KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA

ippreżentati fit‑30 ta’ April 2019 (1)

Kawżi magħquda C508/18 u C82/19 PPU

Minister for Justice and Equality

vs

R.G.

u

P.I.

(talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Supreme Court (il-Qorti Suprema (l-Irlanda) u mill-High Court (il-Qorti Superjuri, l-Irlanda))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali — Deċiżjoni Qafas 2002/584/JHA — Artikolu 6(1) — Mandat ta’ arrest Ewropew — Kunċett ta’ “awtorità ġudizzjarja” — Prosekutur Pubbliku — Indipendenza quddiem il-poter eżekuttiv”






1.        Fil-konkużjonijiet tiegħi fil-kawża f’Özçelik (2) iddikjarajt li “[g]ħalkemm wieħed jista’ jitħajjar jipprova jagħti risposta ġenerali issa għad-domanda dwar il-leġittimità tal-Uffiċċji tal-Prosekutur [tal-prosekuturi pubbliċi] tal-Istati Membri sabiex joħorġu mandati ta’ arrest Ewropej, jien ma naħsibx li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari huwa l-opportunità xierqa”; dan kien peress dak iż-żmien kien meħtieġ li jiġi deċiż jekk il-Prosekutur Pubbliku setax joħroġ mandat ta’ arrest nazzjonali konformement mal-Artikolu 8(1)(ċ) tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] 2002/584/JHA (3).

2.        Din l-okkażjoni qamet issa, insegwitu għal żewġ rinviji għal deċiżjoni preliminari li fihom żewġ qrati Irlandiżi jeħtieġu li jkunu jafu jekk il-Prosekutur Pubbliku Ġermaniż jistax jiġi kkwalifikat bħala “awtorità ġudizzjarja” fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas u, bħala tali, huwiex intitolat li joħroġ mandat ta’ arrest Ewropew.

I.      Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni Ewropea. Id-Deċiżjoni Qafas Nru 2002/584

3.        Il-premessi 5, 6 u 10 jaqraw:

“(5)      L-għan stabbilit biex l-Unjoni ssir żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja jwassal għall-abolizzjoni ta’ l-estradizzjoni bejn l-Istati Membri u li din tiġi sostitwita b’sistema ta’ konsenja bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji. […]

(6)      Il-mandat ta’ arrest Ewropew previst f’din id-Deċiżjoni Kwadru hi l-ewwel miżura konkreta fil-qasam tal-liġi kriminali li timplimenta l-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku li l-Kunsill Ewropew semma’ bħala l-bażi tal-kooperazzjoni ġudizzjarja.

[…]

(10)      Il-mekkaniżmu tal-mandat ta’ arrest Ewropew hu bbażat fuq livell għoli ta’ kunfidenza bejn l-Istati Membri. L-implimentazzjoni tiegħu jista’ jiġi sospiż biss fil-każ ta’ ksur serju u persistenti minn wiehed mill-Istati Membri tal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 6(1) tat-Trattat fuq l-Unjoni Ewropea, determinati mill-Kunsill skont l-Artikolu 7(1) tat-Trattat imsemmi bil-konsegwenzi stabbiliti fl-Artikolu 7(2) tiegħu.”

4.        Konformement mal-Artikolu 1 (“Definizzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew u l-obbligazzjoni li jiġi esegwit”):

“1.      “Il-mandat ta’ arrest Ewropew hija deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa minn Stat Membru bl-iskop ta’ l-arrest u l-konsenja minn Stat Membru ieħor ta’ persuna rikjesta, għall-finijiet tat-tmexxija ta’ azzjoni kriminali jew l-esekuzzjoni ta’ piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni.”

2      L-Istati Membri għandhom jesegwixxu kwalunkwe mandat ta’ arrest Ewropew abbażi tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku u skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Qafas.

3      Din id-Deċiżjoni Qafas m’għandhiex ikollha l-effett li timmodifika l-obbligu ta’ rispett tad-drittijiet fundamentali u l-prinċipji legali fundamentali kif affermati fl-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.”

5.        L-Artikolu 6, taħt it-titolu “Determinazzjoni ta’ l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti”, jipprevedi li:

“1.      L-awtorità ġudizzjarja emittenti għandha tkun l-awtorità ġudizzjarja tal-Istat Membru emittenti li hi kompetenti biex toħroġ mandat ta’ arrest Ewropew permezz tal-liġi ta’ dak l-Istat.

2      L-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha tkun l-awtorità ġudizzjarja tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni li hi kompetenti biex teżegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew permezz tal-liġi ta’ dak l-Istat.

3      Kull Stat Membru għandu jinforma lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill bl-awtorità ġudizzjarja kompetenti taħt il-liġi tiegħu.”

B.      Id-dritt nazzjonali. Il-Gerichtsverfassungsgesetz (4)

6.        L-Artikolu 146 jipprevedi:

“L-uffiċjali tal-prosekutur pubbliku għandhom josservaw l-istruzzjonijiet uffiċjali mogħtija mis-superjuri tagħhom.”

7.        L-Artikolu 147 jipprevedi:

“Id-dritt ta’ superviżjoni u ta’ tmexxija huwa ta’:

1.      il-Ministru Federali tal-Ġustizzja fir-rigward tal-Prosekutur Ġenerali Federali u l-prosekuturi federali;

2.      l-Aministrazzjoni tal-Land fir-rigward tal-uffiċjali kollha tal-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku tal-Land inkwistjoni;

3.      l-iktar uffiċjal ogħli tal-prosekutur pubbliku quddiem il-qrati reġjonali superjuri ċivili u kriminali u quddiem il-qrati reġjonali ċivili u kriminali fir-rigward tal-uffiċjali kollha tal-prosekutur pubbliku tal-qorti distrettwali kkonċernata.

[…]”

8.        L-Artikolu 150 jipprevedi li:

“Il-prosekutur pubbliku huwa indipendenti mill-qrati fit-twettiq tal-funzjonijiet uffiċjali tiegħu.”

9.        L-Artikolu 151 jistipula li:

“Il-prosekuturi ma jistgħux jeżerċitaw funzjonijiet ġudizzjarji. Barra minn herkk, ma jistgħux jiġu fdati bis-superviżjoni tal-attività ġudizjarja”.

II.    Il-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

A.      Il-Kawża C508/18

10.      Fit‑13 ta’ Mejju 2016, il-Prosekutur Pubbliku quddiem il-Landgericht Lübeck (il-Qorti Reġjonali ta’ Lübeck, il-Ġermanja) ħareġ mandat ta’ arrest Ewropew kontra O.G., ċittadin Litwan residenti fl-Irlanda għal reat ta’ “omiċidju volontarji, offiżi gravi fuq il-persuna”, reati li allegatament wettaq fl-1995.

11.      Quddiem il-High Court (il-Qorti Superjuri, l-Irlanda), O.G. oppona l-konsenja tiegħu għar-raġunijiet, fost oħrajn, li l-Prosekutur Pubbliku ta’ Lübeck ma kienx “awtorità ġudizzjarja” fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas.

12.      Il-High Court (il-Qorti Superjuri), fis-sentenza tagħha tal‑20 ta’ Marzu 2017, ċaħdet il-motiv imressaq minn O.G., billi ddeċidiet li d-dritt Ġermaniż jistabbilixxi l-indipendenza tal-Prosekutur Pubbliku u l-poter eżekuttiv jista’ tintervjeni biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali, li ma kienx il-każ inkwistjoni.

13.      Is-sentenza tal-ewwel istanza ġiet ikkonfermata fl-appell mill-Court of Appeal (il-Qorti tal-Appell, l-Irlanda), li applikat il-kriterji ta’ “indipendenza funzjonali” u tal-“funzjonament indipendenti de facto” fuq il-linja żviluppata mis-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema, ir-Renju Unit) fil-kawża Assange vs Swedish Prosecution Authority (5).

14.      Wara li ġie ppreżentat rikors quddiem is-Supreme Court (il-Qorti Suprema, l-Irlanda) din il-qorti għamlet id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja, skont l-Artikolu 267 TFUE:

“1)      L-indipendenza ta’ prosekutur pubbliku mill-poter eżekuttiv għandha tiġi deċiża skont il-pożizzjoni tiegħu taħt l-ordinament ġuridiku nazzjonali rilevanti? Fil-każ ta’ risposta negattiva, liema huma l-kriterji li abbażi tagħhom għandha tiġi deċiża l-indipendenza mill-poter eżekuttiv?

2)      Prosekutur pubbliku li, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, huwa suġġett għal ordni jew istruzzjoni, kemm direttament jew indirettament mill-Ministeru tal-Ġustizzja, huwa suffiċjentement indipendenti mill-poter eżekuttiv sabiex jiġi kkunsidrat bħala awtorità ġudizzjarja fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Kwadru?

3)      Fil-każ ta’ risposta pożittiva, il-prosekutur pubbliku għandu jkun ukoll indipendenti fil-funzjonijiet tiegħu mill-poter eżekuttiv u liema huma l-kriterji li abbażi tagħhom għandha tiġi deċiża indipendenza tal-funzjonijiet?

4)      Jekk jitqies li huwa indipendenti mill-poter eżekuttiv, prosekutur pubbliku li l-funzjonijiet tiegħu huma limitati għal li jibda u jmexxi investigazzjonijiet u li jiżgura li tali investigazzjonijiet jitwettqu b’mod oġġettiv u legali, li joħroġ atti ta’ akkuża, li jeżegwixxi deċizjonijiet ġudizzjarji u li jmexxi l-prosekuzzjoni ta’ reati, u li ma għandux kompetenza li joħroġ mandati ta’ arrest nazzjonali u lanqas ma jista’ jwettaq funzjonijiet ġudizzjarji, jista’ jitqies li huwa “awtorità ġudizzjarja” fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Kwadru?

