Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado de lo Social nº 26 de Barcelona (Spanja) fis-26 ta’ Novembru 2019 – LJ vs INSS (Instituto Nacional de la Seguridad Social)
(Kawża C-861/19)
Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol
Qorti tar-rinviju
Juzgado de lo Social nº 26 de Barcelona
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: LJ
Konvenut: INSS (Instituto Nacional de la Seguridad Social)
Domandi preliminari
Jista’ jitqies li s-suppliment tal-maternità rregolat fl-Artikolu 60 tal-Ley General de la Seguridad Social (il-Liġi Ġenerali dwar is-Sigurtà Soċjali), li t-test ikkonsolidat tagħha kien ġie approvat permezz tad-Digriet Leġiżlattiv Irjali 8/2015, huwa miżura jew azzjoni pożittiva intiża li tiżgura l-ugwaljanza sostantiva bejn in-nisa u l-irġiel taħt l-Artikolu 157(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea?
Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għad-domanda preċedenti, il-limitazzjoni ratione temporis għall-pensjonijiet li l-fatt li jagħti lok għalihom huwa sussegwenti għall-1 ta’ Jannar 2016, prevista mid-dispożizzjoni finali unika tad-Digriet Leġiżlattiv Irjali 8/2016, hija kuntrarja għall-prinċipju ta’ proporzjonalità li kull azzjoni pożittiva għandha tkun suġġett għalih?
____________