kompetenti għandha tibbenefika lill-impriża destinatarja tad-deċiżjoni li tikkonstata ksur (30).

97.      Madankollu, il-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza ma jipprekludix l-applikazzjoni ta’ preżunzjonijiet konfutabbli fid-dritt tal-kompetizzjoni (31).

98.      Eżempji ta’ dawn il-preżunzjonijiet jinkludu l-“preżunzjoni Anic” jew preżunzjoni li kumpannija parent teżerċita influwenza deċiżiva fuq il-politika kummerċjali tas-sussidjarja tagħha (32). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, meta l-Kummissjoni setgħet tistabbilixxi li impriża pparteċipat f’laqgħat bejn impriżi li kienu ta’ natura manifestament antikompetittiva, għandha tkun għal dik l-impriża li tipprovdi spjegazzjoni oħra tal-kontenut ta’ dawk il-laqgħat u li tirribatti l-l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni (33).

99.      Dawn il-preżunzjonijiet ma jittrasferixxux l-oneru tal-prova fuq id-destinatarju tad-deċiżjoni tal-awtorità tal-kompetizzjoni. Dawn jippermettu lill-awtorità li tasal għal ċertu konklużjoni abbażi ta’ esperjenza komuni (34). Il-konklużjoni prima facie riżultanti tista’ tiġi kkonfutata minn prova kuntrarja, u fin-nuqqas, dik il-konklużjoni tkun ikkunsidrata adegwata sabiex teħles mill-oneru tal-prova, li jkompli jinkombi lill-awtorità amministrattiva. Madankollu, rimedju għal dawn il-preżunzjonijiet huwa ġġustifikat mill-ħtieġa li jiġi żgurat effet utile tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE, billi mingħajrhom il-prova tal-ksur tista’ fil-prattika ssir eċċessivament diffiċli jew impossibbli.

100. Peress li tali preżunzjonijiet jirriżultaw mill-Artikolu 101(1) TFUE, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, u konsegwentement jifforma parti integrali mid-dritt applikabbli tal-UE, dawn ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-prinċipju tal-awtonomija ta’ dritt tal-proċedura nazzjonali (35), u għalhekk jorbtu lill-awtoritajiet nazzjonali meta japplikaw regoli tal-kompetizzjoni tal-UE. (36)

101. Bl-istess mod, f’dan il-każ, il-kunsill għall-kompetizzjoni u l-qorti tar-rinviju jistgħu jiddeduċu, mingħajr ma jiksru l-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza, li impriża li saret konxja mill-avviż tas-sistema tas-27 ta’ Awwissu 2009 u kompliet tuża s-sistema E‑TURAS issottoskriviet b’mod taċitu għall-inizjattiva illeċita. Hija l-impriża kkonċernata li għandha tipproduċi prova li hija mmanifestat l-oppożizzjoni tagħha għal dik l-inizjattiva jew li ġġib prova li l-ftehim ma kellux il-potenzjal li jaffettwa l-aġir tagħha fis-suq.

102. B’dik l-inferenza, l-awtorità amministrattiva jew il-qorti nazzjonali ma tinvertix l-oneru tal-prova, kuntrarjament għad-drittijiet tad-difiża, jew twarrab il-preżunzjoni tal-innoċenza.

IV – Konklużjoni

103. Għar-raġunijiet kollha msemmija hawn fuq, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi għad-domandi magħmula mil-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas kif ġej:

L-Artikolu 101(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ prattika miftiehma jkopri s-sitwazzjoni meta numru ta’ aġenziji tal-ivvjaġġar jużaw sistema komuni ta’ riżervazzjonijiet online, u l-amministratur ta’ dik is-sistema jibgħat avviż li jinforma lill-utenti tagħha li wara l-proposti u x-xewqat tal-impriżi kkonċernati l-iskontijiet applikabbli għall-klijenti ser jiġu ristretti għal rata massima uniformi, b’dan l-avviż jiġi segwit b’restrizzjoni teknika fuq l-għażla tar-rati tal-iskont disponibbli għall-utenti tas-sistema. L-impriżi li jsiru konxji minn dik l-inizjattiva illeċita u jkomplu jużaw is-sistema mingħajr ma pubblikament jitbiegħdu minnha jew jiddenunzjawha lill-awtoritajiet amministrattivi, huma responsabbli għall-parteċipazzjoni f’dik il-prattika miftiehma.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      Ara l-konklużjonijiet fil-Kawża Rhône-Poulenc vs Il‑Kummissjoni (T‑1/89, EU:T:1991:38, punt 939).