(5)      Il-Prosekutur Pubbliku ta’ Lübeck huwa awtorità ġudizzjarja fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Kwadru tat-13 ta’ Ġunju 2002 fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ ċediment bejn l-Istati Membri?”

B.      Kawża C82/19 PPU

15.      Fil‑15 ta’ Marzu 2018, il-Prosekutur Pubbliku ta’ Zwickau (il-Ġermanja) ħareġ mandat ta’arrest Ewropew kontra P.I. għal proċeduri kriminali peress li allegatament wettaq total ta’ seba’ reati ta’ serq, li għandhom piena massima ta’ għaxar snin priġunerija.

16.      Fit‑12 ta’ Settembru 2018, il-High Court (il-Qorti Superjuri) qablet mal-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew u konsegwentement P.I. ġie arrestat fil‑15 ta’ Ottubru 2018, u minn dak iż-żmien ’l hawn baqa’ mċaħħad mil-libertà.

17.      P.I. oppona l-konsenja tiegħu peress li l-Prosekutur Pubbliku ta’ Zwickau ma huwiex “awtorità ġudizzjarja” fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas.

18.      F’dan il-kuntest, il-High Court (il-Qorti Superjuri) ressqet ħames domandi preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja identiċi għal dawk magħmula mis-Supreme Court (il-Qorti Suprema) fil-Kawża C‑508/18, bid-differenza biss li l-ħames waħda tirreferi għall-Prosekutur Pubbliku ta’ Zwickau.

III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

19.      Id-domandi preliminari ġew irreġistrati fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑6 ta’ Awwissu 2018 u fil‑5 ta’ Frar 2019 rispettivament. Ġew ittrattati bi prijorità (C‑508/18) jew skont il-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari (C‑82/19 PPU).

20.      Ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub O.G., P.I., il-Minister for Justice and Equality (il-Ministru għall-Ġustizzja u l-Ugwaljanza, l-Irlanda), il-Gvern Ġermaniż, dak Awstrijak, Franċiż, Ungeriż, Litwan, Olandiż u Pollakk, kif ukoll il-Kummissjoni. Fis-seduta li saret fis‑26 ta’ Marzu 2019 flimkien mal-Kawża C‑509/18, Minister for Justice and Equality u P.F., dehru, minbarra dawk li ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub — bl-eċċezzjoni tal-Gvern Ungeriż u dak Pollakk — il-Gvern Daniż u dak Taljan.

IV.    Analiżi

A.      Osservazzjonijiet preliminari

21.      L-ewwel erba’ domandi, imqajma fuq l-istess termini mis-Supreme Court (il-Qorti Suprema) u mill-High Court (il-Qorti Superjuri), huma miġbura fil-qosor fil-ħames waħda ta’ dawn iż-żewġ proċeduri, jiġifieri jekk il-Prosekuturi Pubbliċi ta’ Lübeck u ta’ Zwickau jistgħux jiġu kkwalifikati bħala “awtorità ġudizzjarja skont it-tifsira tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas”.

22.      Skont iż-żewġ qrati tar-rinviju, il-kriterju ewlieni sabiex tiġi indirizzata din il-kwistjoni huwa l-indipendenza tal-Prosekutur Pubbliku mill-poter eżekuttiv. Huma jridu jkunu jafu, għaldaqstant, liema fatturi jista’ jkollhom effett fuq l-evalwazzjoni ta’ din l-indipendenza, filwaqt li semmew dan li ġej:

–      il-pożizzjoni tiegħu fl-ordinament ġuridiku nazzjonali (l-ewwel domanda);

–      il-fatt li huwa suġġett għal struzzjonijiet eventwali mill-Ministeru għall-Ġustizzja (it-tieni domanda); u

–      il-grad ta’ “indipendenza funzjonali” mill-Ministeru għall-Ġustizzja (it-tielet domanda).

23.      Fl-ipoteżi li huwa indipendenti mill-poter eżekuttiv, il-qrati tar-rinviju jispeċifikaw li jridu jkunu jafu, barra minn hekk, jekk il-Prosekutur Pubbliku Ġermaniż, bħala korp li jinvestiga, jeżerċita l-azzjoni kriminali u jeżegwixxi deċiżjonijiet ġudizzjarji, iżda ma joħroġx mandati ta’ arrest nazzjonali u lanqas ma jeżerċita funzjonijiet ġudizzjarji, huwiex “awtorità ġudizzjarja” fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas (ir-raba’ domanda).

24.      L-indipendenza hija, evidentement, il-karatteristika istituzzjonali tal-awtorità ġudizzjarja fi stat ta’ dritt (6). Din hija kwalità mogħtija (u rikjesta minnhom) lill-korpi ġudizzjarji sabiex ikunu jistgħu jwettqu b’mod adegwat il-funzjoni speċifika li l-Istat jafdalhom, esklużivament, skont il-prinċipju tas-separazzjoni tal-poteri. Hija kwalità strumentali, miżjuda mal-funzjoni li hija marbuta magħha, iżda wkoll essenzjali għall-eżistenza ta’ stat ta’ dritt ġenwin.

25.      Sabiex il-Prosekutur Pubbliku jiġi kkwalifikat bħala awtorità ġudizzjarja fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas għandu jiġi evalwat, fl-ewwel lok, jekk iwettaqx funzjoni li hija sostanzjalment komparabbli għal dik attribwita lill-poter ġudizzjarju. Fl-affermattiv, ser neżamina jekk huwiex f’pożizzjoni li jeżerċitaha b’mod indipendenti (7).

26.      Fis-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar dan il-punt, wieħed jista’ jirrileva xi ineżattezzi (xi drabi purament terminoloġiċi) li wasslu, għall-inqas parzjalment, għad-dubji taż-żewġ qrati tar-rinviju. Nemmen li dawn id-dubji jistgħu jissolvew jekk, kif nissuġġerixxi, wieħed, b’mod partikolari, jikkonċentra fuq il-kontenut tipiku tal-funzjoni ġudizzjarja.

27.      Meta eżaminat il-kunċett ta’ “awtorità ġudizzjarja” fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li “jeħtieġ, fl-Unjoni kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi”(8), u li “is-sens u l-portata [tagħha] […] ma jistgħux jitħallew għall-evalwazzjoni ta’ kull Stat Membru”(9).

28.      Sabiex tiddefinixxi dan il-kunċett awtonomu, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li l-kliem “awtorità ġudizzjarja” li jinsabu f’din id-dispożizzjoni “ma jindikawx biss l-imħallfin u l-qrati ta’ Stat Membru, iżda jippermettu li jiġu koperti, b’mod iktar wiesa’, l-awtoritajiet imsejħa sabiex jipparteċipaw fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja fl-ordinament ġuridiku kkonċernat (10)”

29.      Il-possibbiltà li jiġi estiż il-kontenut ta’ dan il-kunċett, madankollu, ma tilħaqx il-punt li jinftiehem li jinkludi s-servizzi tal-pulizija (11) jew ta’ organu tal-poter eżekuttiv (12).

30.      Wara l-espożizzjoni tar-raġunijiet għall-kwalifika tal-pulizija jew ta’ korp tal-poter eżekuttiv bħala “awtorità ġudizzjarja”, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat żewġ karatteristiċi li jridu jiġu ssodisfatti minn istituzzjoni sabiex tikkwalifika bħala “awtorità ġudizzjarja”(13):

–      fl-ewwel lok, dawn għandhom ikunu awtoritajiet “li jipparteċipaw fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja”, li jfisser, skont il-prinċipju tas-seperazzjoni tal-poteri, l-esklużjoni tal-awtoritajiet tal-gvern jew is-servizzi tal-pulizija (14).

–      fit-tieni lok, huma għandhom ikunu f’pożizzjoni li jiżguraw li “d-deċiżjonijiet dwar mandat ta’ arrest Ewropew jibbenefikaw mill-garanziji proprji għal dan it-tip ta’ deċiżjonijiet, b’mod partikolari minn dawk li jirriżultaw mid-drittijiet fundamentali”, filwaqt li jiġi ggarantit li “l-proċedura kollha ta’ konsenja bejn Stati Membri […] tkun eżerċitata taħt stħarriġ ġudizzjarju”(15).

31.      Dan l-aħħar punt huwa fundamentali sabiex “tingħata l-assigurazzjoni lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li l-ħruġ ta’ dan il-mandat ta’ arrest Ewropew ibbenefika minn […] stħarriġ ġudizzjarju” (16). B’hekk hija mħarsa l-premessa li hija l-bażi tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, stabbilit fl-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni Qafas (17).

32.      Fl-opinjoni tiegħi, l-ewwel wieħed minn dawn ir-rekwiżiti, jiġifieri li wieħed jipparteċipa fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja, huwa biżżejjed sabiex ma jiġux ikkwalifikati bħala “awtoritàjiet ġudizzjarji” l-istituzzjonijiet li l-appartenenza tagħhom għall-eżekuttiv tkun magħrufa (mill-ġdid, il-pulizija jew dipartiment fi ħdan il-gvern stess). Iżda, minbarra l-kapaċità virtwali tiegħu, sabiex jiġi ddefinit il-perimetru estern tal-kunċett (sabiex jiġi ddefinit f’termini negattivi), l-utilità tiegħu fit-tfassil ta’ kunċett pożittiv (sabiex jiġi ddefinit il-kontenut tiegħu) hija marbuta mat-tieni rekwiżit: dak li jiġu żgurati b’mod xieraq id-drittijiet fundamentali involuti fil-proċedura għall-ħruġ u l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew.

