Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Înalta Curte de Casaţie şi Justiţie (ir-Rumanija) fid-19 ta’ Novembru 2019 – Proċeduri kriminali kontra NC

(Kawża C-840/19)

Lingwa tal-kawża: ir-Rumen

Qorti tar-rinviju

Înalta Curte de Casaţie şi Justiţie

Parti fil-proċeduri kriminali nazzjonali

NC

Il-parti l-oħra fil-kawża:

Parchetul de pe lângă Înalta Curte de Casație și Justiție – Direcția Națională Anticorupție

Domandi preliminari

L-Artikolu 19(1) TUE, l-Artikolu 325(1) TFUE u l-Artikolu 4 tad-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2017 dwar il-ġlieda kontra l-frodi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali 1 , adottata abbażi tal-Artikolu 83(2) TFUE, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu deċiżjoni meħuda minn korp estern għall-poter ġudizzjarju, il-Curtea Constituțională a României (il-Qorti Kostituzzjonali, ir-Rumanija), li timponi l-eżami mill-ġdid ta’ kawżi ta’ korruzzjoni li ġew deċiżi matul perijodu speċifiku u li jinsabu fl-istadju tal-appell, minħabba li l-kulleġġi ġudikanti li jispeċjalizzaw f’dan il-qasam ma kinux ikkostitwiti fil-livell tal-qorti suprema, minkejja li l-ispeċjalizzazzjoni tal-imħallfin li kienu jagħmlu parti minn [dawn il-kulleġġi ġudikanti] hija rikonoxxuta?

L-Artikolu 2 TUE u [t-tieni paragrafu ta]l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-konstatazzjoni, minn korp estern għall-poter ġudizzjarju, tal-illegalità tal-kompożizzjoni tal-kulleġġi ġudikanti ta’ awla tal-qorti suprema (kulleġġi komposti minn imħallfin fil-kariga li, fil-mument tal-promozzjoni tagħhom, kienu jissodisfaw b’mod partikolari r-rekwiżit ta’ speċjalizzazzjoni meħtieġ għall-promozzjoni fil-qorti suprema)?

Is-supremazija tad-dritt tal-Unjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li tippermetti lill-qorti nazzjonali tħalli mhux applikata deċiżjoni tal-qorti kostituzzjonali, mogħtija f’kawża relatata ma’ tilwima kostituzzjonali, li hija vinkolanti taħt id-dritt nazzjonali?

____________

1     ĠU 2017, L 198, p. 29.