3      ‘AAA Wrislit UAB’, Visveta UAB, Baltic Clipper UAB, Guliverio kelionės UAB, Baltic Tours Vilnius UAB, Kelionių laikas UAB, Vestekspress UAB, Kelionių akademija UAB, Travelonline Baltics UAB u Megaturas UAB.


4      ‘AAA Wrislit UAB’, Vestekspress UAB, Kelionių akademija UAB, Travelonline Baltics UAB, Visveta UAB, Baltic Clipper UAB, Megaturas UAB u Keliautojų klubas UAB.


5      Għal każ preċedenti bħal dan, ara s-sentenza T-Mobile Netherlands et (C‑8/08, EU:C:200:343).


6      Ara s-sentenza Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni (C‑49/92 P, EU:C:1999:356, punt 131).


7      Ara s-sentenzi Suiker Unie et vs Il‑Kummissjoni (40/73 sa 48/73, 50/73, 54/73 sa 56/73, 111/73, 113/73 u 114/73, EU:C:1975:174, punt 26) u Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni (C‑49/92 P, EU:C:1999:356, punt 115).


8      Ara s-sentenzi Suiker Unie et vs Il‑Kummissjoni (40/73 sa 48/73, 50/73, 54/73 sa 56/73, 111/73, 113/73 u 114/73, EU:C:1975:174, punt 174) u Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni (C‑49/92 P, EU:C:1999:356, punt 117).


9      Ara s-sentenzi Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni (C‑49/92 P, EU:C:1999:356, punti 118 u 121) u Hüls vs Il‑Kummissjoni (C‑199/92 P, EU:C:1999:358, punti 161 u 162).


10      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza T-Mobile Netherlands et (C‑8/08, EU:C:2009:343, punt 59).


11      Ibid., punt 60.


12      Ara s-sentenzi Consten u Grundig vs Il‑Kummissjoni (56/64 u 58/64, EU:C:1966:41, p. 342), T-Mobile Netherlands et (C‑8/08, EU:C:2009:343, punt 29) u Dole Food and Dole Fresh Fruit Europe vs Il-Kummissjoni (C‑286/13 P, EU:C:2015:184, punt 127).


13      Ara l-punt 33 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


14      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawża AC-Treuhand vs Il‑Kummissjoni (C‑194/14 P, EU:C:2015:350).


15      Ara s-sentenzi Cimenteries CBR et vs Il‑Kummissjoni (T‑25/95, T‑26/95, T‑30/95 sa T‑32/95, T‑34/95 sa T‑39/95, T‑42/95 sa T‑46/95, T‑48/95, T‑50/95 sa T‑65/95, T‑68/95 sa T‑71/95, T‑87/95, T‑88/95, T‑103/95 u T‑104/95, EU:T:2000:77, punt 1849), u BPB vs Il‑Kummissjoni (T‑53/03, EU:T:2008:254, punti 153 u 182).


16      Dan huwa minnu wkoll minn perspettiva purament konċettwali, billi “kooperazzjoni [...] hija minnha nnifisha attività li tingħaraf”; ara O. Black, Conceptual foundations of antitrust, Cambridge 2005, p. 142.


17      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni (C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, EU:C:2004:6, punt 82).


18      Ara l-punti 97 sa 99 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


19      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza T-Mobile Netherlands et (C‑8/08, EU:C:2009:343, punti 50 sa 52).


20      Ara s-sentenzi Bayer vs Il‑Kummissjoni (T‑41/96, EU:T:2000:242, punt 173) u BAI u Il‑Kummissjoni vs Bayer (C‑2/01 P u C‑3/01 P, EU:C:2004:2, punt 141).