B.      Il-parteċipazzjoni fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja

33.      Fit-tifsira l-iktar xierqa tagħha stess, l-espressjoni “tamministra l-ġustizzja” tfisser li “teżerċita ġurisdizzjoni”, jiġifieri tiġġudika (jus dicere), li fl-istat ta’ dritt hija rriżervata esklużivament għall-imħallfin u għall-qrati li jiffurmaw parti mill-poter ġudizzjarju tal-Istat (18).

34.      Fil-qasam kriminali, l-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni mill-imħallfin u l-qrati jista’ jiddependi, madankollu, fuq l-involviment ta’ suġġetti tad-dritt u istituzzjonijiet oħra. B’hekk, pereżempju, l-individwu li jressaq kwerela jew l-awtorità tal-pulizija li twettaq l-inkjesti tagħha (jew a fortiori li teżegwixxi ordni ġudizzjarja ta’ dehra jew kwalunkwe ordni ġudizzjarja oħra) ma jipparteċipawx fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja, iżda jikkolaboraw fl-eżerċizzju tagħha.

35.      Ir-rwol tal-Prosekutur Pubbliku huwa differenti kwalitattivament minn dak ta’ dawk is-suġġetti l-oħra, peress li jeżerċita prerogattivi tal-poter pubbliku u, f’dan ir-rigward, għandu s-setgħa bil-liġi li, f’ċerti limiti, jintervjeni fuq il-pożizzjoni ġuridika taċ-ċittadini, jew billi jaffettwa d-drittijiet u l-libertajiet tagħhom jew, min-naħa l-oħra, billi jikkontribwixxi għall-eżerċizzju tagħha.

36.      Kif sostnejt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Özçelik (19), il-karatteristika partikolari tal-Prosekutur Pubbliku hija “il-kapaċità tiegħu — meta jkun hekk ipprovdut f’kull Stat Membru fir-regoli kostituzzjonali jew legali tiegħu — sabiex jipparteċipa fl-Amministrazzjoni tal-ġustizzja, bħala strument tal-Istat li jibda proċeduri kriminali u, li fil-kuntest tagħhom, jista’ anki jadotta, mill-inqas temporanjament u għal perijodi ta’ żmien limitati, ordnijiet ta’ kustodja u detenzjoni jew deċiżjonijiet ekwivalenti, qabel ma d-detenuti jgħaddu quddiem l-imħallef li jkollu jiddeċiedi dwar il-libertà jew il-priġunerija tagħhom”.

37.      Il-modalitajiet ta’ din il-parteċipazzjoni tal-Prosekutur Pubbliku fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja huma varjati u s-soluzzjonijiet għal xi oqsma ma għandhomx jiġu estrapolati b’mod mekkaniku jew awtomatiku għal oħrajn ta’ natura differenti.

38.      B’hekk, pereżempju, l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2014/41/UE (20) jsemmi l-prosekuturi pubbliċi fost l-awtoritajiet li jistgħu joħorġu ordni Ewropea ta’ investigazzjoni (21). Id-Direttiva (UE) 2016/800(22) tikkwalifika, fil-premessa 47 tagħha, il-Prosekutur Pubbliku bħala “awtorità ġudizzjarja”, iżda biss sabiex il-veru korp ġudizzjarju jwettaq perjodikament eżami mill-ġdid tad-detenzjoni ta’ minuri (23).

39.      Dawn ir-referenzi għandhom jiġu analizzati b’attenzjoni. Kif sostnejt fil-konklużjonijiet fil-kawża Özçelik (24) “[h]uwa veru li wieħed ma jistax iqabbel, sempliċiment, l-intervent tal-Uffiċċju tal-Prosekutur f’qasam (li jikkonċerna l-libertà, affettwata mid-detenzjoni tal-persuni) ma’ dak f’qasam ieħor (dak tal-kisba tal-provi). Li nixtieq ngħid huwa li l-aċċettazzjoni tiegħu bħala awtorità ġudizzjarja fid-Direttiva 2014/41/UE, għall-ordnijiet ta’ investigazzjoni, ma tippreġudikax neċessarjament l-estensjoni ta’ din il-kunsiderazzjoni għad-Deċiżjoni Qafas għal dak li jikkonċerna l-mandati ta’ arrest Eċwropej”.

40.      Din hija, kif spjegajt f’dan il-kuntest, “l-informazzjoni regolamentarja, madankollu, [li] tirrappreżenta appoġġ serju għall-approċċ favur interpretazzjoni wiesgħa, tal-kunċett ta’ ‘awtorità ġudizzjarja fil-modalitajiet tal-kooperazzjoni f’materji kriminali (inkluż il-mandat ta’ arrest Ewropew) imsemmija fl-Artikolu 82 TFUE ”(25).

41.      Għaldaqstant, il-Prosekutur Pubbliku jista’ jintervjeni, b’mod kwalifikat fi proċeduri kriminali, jew billi jpoġġi lill-persuni għad-dispożizzjoni tal-qorti, fil-kundizzjonijiet li ser insemmi iktar tard, jew billi jagħmilha iktar faċli sabiex il-qorti tuża l-provi li jistgħu jservu ta’ bażi għal kundanna. Fl-ewwel każ, huwa juża l-prerogattivi tiegħu ta’ awtorità pubblika sabiex jadotta, b’mod provviżorju u fuq bażi temporanja biss, miżuri li jirrestrinġu l-libertà.

42.      Dan kollu huwa suġġett għall-prinċipju ta’ legalità u, b’mod partikolari, jirrispetta (26) d-drittijiet individwali li għandhom jingħataw piż differenzjat meta jieħdu miżuri li jillimitawhom fl-eżerċizzju tagħhom.

43.      Dak li huwa importanti hawnhekk, speċifikament, huwa jekk in-natura ġudizzjarja tal-prosekutur pubbliku, li hija indiskutibbli fil-qasam tal-ksib tal-provi (jew f’oqsma oħra ta’ kooperazzjoni fil-liġi kriminali), hijiex ukoll dik li jinħareġ mandat ta’ arrest Ewropew, jiġifieri fil-kuntest tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas.

44.      Fil-fehma tiegħi, ir-risposta għandha tkun negattiva.

45.      Ċertament il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tagħha tal‑10 ta’ Novembru 2016, Özçelik (27), iddeċidiet li mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ mill-Prosekutur Pubbliku jikkostitwixxi “deċiżjoni ġudizzjarja” fis-sens tal-Artikolu 8(1)(ċ) tad-Deċiżjoni Qafas, peress li hija deċiżjoni li ttieħdet minn dik li għandha tiġi kkwalifikata bħala “awtorità ġudizzjarja” (28).

46.      Huwa minnu wkoll li din id-dikjarazzjoni kienet ibbażata fuq il-ħtieġa li tiġi żgurata l-konsistenza bejn din id-dispożizzjoni u l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas stess. Fir-rigward ta’ dan tal-aħħar, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret, billi rreferiet għas-sentenza Poltorak, li “l-kunċett ta’ ‘awtorità ġudizzjarja’ għandu jitqies li jirreferi għall-awtoritajiet li jagħmlu parti mill-amministrazzjoni tal-ġustizzja kriminali tal-Istati Membri, bl-esklużjoni tas-servizzi ta’ pulizija” (29).

47.      Issa, dak li għamlet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Poltorak kienet id-delimitazzjoni negattiva tal-kunċett ta’ “awtorità ġudizzjarja”(30) fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas sabiex tiġi applikata għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(1)(ċ) tad-Deċiżjoni Qafas.

48.      Għall-kuntrarju, naħseb li sabiex jiġi ddelineat b’mod pożittiv il-kontenut ta’ tali kunċett, fis-sentenza Özçelik il-Qorti tal-Ġustizzja ma setgħetx tibbaża ruħha fuq is-sentenza Poltorak. Dwar dan il-punt, is-sentenza Özçelik waslet għall-konklużjoni waħdiha li, peress li “l-Uffiċċju tal-Prosekutur huwa awtorità li tagħmel parti mill-amministrazzjoni tal-ġustizzja kriminali ta’ Stat Membru […] id-deċiżjoni ta’ tali awtorità għandha titqies li hija deċiżjoni ġudizzjarja, fis-sens tal-Artikolu 8(1)(ċ) tad-Deċiżjoni qafas” (31).

49.      Madankollu, fil-fehma tiegħi, barra l-każ tal-esklużjoni tas-servizzi tal-pulizija (32), dak li japplika għall-Artikolu 8(1)(ċ) mhux neċessarjament jgħodd għall-Artikolu 6(1) tal-istess deċiżjoni qafas (33).

50.      Nixtieq nagħmilha ċara li, filwaqt li naqbel mingħajr diffikultà li l-prosekutur pubbliku, sa fejn jipparteċipa fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja, jista’ tiġi kkwalifikat bħala awtorità li tieħu “deċiżjoni ġudizzjarja” li għandha l-karatteristiċi ta’ mandat ta’ arrest nazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 8(1)(ċ) tad-Deċiżjoni Qafas, dan ma jgħoddx neċessarjament għall-finijiet tal-Artikolu 6(1) tal-imsemmija deċiżjoni qafas. Għall-kuntrarju, ma għandux ikun il-każ.

