Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale Amministrativo Regionale per il Lazio (l-Italja) fit-23 ta’ April 2019 – EB vs Presidenza del Consiglio dei Ministri et

(Kawża C-326/19)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Qorti tar-rinviju

Tribunale Amministrativo Regionale per il Lazio

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: EB

Konvenuti: Presidenza del Consiglio dei Ministri, Ministero dell’Istruzione, dell’Università e della Ricerca - MIUR, Università degli Studi Roma Tre

Domandi preliminari

Minkejja li ma jeżistix obbligu ġenerali tal-Istati Membri li jipprevedu l-konverżjoni ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat f’kuntratt għal żmien indeterminat, il-klawżola 5 tal-Ftehim Qafas imsemmi fid-Direttiva 1999/70/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 “dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP” 1 , intitolata “Miżuri għal prevenzjoni ta’ l-abbuż”, anki fid-dawl tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, tipprekludi li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħalma hija dik fl-Artikolu 29(II)(d) u (IV) tad-Digriet Leġiżlattiv tal-15 ta’ Ġunju 2015 Nru 81 u l-Artikolu 3(II) u (V) tad-Digriet Leġiżlattiv tat-30 ta’ Marzu 2001 Nru 165, ma tippermettix li riċerkaturi universitarji impjegati b’kuntratt għal żmien determinat għal perijodu ta’ tliet snin, li jista’ jiġi estiż b’sentejn, skont l-Artikolu 24(III)(a) tal-Liġi Nru 240 tal-2010, suċċessivament jitqiegħdu taħt relazzjoni kuntrattwali għal żmien indeterminat?

Minkejja li ma jeżistix obbligu ġenerali tal-Istati Membri li jipprevedu l-konverżjoni ta’ kuntratt ta’ impjieg għal żmien determinat f’kuntratt għal żmien indeterminat, il-klawżola 5 tal-Ftehim Qafas imsemmi fid-Direttiva 1999/70/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 “dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP”, intitolata “Miżuri għal prevenzjoni ta’ l-abbuż”, anki fid-dawl tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, tipprekludi li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħalma hija dik fl-Artikolu 29(II)(d) u (IV) tad-Digriet Leġiżlattiv tal-15 ta’ Ġunju 2015 Nru 81 u l-Artikolu 3(II) u (V) tad-Digriet Leġiżlattiv tat-30 ta’ Marzu 2001 Nru 165, tiġi applikata mill-qrati nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat b’tali mod li d-dritt għaż-żamma tar-relazzjoni ta’ xogħol jingħata lill-persuni impjegati mill-amministrazzjoni pubblika permezz ta’ kuntratt tax-xogħol flessibbli suġġett għar-regoli tad-dritt industrijali li jaqgħu taħt id-dritt privat, iżda li ma huwiex irrikonoxxut, b’mod ġenerali, lill-persunal impjegat taħt kuntratt għal żmien determinat minn tali amministrazzjoni taħt id-dritt pubbliku, ġaladarba ma hemmx (b’riżultat tad-dispożizzjonijiet nazzjonali ċċitati iktar ’il fuq) miżura oħra effikaċi fl-ordinament ġuridiku nazzjonali sabiex jiġu ssanzjonati tal-abbużi fil-konfront tal-ħaddiema?

Minkejja li ma jeżistix obbligu ġenerali tal-Istati Membri li jipprevedu l-konverżjoni ta’ kuntratt ta’ impjieg għal żmien determinat f’kuntratt għal żmien indeterminat, il-klawżola 5 tal-Ftehim Qafas imsemmi fid-Direttiva 1999/70/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 “dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP”, intitolata “Miżuri għal prevenzjoni ta’ l-abbuż”, anki fid-dawl tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħalma hija dik fl-ewwel u t-tielet paragrafi tal-Artikolu 24 tal-Liġi tat-30 ta’ Diċembru 2010 Nru 240, li tipprevedi l-konklużjoni u l-estensjoni, għal perijodu totali ta’ ħames snin (tliet snin b’estensjoni eventwali ta’ sentejn), ta’ kuntratti għal żmien determinat bejn riċerkaturi u Universitajiet, suġġett għad-dispożizzjoni li dan isir “[f]l-ambitu tar-riżorsi disponibbli għall-ippjanar, bil-għan li titwettaq attività ta’ riċerka, ta’ tagħlim, ta’ tagħlim mhux kurrikulari u ta’ servizz lill-istudenti”, kif ukoll billi l-estensjoni tkun suġġetta għall-“evalwazzjoni pożittiva tal-attivitajiet ta’ tagħlim u ta’ riċerka mwettqa”, mingħajr ma jiġu stabbiliti kriterji oġġettivi u trasparenti bil-għan li jiġi vverifikat jekk il-konklużjoni u t-tiġdid ta’ dawn il-kuntratti effettivament jissodisfawx bżonn reali, jekk dawn ikunux xierqa sabiex jintlaħaq l-għan imfittex u jekk ikunux neċessarji għal dan il-għan, u għalhekk jekk dawn jikkomportawx riskju konkret li jiġi ddeterminat użu abbużiv ta’ dawn it-tip ta’ kuntratti, b’tali mod li ma jirriżultawx li huma kompatibbli mal-għan u l-effett utli tal-Ftehim Qafas?

____________

1     Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368).