21      Ara O. Odudu, “Indirect information exchange: the constituent elements of hub and spoke collusion”, European Competition Journal vol. 7 Nru. 2, p. 205.


22      Ara l-punt 35 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


23      Sabiex nagħti eżempju ipotetiku, jekk operatur ta’ riżervazzjoni online jiddeċiedi li jirrestrinġi l-kundizzjonijiet tal-prezz għall-kumpanniji bl-użu tas-sistema, u jaġixxi esklużivament fl-interessi tiegħu stess, ngħidu aħna, sabiex jimmassimizza l-livell ta’ dħul mill-kummissjonijiet jew sabiex jirrestrinġi l-kompetizzjoni tas-suq tas-sistemi ta’ riżervazzjoni, insibha diffiċli nikkonkludi illi l-utenti tas-sistema pparteċipaw f’kollużjoni orizzontali sempliċiment għaliex ma opponewx dik il-limitazzjoni. Fl-opinjoni tiegħi, tali prattika ipotetika tkun trid tiġi eżaminata bħala serje ta’ arranġamenti vertikali jew bħala aġir unilaterali li potenzjalment jaqa’ taħt l-Artikolu 102 TFUE.


24      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Imperial Chemical Industries vs Il‑Kummissjoni (48/69, EU:C:1972:70, punt 68) u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Vesterdorf fil-kawża Rhône-Poulenc vs Il‑Kummissjoni (T‑1/89, EU:T:1991:38, p. 954).


25      Ara s-sentenzi Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni (C‑49/92 P, EU:C:1999:356, punt 96) u Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni (C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, EU:C:2004:6, punt 81).


26      Ara s-sentenza Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni (C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, EU:C:2004:6, punti 82 u 84).


27      Ara s-sentenza Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni (C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, EU:C:2004:6, punti 85 u 86).


28      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Hüls vs Il‑Kummissjoni (C‑199/92 P, EU:C:1999:358, punti 149 u 150) u Montecatini vs Il‑Kummissjoni (C‑235/92 P, EU:C:1999:362, punti 175 u 176).


29      Ara s-sentenzi Baustahlgewebe vs Il‑Kummissjoni (C‑185/95 P, EU:C:1998:608, punt 58), BAI u Il‑Kummissjoni vs Bayer (C‑2/01 P u C‑3/01 P, EU:C:2004:2, punt 62), u E.ON Energie vs Il‑Kummissjoni (C‑89/11 P, EU:C:2012:738, punti 72 u 73).


30      Ara s-sentenza E.ON Energie vs Il‑Kummissjoni (C‑89/11 P, EU:C:2012:738, punt 72).


31      Għal analiżi fuq l-użu ta’ tali preżunzjonijiet fid-dritt tal-kompetizzjoni, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża T-Mobile Netherlands et (C‑8/08, EU:C:2009:110, punti 89 sa 93).


32      Ara, rispettivament, punt 33 ta’ dawn il-konklużjonijiet u s-sentenza Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni (C‑97/08 P, EU:C:2009:536, punt 60).


33      Ara s-sentenzi Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni (C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, EU:C:2004:6, punt 87) u E.ON Energie vs Il‑Kummissjoni (C‑89/11 P, EU:C:2012:738, punt 75).


34      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawżi T-Mobile Netherlands et (C‑8/08, EU:C:2009:110, punt 89) u Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni (C‑97/08 P, EU:C:2009:262, punt 72).


35      Nirrimarka illi jista’ jiġi argumentat li awtoritajiet nazzjonali li japplikaw l-Artikoli 101 u 102 TFUE huma, b’mod ġenerali, marbuta bil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja rigward garanziji proċedurali relatati mad-drittijiet tad-difiża fl-inforzar tad-dritt tal-kompetizzjoni. Ara K. Kowalik-Bańczyk, Prawo do obrony w unijnych postępowaniach antymonopolowych, Warsaw 2012, p. 546.


36      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza T-Mobile Netherland et (C‑8/08, EU:C:2009:343, punti 50 sa 52).