51.      Fi kliem ieħor, filwaqt li nikkunsidra, kif sostnejt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Özelik, li l-Prosekutur Pubbliku jista’ joħroġ mandat ta’ arrest nazzjonali, inqis ukoll li ma jistax joħroġ mandat ta’ arrest Ewropew. Għalkemm, mal-ewwel daqqa ta’ għajn, din il-pożizzjoni tista’ tidher differenti minn dik li sussegwentement issuġġerejt (34) ser nipprova nispjega għaliex dan ma huwiex il-każ.

C.      Ir-rwol tal-qorti fil-proċedura tad-Deċiżjoni Qafas

52.      Fil-kawża Özçelik, il-kwistjoni kienet jekk deċiżjoni tal-Prosekutur Pubbliku Ungeriż, li kkonfermat mandat ta’ arrest maħruġ mill-pulizija, tistax titqies bħala “deċiżjoni ġudizzjarja” fis-sens tal-Artikolu 8(1)(ċ) tad-Deċiżjoni Qafas.

53.      Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet dwar din il-kwistjoni f’termini affermattivi dan kien minħabba li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, “il-validazzjoni tal-mandat ta’ arrest [tal-Pulizija] mill-Uffiċċju tal-Prosekutur tagħti lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ċ-ċertezza li l-mandat ta’ arrest Ewropew huwa bbażat fuq deċiżjoni li għaddiet minn stħarriġ ġudizzjarju”(35).

54.      Fil-fehma tiegħi, l-“istħarriġ ġudizzjarju” li jista’ jwettaq il-Prosekutur Pubbliku fuq mandat ta’ arrest maħruġ mill-pulizija ma jmurx lil hinn mid-determinazzjoni ta’ jekk il-kundizzjonijiet iddefiniti mil-liġi humiex issodisfatti sabiex, fl-assenza ta’ mandat ġudizzjarju espress, persuna titqiegħed f’detenzjoni. Huwa komunement ammesss li, fl-Istati Membri kollha d-detenzjoni jew l-arrest deċiż mill-Prosekutur Pubbliku jista’ jsir biss għal perijodu limitat ta’ żmien, qabel ma d-detenut jiġi rrilaxxat jew imressaq quddiem il-qorti (36). Fi kliem ieħor, il-Prosekutur Pubbliku ma jistax, fl-opinjoni tiegħi, jirratifika arrest tal-pulizija li l-kundizzjonijiet u l-effetti tiegħu marru lil hinn minn dawk tal-arresti li huwa stess jista’ jiddeċiedi.

55.      Fir-rwol tiegħu bħala garanti tal-legalità u, b’estensjoni, tad-drittijiet individwali, il-Prosekutur Pubbliku huwa għalhekk f’pożizzjoni li jiżgura li l-persuna rikjesta għall-eżerċizzju ta’ proċeduri kriminali “setgħet diġà tibbenefika, fl-ewwel stadju tal-proċedura, mill-garanziji proċedurali u mid-drittijiet fundamentali, li l-protezzjoni tagħhom għandha tiġi żgurata mill-qrati tal-Istat Membru emittenti, skont id-dritt nazzjonali applikabbli, b’mod partikolari fid-dawl tal-adozzjoni ta’ mandat ta’ arrest nazzjonali”. (37)

56.      Madankollu, ma’ din l-ewwel garanzija jew dik tal-bidu trid tiżdied it-tieni waħda, li hija dik tal-ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew. Fil-kliem tas-sentenza Bob-Dogi, “mal-protezzjoni ġudizzjarja prevista fl-ewwel livell fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja nazzjonali, bħal mandat ta’ arrest nazzjonali, tiżdied il-protezzjoni li għandha tiġi żgurata fit-tieni livell, fil-kuntest tal-ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew, li jista’ jseħħ, jekk ikun il-każ, f’termini qosra, wara l-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni ġudizzjarja nazzjonali” (38).

57.      Il-protezzjoni li għandha tingħata f’dan it-tieni livell — dak tal-ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew — għandha, madankollu, tiżen fattur ewlieni li ma huwiex kopert mill-ewwel livell tal-proċedura: l-eventwalità ta’ nuqqas ta’ libertà li ddum ħafna iżjed, fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni. Huwa fatt importanti li fih innifsu jiġġustifika, fil-fehma tiegħi, li l-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew jiġi riżervat għall-imħallfin u l-qrati, bl-esklużjoni tal-prosekutur pubbliku, kif spjegajt iktar ’il fuq.

58.      Skont id-Deċiżjoni Qafas il-persuna li kontriha jinħareġ mandat ta’ arrest Ewropew tista’ tinżamm f’detenzjoni fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni għal perijodu ta’ żmien li, f’ċerti ċirkustanzi, jista’ jiġi estiż għal mija u għoxrin jum (39).

59.      Issa dan huwa terminu li jmur lil hinn minn dak li huma komunement ammess għad-detenzjonijiet ordnati mill-prosekutur pubbliku, li huma dejjem suġġetti għad-deċiżjoni kważi immedjata ta’ mħallef jew qorti.

60.      Din ma tidhirx, intenni, li hija kwistjoni minuri. Il-Minister for Justice and Equality (il-Ministru għall-Ġustizzja u l-Ugwaljanza) allega li (40), mingħajr ma tiġi mminimizzata l-importanza tal-indipendenza ta’ kwalunkwe korp li joħroġ mandat ta’ arrest Ewropew, ir-rekwiżiti tiegħu għandhom ikunu inqas stretti f’dan il-punt milli kieku kienet deċiżjoni dwar il-ħtija jew l-innoċenza tal-persuna kkonċernata.

61.      Ma naqbilx ma’ din it-teżi. Nifhem li l-possibbiltà ta’ ċaħda tal-libertà tant twila bħal dik li tista’ tipprovoka l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew hija biżżejjed sabiex tirrikjedi minn min huwa responsabbli għalih indipedenza tant rigoruża bħal dik li hija ggarantita biss lill-awtoritajiet ġudizzjarji stricto sensu.

62.      Fil-każ ta’ mandat ta’ arrest nazzjonali, iċ-ċaħda tal-libertà mogħtija inizjalment mill-Prosekutur Pubbliku għandha tiġi mistħarrġa u rriveduta minn imħallef jew qorti f’terminu qasir. Dawn tal-aħħar, barra minn hekk, jiżnu wkoll direttament u immedjatament il-fatti u ċ-ċirkustanzi li jiġġustifikaw id-deċiżjoni li jċaħħdu lill-persuna f’detenzjoni mil-libertà tagħha.

63.      Min-naħa l-oħra, fil-każ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, l-awtorità ġudizzjarja fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni għandha tittratta prinċipalment is-sitwazzjoni personali tal-persuna detenuta bil-għan li jiġi ppreżervat il-mandat ta’ arrest Ewropew. Ċertament, id-deċiżjoni dwar il-libertà provviżorja għandha tittieħed konformement mad-dritt intern tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni (41), iżda fir-rigward tal-ammont tar-raġunijiet abbażi tal-mandat ta’ arrest nazzjonali, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’ toqgħod biss fuq id-deċiżjoni ta’ min, wara li joħroġ u jieħu f’idejh il-mandat ta’ arrest nazzjonali, ikun għażel li joħroġ mandat ta’ arrest Ewropew (42).

64.      Sabiex il-mandat ta’ arrest Ewropew jipprovdi lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni l-garanziji rilevanti, huwa meħtieġ li l-persuna li toħroġ il-mandat ta’ arrest Ewropew tkun tista’ tikkonferma r-regolarità perfetta tal-mandat ta’ arrest nazzjonali li huwa l-bażi tiegħu, u b’mod partikolari li ġew osservati l-garanziji proċedurali u d-drittijiet fundamentali. Dan jista’ jsir biss minn min huwa detentur tal-kompetenza ġudizzjarja.

65.      Bla dubju, fl-ewwel livell ta’ protezzjoni — dak tal-ħruġ tal-mandat ta’ arrest nazzjonali — il-Prosekutur Pubbliku jista’ jipprovdi ċerti garanziji f’dan ir-rigward, iżda biss b’mod provviżorju u sakemm id-deċiżjoni ma tiġix ikkonfermata minn imħallef jew qorti, l-unika awtorità li tista’ tipprovdi d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva skont l-Artikolu 47 tal-Karta.

66.      Il-protezzjoni ġudizzjarja effettiva hija, essenzjalment, il-protezzjoni offerta mill-awtorità li teżerċita l-kompetenza ġudizzjarja. Dan ifisser l-awtorità li, peress li tapplika d-dritt għal każ partikolari b’mod irrevokabbli, tiggarantixxi li l-proċedura regolatorja u tat-teħid tad-deċiżjonijiet li twassal għall-applikazzjoni aħħarija tad-dispożizzjonijiet legali previsti mill-ordinament ġuridiku (jus dicere) tkun implimentata fil-forma stabbilita minn dan tal-aħħar.

67.      Fl-istat ta’ dritt, dan ir-rwol huwa r-responsabbiltà esklużiva tal-imħallfin u tal-qrati u mhux ta’ awtoritajiet oħra, inklużi dawk li jipparteċipaw fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja, bħall-prosekutur pubbliku. Dawn tal-aħħar ma humiex, bħall-imħallef, suġġetti esklużivament għal-liġi u ma humiex indipendenti fl-istess grad bħall-imħallfin (43), u barra minn hekk huma dejjem suġġetti għad-deċiżjoni finali tal-qorti (44).

68.      Jekk il-mandat ta’ arrest nazzjonali huwa eżegwit fl-Istat Membru stess, id-deċiżjoni tal-Prosekutur Pubbliku tista’ tiġi riveduta ex post mill-imħallef jew mill-qorti li quddiemhom tidher il-persuna f’detenzjoni, jekk ma tkunx ġiet irrilaxxata qabel. Jekk il-mandat ta’ arrest nazzjonali ma jistax jiġi eżegwit, minħabba li l-persuna mfittxija tinsab fi Stat Membru ieħor, u għalhekk huwa meħtieġ mandat ta’ arrest Ewropew, l-istħarriġ ġudizzjarju fuq ir-regolarità tal-mandat ta’ arrest nazzjonali jsir fil-mument li jiġi deċiż il-ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew. Fiż-żewġ każijiet, il-garanzija ġudizzjarja stabbilita mill-Artikolu 47 tal-Karta tkun ittieħdet kompletament inkunsiderazzjoni.

69.      Min-naħa l-oħra, jekk il-Prosekutur Pubbliku jkun jista’ joħroġ mandat ta’ arrest Ewropew, it-tieni livell ta’ protezzjoni tal-proċedura fid-Deċiżjoni Qafas iseħħ fil-kundizzjonijiet ta’ urġenza u ta’ natura temporanja li huma karatteristiċi tal-garanziji li jiżgura l-prosekutur pubbliku.

70.      Barra minn hekk, ikun possibbli li deċiżjoni, bħall-mandat ta’ arrest Ewropew, li tista’ twassal għal ċaħda sinjifikattiva tal-libertà tal-persuna rikjesta fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, tiġi adottata minn persuna li, fl-Istat emittenti, ma tistax tiddeċiedi tali detenzjoni ħlief għal termini qosra ħafna u suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju immedjat.

71.      Hemm lok li jiżdied li huma biss l-imħallef jew il-qorti li jistgħu jevalwaw kif xieraq il-proporzjonalità tal-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew (45).

72.      Huwa minnu li, kif ġie diskuss fis-seduta, il-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew mill-Prosekutur Pubbliku jista’ eventwalment ikun suġġett ta’ kontestazzjoni quddiem qorti tal-Istat ta’ konsenja. Madankollu, din l-eventwalità twassal għal konsegwenzi li jagħmluha, fil-fehma tiegħi, inopportuna.

73.      Fl-ewwel lok, minħabba d-diffikultajiet li dan jimplika għal-persuna mfittxija f’termini ta’ eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża tagħha. Minn naħa peress li, minħabba l-assenza tagħha, ikun probabbli ħafna li hija tkun taf biss bil-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew meta tiġi arrestata fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni. Min-naħa l-oħra, minħabba li jkollha teżerċita d-dritt ta’ difiża tagħha mingħajr garanzija ta’ immedjatezza.

74.      Fit-tieni lok, minħabba li din il-possibbiltà ta’ reviżjoni twassal għal iktar dewmien fil-proċedura ta’ konsenja, bi ħsara konsegwenti għal-libertà tal-persuna rikjesta, fil-każ li l-mandat ta’ arrest Ewropew ikun inħareġ u tkun ingħatat, għall-eżekuzzjoni tiegħu, ordni ta’ detenzjoni provviżorja.

75.      Dawn id-diffikultajiet kollha jistgħu jiġu evitati, bl-ikbar ekonomija jekk, minflok ma tiġi rriżervata biss għall-qrati tal-Istat emittenti is-setgħa li jirrevedu mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ mill-prosekutur pubbliku, huma jingħataw is-setgħa direttament li joħorġuh, bħalma huwa l-każ għall-finijiet tad-Deċiżjoni Qafas.

76.      Il-qrati tar-rinviju jibdew mill-premessa li l-Prosekutur Pubbliku Ġermaniż ma jistax joħroġ mandat ta’ arrest nazzjonali (46). Il-Gvern Ġermaniż ikkonferma dan espressament waqt is-seduta, meta insista li din hija setgħa esklużiva tal-qrati. Issa, għalkemm fil-Ġermanja l-Prosekutur Pubbliku ma jista’ la joħroġ mandat ta’ arrest Ewropew u lanqas jeżerċita funzjonijiet ġudizzjarji, ma narax kif jista’ jieħu deċiżjoni li l-konsegwenzi tagħha jistgħu, fl-Istat Membru tal-eżekuzzjoni, jinvolvu ċaħda sinjifikattiva tal-libertà tal-persuna rikjesta, li huwa l-każ tal-mandat ta’ arrest Ewropew. Ikun paradossali li kieku ma jistax jagħmel l-inqas (joħroġ mandat ta’ arrest nazzjonali għal perijodu qasir ta’ żmien) filwaqt li jista’ jagħmel l-iktar (joħroġ mandat ta’ arrest Ewropew li jista’ jwassal għal terminu ta’ detenzjoni ħafna itwal).

77.      Jekk, min-naħa l-oħra, u kif inhu l-każ fi Stati Membri oħra, il-Prosekutur Pubbliku Ġermaniż kien awtorizzat li jiddeċiedi l-arrest ta’ persuna biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali u suġġett għal ċerti limitazzjonijiet, li jmur lil hinn minn dawn il-limitazzjonijiet sabiex joħroġ mandat ta’ arrest Ewropew, dan kien ikun ifisser li l-Prosekutur Pubbliku jista’ jwettaq fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni iktar milli huwa permess lilu fl-Istat Membru emittenti.

78.      Fl-aħħar nett, u f’ordni differenti ta’ ideat, kif kelli l-opportunità li nesponi fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Özçelik (47) u li fakkart f’dawk ippreżentati fil-Kawża C‑509/18 (48), ix-xogħlijiet preparatorji għall-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas jidhru li jindikaw li x-xewqa tal-leġiżlatur kienet li jeskludi l-Prosekutur Pubbliku mill-kwalifika bħala awtorità ġudizzjarja fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni. Filwaqt li nirrikonoxxi l-konsistenza tal-argumenti ta’ dawk li jsostnu l-oppost (l-għajbien tar-riferiment għall-prosekutur pubbliku, li kien fih l-ewwel verżjoni tal-artikolu, jimplika estensjoni tal-kunċett “awtorità ġudizzjarja”), naħseb li huwa iktar raġonevoli li jiġi interpretat bħala restrizzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

D.      Il-garanzija tal-indipendenza

79.      Il-Gvern Ġermaniż argumenta li, għall-Qorti tal-Ġustizzja, il-kriterju determinanti ma huwiex daqstant dak tal-indipendenza totali tal-prosekutur pubbliku, iżda dak tal-affiljazzjoni tiegħu mal-poter ġudizzjarju (49). Fl-opinjoni tiegħu, l-indipendenza tal-Prosekutur Pubbliku ma għandhiex titħawwad mal-indipendenza tal-ġustizzja peress li, b’differenza minn dak li jiġri bl-attività tal-imħallef, dik tal-Prosekutur Pubbliku ma tirrikjedix separazzjoni sħiħa mill-attività tal-poter eżekuttiv, fis-sens li s-superviżjoni jew l-istruzzjonijiet ikunu pprojbiti (50).

80.      Ma naqbilx ma’ din l-analiżi.

81.      Bl-istess mod li, bħal sostnejt fil-konklużjonijiet fil-punt 34 tal-kawża Poltork (C‑452/16 PPU, EU:C:2016:782), “hemm rabta mill-qrib bejn in-natura ta’ deċiżjoni ġudizzjarja u l-kwalità ta’ awtorità ġudizzjarja li tirriżulta minnha”, hemm ukoll rabta mill-qrib bejn l-indipendenza ta’ awtorità u l-kwalità tad-deċiżjonijiet tagħha. Fi kliem ieħor, il-kwalità ġudizzjarja ta’ awtorità tiddependi fuq in-natura u l-portata tal-indipendenza tagħha.

82.      Inqis li l-livell rikjest ta’ indipendenza jiddependi fuq l-attività li għaliha qiegħda tintalab. L-indipendenza rikjesta mill-awtorità li toħroġ mandat ta’ arrest nazzjonali ma tistax tkun tant rigoruża daqs dik rikjesta minn korp ġudizzjarju, preċiżament minħabba li l-mandat ta’ arrest nazzjonali huwa fi kwalunkwe każ suġġett għal stħarriġ ġudizzjarju finali u immedjat.

83.      Il-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew jippreżumi l-iskattar ta’ proċedura li, kif diġà għidt, tista’ twassal għal intervent qawwi ħafna fil-qasam tal-libertà tal-persuna kkonċernata. L-istħarriġ ġudizzjarju li għandu jitwettaq fl-Istat Membru tal-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew ma jistax jilħaq il-livell ta’ immedjatezza, ta’ kompletezza u ta’ intensità li jistgħu jiġu attribwiti lill-imħallef emittenti fir-rigward tal-mandat ta’ arrest nazzjonali li huwa fl-oriġini tiegħu.

84.      L-indipendenza ta’ min joħroġ mandat ta’ arrest Ewropew għandha għaldaqstant tkun massima. Kif biss tista’ tkun dik ta’ korp ġudizzjarju f’sens strett (51). Għandu jkun hekk minħabba li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’ tapprova mandat ta’ arrest Ewropew biss jekk tkun toffri l-garanziji kollha ta’ deċiżjoni ġudizzjarja. Jiġifieri deċiżjoni mogħtija minn korp ġudizzjarju li, peress li huwa tali, jgawdi mill-indipendenza karatteristika — u esklużiva — tal-poter ġudizzjarju.

85.      Il-Qorti tal-Ġustizzja kienet partikolarment rigoruża meta ddeċidiet, fis-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja), li “mhux biss id-deċiżjoni dwar l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew iżda wkoll dik dwar il-ħruġ ta’ tali mandat għandhom jittieħdu minn awtorità ġudizzjarja li tissodisfa r-rekwiżiti inerenti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – fosthom il-garanzija ta’ indipendenza –” (52).

86.      Din l-istess sentenza fiha dikjarazzjonijiet ċari dwar l-indipendenza tal-awtoritajiet involuti fil-ħruġ u r-riċeviment tal-mandat ta’ arrest Ewropew:

–        “Il-livell għoli ta’ fiduċja bejn l-Istati Membri li fuqu huwa bbażat il-mekkaniżmu tal-mandat ta’ arrest Ewropew huwa għalhekk ibbażat fuq il-premessa li l-qrati kriminali tal-Istati Membri l-oħra, li, wara l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, ser ikollhom imexxu l-proċedura kriminali ta’ prosekuzzjoni jew ta’ eżekuzzjoni ta’ piena jew ta’ miżura ta’ sigurtà li jċaħħdu l-libertà kif ukoll il-proċedura kriminali fuq il-mertu, jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, li jinkludu, b’mod partikolari, l-indipendenza u l-imparzjalità tal-imsemmija qrati” (53).

–        “Issa, sabiex tiġi ggarantita din il-protezzjoni, il-ħarsien tal-indipendenza tal-imsemmija istanzi huwa primordjali, kif jikkonferma t-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, li jsemmi l-aċċess għal qorti ‘indipendenti2 fost ir-rekwiżiti marbuta mad-dritt fundamentali għal rimedju effettiv (sentenza tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses, C‑64/16, EU:C:2018:117, punt 41)”(54).

87.      B’hekk din l-indipendenza tal-awtorità nazzjonali li toroġ il-mandat ta’ arrest Ewropew tippresupponi, b’mod partikolari, li “l-istanza kkonċernata teżerċita l-attivitajiet ġudizzjarji tagħha b’awtonomija sħiħa, mingħajr ma tkun suġġetta għal ebda rabta ġerarkika jew ta’ subordinazzjoni fil-konfront ta’ xi ħadd u mingħajr ma tirċievi ordnijiet jew istruzzjonijiet minn kwalunkwe sors li jkun, u b’tali mod li b’hekk tkun protetta kontra l-interventi jew il-pressjonijiet esterni li jistgħu jippreġudikaw l-indipendenza tal-ġudizzju tal-membri tagħha u jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet tagħhom” (55).

88.      Dawn id-dikjarazzjonijiet, tant kategoriċi kif ukoll rilevanti għal sitwazzjonijiet fejn l-indipendenza ġudizzjarja tista’ tiġi pperikolata, ma jistgħux jitħallew fil-ġenb meta hemm deċiżjonijiet ġudizzjarji li jaffettwaw il-libertà tal-persuni. Ikun paradossali jekk, wara s-sentenzi reċenti mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-indipendenza ġudizzjarja, jitbaxxa l-livell rikjest, billi jiġi aċċettat bħala awtorità ġudizzjarja indipendenti korp li jista’ jkun obbligat isegwi istruzzjonijiet minn poteri oħra.

89.      Għall-Kummissjoni (56), ir-rekwiżit li min joħroġ mandat ta’ arrest Ewropew ma jkunx suġġett għal ordnijiet jew struzzjonijiet ma jirriżultax tant min-neċessità li tkun awtorità b’indipendenza ġudizzjarja (li fl-opinjoni tagħha ma tkunx parti mill-kunċett “awtorità ġudizzjarja” fid-Deċiżjoni Qafas), iżda mill-intenzjoni tal-leġiżlatur tad-Deċiżjoni Qafas li jneħħi l-element politiku mill-proċedura tal-mandat ta’ arrest Ewropew meta mqabbla mal-estradizzjoni klassika.

90.      Fil-fatt, id-Deċiżjoni Qafas għandha l-għan li tissostitwixxi s-sistema tradizzjonali ta’ estradizzjoni, ikkaratterizzata minn komponent politiku sinjifikattiv ta’ opportunità, b’sistema ta’ konsenja bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji, ibbażata fuq il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku u fuq livell għoli ta’ fiduċja bejn l-Istati Membri (57).

91.      Il-binomju awtorità ġudizzjarja/indipendenza jista’ jiġi sseparat biss f’dawk l-istadji tal-proċedura għall-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew fejn huma ssodisfatti l-garanziji mogħtija minn awtorità li, mingħajr ma tkun qorti, tista’ tiġi kkwalifikata bħala “awtorità ġudizzjarja” għar-raġunijiet esposti fil-punti 36 sa 50 ta’ dawn il-konklużjonijiet. F’dan il-każ, l-imparzjalità u l-oġġettività li jikkaratterizzaw il-Prosekutur Pubbliku huma biżżejjed.

92.      Madankollu, fir-rigward tal-adozzjoni ta’ miżuri li jista’ jkollhom impatt serju fuq il-libertà tal-persuni, il-proċedura għall-adozzjoni tagħhom tista’ tkun ta’ natura ġudizzjarja biss fis-sens proprju tal-kelma u konsegwentement tkun riżervata għall-poter ġudizzjarju, jiġifieri għal poter indipendenti sensu stricto.

93.      Fi kliem ieħor, “awtorità ġudizzjarja” hija ekwivalenti għal “poter ġudizzjarju” (jiġifieri poter indipendenti) fejn l-eżerċizzju tal-poter pubbliku jista’ jikkawża tali ħsara tant sinjifikattiva għal-libertà individwali bħal dik involuta fil-proċedura ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, li l-oriġini tiegħu hija neċessarjament l-awtorità ġudizzjarja li ħarġitu. Jekk dan il-kunċett jista’ jiġi estiż sabiex ikopri istituzzjonijiet oħra bħall-prosekutur pubbliku, dan ikun il-każ meta l-azzjoni tkun suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju relattivament immedjat, kif inhu l-każ għall-mandati ta’ arrest nazzjonali (iżda mhux meta jiġi adottat mandat ta’ arrest Ewropew).

94.      Il-natura ġudizzjarja tal-proċedura tad-Deċiżjoni Qafas, b’kuntrast man-natura politika tal-estradizzjoni klassika, timplika ġustament l-attribuzzjoni esklużiva tagħha, bħala prinċipju, għall-poter ġudizzjarju, li jimplika li din tiġi fdata, bid-definizzjoni tagħha, lil poter (radikalment) indipendenti (58). Din il-konstatazzjoni hija mingħajr preġudizzju li ċerti fażijiet tal-proċedura jistgħu jiġu fdati f’istituzzjonijiet oħra, dejjem b’riżerva ta’ stħarriġ ġudizzjarju. Dan ikun il-każ, pereżempju, tal-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest nazzjonali li għandu jippreċedi kwalunkwe mandat ta’ arrest Ewropew.

95.      Issa l-Gvern Ġermaniż jammetti apertament li, għalkemm hija prattika eċċezzjonali, il-Prosekutur Pubbliku jista’ jirċievi ordnijiet u struzzjonijiet mill-poter eżekuttiv (59). Din il-possibbiltà biss hija biżżejjed sabiex teskludi t-tgawdija tal-indipendenza ġudizzjarja, li hija kunċettwalment inkompatibbli ma’ kwalunkwe forma ta’ ordnijiet jew struzzjonijiet, kemm jekk ikunu teoretiċi jew eċċezzjonali, jew jekk jistgħu jkunu u jsegwu, jew le, proċeduri formalizzati għat-trasmissjoni tagħhom.

96.      L-indipendenza, kif diġa għidt, hija inkompatibbli ma’ kwalunkwe “rabta ġerarkika jew ta’ subordinazzjoni fil-konfront ta’ terzi”. Id-detenturi tal-poter ġudizzjarju huma wkoll indipendenti mill-istanzi ġudizzjarji superjuri, li, għalkemm jistgħu jirrevedu u jannullaw is-sentenzi tagħhom a posteriori, ma jistgħux, madankollu jimponu fuqhom kif għandhom jiddeċiedu.

97.      Għall-kuntrarju, l-istruttura ġerarkika tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku fil-Ġermanja tiżvela l-eżistenza ta’ subordinazzjoni bħal din: skont l-Artikolu 147 tal-GVG, il-Ministeru Federali għall-Ġustizzja jew l-ekwivalenti tiegħu fil-Länder jissorveljaw u jmexxu l-attività tal-prosekutur pubbliku, fuq il-livelli territorjali rispettivi tagħhom. L-uffiċjali għolja tal-Prosekutur Pubbliku mal-qrati superjuri u l-qrati reġjonali, min-naħa l-oħra, jissorveljaw u jmexxu l-attività tal-uffiċjali fil-livelli inferjuri (60).

98.      Kif ġie kkonstatat waqt is-seduta, hemm differenzi kbar bejn il-Länder dwar il-politika istituzzjonali li tirregola l-prosekutur pubbliku. Flimkien mal-Länder fejn l-istruzzjonijiet lill-Prosekutur Pubbliku jistgħu jsiru biss bil-miktub u huma pubbliċi, f’oħrajn isiru b’mod orali. Barra minn hekk, hemm ukoll Länder li li pproponew li qatt ma jagħmlu użu minn din il-fakultà.

99.      Din id-diversità tirrifletti dik li teżisti bejn l-Istati Membri differenti f’dak li jirrigwarda l-awtonomija istituzzjonali u funzjonali tal-prosekutur pubbliku. Għalkemm żviluppajt dan il-punt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża C‑509/18 (61), id-disparità bejn is-sistemi tobbliga lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li tiddetermina f’kull każ, skont l-Istat Membru tal-ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew, il-grad ta’ indipendenza tal-Prosekutur Pubbliku emittenti. B’mod partikolari, għandu jiġi żgurat jekk ikunx possibbli li jingħataw struzzjonijiet mill-Ministeru għall-Ġustizzja u jekk din il-fakultà ntużatx fil-mandat ta’ arrest Ewropew li konkretament għandu konjizzjoni tiegħu. Il-konsegwenza inevitabbli tkun id-dewmien sistematiku fil-proċedura għall-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew (bil-possibbiltà ta’ impatt fuq iż-żmien ta’ ċaħda tal-libertà tal-persuna detenuta) u ż-żieda ta’ proċedura li tmur kontra s-simplifikazzjoni li l-leġiżlatur xtaq jagħti lil dan il-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja.

V.      Konklużjoni

100. Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha twieġeb lis-Supreme Court (il-Qorti Suprema, l-Irlanda) u lill-High Court (il-Qorti Superjuri, l-Irlanda) kif ġej:

“L-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni kwadru [Qafas] tal-Kunsill 2002/584/JHA tat‑13 ta’ Ġunju 2002 fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ ċediment [konsenja] bejn l-Istati Membri dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI, tas‑26 ta’ Frar 2009, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ ‘awtorità ġudizzjarja emittenti’, previst f’din id-dispożizzjoni ma jinkludix l-istituzzjoni tal-prosekutur pubbliku”.


1      Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.


2      C‑453/16 PPU, EU:C:2016:783, punt 45.


3      Id-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tal-Kunsill tat‑13 ta’ Ġunju 2002 fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ ċediment bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34), fil-verżjoni tagħha kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas‑26 ta’ Frar 2009 (ĠU 2009, L 81, p. 24) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Qafas”).


4      Il-liġi Ġermaniża dwar l-organizzazzjoni ġudizzjarja (iktar ’il quddiem il-“GVG”).


5      Sentenza tat‑13 ta’ Mejju 2012, [2012] UKSC 22.


6      Sabiex insemmi test klassiku fost diversi, Simon, D., Die Undabhängigkeit des Richters, WBG, Darmstadt, 1975.


7      Li tkun indipendenti ma huwiex ekwivalenti għal li wieħed sempliċement jaġixxi b’mod oġġettiv jew b’mod mhux arbitrarju. Awtoritajiet pubbliċi oħra, bħall-amministrazzjoni, għandhom ukoll jikkonformaw mal-prinċipji ta’ oġġettività u imparzjalità, mingħajr ma tista’ tingħatalhom il-karatteristika tal-indipendenza. Din tal-aħħar hija l-garanzija istituzzjonali proprja li tippermetti lill-poter ġudizzjarju li taġixxi esklużivament suġġetta għal-liġi. L-indipendenza ġudizzjarja ma hijiex komparabbli mal-istatus ta’ istituzzjonijiet oħra li għandhom jirrikonċiljaw l-attivitajiet tagħhom fil-kuntest tad-drittt suġġetti għad-direzzjoni politika tal-gvern leġittimu, li hija parti integrali mill-funzjonament tal-Istat demokratiku.


8      Sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2016, Poltorak (C‑452/16 PPU, EU:C:2016:858, punt 32).


9      Sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2016, Poltorak (C‑452/16 PPU, EU:C:2016:858, punt 31). Dan kollu għar-raġunijiet esposti fil-punti 24 sa 30 ta’ dik is-sentenza.


10      Sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2016, Poltorak (C‑452/16 PPU, EU:C:2016:858, punt 33) u s-sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2016, Kovalkovas (C‑477/16 PPU, EU:C:2016:861, punt 34).


11      Sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2016, Poltorak (C‑452/16 PPU, EU:C:2016:858, punt 35).


12      Sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2016, Kovalkovas (C‑477/16 PPU, EU:C:2016:861, punt 35).


13      Għaldaqstant il-Qorti tal-Ġustizzja tirreferi għall-kuntest li fih jinsab l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas u l-għanijiet ta’ din tal-aħħar. Dawn huma ż-żewġ mudelli ta’ interpretazzjoni li, mal-interpretazzjoni litterali, spiss jitqiesu sabiex jiġi interpretat id-dritt tal-Unjoni. Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ April 2018, Egenberger (C‑414/16, EU:C:2018:257, punt 45).


14      Sentenzi tal‑10 ta’ Novembru 2016, Poltorak (C‑452/16 PPU, EU:C:2016:858, punt 35), tal‑10 ta’ Novembru 2016, Kovalkovas (C‑477/16 PPU, EU:C:2016:861, punt 36).


15      Sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2016, Kovalkovas (C‑477/16 PPU, EU:C:2016:861, punt 37).


16      Sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2016, Poltorak (C‑452/16 PPU, EU:C:2016:858, punt 45).


17      Sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2016, Kovalkovas (C‑477/16 PPU, EU:C:2016:861, punt 43).


18      Hekk enfasizzat il-Kummissjoni fil-punt 28 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha fil-Kawża C‑508/18. Barra minn hekk, il-Gvern Franċiż, fil-punt 25 tal-osservazzjonijiet tiegħu fl-istess kawża, u l-Gvern Ungeriż jenfasizzaw, preċiżament, ir-rwol tal-Prosekutur Pubbliku fl-istruttura tas-sistema ġudizzjarja (punt 26 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Ungeriż).


19      Konklużjoni tal-Avukat Ġenerali Campos Sánchez-Bordon fil-kawża Özçelik (C‑453/16 PPU, EU:C:2016:783, punt 52).


20      Direttiva 2014/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑3 ta’ April 2014 dwar l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropew f’materji kriminali (ĠU 2014, L 130, p. 1, Rettifika fil-ĠU 2015, L 143, p. 16). Il-Gvern Awstrijak u dak Pollakk jirreferu għal din id-direttiva fl-osservazzjonijiet tagħhom fil-Kawża C‑508/18 (rispettivament fil-punti 35 u 17).


21      L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2014/41 jiddefinixxi l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropew f’materji kriminali bħala “[…] deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa jew validata minn awtorità ġudizzjarja ta’ Stat Membru (‘l-Istat emittenti’) sabiex waħda jew aktar miżuri investigattivi speċifiċi jiġu eżegwiti fi Stat Membru ieħor (‘l-Istat ta’ eżekuzzjoni’) bil-ħsieb li jinkisbu provi f’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva.” Skont l-Artikolu 2(c)(i) ta’ din id-direttiva “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva […] awtorità emittenti tfisser […] imħallef, qorti, imħallef inkwirenti jew prosekutur pubbliku kompetenti fil-każ ikkonċernat” (korsiv miżjud).


22      Direttiva (UE) 2016/800 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Mejju 2016 dwar il-garanziji proċedurali għal tfal li huma suspettati jew li huma persuni akkużati fi proċedimenti kriminali (ĠU 2016, L 132, p. 1).


23      Din il-premessa taqra’ kif ġej: “Id-detenzjoni tat-tfal għandha tkun soġġetta għal rieżami perjodiku minn qorti, li tista’ tkun komposta minn imħallef li jippresjiedi waħdu. Għandu jkun possibbli li tali rieżami perjodiku jitwettaq ex officio mill-qorti, jew fuq talba tat-tifel, tal-avukat tat-tifel jew ta’ awtorità ġudizzjarja li mhix qorti, b’mod partikolari prosekutur” (korsiv miżjud).


24      Konklużjoni tal-Avukat Ġenerali Campos Sánchez-Bordona fil-kawża Özçelik (C‑453/16 PPU, EU:C:2016:783, punt 51).


25      Idem.


26      Ara pereżempju l-punt 26 tal-osservazzjoniiet bil-miktub tal-Gvern Ungeriż.


27      Sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2016, C‑453/16 PPU, EU:C:2016:860, iktar ’il quddiem, ukoll is-sentenza Özçelik.


28      Il-Qorti tal-Ġustizzja assumiet li, kif indikajt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Poltorak (C‑452/16 PPU, EU:C:2016:782, punt 34), “hemm rabta mill-qrib bejn in-natura ta’ deċiżjoni ġudizzjarja u l-kwalità ta’ awtorità ġudizzjarja li tirriżulta minnha”.


29      Sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2016, Özçelik (C‑453/16 PPU, EU:C:2016:860, punt 32).


30      Sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2016, Poltorak (C‑452/16 PPU, EU:C:2016:858, punt 38).


31      Sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2016, Poltorak (C‑452/16 PPU, EU:C:2016:858, punt 34)


32      U l-“korp tal-poter eżekuttiv ta’ Stat Membru, bħal ministeru”, kif iddikjarat fis-sentenza Kovalkovas (punt 35).


33      Il-Gvern Ġermaniż, madankollu, fil-punt 76 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu ppreżentati fil-Kawża C‑508/18 jinterpreta s-sentenza Özçelik b’mod li qalet impliċitament li l-Prosekutur Pubbliku huwa awtorità ġudizzjarja fis-sens tad-Deċiżjoni Qafas (kollha). Bl-istess mod esprima ruħu l-Gvern Olandiż fil-punt 14 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu fil-Kawża C‑508/18. Għal opinjoni kritika ħafna dwar din il-possibbiltà ara Rodríguez-Piñero M., u Bravo-Ferrer: “Resolución judicial y autoridad judicial en la orden de detención europea”, Diario La Ley, Nru 8876, 2016.


34      Xi wħud mill-partijiet involuti f’din il-proċedura għal deċiżjoni preliminari wettqu qari tal-konklużjonijiet li ppreżentajt fil-kawża Özçelik li ma kinitx taqbel mal-kontenut veru tagħhom.


35      Sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2016, Özçelik (C‑453/16 PPU, EU:C:2016:860, punt 36).


36      Dawn il-kundizzjonijiet, li għalihom irreferejt fil-punt 56 tal-konklużjonijiet Özçelik ser jiġu sostanzjalment estiżi għall-Istati Membri kollha.


37      Sentenza tal‑1 ta’ Ġunju 2016, Bob-Dogi (C‑241/15, EU:C:2016:385, punt 55).


38      Idem, punt 56.


39      Jekk il-persuna kkonċernata ma tagħtix il-kunsens tagħha għall-konsenja, tista’ tkompli tiġi mċaħħda mil-libertà sa sittin jum wara li tiġi arrestata (Artikolu 17(3) tad-Deċiżjoni Qafas), li jista’ jiġi estiż bi tletin jum addizzjonali (Artikolu 17(4) tad-Deċiżjoni Qafas). Ma’ dak iż-żmien, għandu jiżdied it-terminu ta’ għaxart ijiem sabiex jingħata titwwettaq il-konsenja mid-data tad-deċiżjoni finali tal-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew (Artikolu 23(2) tad-Deċiżjoni Qafas), li jista’ jiġi estiż b’mhux iktar minn għoxrin jum (Artikolu 23(3) u (4) tad-Deċiżjoni Qafas).


40      Punt 30 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu fil-Kawża C‑508/18. Partijiet oħra ddefendew l-istess pożizzjoni matul is-seduta.


41      L-Artikolu 12 tad-Deċiżjoni Qafas. Skont ma qalet is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑12 ta’ Frar 2019, TC (C‑492/18 PPU, EU:C:2019:108, punt 46: “minkejja li l-Artikolu 12 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jammetti l-possibbiltà, taħt ċerti kundizzjonijiet, ta’ ħelsien provviżorju tal-persuna arrestata fuq il-bażi ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, la din id-dispożizzjoni u lanqas dispożizzjoni oħra ta’ din id-deċiżjoni qafas ma tipprevedi li, wara l-iskadenza tat-termini previsti fl-Artikolu 17 tagħha, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tkun obbligata tipproċedi għal tali ħelsien provviżorju jew, a fortiori, għal ħelsien pur u sempliċi ta’ din il-persuna”, għax dan “[inkella] jista’ jillimita l-effettività tas-sistema ta’ konsenja stabbilita minn din id-deċiżjoni qafas u, b’hekk, ikun ta’ ostakolu biex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija minnha” (punt 47).


42      Din hija l-fiduċja (il-premessa 10 tad-Deċiżjoni Qafas) li hija bbażata fuq il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku “fundamentali” tal-kooperazzjoni ġudizzjarja (premessa 6 tad-Deċiżjoni Qafas).


43      Ma humiex fis-sens li l-poter ġudizzjarju biss tista’ tkun. Niżviluppa dan il-punt ukoll fil-konklużjonijiet tal-Kawża C‑509/18 li jien qed nippreżenta ukoll fl-istess data. Ara, f’dan ir-rigward, il-punti 73 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.


44      Ara, f’dan is-sens, de Otto, I., Estudios sobre el Poder Judicial, Obras completas, Universidad de Oviedo u CEPC, Madrid, 2010, u Requejo Pagés, J.L., Jurisdicción e independencia judicial, CEPC, Madrid, 1989.


45      Bħal fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Poltorak (C‑452/16 PPU, EU:C:2016:782), nota 21, nirreferi għall-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot dwar il-proporzjonalità fil-kuntest tal-mandat ta’ arrest Ewropew fil-kawża Aranyosi u Căldăraru (C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:2016:140), b’mod partikolari fir-rigward tal-awtorità ġudizzjarja emittenti, fil-punti 145 sa 155.


46      Hekk issostni s-Supreme Court (il-Qorti Suprema) fil-punt 4.3 tad-digriet tar-rinviju, u ċċitat l-Artikoli 150 u 151 tal-GVG.


47      Kawża C‑453/16 PPU (EU:2016:783, punti 39 sa 42).


48      Kawża Minister for Justice and Equality u P.F., C‑508/18 u C‑509/18.


49      Punt 95 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu fil-Kawża C‑508/18.


50      Idem, punt 97.


51      L-indipendenza tal-poter ġudizzjarju hija, bħall-qorti stess, fis-servizz esklużiv tal-integrità tal-ordinament ġuridiku. Dwar l-indipendenza marbuta ma’ istituzzjonijiet oħra, din għandha tkun akkumpanjata mill-garanzija ta’ interessi speċifiċi, bħad-difiża tal-legalità jew l-oġġettività tal-azzjoni amministrattiva. L-interessi speċifiċi li jistgħu jiġu segwiti esklużivament b’mod leġittimu fil-kuntest tal-ordinament ġuridiku, iżda li ma għandhomx l-għan proprju u esklużiv li jiddefendu dan tal-aħħar. Għalkemm għal dawk l-interessi speċifiċi l-ordinament ġuridiku huwa l-mezz li bih għandhom jitwettqu, għall-interess li jservi l-qrati l-ordinament ġuridiku huwa l-uniku għan rilevanti u għalhekk il-preservazzjoni tiegħu teħtieġ indipendenza li ma tippermetti la eċċezzjonijiet u lanqas sfumaturi.


52      Sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġufizzjarja) (Kawża C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 56).


53      Idem, punt 58.


54      Idem, punt 53.


55      Idem, punt 63. Il-korsiv ma jinsabx fl-oriġinal.


56      Punt 38 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni fil-Kawża C‑82/19 PPU.


57      Fuq livell ġenerali, ara s-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, Lanigan (C‑237/15 PPU, EU:C:2015:474, punt 27).


58      Fil-punt 73, nota 53, tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Generalstaatsanwaltschaft (Kundizzjonijiet ta’ arrest fl-Ungerija) (C‑220/18 PPU, EU:C:2018:547), enfasizzajt li s-sistema ta’ konsenja Ġermaniża tidher ispirata “mill-istess proċedura u l-istess prinċipji li jirregolaw l-estradizzjoni. Kif diġà ġie enfasizzat f’rapport tal-31 ta’ Marzu 2009, ippreżentat mill-Kunsill lill-Istati Membri wara r-raba’ sessjoni ta’ evalwazzjonijiet reċiproċi dwar l-applikazzjoni prattika tal-MAE, id-dispożizzjonijiet tal-IRG f’dan il-qasam, anki wara r-riforma tal-2006 ‘ma jgħinux sabiex tinftiehem li l-konsenja fuq il-bażi ta’ MAE ma hijiex biss varjazzjoni kemxejn differenti ta’ estradizzjoni klassika, iżda forma ġdida ta’ għajnuna bbażata fuq prinċipji kompletament differenti […] F’din is-sitwazzjoni, l-esperti jqisu li hemm riskju li l-awtoritajiet ġudizzjarji [Ġermaniżi] jirrikorru għal-leġiżlazzjoni u l-ġurisprudenza dwar l-estradizzjoni […]’ (ST 7058 2009 REV 2, tal-31 ta’ April 2009, Evaluation report on the fourth round of mutual evaluations “The practical application of the European arrest warrant and corresponding surrender procedures between Member States”, report on Germany, p. 35)”.


59      Din il-possibbiltà teoretika mhux biss tirriżulta mir-relazzjoni istituzzjonali bejn il-Ministeru għall-Ġustizzja u l-prosekutur pubbliku, iżda b’mod iktar partikolari mill-fatt li, skont id-dritt Ġermaniż, il-Prosekutur Pubbliku qed jaġixxi, f’dan il-qasam, b’delega mill-Ministeru għall-Ġustizzja (jew l-ekwivalenti tagħhom fil-Länder). Fil-fatt, kif fakkart fil-punt 73, nota 52 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Generalstaatsanwaltschaft (Kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-Ungerija), C‑220/18 PPU, EU:C:2018:547), “Skont in-nota mibgħuta mill-Gvern Ġermaniż lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, fis‑7 ta’ Awwissu 2006 (ST 12509 2006 INIT, tas‑7 ta’ Settembru 2006), ‘l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti skont l-Artikolu 6 [tad-Deċiżjoni Kwadru] huma l-Ministeri tal-Ġustizzja tal-Federazzjoni u tal-Istati Federali (Länder).” Dan huwa dak li jikkonferma l-punt 2.7 tad-digriet tar-rinviju.


60      Waqt is-seduta kien hemm dibattitu dwar il-possibbiltà li l-Prosekutur Pubbliku li ma jikkonformax mal-istruzzjonijiet jista’ jiġi eskluż mit-tilwima jew ikun espost għal konsegwenzi negattivi għall-karriera tiegħu fil-futur. Fuq dan l-aspett hemm ċerta kontroversja fl-ambjenti ġudizzjarji Ġermaniżi.


61      Kawża Minister for Justice and Equality u P.F., C‑509/18), punti 32 sa 35